SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ April 2016 ( *1 )

“Appell — Miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran — Lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi — Kriterju bbażat fuq appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju lill-Gvern tal-Iran — Servizzi finanzjarji ta’ bank ċentrali”

Fil-Kawża C‑266/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2015,

Central Bank of Iran, stabbilit f’Téhéran (Iran), irrappreżentat minn M. Lester u Z. Al-Rikabi, barristers,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Central Bank of Iran (Bank Ċentrali tal-Iran), jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2015 (T‑563/12, EU:T:2015:187, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

Il-kuntest ġuridiku

2

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), fejn l-Anness II jelenka l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet – minbarra dawk magħżula mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit permezz tar-Reżoluzzjoni 1737 (2006) [RCSNU 1737 (2006)], imsemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni – fejn l-assi huma ffriżati.

3

Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 22). Skont il-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, “[ir-]restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal aktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b’mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran”.

4

L-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35 iżid il-punt li ġej mal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi li huma l-proprjetà tal-persuni u tal-entitajiet li ġejjin:

“c)

persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.”

5

L-Artikolu 1(8)(a) tad-Deċiżjoni 2012/635 emenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi għalhekk li dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi:

“c)

persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II”.

6

Permezz tad-deċiżjoni 2012/35, l-isem tal-appellant tniżżel fil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, minħabba li kien implikat f’attivitajiet intiżi li jaħarbu mis-sanzjonijiet. Għall-istess motiv, l-isem tal-appellant tniżżel fil-lista li tidher fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 1).

7

Permezz tad-Deċiżjoni 2012/635, il-motiv għall-elenkar ta’ ismu fil-lista kien ikkompletat permezz tal-frażi li ġejja:

“Jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.”

8

Il-Kunsill adotta, fit-23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament (UE) Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). L-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi l-iffriżar ta’ fondi tal-persuni, tal-entitajiet, tal-korpi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li:

“d)

huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom.”

9

Permezz tar-Regolament Nru 945/2012, il-motiv għall-elenkar ta’ isem l-appellant fil-lista li tidher fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, ġie kkompletat permezz tal-frażi li ġejja:

“Jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2012, Central Bank of Iran ippreżenta rikors intiż għall-annullament tal-atti kkontestati, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi tal-entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi.

11

Central Bank of Iran kien invoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tiegħu. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, it-tieni motiv fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet motiv kien jirrigwarda ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv kien jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu.

12

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

13

Central Bank of Iran jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn l-atti jirrigwardawh, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appellant kemm fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

14

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

15

Insostenn tal-appell tiegħu, Central Bank of Iran invoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju bbażat fuq żball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-Kunsill ġustament ikkonkluda li l-appellant kien ipprovda “appoġġ finanzjarju” lill-Gvern tal-Iran. It-tieni aggravju jirrigwarda żball allegat ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur allegat tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u fl-aħħar nett, ir-raba’ aggravju jirrigwarda ksur allegat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-appellant, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu.

16

Hemm lok li l-ewwel u qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni aggravju u wara, it-tielet, sussegwentement l-ewwel u r-raba’ aggravji.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi tal-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-obbligu ta ’ motivazzjoni tal-Kunsill

Sentenza appellata

17

Fil-punti 53 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni. Sussegwentement, hija, fil-punti 59 u segwenti ta’ din is-sentenza, eżaminat il-motivi li jidhru fl-atti kkontestati dwar il-kriterji ta’ elenkar ta’ isem l-appellant fil-lista previsti fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (d) tar-Regolament Nru 267/2012, u fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/635.

