SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni ta’ merkanzija — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 8710 u subintestatura 9305 91 00 — Nota 3 tat-Taqsima XVII u Nota 1(ċ) tal-Kapitolu 93 — Tankijiet u vetturi korazzati tal-ġlied — Armi tal-gwerra — Klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ turretta”

Fil-Kawża C‑262/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

GD European Land Systems – Steyr GmbH

vs

Zollamt Eisenstadt Flughafen Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal GD European Land Systems – Steyr GmbH, minn P. Csoklich u R. Schneider, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima XVII u tan-Nota 1(ċ), tal-Kapitolu 93 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-tariffa doganali komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GD European Land Systems – Steyr (iktar ’il quddiem “GD”) u z-Zollamt Eisenstadt Flughafen Wien (uffiċċju doganali ta’ Eisenstadt Flughafen Wien, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju doganali”), dwar il-klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ turretta (stazzjon tal-armi Multi Gun Turret System), fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM.

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-NM u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni relatati, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi regolament għandu jiġi ppubblikat mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena sussegwenti. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tal-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik għas-sena 2014, li tirriżulta mir-Regolament Nru 1001/2013.

5

Is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda” li tinsab fit-Taqsima 1 taħt “Regoli ġenerali”, fl-ewwel parti tal-NM dwar “Dispożizzjonijiet preliminari”, tipprovdi b’mod partikolari li:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin. [...]”

6

In-nota 2(ij) u n-nota 3, li jinsabu fit-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, biċċiet tal-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat”, fit-tieni parti tal-NM, taħt “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, jipprovdu kif ġej:

“2.

L-espressjonijiet “partijiet” u “partijiet u aċċessorji” ma japplikawx għal dawn l-oġġetti, kemm jekk huma identifikabbli għall-oġġetti ta’ din it-taqsima kif jekk le: [...]

ij)

armi (Kapitlu 93);

[...]

3.

Riferenzi f’Kapitlu 86 sa 88 għal “partijiet” jew “aċċessorji” ma japplikawx għal partijiet jew aċċessorji li ma humiex tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-oġġetti ta’ dawk il-kapitli. Parti jew aċċessorju li jaqbel ma’ tifsira fi tnejn jew aktar mit-titli ta’ dawk il-kapitli għandu jkun ikklassifikat f’dak it-titlu li jikkorrespondi għall-użu prinċipali ta’ dik il-parti jew aċċessorju.”

7

Il-Kapitolu 87 bit-titolu “Vetturi ħlief magni u vaguni (Rolling-Stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm, u partijiet u aċċessorji tagħhom”, li jinsab fit-Taqsima XVII tan-NM jinkludi l-intestatura 8710. Din l-intestatura tipprovdi kif ġej:

“8710 00 00Tankijiet u vetturi oħrajn korazzati tal-ġlied, immotorizzati, mgħammrin b’armi jew le, u partijiet ta’ dawn il-vetturi……………………. ”

8

In-Nota 1(ċ) tal-Kapitolu 93 bit-titolu “Armi u munizzjon; partijiet u aċċessorji tagħhom”, li tinsab fit-Taqsima XIX tat-tieni parti tan-NM taħt “Armi u munizzjon; partijiet u aċċessorji tagħhom”, tippreċiża:

“1.

Dan il-kapitlu ma jkoprix:

[...]

ċ)

vetturi tal-ġlied armati (titlu 8710) ;

[...]”

9

Dan il-Kapitolu 93 jinkludi l-intestaturi 9301 sa 9305 tan-NM:

“9301

[...]

Armi militari, ħlief rivolvers, pistoli u l-armi ta’ titlu 9307:

9302 00 00

Rivolvers u pistoli, ħlief dawk ta’ titlu 9303 jew 9304 ……………………………………………………

9303

Armi tan-nar oħrajn u mezzi simili li jaħdmu bl-isparar ta’ karga ta’ splussiv [...]:

[...]

9304 00 00

[...]

