Kawża C-256/15

Drago Nemec

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/35/KE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Tranżazzjoni konkluża qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovena mal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” – Kunċett ta’ “impriża” – Ammont massimu tal-interessi moratorji”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2016

  1. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Limiti–Interpretazzjoni ta’ direttiva fil-kuntest ta’ tilwima li bdiet qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea u li tkompli toħloq effetti wara din l-adeżjoni–Inklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali–Direttiva 2000/35–Kamp ta’ applikazzjoni–Tranżazzjonijiet konklużi minn organizzazzjoni li taġixxi fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti–Kunċett–Ħtieġa li l-attività msemmija tiġi eżerċitata b’mod strutturat u stabbli–Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/35, punt 1 tal-Artikolu 2)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali–Direttiva 2000/35–Interessi moratorji–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-ammont massimu tal-interessi moratorji għall-ammont prinċipali tad-dejn–Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/35, Artikolu 3(1)(a) sa (c))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 25-27)

  2.  Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha liċenzja biex teżerċita attività bħala artiġjan indipendenti għandha titqies bħala intrapriża fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u t-tranżazzjoni li din tikkonkludi għandha titqies bħala transazzjoni kummerċjali fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, jekk, minkejja li ma tidħolx taħt l-attivitajiet ikkonċernati minn din il-liċenzja, din it-tranżazzjoni ssir fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

    Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li persuna tikkonkludi tranżazzjoni relatata ma’ attività ekonomika, bħall-kiri ta’ beni lil terza persuna, biex tkun tidħol fil-kunċett ta’ intrapriża u biex din it-tranżazzjoni tkun ikkwalifikata bħala kummerċjali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija. Hemm bżonn ukoll li din il-persuna taġixxi bħala organizzazzjoni fil-kuntest ta’ tali attività jew ta’ attività professjonali indipendenti. Din il-ħtieġa timplika li l-persuna msemmija, ikunu xi jkunu l-forma u l-istat legali tagħha taħt il-liġi nazzjonali, teżerċita din l-attività b’mod strutturat u stabbli, liema attività b’hekk ma tistax tillimita ruħha għal provvista individwali u iżolata, u li t-tranżazzjoni kkonċernata tkun tidħol fil-kuntest tal-attività msemmija. B’kuntrast, minn naħa, mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 ma jirriżultax li l-attività inkwistjoni għandha neċessarjament tkun l-attività ekonomika jew professjonali prinċipali tal-persuna kkonċernata jew tkun marbuta ma’ din l-aħħar attività. Min-naħa l-oħra, il-kwalifika ta’ persuna bħala intrapriża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiddependi mill-ħruġ min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ liċenzja għall-eżerċizzju tal-attività kkonċernata.

    Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għalkemm jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ikkonkludiet tranżazzjoni fil-kuntest tal-attività li għaliha din kisbet liċenzja biex teżerċita, fost elementi oħrajn, biex jiġi vverifikat jekk din il-persuna aġixxietx fil-kwalità ta’ intrapriża fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, dan il-fatt ma jistax ikun determinanti. Fost ċirkustanzi oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni hemm b’mod partikolari l-fatt li l-persuna inkwistjoni taġixxi taħt l-isem kummerċjali jew professjonali tagħha u li t-tranżazzjoni konkluża tagħti lok għall-ħruġ ta’ fattura.

    (ara l-punti 33-36, 40, 42, 44, dispożittiv 1)

  3.  Id-Direttiva 2000/35, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji dovuti iżda mhux imħallsa jieqfu jiddekorru meta l-ammont tagħhom jilħaq lil dak tas-somma kapitali ewlenija (regola ne ultra alteram tantum).

    Fil-fatt, peress li d-Direttiva 2000/35 ma tinkludix fiha r-regoli dwar il-perijodu li matulu jiddekorru l-interessi moratorji jew dwar l-ammont massimu ta’ dawn l-interessi, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jirregolaw din il-kwistjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jinjorawx l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u li ma jċaħdux lil din mill-effett utli tagħha. F’dan ir-rigward, tali regola tista’, billi l-ammont massimu tal-interessi moratorji jiġi llimitat għal dak tas-somma kapitali ewlenija, tillimita l-effett disważiv marbut mal-ħlas ta’ dawn l-interessi. Madankollu, minn naħa, tali limitu massimu ma jwassalx biex jitqiegħed indiskussjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri mfittex mid-Direttiva 2000/35 u lanqas biex din tiċċaħħad mill-effett utli tagħha. Fil-fatt, ir-regola ne ultra alterum tantum ma tinvolvix limitazzjoni tal-ammont tal-interessi moratorji b’mod li jċaħħad lid-dritt tal-kreditur mis-sustanza tiegħu, kif previst fl-Artikolu 3(1)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva, li jitlob tali interessi f’każ ta’ ħlas tardiv jew li jċaħħad dawn l-interessi minn kull funzjoni dissważiva fir-rigward tad-debitur. Barra minn hekk, ir-regola msemmija ma għandhiex konsegwenza fuq ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli, liema rata għandha tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikolu 3(1)(d) tad-direttiva msemmija. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur nazzjonali jista’, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, iqis li għandu jiġi stabbilit bilanċ bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri u l-ħtieġa li jiġi evitat li dejn irraġonevoli jkun ta’ piż fuq id-debitur. Fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, dan il-leġiżlatur jista’ jqis li regola, bħar-regola ne ultra alterum tantum, tikkostitwixxi strument xieraq għal dan il-għan.

    (ara l-punti 48, 49, 52-55, 59, dispożittiv 2)