18

Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat “li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti [kkontestati] tista’ tiġi evalwata biss f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi u dak tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, li għalihom il-Kunsill jirreferi impliċitament, iżda neċessarjament, fl-imsemmija atti.” Hija madankollu qieset, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn l-atti kkontestati kienu bbażati fuq il-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi, il-motivazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi indikat li l-appellant kien “involut f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet”, kienet insuffiċjenti, sa fejn din il-motivazzjoni kienet tidher bħala li hija sempliċi riproduzzjoni tal-kriterju nnifsu u ma tinkludi l-ebda element li jispeċifika r-raġunijiet għalfejn dan il-kriterju huwa applikabbli għall-appellant. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li motivazzjoni impliċita ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni espliċita f’dak li jirrigwarda l-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi.

19

Fl-eżaminazzjoni tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni skont liema l-appellant “jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” kienet biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill, peress li l-appellant seta’ jifhem li l-Kunsill kien qed jirreferi għas-servizzi finanzjarji li huwa kien jipprovdi, bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Gvern tal-Iran. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellant u, b’mod partikolari, fuq ix-xhieda tal-Viċi Gvernatur għall-Kambju ta’ dan il-bank, annessa mill-appellant mal-appell tiegħu, skont liema dan tal-aħħar kien jipprovdi servizzi lill-Gvern, li huwa wieħed mill-klijenti tiegħu. Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għall-Artikoli 12 u 13 tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran, li tistabbilixxi ċerti funzjonijiet u ċerti setgħat tal-appellant, bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

L-argumenti tal-partijiet

20

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, Central Bank of Iran isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill kien osserva l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

21

Huwa jikkritika b’mod partikolari l-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa seta’ jifhem li l-Kunsill kien qed jirreferi għas-servizzi finanzjarji li huwa kien jipprovdi għall-Gvern tal-Iran bħala bank ċentrali u li ma kienx neċessarju li jiġu speċifikati dawn il-funzjonijiet u dawn is-setgħat “sa fejn dawn huma stabbiliti permezz ta’ liġijiet aċċessibbli pubblikament li għaldaqstant, jistgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd”.

22

Central Bank of Iran isostni li l-eżistenza tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran, li tistabbilixxi l-funzjonijiet u s-setgħat tiegħu bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ma tiċċarax dak li ried ifisser il-Kunsill b’“appoġġ finanzjarju” fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. L-appellant ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi jekk il-Kunsill kienx iqis li huwa jipprovdi fondi kunsiderevoli lill-Gvern jew jekk il-Kunsill kienx jibbaża ruħu fuq il-fatt li huwa jirregola l-politika monetarja jew jekk huwa għandux kontijiet f’isem il-Gvern tal-Iran u kienx iwettaq servizzi oħra ta’ bank ċentrali ta’ din in-natura. Huwa jsostni li kienet ir-responsabbiltà tal-Kunsill li jindika preċiżament is-servizzi li huwa jqis li għandhom importanza kwalitattiva u kwantitattiva meħtieġa sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “appoġġ lill-Gvern tal-Iran”, fis-sens tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, EU:T:2014:678, punt 119), fatt li huwa ma wettaqx. Il-Kunsill ma invokax assolutament l-Artikoli 12 u 13 tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran meta huwa ħa id-deċiżjoni li jżomm lill-appellant fuq il-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi, għalkemm il-funzjonijiet tal-appellant previsti mil-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran kienu jikkostitwixxu motiv ġdid li ma kienx jidher fl-atti kkontestati.

23

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tas-Central Bank of Iran.

Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Kif fakkret il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 53 sa 58 tas-sentenza appellata, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest ta’ dan l-att kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw din il-kwistjoni, għalkemm att li jikkawża preġudizzju huwa motivat suffiċjentement peress li huwa intervjena f’kuntest magħruf mill-persuna interessata, li jippermettilha tifhem il-miżura meħuda fil-konfronti tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54).

25

Għalhekk, huwa mingħajr twettiq ta’ żbalji ta’ liġi li, filwaqt li tirreferi għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li huma aċċessibbli pubblikament, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati li permezz tagħhom il-Kunsill espona li l-appellant “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” tirreferi, impliċitament, iżda neċessarjament, għall-funzjonijiet u għas-setgħat ta’ dan tal-aħħar, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif huma ddefiniti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran, b’mod partikolari fl-Artikoli 12 u 13 tal-istess liġi.