Armi oħrajn (per eżempju, xkubetti u pistoli bil-molla, bl-arja jew bil-gass, lembubi), ħlief dawk ta’ titlu 9307 ……………………..

9305

Partijiet u aċċessorji ta’ oġġetti ta’ titli 9301 sa 9304:

[...]

9305 20 00

9305 9100

9305 9900

[...]

– Ta’ snieter jew azzarini ta’ titlu 9303 ……………

– Oħrajn:

– – Ta’ armi militari ta’ titlu 9301 …………………

– – Oħrajn …………………………………………... ”

Ir-Regolament (KEE) 2913/92

10

L-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 82/97, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179), jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu nformazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini fuq talba bil-miktub, skond il-proċedura tal-kumitat.

2.   Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot l-awtoritajiet doganali fuq min ikollu informazzjoni biss dwar it-tariffa ta’ klassifikazzjoni jew deċiżjoni dwar l-oriġini tal-oġġetti.

Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot lill-awtoritajiet doganali biss rigward oġġetti li tagħhom ġew kompletati l-formalitajiet doganali wara d-data li fiha ġiet mgħoddija l-informazzjoni.”

Noti ta ’ spjega tas-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta ’ merkanzija

11

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), twaqqaf permezz tal-konvenzjoni li ħolqot l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u twaqqfet permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri. Huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li joħolqu subintestaturi li huma speċifiċi għaliha.

12

In-noti ta’ spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

13

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 8710 tas-SA tippreċiża:

“Din l-intestatura tkopri, minn naħa, tankijiet u vetturi oħra korazzati tal-ġlied, armati jew le, u min-naħa l-oħra, il-partijiet ta’ dawn il-vetturi.

It-tankijiet tal-ġlied jew tankijiet huma vetturi korazzati bil-katina, armati b’diversi armi offensivi (kanuni, mitraljatriċi, arma li titfa’ n-nar, eċċ.) li jinsabu ġeneralment f’turretta rotatorja. [...]

Il-partijiet

Din l-intestatura tkopri wkoll il-partijiet tal-vetturi korazzati msemmija hawn fuq, sa fejn dawn il-partijiet jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Għandhom ikunu identifikabbli għall-użu esklużiv jew prinċipali tal-imsemmija vetturi.

2.

Ma jkunux esklużi skont in-noti tat-Taqsima XVII (ara l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ din it-taqsima).

Dawn il-partijiet jinkludu:

1)

Ix-xażi tal-vetturi korazzati u l-partijiet tagħhom (turretti, bibien u bonnets korazzati, eċċ.).

[...]”

14

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 9305 tas-SA tipprovdi:

“Il-partijiet u aċċessorji rilevanti ta’ din l-intestatura jinkludu:

1.

Il-partijiet ta’ armi tal-gwerra, bħall-kanen (inklużi l-inforra tal-kanen), il-brejkijiet u l-briċ ta’ kanuni ta’ kull tip, turretti, muntaturi, trepiedi u mezzi oħra speċjali ta’ appoġġ għall-kanuni, mitraljatriċi, submitraljatriċi eċċ., anki b’mekkaniżmu ta’ ppuntar u ta’ karika.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

GD hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li tagħmel parti minn grupp globalment attiv fl-industrija tal-armi u li għandha bħala għan kummerċjali, b’mod partikolari, il-manifattura ta’ tankijiet tal-ġlied. Fil-25 ta’ Frar 2014, din il-kumpannija ddikjarat, lill-uffiċċju doganali, merkanzija indikata bħala sistema ta’ turretta ta’ tankijiet tal-ġlied, bil-għan tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tagħha fl-Unjoni.

16

L-uffiċċju doganali aċċetta r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-imsemmija merkanzija, u mbagħad informa lil GD bir-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni dovut fir-rigward ta’ din il-merkanzija, jiġifieri 1.7 %, kif stabbilit mill-klassifikazzjoni tal-imsemmija merkanzija taħt l-intestatura 8710 tan-NM. Fil-fatt, l-uffiċċju doganali kkunsidra li l-merkanzija kkonċernata kienet tikkonsisti f’“turretta ta’ tankijiet tal-ġlied, li [kienet] parti diġà identifikabbli installata għall-użu esklużiv jew prinċipali fit-tankijiet tal-ġlied”. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi deċiżjoni fil-qasam tad-dazji doganali.

