SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

tas-26 ta’ Jannar 2017 ( *1 ) ( 1 )

“Appell — Dumping — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 501/2013 — Importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinnati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija — Estensjoni, għal dawn l-importazzjonijiet, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 13 — Evażjoni — Artikolu 18 — Nuqqas ta’ kooperazzjoni — Prova — Sensiela ta’ indizji konkordanti — Kontradizzjoni tal-motivi — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Ksur tad-drittijiet proċedurali”

Fil-Kawżi magħquda C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis-27 ta’ Mejju, fid-29 ta’ Mejju u fl‑1 ta’ Ġunju 2015 rispettivament,

Maxcom Ltd, stabbilita fi Plovdiv (il-Bulgarija), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avocat, u J. Beck, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

City Cyle Industries, stabbilita f’Colombo (Sri Lanka), irrappreżentata minn T. Müller-Ibold, Rechtsanwalt, u F.-C. Laprévote, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert, sussegwentement minn H. Marcos Fraile kif ukoll B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen u C. Hipp, Rechtsanwälte,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑248/15 P),

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

City Cycle Industries, stabbilita f’Colombo, irrappreżentata minn T. Müller‑Ibold, Rechtsanwalt, u F.-C. Laprévote, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert, sussegwentement minn H. Marcos Fraile kif ukoll B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen u C. Hipp, Rechtsanwälte,

konvenut fl-ewwel istanza,

Maxcom Ltd, stabbilita fi Plovdiv, irrappreżentata minn L. Ruessmann, avocat, u J. Beck, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑254/15 P),

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert, sussegwentement minn H. Marcos Fraile kif ukoll B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen u C. Hipp, Rechtsanwälte,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

City Cycle Industries, stabbilita f’Colombo, irrappreżentata minn T. Müller‑Ibold, Rechtsanwalt, u F.-C. Laprévote, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

Maxcom Ltd, stabbilita fi Plovdiv, irrappreżentata minn L. Ruessmann, avocat, u J. Beck, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑260/15 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Maxcom Ltd, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il-Kunsill (T‑413/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:164), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn jikkonċerna lil City Cycle Industries (iktar ’il quddiem “City Cycle”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawżi, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki ĠU 2010, L 7, p. 22 u ĠU 2011, L 293, p. 39), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1168/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 344, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

3

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Evażjoni”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom [ma] hemm[x] raġuni tajba [suffiċjenti] jew ġustifikazzjoni ekonomika […] ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi; l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn il-Komunità permezz ta’ produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti; u, fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ fil-Komunità jew f’pajjiż terz.

2.   Operazzjoni ta’ assembleġġ fil-Komunità jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

(a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri, u

(b)

il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott mibni, ħlief li f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25 % ta’ l-ispiża tal-fabbrikazzjoni, u

ċ)

l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ dumping fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-importazzjonijiet ma jkunux suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn xiedha għandhom jiġu sottomessi fit-termini perentorji stabbiliti fir-regolament tal-Kummissjoni li jibda’ l-investigazzjoni. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir barra mill-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ xi produttur li hu suġġett għall-miżuri li li jinstabu li ma humiex iwettqu prattiċi ta’ ħelsien mir-restrizzjonijiet kif imfisserfil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir ġewwa l-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b’deċiżjoni tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Kunsultattiv jew b’deċiżjoni tal-Kunsill li timponi l-miżuri u għandhom jibqhħu validi għall-perjodu u skond il-kondizzjonijiet hemm stabbiliti.

[…]”

4

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

[…]

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

Il-fatti li wasslu għall-kawżi u r-Regolament kontenzjuż

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġiet tal-proċedura preżenti, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

6

Fl-14 ta’ Awwissu 2012, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba mill-Federazzjoni Ewropea tal-Produtturi ta’ Biċikletti (EBMA), f’isem tliet produtturi ta’ biċikletti tal-Unjoni, li titlobha tinvestiga evażjoni possibbli, permezz ta’ importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011, tat-3 ta’ Ottubru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2011, L 261, p. 2).

7

Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 875/2012 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011 b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 2012, L 258, p. 21).

8

Fis-26 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lil City Cycle, li hija kumpannija stabbilita fis-Sri Lanka li tesporta biċikletti lejn l-Unjoni, bil-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni u għadditilha formola ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. City Cycle ġiet mistiedna tirrispondi għal din il-formola sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Novembru 2012. Hija ppreżentat ir-risposta tagħha quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2012.

9

Fil-21 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fil-bini ta’ City Cycle.

10

Fil-31 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lil City Cycle bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

11

Fil-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni bagħtet lil City Cycle, kif ukoll lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka u dawk Ċiniżi, id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali li juri l-konklużjonijiet tagħha dwar operazzjonijiet ta’ trasbord u ta’ assemblaġġ u jsemmi l-intenzjoni tagħha li tipproponi l-estensjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Sri Lanka. Permezz ta’ dan id-dokument, din l-istituzzjoni ċaħdet ukoll it-talba għal eżenzjoni ta’ City Cycle.

12

Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament kontenzjuż.