26

Għalhekk ġustament, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-Kunsill ma kienx marbut jagħti motivazzjoni espliċita rigward is-servizzi finanzjarji u, għalhekk, dwar ir-riżorsi jew dwar il-faċilitajiet finanzjarji li r-rikorrent allegatament ipprovda lill-Gvern tal-Iran”.

27

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju ma huwiex fondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Sentenza appellata

28

Wara li, fil-punti 92 sa 94 tas-sentenza appellata, hija fakkret il-ġurisprudenza dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 95 u 98 ta’ din is-sentenza, li, fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill kien ikkomunika individwalment lill-appellant il-motivazzjoni tal-atti kkontestati li permezz tagħha huwa indika li l-bank kien “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, u li l-appellant seta’ jikkontesta din il-motivazzjoni u l-provi li fuqhom kienet ibbażata qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

29

Fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li “l-Kunsill ma kellux, f’dan il-każ, l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent l-provi dokumentali li fuqhom kienet ibbażata din il-motivazzjoni, sa fejn dawn il-provi, li kienu jirrigwardaw is-servizzi finanzjarji pprovduti preċiżament mir-rikorrent lill-Gvern tal-Iran, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, setgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd u inklużi impliċitament fil-motivazzjoni tal-atti [kkontestati] fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li “d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kif ukoll id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv [kienu] ġew irrispettati”.

L-argumenti tal-partijiet

30

Permezz tat-tielet aggravju, Central Bank of Iran isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li d-drittijiet tiegħu tad-difiża kienu ġew irrispettati. Huwa jsostni li l-Kunsill ma kienx ikkomunikalu l-ebda prova minn qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati dwar d-deċiżjoni tiegħu li jżommu elenkat fil-listi tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi. Kien bi żball li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill seta’ jikkompleta l-motivi li jżommu elenkat lill-appellant fil-listi inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni fatturi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran li ma kinux manifestament imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati u ma kinux ġew ikkomunikati lill-appellant qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. L-appellant ma kienx jaf bl-argumenti mqajma kontra tiegħu u ma setax jippreżenta motivi tad-difiża adegwati. Kien biss matul is-seduta li l-appellant kellu l-possibbiltà, għall-ewwel darba, li jirrispondi għall-allegazzjoni skont liema huwa pprovda fondi lill-Gvern tal-Iran.

31

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tas-Central Bank of Iran.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill ma huwiex marbut li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata l-motivi li fuqhom din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni ta’ isem din il-persuna jew entità fil-lista, filwaqt li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti li permezz tagħha jinżamm l-isem ta’ din il-persuna jew entità, għandha, bħala prinċipju, tkun preċeduta minn komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontriha kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-imsemmija persuna jew entità li tinstema’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punti 61 u 62).

33

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna jew entità f’lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità li tinstema’ minn qabel meta huwa jikkunsidra kontriha, fid-deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista, provi ġodda, jiġifieri provi li ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’din il-lista (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26).

34

Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, fakkret din il-ġurisprudenza.

35

Hija sussegwentement ikkonstatat fil-punti 95 u 98 tal-imsemmija sentenza li, fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill ikkomunika lis-Central Bank of Iran il-motiv il-ġdid skont liema dan tal-aħħar “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” u li, fis-7 ta’ Ottubru 2012, Central Bank of Iran ikkontesta dan il-motiv.

36

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill tal-provi li fuqhom huwa jqis li s-Central Bank of Iran kien jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, ma setgħatx tippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ dan il-bank.

37

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, ir-rwol tal-appellant bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernawh jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu kuntest magħruf tal-appellant, għalhekk il-Qorti Ġenerali setgħat tqis ġustament li l-Kunsill ma kienx obbligat li jipprovdi motivazzjoni espliċita dwar is-servizz finanzjarji u, għalhekk, dwar ir-riżorsi jew il-faċilitajiet finanzjarji li l-appellant kien ipprovda lill-Gvern tal-Iran.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant li, fir-rigward tal-provi magħrufa dwar dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma kellux għalfejn jipprovdi provi dokumentarji jew provi f’dan ir-rigward.