17

Fil-11 ta’ Marzu 2014, GD ressqet ilment kontra l-komunikazzjoni tal-uffiċċju doganali fejn talbet li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat taħt is‑subintestatura 9305 91 00 tan-NM, li tikkorrispondi għal “armi tal-gwerra”, u li timplika rata tad-dazju doganali ta’ 0 %. Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha mill-uffiċċju doganali, GD ippreżentat rikors quddiem il-Bundesfinanzgericht (qorti federali tal-finanzi, l-Awstrija).

18

Quddiem din il-qorti, GD ippreżentat informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fil-11 ta’ April 2014 mill-Hauptzollamt Hannover (uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hanover, il-Ġermanja) fejn, fil-fehma tagħha, merkanzija identika għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikklassifikata taħt is-subintestatura 9305 91 00 tan-NM.

19

Id-deskrizzjoni tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab fl-imsemmija informazzjoni tariffarja, li l-qorti tar-rinviju tirriproduċi fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Din id-deskrizzjoni taqra kif ġej:

“[…] din hija komposta minn diversi elementi tekniċi li huma integrati fil-parti l-kbira f’kostruzzjoni simili għal turretta magħmula minn metall komuni. Is-sistema ta’ turretta tifforma l-bażi ta’ stazzjon tal-armi u fil-biċċa l-kbira hija mgħammra b’subsistemi u elementi elenkati hawn taħt: propulsjonijiet elettriċi, stabbiliżżazzjoni konċentrika, tagħmir ta’ viżjoni li jaħdem ottikament u elettronikament, inklużi d-displays u l-apparat tal-kontroll għall-persunal involut fl-operazzjoni (tiratur, kmandant), sistema [ta’ gwida tat-tir], diversi sensors, sistema ta’ ħżin ta’ munizzjon u mekkaniżmi għall-alimentazzjoni tal-armi bil-munizzjon. Is-sistema hija intiża għall-installazzjoni ta’ kanun awtomatiku u ta’ mitraljatriċi (dawn iż-żewġ armi tal-gwerra ma jaqgħux taħt din l-informazzjoni tariffarja vinkolanti). L-interazzjoni bejn is-subsistemi msemmija tagħti lill-persunal involut fl-operazzjoni l-possibbiltà li juża l-kanun abbord u l-mitraljatriċi u għalhekk tippermetti li jsiru tiri mmirati. Is-sistema ta’ turretta għandha tiġi installata fuq is-saqaf ta’ sistemi ta’ trasport mobbli marittimu u fuq l-art, b’mod rotatorju, jew ukoll f’installazzjonijiet fissi.”

20

Fid-29 ta’ Ottubru 2014, il-Bundesfinanzgericht (qorti federali tal-finanzi) ċaħdet ir-rikors ta’ GD. Din il-qorti qieset is-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala parti minn tank tal-ġlied, u kklassifikatha taħt l-intestatura 8710 tan-NM u indikat li l-informazzjoni tariffarja maħruġa mill-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hanover ma setgħetx ikollha effett retroattiv.

21

GD ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Bundesfinanzgericht (qorti federali tal-finanzi) li ċaħdet ir-rikors tagħha quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija). Din l-aħħar qorti nnotat li, skont il-Bundesfinanzgericht (qorti federali tal-finanzi), il-merkanzija li kienet tirreferi għaliha l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hanover u ppreżentata minn GD hija l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija tqis li din l-informazzjoni tariffarja ma tapplikax għall-każ ineżami peress li d-dikjarazzjoni tal-25 ta’ Frar 2014 tippreċedi l-adozzjoni tal-imsemmija informazzjoni tariffarja, fil-11 ta’ April 2014.

