SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ appell minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali — Mekkaniżmu effettiv ta’ appell — Żamma tad-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali sakemm isir magħruf l-eżitu tal-proċedura ta’ appell — Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali — Possibbiltà li tiġi annullata deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’effett retroattiv — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża C‑231/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura
Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,
Petrotel sp. z o.o. w Płocku
vs
Polkomtel sp. z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
Għall-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, minn L. Ochniewicz, radca prawny, |
— |
għal Petrotel sp. z o.o. w Płocku, minn K. Stompel, adwokat, |
— |
għal Polkomtel sp. z o.o., minn E. Barembruch, radca prawny, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, J. Hottiaux u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel u tat-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (president tal-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“president tal-UKE”) u Petrotel sp. z o.o. w Płocku (iktar ’il quddiem “Petrotel”), minn naħa, u Polkomtel sp. z o.o., dwar deċiżjoni meħuda mill-president tal-UKE fil-kuntest ta’ kawża bejn dawn iż-żewġ impriżi dwar it-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata applikati minn Polkomtel fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-[ARN] jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv. Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-[ARN] għandha tibqa’ tgħodd, sakemm ma jkunux ingħataw miżuri interim skont il-liġi nazzjonali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4 |
Fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-president tal-UKE, wara li wettaq analiżi tas-suq rilevanti, ħa deċiżjoni, fit-30 ta’ Settembru 2008, li permezz tagħha ordna lil Polkomtel, bħala impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq ikkonċernat, taġġusta t-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata vokali fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli tagħha għal livell iddefinit f’din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008”). Potkomtel appellat minn din id-deċiżjoni. |
5 |
Filwaqt li l-proċedura ta’ appell mid-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 kienet pendenti quddiem il-qorti kompetenti, Polkomtel mexxiet negozjati ma’ Petrotel dwar, b’mod partikolari, l-emenda tat-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata vokali fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli tagħha. Peress li dawn l-impriżi ma waslux għal ftehim, il-president tal-UKE ġie adit b’talba għar-riżoluzzjoni tat-tilwima bejn dawn l-impriżi. |
6 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009, li timplementa d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, il-president tal-UKE rriżolva din it-tilwima billi emenda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt konkluż bejn Petrotel u Polkomtel dwar it-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata vokali fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli ta’ Polkomtel (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-president tal-UKE ordna lil Polkomtel taġġusta dawn it-tariffi għal-livell iddefinit fid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2008. Polkomtel appellat ukoll mid-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur, il-Polonja). |
7 |
Filwaqt li l-appell mid-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 kien pendenti, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 ġiet annullata permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Marzu 2011 tas-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur, il-Polonja), li ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Jannar 2012 tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja). |
8 |
Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2012, is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur) annullat ukoll id-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 għar-raġuni li din tal-aħħar, li kienet timplementa d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, kienet saret bla bażi, peress li l-obbligi previsti mid-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 kienu tħassru b’effett retroattiv. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 wassal ukoll għall-annullament, b’effett retroattiv, tal-obbligu ta’ Polkomtel li taġġusta t-tariffi tagħha għal-livell iddefinit mid-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008. |
9 |
Il-president tal-UKE u Petrotel appellaw mis-sentenza tas-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur) tas-26 ta’ Ottubru 2012 quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) li ċaħdet l-appelli tagħhom permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li ma kienx hemm lok li jiġu applikati f’dan ir-rigward il-prinċipji tal-proċedura amministrattiva stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi Pollakki, li skonthom l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva jipproduċi biss effetti ex nunc. Il-president tal-UKE u Petrotel ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema). |
10 |
Il-qorti tar-rinviju tapprova l-approċċ adottat mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) billi tikkunsidra li l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-proċedura amministrattiva msemmija fil-punt preċedenti f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ppreżentata quddiemha ma tippermettix li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas. Skontha, kien iġġustifikat li l-qrati aditi b’kawża dwar ir-regolamentazzjoni tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jfasslu approċċ awtonomu f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008. |
11 |
Hija tispjega li, skont dan l-approċċ, il-qorti adita bl-appell mid-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009, li kienet eżekuttiva immedjatament u li kienet timplementa d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, tista’, wara l-annullament ta’ din tal-aħħar, jew temenda t-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata vokali fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli għall-perijodu kopert mid-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009, jew tannulla din tal-aħħar, u b’hekk tħassar l-obbligu li jiġu applikati l-imsemmija tariffi ddefiniti għall-istess perijodu. Skontha, l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 ma jippreġudikax l-effettività tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jippermetti lill-ARN tadotta deċiżjoni ġdida li tiffissa l-livell tat-tariffi ta’ tmiem ta’ telefonata vokali fuq in-netwerk tat‑telefonija mobbli previsti fil-kuntratt li jorbot lill-impriżi li jipprovdu netwerk għall-perijodu kopert mid-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009. |
12 |
Madankollu, peress li Petrotel issostni li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 nżammet fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u li l-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 ma jistax ikollu effett ex tunc, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni toħloqx limitu għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tesprimi dubji dwar is-sinjifikat li għandu jingħata lill-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