39

Konsegwentement, it-tielet aggravju ma huwiex fondat.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-Kunsill ġustament ikkonkluda li l-appellant ipprovda “appoġġ finanzjarju ” lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Sentenza appellata

40

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li huwa fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, skont liema l-appellant “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, li kien hemm lok li tiġi evalwata l-legalità tal-imsemmija atti. Fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, il-funzjonijiet u s-setgħat tal-appellant, bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif inhuma ddefiniti fl-Artikoli 12 u 13 tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran. Wara eżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 108 tal-imsemmija sentenza, li “[kien] evidenti li r-rikorrent [ipprovda] lill-Gvern tal-Iran servizzi finanzjarji li [setgħu], minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jinkoraġġixxu l-proliferazzjoni nukleari, billi jagħtu lil dan il-Gvern appoġġ, taħt il-forma ta’ riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika, li jippermettulu jsegwi l-imsemmija proliferazzjoni”. Fil-punt 111 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li l-Kunsill ma kienx wettaq żball ta’ evalwazzjoni.

L-argumenti tal-partijiet

41

Permezz tal-ewwel aggravju, Central Bank of Iran isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kunsill kien korrettament eżamina l-kwistjoni li jsir magħruf jekk xi waħda mill-kriterji għall-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi tal-atti kkontestati kinitx issodisfatta. Wara analiżi tal-Artikoli 12 u 13 tal-liġi monetarja u finanzjarja tal-Iran, huwa jsostni li s-servizzi li huwa jipprovdi, bħala bank ċentrali, bħaż-żamma tal-kontijiet u t-tranżazzjonijiet tat-tpaċija, ma kinux jikkostitwixxu “appoġġ finanzjarju” lill-Gvern tal-Iran, fis-sens tal-Artikolu 23(2)(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, jiġifieri appoġġ finanzjarju ta’ importanza kwalitattiva u kwantitattiva tali li tippermetti lill-Gvern tal-Iran li jsegwi programm nukleari (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, EU:T:2014:678, punt 119).

42

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Hemm lok jitfakkar li l-kriterju tal-“appoġġ lill-Gvern tal-Iran”, li jissemma’ fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/635, u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, jirrigwarda appoġġ li jista’ jkun materjali, loġistiku jew finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 79).

44

L-għan taż-żieda ta’ dan il-kriterju kien li jkopri l-attivitajiet relatati mal-persuna jew l-entità kkonċernata u li, anki jekk huma, bħala tali, ma għandhomx rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, madankollu għandhom mnejn jiffavorixxu lil din tal-aħħar, billi jipprovdu lill-Gvern tal-Iran riżorsi jew faċilitajiet ta’ tip materjali, finanzjarju jew loġistiku li jippermettilu jsegwi l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 80 u 81).

45

Kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 108 tas-sentenza appellata, l-appellant kien jipprovdi lill-Gvern tal-Iran servizzi finanzjarji li kienu jistgħu, minħabba l-importanza kwantitattiva u kwalitattiva tagħhom, jiffavorixxu l-proliferazzjoni nukleari, billi jipprovdu lil dan il-gvern appoġġ, taħt il-forma ta’ riżorsi jew ta’ faċilitajiet ta’ tip materjali, finanzjarju u loġistiku, li jippermettilu li jsegwi l-imsemmija proliferazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 83). Fil-fatt, servizzi bħaż-żamma ta’ kontijiet, l-eżekuzzjoni u l-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji jew ix-xiri u l-bejgħ ta’ bonds, jikkostitwixxu appoġġ kemm materjali, kif ukoll loġistiku u finanzjarju lil dan l-Istat u, konsegwentement, appoġġ lill-Gvern ta’ dan l-Istat.

