SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Trasport ferrovjarju — Regolament (KE) Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri — Assenza ta’ biljett tat-trasport — Nuqqas ta’ regolarizzazzjoni fit-termini — Reat kriminali”

Fil-Kawża C‑261/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-vredegerecht te Ieper (juge de paix ta’ Ypres, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV

vs

Gregory Demey,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV, minn J.‑P. Kesteloot, avukat,

għal G. Demey, minn K. Bentein, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot kif ukoll minn M.‑L. Kitamura, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman kif ukoll minn J. Hottiaux u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A tal-Konvenzjoni dwar trasport internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad-9 ta’ Mejju 1980, kif modifikata bil-protokoll għall-modifika tal-COTIF tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem l-“Appendiċi A”), li jinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV [Kumpannija nazzjonali tal-ferroviji Belġjani (NMBS)] u Grégory Demey dwar ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mitlub wara reati kriminali li G. Demey wettaq waqt li kien qiegħed jivvjaġġa bil-ferrovija mingħajr biljett tat-trasport u mingħajr ma rregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu fit-termini stabbiliti bil-liġi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1371/2007, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ trasport”, jipprovdi:

“Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.”

4

L-Anness I ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Estratt mir-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV)”, huwa magħmul mill-Appendiċi A. It-Titolu II ta’ dan l-appendiċi li jinsab f’dan l-Anness I, intitolat “Konklużjoni u prestazzjoni tal-kuntratt ta’ trasport”, huwa magħmul mill-Artikoli 6 sa 11 tal-imsemmi appendiċi.

5

Skont l-Artikolu 6 tal-Appendiċi A, intitolat “Kuntratt ta’ Trasport”:

“1.   Bil-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni.

2.   Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.   Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.”

6

L-Artikolu 7 ta’ dan l-Appendiċi A jikkonċerna l-biljett tat-trasport.

7

L-Artikolu 8 tal-imsemmi Appendiċi A, bit-titolu “Pagament u rimbors tal-ħlas tat-trasport”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi li l-prezz tat-trasport għandu jitħallas minn qabel, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur.

8

Bit-titolu “Id-dritt li tinġarr. Esklużjoni mit-trasport”, l-Artikolu 9 tal-istess Appendiċi A jipprovdi:

“1.   Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:

a)

li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b’żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali;

b)

li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x’ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu;

(ċ)

jekk u taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas addizzjonali.

2.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport jistgħu jipprovdu li l-passiġġieri li:

a)

jippreżentaw periklu għas-sigurtà u l-iffunzjonar tajjeb ta’ l-operazzjonijiet jew għas-sigurtà ta’ passiġġieri oħra,

b)

joħolqu inkonvenjent lil passiġġieri oħra b’mod intollerabbli,

għandhom jiġu esklużi mit-trasport jew jistgħu jiġu mitluba jtemmu l-vjaġġ tagħhom u li tali persuni m’għandhomx ikunu intitolati għal rimbors tal-ħlas tat-trasport tagħhom jew ta’ kwalunkwe ħlas għat-trasport ta’ bagalji reġistrati li setgħu ħallsu.”

9

L-Artikoli 10 u 11 tal-Appendiċi A jirrigwardaw l-ikkompletar ta’ formalitajiet amministrattivi kif ukoll il-kanċellazzjoni u ttardjar tal-ferroviji, rispettivament. It-Titolu III ta’ dan l-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 jirregola t-trasport ta’ bagalji tal-idejn, annimali, bagalji rreġistrati u vetturi.

Id-dritt Belġjan

10

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Koninklijk besluit van 20 december 2007 houdende reglement van de politie op de spoorwegen (digriet irjali tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli għaż-żamma tal-ordni fil-ferroviji (Belgisch Staatsblad, 15 ta’ Lulju 2008, p. 36973), jipprevedi:

“Il-ferroviji u l-pjattaformi huma aċċessibli biss għall-passiġġieri li, konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tal-impriża ferrovjarja kkonċernata, għandhom biljett tat-trasport validu jew li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ġenerali billi jiksbu wieħed.”