22

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet installata fuq vettura li għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8710 tan-NM bħala tank tal-ġlied jew bħala vettura korazzata li topera awtomatikament. Madankollu, teżisti kontradizzjoni bejn in-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8710 tas-SA, skont liema noti jaqgħu taħt din l-intestatura “[i]x-xażijiet tal-vetturi korazzati u l-partijiet tagħhom (it-turretti, il-bibien u l-bonnets korazzati, eċċ.)” u dawk dwar l-intestatura 9305 tas-SA, li minnhom jirriżulta li jaqgħu taħt din l-intestatura l-partijiet tal-armi tal-gwerra, b’mod partikolari, bħat-turretti, il-mitraljatriċi u s-submitraljatriċi.

23

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lin-nota 3 tat-Taqsima XVII tan-NM, li tipprevedi li huma biss dawk il-prodotti li huma intiżi b’mod esklużiv jew prinċipali għall-użu ma’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 86 sa 88, b’mod partikolari, l-intestatura 8710 tan-NM, li jikkostitwixxu “partijiet” fis-sens ta’ dawn il-kapitoli.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-eċċezzjoni tan-Nota 1(ċ) tal-Kapitolu 93 tan-Nomenklatura Magħquda, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, dwar ‘[t]ankijiet u vetturi oħrajn korazzati tal-ġlied (Nru 8710)’ tinkludi wkoll il-‘partijiet’ tagħhom?

2)

In-Nota 3 tat-Taqsima XVII tan-Nomenklatura Magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li ‘stazzjon tal-armi (turretta ta’ tank tal-ġlied)’ li jista’ jintuża fuq tankijiet tal-ġlied, fuq ‘sistemi ta’ trasport marittimu mobbli’ jew ukoll f’installazzjonijiet fissi għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8710, bħala parti ta’ tank tal-ġlied, ladarba dan l-istazzjon tal-armi jkun ġie importat mill-manifattur tat-tank tal-ġlied għall-produzzjoni jew għall-armar tat-tank tal-ġlied u jkun fil-fatt użat għal dan l-iskop?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li sistema ta’ turretta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt l-intestatura 8710 jew taħt is-subintestatura 9305 91 00 tan-NM, fid-dawl tal-fatt li tkun ġiet importata għall-produzzjoni jew għall-armar ta’ tankijiet tal-ġlied u li, sussegwentement, tkun fil-fatt intużat għal dan l-iskop.

26

Skont din il-qorti, li kieku din is-sistema titqies li hija parti minn tank tal-ġlied, ikun hemm lok li tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8710 tan-NM, li tkopri preċiżament “[t]ankijiet u vetturi korazzati tal-ġlied, mgħammrin b’armi jew le; [u] il-partijiet tagħhom”. Li kieku, għall-kuntrarju, din is-sistema titqies li hija parti jew aċċessorju ta’ arma tal-gwerra, hija tkun taqa’ taħt is-subintestatura 9305 91 00, li speċifikament tkopri dawn il-partijiet u aċċessorji ta’ arma ta’ gwerra.

27

Għandu jiġi rrilevat li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, pjuttost milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar peress li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha indispensabbli f’dan ir-rigward (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C-383/11, EU:C:2012:745, punt 61).

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu li għandhom biss valur indikattiv (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C-330/13, EU:C:2014:1757, punt 33, u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Baby Dan, C‑272/14, EU:C:2015:388, punt 25).

29

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, permezz tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006Proxxon, C-500/04, EU:C:2006:111, punt 21, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, EU:C:2015:152, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, minn naħa, skont in-Nota 2(ij) tat-Taqsima XVII tan-NM dwar, b’mod partikolari, l-intestatura 8710 tan-NM, l-armi li jaqgħu taħt il-Kapitolu 93 tan-NM ma jitqisux li huma “partijiet” jew “aċċessorji” ta’ materjal ta’ trasport kif imsemmi f’din it-taqsima, anki meta huma identifikabbli għall-użu ma’ dan il-materjal ta’ trasport. Min-naħa l-oħra, in-Nota 1(ċ) tal‑Kapitolu 93 tan-NM speċifikament teskludi minn dan il-kapitolu, it-tankijiet tal-ġlied li jaqgħu taħt l-intestatura 8710 tan-NM.