13 |
Skontha, il-kunsiderazzjoni li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jwassal sabiex jiġu awtorizzati l-emenda jew l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ARN b’effett retroattiv tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit bilanċ bejn il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u ma tmurx kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-ewwel u t-tielet sentenzi [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta impriża li tipprovdi netwerk (network provider) tikkontesta d-deċiżjoni tal-ARN li tistabbilixxi t-tariffa tat-tmiem tat-telefonata (call termination rate) fin-netwerk tal-imsemmija impriża ([l-ewwel deċiżjoni]), u meta sussegwentement tikkontesta d-deċiżjoni konsekuttiva tal-ARN li temenda l-kuntratt li jorbot id-destinatarju [tal-ewwel deċiżjoni] ma’ impriża oħra b’mod li t-tariffi mħallsa minn din l-impriża l-oħra għat-tmiem tat-telefonata fin-netwerk tad-destinatarju [tal-ewwel deċiżjoni] jikkorrispondu mat-tariffi stabbiliti [fl-ewwel deċiżjoni] (deċiżjoni ta’ implementazzjoni), il-qorti nazzjonali, li tikkonstata li [l-ewwel deċiżjoni] ġiet annullata, ma tistax tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni fid-dawl tal-formulazzkjoni [tat-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas kif ukoll tal-interessi li l-impriża li tibbenefika mid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tislet mill-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali; jew inkella l-ewwel u t-tielet sentenzi [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, [moqrija] flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-ARN u konsegwentement tħassar l-obbligi previsti f’din id-deċiżjoni għall-perijodu ta’ qabel is-sentenza jekk din tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li tkun ippreżentat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-ARN li timplementa l-obbligi previsti [fl-ewwel deċiżjoni] li ġiet annullata sussegwentement?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
15 |
Polkomtel issostni li d-domanda magħmula mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema) hija inammissibbli minħabba li, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk applikabbli u ma tiddeskrivix konkretament ir-rabta li tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u dawk tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob li jiġu interpretati u, min-naħa l-oħra, id-domanda magħmula hija ta’ natura ġenerali u ipotetika peress li tikkonsisti f’talba għal evalwazzjoni ġenerali tal-effetti ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ARN meta din l-evalwazzjoni ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ April 2016, sentenza Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
17 |
Issa dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku u l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-qrati Pollakki sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata tad-domanda magħmula. Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari turi b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jippermettix lil qorti nazzjonali tannulla deċiżjoni tal-ARN b’effett retroattiv u li r-risposta għal din id-domanda hija neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi l-appelli ppreżentati mis-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) li annullat, b’effett retroattiv, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2009. |
18 |
Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni tal-ARN għandha tkun tista’ tannulla din id-deċiżjoni b’effett retroattiv jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell. |
20 |
Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li skontu huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, T-Mobile Austria, C‑282/13, EU:C:2015:24, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jimponu fuq l-Istati Membri li jipprevedu mekkaniżmi ta’ appell effettivi li permezz tagħhom kull utent jew impriża li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li jkunu affettwati minn deċiżjoni meħuda minn ARN, ikunu jistgħu jappellaw minn din id-deċiżjoni. Skont it-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 4(1), id-deċiżjoni tal-ARN għandha tinżamm sakemm isir magħruf l-eżitu tal-appell, ħlief jekk ikunu ngħataw miżuri provviżorji skont id-dritt nazzjonali. |
22 |
L-imsemmi Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas ma tistabbilixxix regoli proċedurali partikolari għall-implementazzjoni tal-obbligu li jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ appell effettiv u ma jirregolax l-effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ARN. |
23 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom u suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandhom jipprevedu r-regoli proċedurali applikabbli għal appell bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 35). |
24 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li jipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ appell effettiv, jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 44), li għandu jiġi osservat f’kull każ. |
25 |
Għaldaqstant, qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni tal-ARN għandha tkun tista’ tannulla din id-deċiżjoni b’effett retroattiv, jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell. |
26 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas bl-ebda mod ma jimpedixxi din il-possibbiltà jew jirrestrinġiha. |
27 |
Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-appell ippreżentat minn deċiżjoni tal-ARN ma għandux effett sospensiv, ħlief jekk ikunu ngħataw miżuri provviżorji skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-ARN tapplika, bħala prinċipju, sakemm idum pendenti l-appell, liema applikazzjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà, fi tmiem l-appell, li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata b’effett retroattiv, jekk il-qorti nazzjonali tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell. |
28 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tannulla deċiżjoni tal-ARN b’effett retroattiv ma tmurx kontra l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-korollarju tiegħu huwa l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta ċar li huwa biss sakemm isir magħruf l-eżitu tal-appell li d-deċiżjoni tal-ARN li tkun ġiet appellata tinżamm bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, operaturi ekonomiċi, li jkunu partijiet f’appell bħal dak previst fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, ma jistgħux iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-fatt li, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni, dan l-annullament ma huwiex ser jipproduċi effetti ex tunc. |
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni tal-ARN għandha tkun tista’ tannulla din id-deċiżjoni b’effett retroattiv, jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell. |
Fuq l-ispejjeż
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel u t-tielet sentenzi tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun tista’ tannulla din id-deċiżjoni b’effett retroattiv, jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat l-appell. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.