13

Fil-premessi 35 sa 42 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill essenzjalment indika, fir-rigward tal-livell ta’ kooperazzjoni tal-kumpanniji mis-Sri Lanka, li, fost is-sitt kumpanniji mis-Sri Lanka li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, tlieta biss tqiesu li kienu kkooperaw. Għal dawn it-tliet kumpanniji, fejn waħda minnhom irtirat it-talba għal eżenzjoni tagħha u t-tnejn l-oħra ma kkooperawx b’mod sodisfaċenti, il-konklużjonijiet ġew ibbażati fuq id-data disponibbli, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

14

Fil-premessa 58 tal-imsemmi regolament, il-Kunsill ikkonkluda li teżisti bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn is-Sri Lanka u l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

15

Fil-premessi 77 sa 82 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill analizza n-natura tal-prattiki ta’ evażjoni li wasslu għal din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn dan il-pajjiż terz u l-Unjoni.

16

Fir-rigward tal-prattiki ta’ trasbord, il-premessi 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“(77)

L-esportazzjonijiet tal-kumpanniji tas-Sri Lanka li inizjalment ikkooperaw kienu jammontaw għal 69 % tat-total tal-esportazzjonijiet tas-Sri Lanka lejn l-Unjoni fil-[perijodu ta’ referenza]. Għal tlieta mis-sitt kumpanniji li kkooperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattiki ta’ trażbord. Għall-esportazzjonijiet l-oħra ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni kif spjegat fil-premessi (35) sa (42).

(78)

Għaldaqstant, fid-dawl tat-tibdil fix-xejriet tal-kummeċ konklużi fil-premessa (58) bejn is-Sri Lanka u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi kollha tas-Sri Lanka ppreżentaw ruħhom u/jew ikkooperaw jista’ jiġi konkluż li l-esportazzjonijiet ta’ dawk il-produtturi/esportaturi jistgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’ trażbord.

(79)

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża mill-Malasja [mis-Sri Lanka] hija kkonfermata.”

17

Fil-premessi 81 u 82 tal-imsemmi regolament, il-Kunsill indika li l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, ma kinitx ġiet stabbilita.

18

Fil-premessi 92, 96 u 110 tal-istess regolament, il-Kunsill ikkonstata, l-ewwel nett, l-assenza ta’ motivazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-intenzjoni li jiġu evitati l-miżuri antidumping fis-seħħ, it-tieni nett, in-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi ta’ dawn il-miżuri u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ dumping meta mqabbel mal-valur normali stabbilit preċedentement.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-premessa 115 tar-Regolament kontenzjuż il-Kunsill ikkonkluda li teżisti evażjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, permezz ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord tramite s-Sri Lanka.

20

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament kontenzjuż, id-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 %, previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011, ġie estiż għall-importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinnati mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż, u kemm jekk le. L-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-ġbir tad-dazju estiż fuq dawn l-istess importazzjonijiet irreġistrati konformement mar-Regolament Nru 875/2012.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu 2013, City Cycle ressqet azzjoni intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha.

22

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, City Cycle talbet sabiex id-deċiżjoni dwar il-kawża tingħata skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem dik il-qorti. It-talba għal trattament skont il-proċedura mħaffa ntlaqgħet bid-deċiżjoni tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2013.

23

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2013. Madankollu, fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem dik il-qorti, il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent.

24

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2014, Maxcom talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Is-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Lulju 2014.

25

Fil-25 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet li tiġi awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem dik il-qorti. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba.

26

Insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, City Cycle invokat ħames motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, City Cycle ikkontestat il-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ. Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi motiv, din ikkontestat il-konstatazzjoni tal-Kunsill, b’mod partikolari fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż, dwar it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Huwa kien dirett kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-assenza ta’ kooperazzjoni ta’ City Cycle. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza, ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament u tad-drittijiet tad-difiża ta’ City Cycle. Huwa kien intiż li juri li l-Kunsill, minn naħa, ma kienx informaha b’mod xieraq dwar ir-rieda tiegħu li jiċħad it-talba tagħha għal eżenzjoni u, min-naħa l-oħra, ma tahiex aċċess sħiħ għall-fajl. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan il-motiv, City Cycle sostniet li rċeviet trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ wieħed mill-kompetituri tagħha li jużaw l-istess mudell kummerċjali. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Huwa kien dirett kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ dumping.

27

Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha l-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu, billi sostniet li City Cycle la kienet produttur u lanqas esportatur mis-Sri Lanka, iżda fornitur lokali li jaġixxi għan-nom ta’ impriża Ċiniża.

28

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Fuq il-mertu, hija ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi invokati minn City Cycle insostenn tar-rikors tagħha.

29

Għall-kuntrarju, hija laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv. Insostenn ta’ din il-parti, City Cycle kienet invokat b’mod partikolari lment inizjali, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok analizzat, fil-punti 82 sa 97 tas-sentenza appellata, l-elementi pprovduti minn City Cycle matul l-investigazzjoni. Hija kkonkludiet li dawn l-elementi ma kinux jippermettu li jintwera li City Cycle kienet tabilħaqq esportatur ta’ biċikletti li joriġina mis-Sri Lanka jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

30

Fit-tieni lok, fil-punt 98 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, madankollu, il-Kunsill ma kellu ebda indizju sabiex jikkonkludi b’mod validu, fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż, li City Cycle kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trasbord.