11

Skont l-Artikolu 18(1) ta’ dan id-digriet irjali:

“Kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huwa punibbli, skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tat-12 ta’ April 1835, dwar in-nollijiet u r-regoli għaż-żamma tal-ordni fuq il-ferroviji, anki jekk dan jitwettaq involontarjament.”

12

L-Artikolu 3 tal-Wet van 12 april 1835 betreffende het tolgeld en de reglementen van de spoorwegpolitie (liġi tat-12 ta’ April 1835 dwar in-nollijiet u r-regoli għaż-żamma tal-ordni fuq il-ferroviji) (ippubblikata fis-17 ta’ April 1835) jipprovdi li l-gvern jista’ jiddetermina l-pieni, konformement mal-Wet van 6 maart 1818 betreffende de straffen uit te spreken tegen de overtreders van algemene verordeningen of te stellen bij provinciale of plaatselijke reglementen (liġi tas-6 ta’ Marzu 1818, dwar il-pieni li għandhom jiġu imposti għall-ksur tal-miżuri ġenerali ta’ amministrazzjoni interna, kif ukoll il-pieni li jistgħu jiġu deċiżi permezz tar-regolamenti tal-awtoritajiet provinċjali jew komunali) (ippubblikata fis-6 ta’ Marzu 1818).

13

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi tas-6 ta’ Marzu 1818, “il-ksur tad-digrieti rjali li fir-rigward tagħhom il-liġijiet ma ddeterminawx jew ma humiex ser jiddeterminaw il-pieni partikolari [...] għandhom ikunu punibbli bi priġunerija ta’ minn tmint’ijiem sa erbatax-il jum u b’multa ta’ minn sitta u għoxrin sa mitejn frank jew b’waħda biss mill-pieni”.

14

L-Artikolu 74 tal-Wet van 6 april 2010 betreffende marktpraktijken en consumentenbescherming (liġi tas-6 ta’ April 2010 dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur) (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ April 2010, p. 20803) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-prattiki tas-suq”), jipprevedi:

“Fil-kuntratti konklużi bejn impriża u konsumatur, fi kwalunkwe każ huma inġusti l-klawżoli u l-kundizzjonijiet jew il-kumbinazzjonijiet ta’ klawżoli u kundizzjonijiet li għandhom l-għan li:

[...]

17°

jiddeterminaw l-ammont tal-kumpens dovut mill-konsumatur li ma jeżegwixxix l-obbligi tiegħu, mingħajr ma jiġi previst kumpens tal-istess tip fuq l-impriża li ma teżegwixxix l-obbligi tagħha;

[...]

24°

jiffissaw ammonti ta’ danni mitluba fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-konsumatur li jaqbżu b’mod manifest il-portata tad-dannu li jista’ jiġi sostnut mill-impriża;

[...]”

15

Fil-paragrafu (1) tiegħu, l-Artikolu 75 tal-Liġi dwar il-prattiki tas-suq, jipprevedi:

“Kull klawżola inġusta hija nulla.

Il-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet jekk huwa jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

Il-konsumatur ma jistax jirrinunzja għall-beneefiċċju tad-drittijiet konferiti lilu minn din it-taqsima.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Waqt kontrolli mwettqa matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2013, ġie kkonstatat, f’erba’ okkażjonijiet, li G. Demey kien qiegħed iwettaq vjaġġi bil-ferrovija fil-Belġju mingħajr biljett tat-trasport. Il-kunduttur tal-ferrovija stieden lil G. Demey sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu permezz tal-ħlas, fi żmien erbatax-il jum, tal-prezz tal-vjaġġ ta’ EUR 11.20 miżjud b’EUR 8, jiġifieri total ta’ EUR 19.20 għal kull vjaġġ. G. Demey ma rregolarizzax is-sitwazzjoni tiegħu fit-termini li ngħatalu u lanqas ma wieġeb għall-ittri ta’ intimazzjoni mibgħuta min-NMBS.