31

Billi din l-intestatura tal-aħħar issemmi wkoll il-partijiet ta’ tankijiet tal-ġlied, din l-esklużjoni ma hijiex neċessarjament intiża biss għat-tankijiet tal-ġlied, iżda wkoll għall-partijiet tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija “parti” ta’ tank tal-ġlied, fis-sens tal-intestatura 8710 tan-NM. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, din is-sistema ma titqies li hija arma, fis-sens tal-intestatura 9301 tan-NM u, konsegwentement, ma tkunx koperta mill-esklużjoni prevista min-Nota 2 (ij) tat-Taqsima XVII tan-NM.

32

Min-nota 3 tat-Taqsima XVII tan-NM jirriżulta li sistema ta’ turretta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ titqies li hija “parti” jew “aċċessorju” ta’ tank tal-ġlied, fis-sens tal-intestatura 8710 tan-NM meta tkun intiża għall-użu “esklussiv” jew “prinċipali” għal tank tal-ġlied.

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk l-użu finali ta’ din is-sistema ta’ turretta jikkostitwixxix element essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija sistema għandhiex titqies li hija parti intiża għall-użu “esklussiv” jew “prinċipali” għal tank tal-ġlied.

34

Għandu jiġi nnotat li l-użu “esklussiv” jew “prinċipali” tal-imsemmija sistema ta’ turretta trid tkun tista’ tiġi vverifikata waqt l-isdoganament u, konsegwentement, meta tiġi eżaminata t-talba għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ din il-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, ALKA, C‑635/13, EU:C:2015:268, punt 37).

35

Minn dan isegwi li l-fatt li sistema ta’ turretta ġiet importata għall-produzzjoni jew għall-armar tat-tank tal-ġlied u li, sussegwentement, tintuża effettivament għal dan l-iskop, minkejja li tista’ tkun fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ma jfissirx neċessarjament li din is-sistema hija “esklussivament” jew “prinċipalment” intiża għall-imsemmija tankijiet, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima XVII tan-NM jew tan-Nota ta’ Spjega tal-intestatura 8710 tas-SA.

36

Id-deċiżjoni tar-rinviju turi li s-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi installata fuq is-saqaf ta’ sistemi ta’ trasport mobbli marittimu u fuq l-art, b’mod rotatorju, jew ukoll f’installazzjonijiet fissi. Minn dan isegwi li din is-sistema ta’ turretta ma tistax titqies li hija parti “esklussivament” intiża għall-użu ma’ tank tal-ġlied.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħha, l-imsemmija sistema ta’ turretta hijiex “prinċipalment” intiża għal tank tal-ġlied. Jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8710, mingħajr ma jkun determinanti f’dan ir-rigward l-użu finali li jsir minnha.

38

Jekk minn din il-verifika jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha teżamina jekk is-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont l-informazzjoni pprovduta mill-imsemmija qorti ma hijiex “arma ta’ gwerra”, tistax minn tal-inqas titqies li hija “parti” jew “aċċessorju” ta’ tali armi fis-sens tas-subintestatura 9305 9100 tan-NM.