31

Fit-tielet lok, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, ċertament, ma kienx possibbli li jiġi eskluż li, minn fost il-prattiki, l-operazzjonijiet jew il-ħidma kollha li għalihom ma kinitx teżisti motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju antidumping inizjali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, City Cycle wettqet operazzjonijiet ta’ trasbord. Madankollu, skont dik il-qorti, il-fatt li din ma setgħetx turi li hija kienet tabilħaqq produttur ta’ biċikletti mis-Sri Lanka jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma kienx jippermetti lill-Kunsill li, b’mod awtomatiku, jikkonkludi li jeżistu trasbordi mwettqa minn City Cycle, billi tali possibbiltà bl-ebda mod ma tirriżulta mir-Regolament bażiku jew mill-ġurisprudenza.

32

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tieni parti tal-ewwel motiv kellha tintlaqa’, mingħajr il-bżonn li jiġu ttrattati l-ilmenti l-oħra mqajma minn City Cycle.

33

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċerna lil City Cycle.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑248/15 P, Maxcom titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-ewwel motiv;

tiċħad fl-intier tiegħu l-ewwel motiv imqajjem minn City Cycle quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lil City Cycle għall-ispejjeż sostnuti minn Maxcom fil-kuntest tal-appell u tal-intervent tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

35

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑254/15 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil City Cycle għall-ispejjeż, u

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

36

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑260/15 P, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil City Cycle għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest taż-żewġ istanzi, u

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

37

Fir-risposta tagħha, ippreżentata fil-Kawżi magħquda C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, City Cycle titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad b’mod sħiħ l-appelli mis-sentenza appellata;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jestendu d-dazju antidumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw miċ-Ċina għal City Cycle u jiċħdu t-talba għal eżenzjoni ta’ din tal-aħħar;

tikkundanna lil Maxcom, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sosntuti minn City Cycle fil-kuntest taż-żewġ istanzi, u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.

38

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2015, il-Kawżi C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

39

L-aggravji invokati minn Maxcom, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira u essenzjalment jistgħu jinġabru f’erba’ gruppi.

40

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ City Cycle. It-tieni nett, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. It-tielet nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jallegaw li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u minn motivazzjoni kontradittorja. Il-Kunsill isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu suġġett għall-evalwazzjoni tagħha. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha.

Fuq l-aggravju bbażat fuq żball ta ’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn, b’risposta għall-argumenti mqajma minnha matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tikkonstata, l-ewwel nett, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti, ma kellhiex il-kwalità sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors, it-tieni nett, fil-punt 44 ta’ dik is-sentenza, li l-motiv kien tressaq fi stadju partikolarment tardiv tal-proċedura ġudizzjarja u, it-tielet nett, fl-istess punt, li l-Kummissjoni kienet għamlet sempliċi konġetturi, mingħajr ma ġabet provi ġodda.

42

Issa, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma teżaminax l-ammissibbiltà tar-rikors tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, liema ġurisprudenza tgħid li l-inammissibbiltà għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni. It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ħlief waqt is-seduta allegatament huwa r-riżultat tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ma tawtorizzahiex tippreżenta nota ta’ intervent. It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali kellha tkun taf, abbażi tal-elementi tal-proċess, li City Cycle ma kinitx uriet li hija kienet produttur jew esportatur ta’ biċikletti.

43

City Cycle tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qabelxejn indikat, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, li sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni kienet parti intervenjenti li tappoġġja t-talbiet tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ma kienx talab li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, il-Kummissjoni ma kellhiex kwalità sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq din l-inammissibbiltà u l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata teżaminaha. Sussegwentement, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet għamlet sempliċi konġetturi f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, fl-istess punt, din il-qorti osservat li dawn il-konġetturi kienu ġew ifformulati fi stadju partikolarment tardiv tal-proċedura.

45

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma naqset milli tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija eżaminat l-argumenti tal-Kummissjoni, li skonthom City Cycle la hija produttur u lanqas esportatur mis-Sri Lanka, iżda fornitur lokali li jaġixxi għan-nom ta’ impriża Ċiniża. Fi tmiem dan l-eżami hija rrilevat li dawn l-argumenti, invokati waqt is-seduta, ma kienu bbażati fuq ebda prova ġdida li tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn City Cycle u l-impriża Ċiniża inkwistjoni u għaldaqstant jistgħu jiġu assimilati għal sempliċi konġetturi. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

46

Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament. Minn dan isegwi li l-aggravju preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravji bbażati fuq żbalji ta ’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

47

It-tieni grupp ta’ aggravji huwa dirett kontra l-punti 98 sa 99 tas-sentenza appellata. Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment iqisu li dawn il-punti huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma wettqitx applikazzjoni korretta tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

48

Fl-ewwel lok, Maxcom u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-Kunsill ma setax jikkonkludi l-eżistenza ta’ trasbordi mwettqa minn City Cycle abbażi tal-konstatazzjoni li din tal-aħħar ma kinitx produttur proprju ta’ biċikletti mis-Sri Lanka u li hija ma kinitx twettaq operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Issa, l-ewwel nett, skont Maxcom, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti fejn City Cycle importat parts ta’ oriġini Ċiniża u esportat biċikletti lejn l-Unjoni mingħajr ma tat prova li din hija produttur jew li l-operazzjonijiet tagħha ta’ assemblaġġ jaqbżu l-livelli stabbiliti fl-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-regolament, huwa possibbli li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ trasbordi. It-tieni nett, Maxcom tqis li l-Qorti Ġenerali “tirrikompensa” lil City Cycle talli pprovdiet informazzjoni inkompleta, kontradittorja u la ma tistax tiġi vverifikata. It-tielet nett, Maxcom tindika li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali la hija konformi mal-għan tar-Regolament bażiku u lanqas mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkarigati mit-twettiq ta’ investigazzjonijiet antidumping u mill-adozzjoni tal-miżuri antidumping (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet tal-Unjoni”) igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-investigazzjonijiet antidumping.