17

Konsegwentement, in-NMBS ressqet lil G. Demey quddiem il-vredegerecht te Ieper (juge de paix ta’ Ypres, il-Belġju) u talbet il-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa addizzjonali ta’ EUR 800, jiġifieri EUR 200 għal kull vjaġġ imwettaq mingħajr biljett tat-trasport, u dan minflok iż-żieda amministrattiva inizjalment prevista ta’ EUR 8 għal kull vjaġġ.

18

In-NMBS issostni li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 200 għal kull vjaġġ hija ġġustifikata mir-reati kriminali mwettqa minn G. Demey. Skont in-NMBS, in-natura konsenswali meħtieġa sabiex ikun jeżisti kuntratt ta’ trasport ma teżistix f’dan il-każ, sa fejn G. Demey aġixxa b’mod kriminali meta deliberatament tela’ fuq il-ferrovija mingħajr biljett tat-trasport. Konsegwentement, hija tqis li huwa ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni ġuridika offruta lilu bħala konsumatur, b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 74 u 75 tal-Liġi dwar il-prattiki tas-suq.

19

G. Demey jsostni li huwa jibbenefika mill-protezzjoni ġuridika mogħtija mill-Artikolu 74, 17° u 24° ta’ dik il-liġi, sa fejn, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, l-assenza ta’ biljett la taffettwa l-eżistenza u lanqas il-validità tal-kuntratt.

20

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-argument imressaq minn G. Demey huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn dan tal-aħħar u n-NMBS. Għall-kuntrarju, hija tqis li t-teżi invokata min-NMBS timplika li G. Demey wettaq att kriminali. Konsegwentement, hija tistaqsi jekk, f’dan il-każ, jeżistix kuntratt ta’ trasport bejn G. Demey u l-imsemmija kumpannija tat-trasport abbażi ta’ din l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) u jekk għaldaqstant hija tistax tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-prattiki tas-suq li huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ tali kuntratt.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vredegerecht te Ieper (juge de paix ta’ Ypres) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-aħħar sentenza tal]-Artikolu 6(2) [...] tal-[Appendiċi A li jinsab fl-]Anness I tar-[Regolament Nru 1371/2007, għandha tiġi interpretata li tipprekludi] d-dispożizzjonijiet penali nazzjonali Belġjani [kif imsemmija fil-punti 10 sa 13 ta’ din is-sentenza] li abbażi tagħhom passiġġier tal-ferroviji mingħajr biljett – u lanqas regolarizzazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni fit-terminu previst mil-leġiżlazzjoni – iwettaq reat kriminali li jeskludi kull rabta kuntrattwali bejn il-kumpannija ta’ trasport u l-passiġġier tal-ferroviji, b’[tali] mod li jiġi miċħud ukoll lill-passiġġier tal-ferroviji l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni legali fil-qasam tad-dritt Ewropew u tad-dritt nazzjonali Belġjan li huma bbażati fuq din ir-rabta kuntrattwali (esklużiva) mal-konsumatur […]?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li persuna, li twettaq vjaġġ bil-ferrovija mingħajr ma jkollha biljett tat-trasport għal dan l-għan u li ma tirregolarizzax is-sitwazzjoni tagħha fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma jkollhiex rabta kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja.

23

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-partijiet ma jaqblux dwar il-punt ta’ jekk, skont din id-dispożizzjoni, kuntratt ta’ trasport jiġix konkluż malli persuna tivvjaġġa f’ferrovija, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din għandhiex biljett tat-trasport jew le għal dan l-għan. Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 jirregolax il-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport.

24

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1371/2007, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ trasport”, jipprevedi li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport għandu jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titoli II u III tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirregolawx il-kundizzjonijiet għall-formazzjoni ta’ tali kuntratt fid-dettall.

25

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, “[i]l-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi”.