39

F’dan ir-rigward, dwar il-partijiet u aċċessorji ta’ magni, ta’ apparat u ta’ strumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ unità, li dawn il-partijiet ikunu indispensabbli għall-funzjonament tagħha, u l-kunċett ta’ “aċċessorji” jinkludi l-elementi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu l-adattament ta’ apparat għal xogħol partikolari jew li jagħtuh possibbiltajiet supplimentari jew li nkella jippermettulu li jwettaq servizz partikolari relatat mal-funzjoni prinċipali tiegħu. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, dawn id-definizzjonijiet għandhom ikunu applikabbli għall-intestatura 9305 tan-NM, u b’mod partikolari għas-subintestatura 9305 9100 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C-547/13, EU:C:2015:139, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għandu jiġi osservat li, skont id-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju tas-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din is-sistema tista’ titqies li hija “parti” jew “aċċessorju” ta’ arma ta’ gwerra, bħal kanun jew mitraljatriċi, fis-sens tas-subintestatura 9305 9100 tan-NM. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija sistema ta’ turretta tifforma l-bażi ta’ stazzjon tal-armi u hija fil-biċċa l-kbira mgħammra b’diversi subsistemi u elementi, b’mod partikolari, bħall-propulsjonijiet elettriċi, tagħmir ta’ viżjoni li jaħdem ottikament u elettronikament, inklużi d-displays u l-apparat tal-kontroll għall-persunal involut fl-operazzjoni (tiratur, kmandant), sistema ta’ armi kkontrollata mill-bogħod, diversi sistemi ta’ ħżin ta’ munizzjon u mekkaniżmi għall-alimentazzjoni tal-armi bil-munizzjon, li jagħtu lill-imsemmi persunal l-possibbiltà li jużaw il-kanun abbord u l-mitraljatriċi u għalhekk jippermettu li jsiru tiri mmirati. L-istess sistema ta’ turretta tippermetti l-installazzjoni ta’ kanun awtomatiku u ta’ mitraljatriċi.

41

Għaldaqstant, jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tagħha, jirriżulta li s-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża prinċipalment għal tank tal-ġlied, għandha titqies jew bħala “parti” ta’ arma ta’ gwerra, sa fejn tkun indispensabbli għall-funzjonament tal-kanun jew tal-mitraljatriċi installati, jew, minn tal-inqas, bħala “aċċessorju” ta’ tali arma ta’ gwerra, li jippermetti l-adattament ta’ din tal-aħħar għal xogħol partikolari jew li jagħtiha possibbiltajiet supplimentari.

42

Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata min-nota ta’ spjega tal-intestatura 9305 tas-SA, li skontha l-partijiet ta’ gwerra, b’mod partikolari, bħat-“turretti, muntaturi, trepiedi u mezzi oħra speċjali ta’ appoġġ għall-kanuni, machine guns, sub-machine guns eċċ., anke b’mekkaniżmu ta’ ppuntar u ta’ karika” jaqgħu taħt din l-intestatura. Għaldaqstant, minn din in-nota ta’ spjega, moqrija flimkien man-nota ta’ spjega tal-intestatura 8710 tas-SA, jirriżulta li t-turretti, li ma jikkostitwixxux parti mix-xażi ta’ vetturi korazzati, huma partijiet ta’ “armi ta’ gwerra”, sa fejn iservu ta’ sostenn għall-funzjonament jew għall-użu ta’ dawn l-armi.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema ta’ turretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 9305 9100 tan-NM.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li sistema ta’ turretta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet importata għall-produzzjoni ta’ tankijiet tal-ġlied u, sussegwentement, tkun fil-fatt intużat għal dan l-iskop, taqa’ taħt l-intestatura 8710 tan-NM jekk tkun “prinċipalment” intiża għal tank tal-ġlied, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi u għall-proprjetajiet oġġettivi ta’ din is-sistema ta’ turretta, mingħajr ma l-użu finali tagħha jkun determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija sistema ta’ turretta, bħala parti jew aċċessorju ta’ “armi ta’ gwerra”, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 9305 9100 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-nomenklatura magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li sistema ta’ turretta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet importata għall-produzzjoni ta’ tankijiet tal-ġlied u, sussegwentement, tkun fil-fatt intużat għal dan l-iskop, taqa’ taħt l-intestatura 8710 tan-NM jekk tkun “prinċipalment” intiża għal tank tal-ġlied, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi u għall-proprjetajiet oġġettivi ta’ din is-sistema ta’ turretta, mingħajr ma l-użu finali tagħha fil-każ ineżami jkun determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija sistema ta’ turretta, bħala parti jew aċċessorju ta’ “armi ta’ gwerra”, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 9305 9100 tan-nomenklatura magħquda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.