49

Fit-tieni lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ħtieġet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jistabbilixxu li kull produttur‑esportatur fil-pajjiż li jkun qiegħed jiġi investigat iwettaq prattiki ta’ trasbord u għaldaqstant qalbet l-oneru tal-prova. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex iwettqu analiżi fil-livell tal-pajjiż, u mhux fil-livell tal-esportaturi individwali, għaliex din l-aħħar analiżi taqa’ fuq il-produtturi-esportaturi. It-tieni nett, tali interpretazzjoni xxejjen l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku minn kull sens. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċett ta’ “prattika ta’ evażjoni” ma’ waħda mill-manifestazzjonijiet tagħha, jiġifieri t-trasbord. Ir-raba’ nett, ir-rekwiżit ta’ konstatazzjoni ta’ trasbord individwali jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ evażjoni. Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-diversi motivi għal annullament li kienu ppreżentati quddiemha, għażlet interpretazzjonijiet li manifestament jikkontradixxu l-kunċett ta’ “prattika ta’ evażjoni”.

50

Fit-tielet lok, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, anki jekk jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ trasbordi huma żbaljati, l-annullament tar-regolament kontenzjuż xorta waħda ma jkunx ġustifikat. Fil-fatt, fil-fehma ta’ Maxcom, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żball ta’ liġi ma jiġġustifikax l-annullament tal-att ikkonċernat ħlief jekk, fl-assenza ta’ dan l-iżball, ir-riżultat tal-evalwazzjoni globali kien differenti. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li s-sentenza appellata tikkontesta l-premessa 78 ta’ dan ir-regolament, li permezz tagħha l-Kunsill ikkonstata li, peress li l-produtturi-esportaturi ta’ biċikletti mis-Sri Lanka mhux kollha mmanifestaw ruħhom u mhux kollha kienu kkooperaw, l-esportazzjonijiet ta’ dawn il-produtturi-esportaturi setgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’ trasbord. Għaldaqstant minn din il-premessa allegatament jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ trasbord tramite s-Sri Lanka ma hijiex biss ibbażata fuq il-konstatazzjoni li City Cycle kienet twettaq tali prattiki. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li, anki li kieku l-Kunsill kien wettaq żball ta’ liġi meta sostna li City Cycle kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trasbord, huwa kellu dritt jikkonkludi, abbażi tal-provi dwar il-produtturi-esportaturi mis-Sri Lanka l-oħra u l-bidla fix-xejra tal-kummerċ, li t-trasbordi kienu seħħew fis-Sri Lanka.

51

City Cycle tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti, sa fejn huma jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ma kinitx teżisti prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord min-naħa tagħha u għaldaqstant jikkonċernaw evalwazzjoni fattwali. City Cycle tikkontesta dawn l-argumenti fuq il-mertu wkoll.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l‑ammissibbiltà

52

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

53

Madankollu, il-ksur allegat tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-prova jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi ammissibbli fl-istadju tal-appell (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 44).

54

Issa, permezz tal-ilmenti li jinvokaw insostenn tal-preżenti grupp ta’ aggravji, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tintwera l-eżistenza ta’ evażjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, l-argument ta’ City Cycle ibbażat fuq l-inammissibbiltà tal-preżenti grupp ta’ aggravji ma jistax jintlaqa’.

– Fuq il-mertu

i) Osservazzjonijiet preliminari

55

L-ilmenti mqajma minn Maxcom, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-preżenti grupp ta’ aggravji kollha jolqtu l-kwistjoni tal-oneru tal-prova kif ukoll dik tal-livell ta’ prova meħtieġ fil-qasam tal-evażjoni, f’ċirkustanzi fejn parti mill-produtturi‑esportaturi kkonċernati ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni jew ma tkunx ikkooperat fiha b’mod sodisfaċenti.

56

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, qabel kollox, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Sussegwentement, fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-evażjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku l-eżistenza ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping tiġi stabbilita meta jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiż terz u l-Unjoni, jew bejn kumpanniji tal-pajjiż suġġett għall-miżuri u l-Unjoni. It-tieni nett, din il-bidla għandha tirriżulta minn prattiki, operazzjonijiet jew ħidmiet li għalihom ma hemmx motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. It-tielet nett, għandu jkun hemm elementi li juru li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab ħsara jew li l-effetti li jġibu rimedju qegħdin jiddgħajfu. Ir-raba’ nett, għandhom jeżistu provi tal-eżistenza ta’ dumping.

58

Skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, hija l-Kummissjoni li għandha tiftaħ investigazzjoni abbażi ta’ provi li prima facie jindikaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-oneru li jippruvaw evażjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 35).

