Kawża C‑258/15

Gorka Salaberria Sorondo

vs

Academia Vasca de Policía y Emergencias

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2) u Artikolu 4(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Limitazzjoni tar-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-kandidati li ma laħqux l-età ta’ 35 sena – Kunċett ta’ ‘ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]’ – Għan imfittex – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Novembru 2016

  1. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Kamp ta’ applikazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-età massima ta’ 35 sena għar-reklutaġġ tal-uffiċjali ta’ korp ta’ pulizija ta’ Komunità Awtonoma–Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 3(1)(a))

  2. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-età massima ta’ 35 sena għar-reklutaġġ tal-uffiċjali ta’ korp ta’ pulizija ta’ Komunità Awtonoma–Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1, 2(2) u 4(1))

  1.  Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 35 sena ma jistgħux jaċċedu għall-korp tal-pulizija ta’ Komunità Awtonoma ta’ Stat Membru taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha titqies li tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u taqa’, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    (ara l-punti 25, 26)

  2.  L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ korp tal-pulizija li jwettqu l-funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi kollha imposti fuqu, ma għandhomx ikunu laħqu l-età ta’ 35 sena.

    F’dan ir-rigward, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari hija karatteristika marbuta mal-età u l-funzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, l-arrest u s-sorveljanza ta’ awturi tal-fatti kriminali kif ukoll ir-ronda għal skop preventiv jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika. In-natura ta’ dawn il-funzjonijiet timplika ħtieġa fiżika partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi waqt it-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi mhux biss għall-uffiċjali tal-korp tal-pulizija stess u għal terzi, iżda wkoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku. Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari sabiex ikun jista’ jissodisfa t-tliet funzjonijiet essenzjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri li jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, li jiżguraw l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ kulħadd u li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, jista’ jitqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni.

    Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni tista’ titqies, minn naħa, li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jinżammu n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pulizija kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq. In-nuqqasijiet li jistgħu joħolqu preokkupazzjoni fil-funzjonament tas-servizzi tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma kkonċernata jeskludu li, matul kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni ta’ provi fiżiċi eżiġenti u eliminatorji tista’ tikkostitwixxi miżura alternattiva inqas stretta. L-imsemmi għan jeħtieġ, fil-fatt, li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid struttura sodisfaċenti tal-etajiet, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari jitqies mhux b’mod statiku, fil-mument tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, iżda b’mod dinamiku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li ser ikun jista’ jwettaq l-uffiċjal wara li jkun ġie rreklutat.

    (ara l-punti 30, 34‑36, 47, 48, 50 u d-dispożittiv)