Kawża C‑224/15 P

Rose Vision SL

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka — Awditi li jikkonstataw irregolaritajiet fl-implementazzjoni ta’ ċerti proġetti — Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jissospendu l-pagament tal-ammonti li għandhom jitħallsu fil-kuntest ta’ ċerti proġetti — Rikors għad-danni — Ċaħda — Motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016

Appell – Aggravji – Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja – Ammissibbiltà – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima u l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li, bħala tali, jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punti 24-26)