59

Barra minn hekk, mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom iwettqu analiżi globali, li tirrigwarda l-pajjiż terz ikkonċernat mill-investigazzjoni dwar l-evażjoni fl-intier tiegħu. Għall-kuntrarju, sabiex tingħata prova ta’ tali evażjoni, dawn ma għandhomx iwettqu analiżi tas-sitwazzjoni ta’ kull produttur-esportatur individwali, peress li din l-analiżi għandha ssir mill-imsemmija produtturi-esportaturi individwali, fil-kuntest tat-talbiet imressqa skont l-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-regolament.

60

Fil-fatt, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li meta l-eżistenza ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping tiġi stabbilita, dawn il-miżuri jistgħu b’mod partikolari jiġu estiżi għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw minn pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-possibbiltà għall-produtturi-esportaturi stabbiliti f’dan il-pajjiż terz li jiksbu eżenzjonijiet jekk huma jkunu fformulaw talba f’dan is-sens, jekk huma ma jkunux marbuta ma’ produttur‑esportatur suġġett għall-imsemmija miżuri u jekk huma jkunu taw prova li ma humiex wettqux prattiki ta’ evażjoni. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li t-talbiet għal eżenzjoni għandhom ikunu debitament motivati.

61

Għaldaqstant, hekk kif jirrilevaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping tiġi stabbilita mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiż terzi kollu, filwaqt li huwa kull produttur-esportatur individwali li għandu juri li s-sitwazzjoni speċifika tiegħu tiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-regolament.

62

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tintwera l-eżistenza ta’ evażjoni fl-ipoteżi ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti jew ineżistenti ta’ parti mill-produtturi-esportaturi, għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ evażjoni, is-setgħa li tobbliga lill-produtturi jew l-esportaturi kkonċernati minn ilment sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipprovdu informazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 32).

63

Din hija r-raġuni għaliex fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li, meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja, jew inkella ma tagħtix l-informazzjoni neċessarja jew meta timpedixxi b’mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, konklużjonijiet preliminari jew finali, affirmattivi jew negattivi jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-data disponibbli (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 33).

64

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(6) ta’ dan l-istess regolament jispeċifika li, jekk parti kkonċernata ma tikkooperax, jew tikkoopera biss parzjalment, u, minħabba f’hekk, tinżamm xi informazzjoni rilevanti, minn dan jista’ jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ dik il-parti tista’ tkun inqas favorevoli milli kienet tkun li kieku kienet ikkooperat.

65

F’ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ruħhom minn nuqqas totali ta’ kooperazzjoni tal-produtturi-esportaturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li r-Regolament bażiku, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu, jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-oneru li jippruvaw evażjoni, l-Artikolu 18(1) u (6) ta’ dan ir-regolament huwa manifestament intiż sabiex iħaffef dan l-imsemmi oneru, u dan billi jipprovdi li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw il-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni fuq id-data disponibbli u li hemm ir-riskju li l-partijiet li ma kkooperawx fl-investigazzjoni jsibu ruħhom f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku kienu kkooperaw fl-imsemmija investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C-21/13, EU:C:2014:2154, punt 35).

66

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull rekwiżit ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tad-data disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku tkun ikkooperat, huwa daqstant ieħor evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż li teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 36).

67

Kull soluzzjoni oħra tkun tinvolvi r-riskju li l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni tiġi kompromessa kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċċjati b’rifjut ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita evażjoni (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 37).

68

F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni jikkonċerna mhux il-produtturi‑esportaturi kollha, iżda biss parti minnhom. Issa, minn naħa, il-kliem tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku ma jxekkilx milli l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping billi jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti fl-ipoteżi fejn produtturi-esportaturi li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni ma kkooperawx fl-investigazzjoni jew ma kkooperawx b’mod suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tiġġustifika wkoll, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża ineżami, li l-imsemmija istituzzjonijiet ikunu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq tali sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex jikkonkludu li teżisti evażjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

69

Minkejja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq tali sensiela ta’ indizji, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament bażiku, dawn l-indizji għandhom ikunu intiżi li juru li l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 57 tas-sentenza preżenti huma ssodisfatti. Għaldaqstant, fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikollhom elementi intiżi li jistabbilixxu li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prattiki, operazzjonijiet jew ħidma li għalihom ma hemmx motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

ii) Fuq l-iżbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku

70

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq li għandu jiġi ddeterminat jekk, hekk kif isostnu Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwiex ivvizzjat minn żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, sa fejn fil-punt 99 tas-sentenza appellata hija ddeċidiet li l-Kunsill ma setax jikkonkludi l-eżistenza ta’ trasbordi min-naħa ta’ City Cycle, u, sussegwentement, laqgħet ir-rikors u annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jikkonċerna lil din il-kumpannija.

71

Essenzjalment, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, l-ewwel nett, li kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż il-Kunsill seta’, ġustament, jiddeduċi l-eżistenza ta’ tali operazzjonijiet ta’ trasbord mill-konstatazzjoni li City Cycle ma kinitx produttur proprju ta’ biċikletti mis-Sri Lanka u li hija ma kinitx twettaq operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. It-tieni nett, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ħtieġet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jistabbilixxu li kull produttur-esportatur fil-pajjiż li jkun qiegħed jiġi investigat iwettaq prattiki ta’ trasbord u talli għaldaqstant qalbet l-oneru tal-prova. It-tielet nett, huma jsostnu li, anki jekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ trasbordi setgħu kienu żbaljati, l-annullament tar-regolament kontenzjuż madankollu ma kienx ġustifikat.