46

Għalhekk, ġustament il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li ma huwiex tant importanti li l-appellant ikkontesta l-fatt li qiegħed ir-riżorsi finanzjarji proprji tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Gvern tal-Iran, peress li huwa dejjem ammetta li jipprovdi lil dan tal-aħħar is-servizzi li kull bank ċentrali ta’ Stat jipprovdi lill-Gvern tal-imsemmi Stat.

47

Huwa għalhekk mingħajr twettiq ta’ żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ ġustament jikkonkludi li l-appellant “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, hekk li l-kriterju, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/635 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, kien f’dan il-każ issodisfatt.

48

Konsegwentement, l-ewwel aggravju tal-appell huwa infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, tad-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tal-appellant

Sentenza appellata

49

Fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-inkonvenjenzi kkawżati lill-appellant mill-atti kkontestati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għan ta’ żamma tal-paċi u ta-sigurtà internazzjonali segwit permezz ta’ dawn tal-aħħar. Hija barra minn hekk osservat, fl-istess punt, li, l-atti kkontestati jirrigwardaw parti biss mill-assi tal-appellant, jeżistu possibbiltajiet ta’ rilaxx ta’ fondi ffriżati f’ċertu ċirkustanzi u l-Kunsill ma jallegax li l-appellant huwa involut huwa nnifsu fil-proliferazzjoni nukleari.

L-argumenti tal-partijiet

50

Permezz tar-raba’ aggravju, Central Bank of Iran isostni li l-Qorti ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-aggravju tal-appellant skont liema l-Kunsill kien kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tal-appellant, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami xieraq tal-kwistjoni jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi kontra s-Central Bank of Iran tikkostitwixxix indħil illegali u sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali tal-appellant li huma d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-reputazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-miżuri kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti.

51

Central Bank of Iran jikkritika b’mod partikolari l-punt 119 tas-sentenza appellata. Huwa jenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi negattivi tal-miżuri restrittivi fuq il-ħajja ekonomika tal-pajjiżi u tal-poplu tal-Iran. Huwa jsostni li, barra minn hekk, is-servizzi li huwa jipprovdi ma għandhom l-ebda rabta mal-kapaċità tal-Gvern tal-Iran li jsegwi programm nukleari u li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali kien jippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi fid-dawl ta’ ħafna kontribwenti jew ta’ fornituri ta’ servizzi. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tinkludi u żżomm lill-appellant fil-listi tal-entitajiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi tmur kontra diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi li kienu saru mill-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq l-Iran tat-23 ta’ Jannar 2012, fejn il-Kunsill jindika li “l-miżuri restrittivi maqbula llum għandhom l-għan li jaffettwaw il-finanzjament tal-programm nukleari tal-Iran mir-reġim Iranjan u mhumiex immirati lejn il-poplu Iranjan”.

52

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Hemm lok li jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, l-għan ta’ interess ġenerali segwit mill-atti kkontestati. Fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, hija rrikonoxxiet li dawn l-atti kienu jikkawżaw preġudizzju lill-appellant sa fejn kienu jippreġudikaw id-dritt tiegħu għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-Qorti Ġenerali madankollu ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 119 tal-imsemmija sentenza, tal-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li osservat li l-atti kkontestati kienu jirrigwardaw biss parti mill-assi tal-appellant, li kienu jeżistu possibbiltajiet ta’ rilaxx ta’ fondi ffriżati f’ċertu ċirkustanzi u li l-Kunsill ma allegax li l-appellant huwa involut huwa nnifsu fil-proliferazzjoni nukleari.

54

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ġustament il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-appellant, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu.

55

Għaldaqstant ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

56

Peress li l-erba’ aggravji tal-appell ġew iddikjarati infondati, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

57

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

58

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

59

Peress illi l-Kunsill kien talab li Central Bank of Iran jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress illi dan tal-aħħar tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Central Bank of Iran huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.