26

Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tippreżupponi l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż minn qabel u tikkonċerna biss il-prova tal-eżistenza ta’ tali kuntratt, li għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ biljett tat-trasport wieħed jew iktar. It-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda ipoteżijiet fejn il-passiġġier bil-ferrovija ma huwiex f’pożizzjoni li jippreżenta biljett tat-trasport jew fejn il-biljett huwa irregolari u, f’dawn il-każijiet tipprevedi li l-eżistenza u l-validità tal-kuntratt ta’ trasport ma għandhomx jiġu affettwati, mingħajr ma tippreċiża r-regoli li skonthom il-kuntratt għandu jiġi konkluż.

27

B’mod partikolari, l-assenza ta’ biljett tat-trasport imsemmija f’din it-tieni sentenza tista’ biss tiġi interpretata li tfisser li kuntratt ta’ trasport ġie konkluż minn qabel u li l-passiġġier ma jistax jippreżenta prova li tistabbilixxi li huwa akkwista biljett tat-trasport, bil-piena li l-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni tiġi mċaħħda minn kull effettività.

28

Konformement mal-Artikolu 6(1) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, permezz tal-kuntratt ta’ trasport it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr lill-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni. Din id-dispożizzjoni tibbaża ruħha wkoll fuq il-premessa li kuntratt ta’ trasport ġie konkluż preċedentement, iżda ma tagħtix preċiżazzjonijiet dwar il-mod ta’ kif dan għandu jkun ġie konkluż.

29

Bl-istess mod, l-Artikolu 6(3) ta’ dan l-Appendiċi A jillimita ruħu li sempliċement jippreċiża li l-biljett tat-trasport għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.

30

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tal-imsemmi appendiċi ma jistax jiġi interpretat li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport.

31

Din il-konstatazzjoni hija korroborata minn analiżi tal-kuntest li tidħol fih din id-dispożizzjoni.

32

Fil-fatt, skont l-Artikolu 9 tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 6(2) ta’ dan l-appendiċi, il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett tat-trasport validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Dan l-Artikolu 9 jipprevedi wkoll li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport jistgħu jipprovdu li passiġġier li ma jipproduċix biljett tat-trasport validu għandu jħallas, b’żieda mal-prezz tat-trasport, ħlas addizzjonali jew ukoll jipprovdu li passiġġier li jirrifjuta li jħallas immedjatament il-prezz tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tipprevedi biss is-sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu kontra passaġġier li ma kellux biljett tat-trasport u ma kienx irregolarizza sussegwentement is-sitwazzjoni tiegħu u ma fiha ebda indikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-formazzjoni tal-kuntratt ta’ trasport.

33

L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet l-oħra li jidhru fit-Titolu II tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007. Fil-fatt, fil-paragrafu (1) tiegħu, l-Artikolu 8 ta’ dan l-Appendiċi A jipprevedi li l-prezz tat-trasport għandu jitħallas minn qabel, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur. L-Artikolu 7 tiegħu jikkonċerna l-biljett tat-trasport, l-Artikoli 10 u 11 tal-imsemmi Appendiċi A jirrigwardaw l-ikkompletar ta’ formalitajiet amministrattivi kif ukoll il-kanċellazzjoni u ttardjar tal-ferroviji, rispettivament.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 ma jistax jiġi interpretat li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport, peress li dawn tal-aħħar huma regolati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li persuna li twettaq vjaġġ bil-ferrovija mingħajr ma jkollha biljett tat-trasport għal dan l-għan u li ma tirregolarizzax is-sitwazzjoni tagħha fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jkollhiex rabta kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Appendiċi A tal-Konvenzjoni dwar trasport internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad-9 ta’ Mejju 1980, kif modifikata bil-protokoll għall-modifika tal-COTIF tat-3 ta’ Ġunju 1999, li jinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li persuna li twettaq vjaġġ bil-ferrovija mingħajr ma jkollha biljett tat-trasport għal dan l-għan u li ma tirregolarizzax is-sitwazzjoni tagħha fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jkollhiex rabta kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.