72

Permezz ta’ dawn l-argumenti, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, fejn fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-Kunsill ma kellu ebda indizju sabiex fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż jikkonkludi li City Cycle kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trasbord. Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li l-fatt li City Cycle ma setgħetx turi li hija kienet tabilħaqq produttur ta’ biċikletti mis-Sri Lanka jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma kienx jippermetti lill-Kunsill li, b’mod awtomatiku, jikkonkludi li City Cycle kienet wettqet operazzjonijiet ta’ trasbord.

73

Kuntrarjament għal dak li jirriżulta kemm mill-argumenti ta’ Maxcom, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll mis-sentenza appellata, il-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż ma fiha ebda analiżi individwali ta’ prattiki possibbli ta’ evażjoni li City Cycle wettqet.

74

Għaldaqstant, din il-premessa tinsab f’taqsima ta’ dan ir-regolament, intitolata “Trażbord”, iddedikata għat-tieni waħda mir-raba’ kundizzjonijiet deskritti fil-punt 57 tas-sentenza preżenti. F’din it-taqsima, il-Kunsill qabel kollox indika, fil-premessa 77 tar-Regolament kontenzjuż, li, għal tlieta mis-sitt kumpanniji li inizjalment ikkooperaw fl-investigazzjoni, din ma kinitx irrilevat prattiki ta’ trasbord. Għall-esportazzjonijiet rimanenti lejn l-Unjoni, il-Kunsill ippreċiża li ma kienet inkisbet ebda kooperazzjoni. Sussegwentement, fil-premessa 78 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill irrileva, minn naħa, li l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn is-Sri Lanka u l-Unjoni kienet stabbilita sew fil-premessa 58 tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, li l-produtturi-esportaturi mis-Sri Lanka mhux kollha mmanifestaw ruħhom u mhux kollha kkooperaw. Minn dan huwa kkonkluda li l-esportazzjonijiet, lejn l-Unjoni, minn dawn il-produtturi-esportaturi setgħu jiġu “attribwiti għal” prattiki ta’ trasbord. Fl-aħħar nett, fil-premessa 79 tal-istess regolament, il-Kunsill ikkonstata li l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża tramite s-Sri Lanka kienet ikkonfermata.

75

Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord għaldaqstant tikkonċerna l-produtturi-esportaturi kollha li rrifjutaw li jikkooperaw u hija bbażata fuq konstatazzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti mill-produtturi-esportaturi.

76

Issa, hekk kif jirriżulta mill-prinċipji msemmija fil-punti 65 sa 69 tas-sentenza preżenti, din il-konstatazzjoni doppja la kienet tippermetti li jiġi konkluż l-involviment ta’ City Cycle f’operazzjonijiet ta’ trasbord bħala produttur-esportatur individwali, u lanqas l-eżistenza ta’ tali prattiki fil-livell tas-Sri Lanka.

77

Fil-fatt, minn naħa, minkejja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati, fil-każ ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti, jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex jikkonkludu li teżisti evażjoni, madankollu ma teżisti ebda preżunzjoni legali li tippermetti li jiġi dedott li teżisti tali evażjoni direttament min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti kkonċernata. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikollhom indizji intiżi li jipprovaw li kull waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ evażjoni, imsemmija fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, hija ssodisfatta, inkluża dik relatata mal-fatt li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prattiki ta’ evażjoni. Minn dan isegwi li l-Kunsill ma setax jiddeduċi b’mod validu l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trasbord mis-sempliċi nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti mill-produtturi-esportaturi.

78

Min-naħa l-oħra, peress li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ hija l-ewwel waħda mill-erba’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-eżistenza ta’ evażjoni tiġi stabbilita b’mod validu, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjoni ta’ din l-eżistenza bħala indizju li t-tieni waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet, li skontha tali bidla għandha tirriżulta minn prattiki ta’ evażjoni, kienet ivverifikata.

79

Għaldaqstant, sa fejn il-konstatazzjoni doppja mwettqa mill-Kunsill fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż ma kienet tippermetti lil din l-istituzzjoni li tikkonkludi b’mod validu la li City Cycle kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trasbord bħala produttur-esportatur individwali, u lanqas l-eżistenza ta’ tali prattiċi fil-livell tas-Sri Lanka, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li l-Kunsill ma setax jikkonkludi b’mod validu l-eżistenza ta’ trasbordi min-naħa ta’ City Cycle, u, sussegwentement, laqgħet ir-rikors u annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jikkonċerna lil din il-kumpannija.

80

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, xejn fis-sentenza appellata ma jippermetti li wieħed jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li teħtieġ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jistabbilixxu li kull produttur-esportatur iwettaq operazzjonijiet ta’ trasbord. Fil-fatt, meta kkonstatat li l-Kunsill ma setax jikkonkludi l-eżistenza ta’ trasbordi min-naħa ta’ City Cycle u meta annullat parzjalment ir-Regolament kontenzjuż, kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li siltet il-konsegwenzi mill-fatt li l-informazzjoni li kellu l-Kunsill, kif deskritta fil-premessa 78 tar-Regolament kontenzjuż, ma kinitx tippermettilu jikkonkludi l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord fil-livell tal-pajjiż u ma kinitx tikkostitwixxi bażi fattwali sabiex City Cycle tiġi involuta f’tali operazzjonijiet.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni grupp ta’ aggravji għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravji bbażati fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, fuq motivazzjoni kontradittorja u fuq żnaturament tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

82

Fit-tielet grupp ta’ aggravji, Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-Kunsill jinvoka wkoll żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha.

