Kawża C‑255/15

Steef Mennens

vs

Emirates Direktion für Deutschland,

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 2(f) u Artikolu 10(2) — Rimbors parzjali tal-prezz tal-biljett fil-każ li l-passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri — Kunċetti ta’ ‘biljett’ u ta’ ‘prezz tal-biljett’ — Kalkolu tar-rimbors dovut lill-passiġġier”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Verifika tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali – Esklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Titjira – Kunċett

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004)

  3. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Rimbors parzjali tal-prezz tal-biljett fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri – Kalkolu – Tqegħid fi klassi inferjuri ta’ passiġġier li jkollu biljett għal diversi titjiriet – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-prezz tat-titjira kkonċernata mit-tnaqqis fil-klassi

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 2(f) u 10(2))

  4. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Rimbors parzjali tal-prezz tal-biljett fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxi u tal-miżati li ma humiex inerenti fil-prezz tal-biljett – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 10(2))

  1.  Fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim ta’ funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni li biha hija ġiet adita tteħditx skont ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tad-dritt nazzjonali, u lanqas, għaldaqstant, li tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba l-allegat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

    (ara l-punti 13, 15)

  2.  Titjira, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, tikkonsisti f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, unità ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu.

    (ara l-punt 20)

  3.  L-Artikolu 10(2) flimkien mal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri, il-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lill-passiġġier ikkonċernat huwa l-prezz tat-titjira li fuqha huwa tqiegħed fi klassi inferjuri.

    F’dan ir-rigward, il-biljett huwa d-dokument li jagħti lill-passiġġier dritt għal trasport, li huwa stess jista’ jirrigwarda, skont il-każ, titjira waħda jew iktar. Kull waħda minn dawn it-titjiriet li tikkostitwixxi unità ta’ trasport hija, bħala prinċipju, intiża li titwettaq skont il-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm b’mod partikolari t-tqegħid tal-imsemmi passiġġier fi klassi speċifika Issa, meta t-trasportatur tal-ajru jqiegħed dan il-passiġġier, fuq titjira partikolari, fi klassi inferjuri għal dik li għalija l-biljett tiegħu jkun nxtara, l-imsemmi passiġġier ma jibbenefikax, fuq it-titjira inkwistjoni, mis-servizz miftiehem inkambju għall-prezz imħallas. Min-naħa l-oħra, dan it-tnaqqis fil-klassi ma jaffettwax is-servizzi miftiehma għat-titjiriet l-oħra li l-biljett jippermetti, jekk ikun il-każ, lill-imsemmi passiġġieri jieħu. Konsegwentement, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma japplikax għal dawn it-titjiriet l-oħra.

    Konsegwentement, huwa biss il-prezz tat-titjira li fuqha l-imsemmi passiġġier tqiegħed fi klassi inferjuri li għandu jservi bħala bażi għar-rimbors previst minn din id-dispożizzjoni, u mhux il-prezz tat-trasport kollu li l-biljett jagħti d-dritt għalih. Madankollu, fil-każ li l-biljett jindika biss il-prezz tat-trasport kollu tal-passiġġier u ma jippreċiżax għalhekk, barra minn hekk, il-prezz tat-titjira li fuqha l-passiġġier tqiegħed fi klassi inferjuri, il-bażi għandha tkun il-parti tal-prezz ta’ dan il-biljett li tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-distanza tat-titjira kkonċernata u d-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat jivvjaġġa.

    (ara l-punti 21, 22, 24, 25, 29, 30, 32 u d-dispożittiv 1)

  4.  L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004,li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lil passiġġier, fil-każ ta’ tnaqqis fil-klassi fuq titjira, jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira nnifisha, bl-esklużjoni tat-taxxi u tal-miżati indikati fuq dan il-biljett, bil-kundizzjoni li la l-eżiġibbiltà u lanqas l-ammont tagħhom ma jiddependu mill-klassi li għaliha l-imsemmi biljett ikun inxtara.

    (ara l-punt 43 u d-dispożittiv 2)