83

Fl-ewwel lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li s-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement motivata, peress li fiha l-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-raġuni għaliex il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minn naħa, il-punti 98 u 99 ta’ dik is-sentenza ma jippermettux li wieħed isir jaf jekk l-iżball li bih huwa kkritikat il-Kunsill huwiex sempliċi żball ta’ evalwazzjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex il-provi li ġew ippreżentati għall-evalwazzjoni tagħha, inkluża d-data disponibbli, ma kinux jippermettulha tikkonkludi li City Cycle kienet wettqet attivitajiet ta’ trasbord.

84

Fit-tieni lok, Maxcom u l-Kummissjoni jsostnu li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja. L-ewwel nett, Maxcom issostni li l-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 98 u 99 ta’ dik is-sentenza huma kontradetti mill-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni motiv, b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 131 u 135 ta’ dik is-sentenza, li permezz tagħhom, minn naħa hija indikat li l-informazzjoni pprovduta minn City Cycle kienet dgħajfa u, min-naħa l-oħra hija ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill allegatament kiser l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ City Cycle. It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrileva li mill-punt 97 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-provi ppreżentati minn City Cycle ma kinux jippermettu li jintwera li hija tabilħaqq kienet esportatur li joriġina mis-Sri Lanka jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tistaqsi kif dawn il-provi, minkejja li jindikaw li City Cycle twettaq evażjoni permezz ta’ prattiki ta’ assemblaġġ, jistgħu ma jurux li din hija wkoll involuta f’operazzjonijiet ta’ trasbord. It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli sostniet, minn naħa, li l-Kunsill ma kellu ebda indizju li jippermetti li jiġi konkluż li City Cycle kienet involuta f’tali operazzjonijiet ta’ trasbord u, min-naħa l-oħra, li ġabra estensiva ta’ data disponibbli kienet tippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ evażjoni minn City Cycle, fil-punt 131 tas-sentenza appellata.

85

Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha. L-ewwel nett, peress li t-trasbord kien allegatament muri debitament fil-livell tal-pajjiż u peress li City Cycle ma kellhiex bażi sabiex tikseb eżenzjoni, minn dan hija setgħet biss tiddeduċi li City Cycle kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trasbord. It-tieni nett, dan l-iżnaturament allegatament jirriżulta wkoll mill-punti 83, 94, 97, 109, 112 u 121 tas-sentenza appellata, dwar it-talba għal eżenzjoni ta’ City Cycle, li jeskludu li din kienet issodisfat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-assemblaġġ fil-pajjiż kopert mill-investigazzjoni jagħti oriġini lokali lill-prodotti.

86

City Cycle tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħudha u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 54).

88

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata ma jindikawx jekk l-iżball li bih huwa kkritikat il-Kunsill huwiex sempliċi żball ta’ evalwazzjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

89

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jfixkilx is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu josserva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jappoġġjaw il-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

90

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 79 tas-sentenza preżenti, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi kkonstatat li l-elementi li fuqhom ibbaża ruħhu l-Kunsill għall-konklużjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trasbord fil-livell tas-Sri Lanka ma kinux ta’ natura li jappoġġjaw din il-konklużjoni. Fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti, mill-punt 98 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod impliċitu iżda neċessarjament li, fl-imsemmi punt il-Qorti Ġenerali kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni.

91

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tagħtix ir-raġunijiet li għalihom il-provi prodotti quddiemha ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li City Cycle wettqet attivitajiet ta’ trasbord, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li tali argument ma għandu ebda bażi fattwali, sa fejn il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet tagħha. Għaldaqstant hija indikat, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, minn naħa li l-Kunsill ma kellu ebda indizju li jippermetti li wieħed jasal għal din il-konklużjoni u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija konklużjoni ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li din il-kumpannija ma kinitx uriet li hija kienet tabilħaqq esportatur mis-Sri Lanka jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

92

Minn dan isegwi li l-argument dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

93

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza allegata ta’ kontradizzjonijiet fis-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 98 u 99 ta’ dik is-sentenza bl-ebda mod ma huma kontradetti minn dawk dwar it-tieni motiv, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali minn naħa indikat li l-informazzjoni pprovduta minn City Cycle kienet dgħajfa u, min-naħa l-oħra hija ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill allegatament kiser l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ City Cycle. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 66 tas-sentenza preżenti, minkejja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati, fil-każ ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti, jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex jikkonkludu li teżisti evażjoni, madankollu ma teżisti ebda preżunzjoni legali li tippermetti li jiġi dedott li teżisti tali evażjoni direttament min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti kkonċernata.

94

It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar il-punt 97 tas-sentenza appellata u dwar il-fatt li l-provi jindikaw li City Cycle twettaq evażjoni mill-miżuri antidumping permezz ta’ prattiki ta’ assemblaġġ, huwa biżżejjed li wieħed josserva li s-sentenza appellata ma fiha ebda konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ minn din il-kumpannija, b’mod li dan l-argument ma għandu ebda bażi fattwali.

95

It-tielet nett, fir-rigward tal-kontradizzjoni allegata bejn il-kunsiderazzjonijiet li skonthom, minn naħa, il-Kunsill ma kellu ebda indizju li jippermetti li jiġi konkluż li City Cycle kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trasbord u, min-naħa l-oħra, li kienet teżisti ġabra estensiva ta’ data disponibbli li kienet tippermetti li wieħed jasal għal din il-konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ilment ta’ City Cycle dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kunsill, sa fejn dan tal-aħħar allegatament b’mod partikolari naqas milli jispjega x’kienet in-natura tad-data disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, li huwa ħa inkunsiderazzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkonkludiet fl-imsemmi punt, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, li d-data disponibbli kienet tippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ evażjoni. Għaldaqstant, ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi individwata bejn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 131 u 135 tas-sentenza appellata.

96

Għaldaqstant, l-argument li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

97

Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-iżnaturament tal-fatti invokat mill-Kunsill, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li ssostni din l-istituzzjoni, mill-punt 79 tas-sentenza preżenti jirriżulta li ma jistax jitqies li l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord intweriet debitament fil-livell tal-pajjiż. It-tieni nett, minkejja li l-Kunsill isostni li tali żnaturament jirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tas-sentenza appellata dwar it-talba għal eżenzjoni ta’ City Cycle, li jeskludu li din issodisfat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-assemblaġġ fil-pajjiż kopert mill-investigazzjoni jagħti oriġini lokali lill-prodotti, dan ma jippreċiżax fiex il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dawn il-konklużjonijiet, żnaturat il-fatti ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

98

Għalhekk, l-argument dwar l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti kif ukoll it-tielet grupp ta’ aggravji fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-aggravju tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha

L-argumenti tal-partijiet

99

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha, sa fejn hija pprojbixxietha milli tippreżenta nota ta’ intervent. F’dan ir-rigward, qabelxejn, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tilqa’ t-talba għal proċedura mħaffa li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem din il-qorti, jeskludi kull intervent bil-miktub tal-Kummissjoni. Issa, id-deċiżjoni tal-imsemmija qorti li tagħti l-benefiċċju ta’ din il-proċedura hija nieqsa minn kull motivazzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali damet 19.3 xhur sabiex tagħti s-sentenza tagħha, filwaqt li t-tul medju ta’ proċedura quddiem din il-qorti matul is-sena 2014 kien ta’ 23.4 xhur.

100

Sussegwentement, il-Kummissjoni tippreċiża li, meta sar evidenti li l-kawża kienet wisq kumplessa minn dak li kienet ipprevediet il-Qorti Ġenerali, hija talbet li tiġi awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Issa, din it-talba ġiet miċħuda fid-9 ta’ Lulju 2014, mingħajr ebda motivazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tul effettiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rifjut persistenti tal-Qorti Ġenerali li tawtorizza lill-Kummissjoni tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub ma kienx motivat min-neċessità li jitħaffef it-trattament tal-kawża.

101

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxu żbalji ta’ liġi huma marbuta mal-attivitajiet tagħha ta’ investigazzjoni. Dawn il-konstatazzjonijiet kienu jkunu differenti li kieku hija kienet ġiet awtorizzata tesprimi l-pożizzjoni tagħha qabel is-seduta.

102

City Cycle tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument dwar l-opportunità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħti l-benefiċċju tal-proċedura mħaffa, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem din il-qorti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 116(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti taċċetta l-kawża fl-istat li tkun tinsab fih waqt l-intervent tagħha.

104

Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ppreżentat it-talba għal intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru 2013, filwaqt li t-talba għal proċedura mħaffa fformulata minn City Cycle kienet intlaqgħet permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013.

105

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet obbligata taċċetta l-kawża fl-istat li kienet tinsab fih waqt l-intervent tagħha u ma setgħetx tikkontesta b’mod validu d-deċiżjoni li l-kawża tinqata’ permezz ta’ proċedura mħaffa.

106

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-Qorti Ġenerali tat-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi, bħala prinċipju, jekk hemmx il-ħtieġa li tiġi kkompletata l-informazzjoni li hija għandha dwar il-kawżi mressqa quddiemha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura probatorja jew le tad-dokumenti tal-proċedura toħroġ mill-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati lill-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet imwettqa minn din tal-aħħar tirriżulta mill-atti tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs EASA, C-61/15 P, EU:C:2016:59, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tinvokax żnaturament tal-provi ppreżentati lill-Qorti Ġenerali jew ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar. Minn dan isegwi li hija ma tistax tikkontesta b’mod validu r-rifjut tal-Qorti Ġenerali għat-talba tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

108

Fit-tielet lok, minkejja li l-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu jkunu differenti li kieku hija kienet ġiet awtorizzata tesprimi l-pożizzjoni tagħha qabel is-seduta, madankollu hija la tippreċiża liema huma l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li hija għandha intenzjoni tindirizza u lanqas ir-raġunijiet li għalihom dawn il-konstatazzjonijiet allegatament kienu differenti.

109

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

110

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li dawn l-aggravji jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

111

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

112

Peress li Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni tilfu l-aggravji tagħhom u City Cycle talbet li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑413/13 kif ukoll mal-proċeduri ta’ appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli fil-Kawżi C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P huma miċħuda.

 

2)

Maxcom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti minn City Cycle Industries, relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑413/13 kif ukoll mal-proċeduri ta’ appell.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Fil-punt 69 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.