Kawża C‑207/15 P

Nissan Jidosha KK

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark figurattiva li tinkludi l-element ‘CVTC’ — Talbiet għat-tiġdid imressqa għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata — Terminu addizzjonali — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 47 — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

  2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Tul ta’ żmien, tiġdid, tibdil u diviżjoni tat-trade mar – Tiġdid tat-trademark – Termini – Tressiq ta’ talba għal tiġdid parzjali u ħlas tal-miżati marbuta magħha matul il-perijodu inizjali – Ikkompletar tat-talba matul il-perijodu ta’ grazzja – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 46 u 47(2) sa (5))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 43)

  2.  Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludu t-tressiq ta’ talba għat-tiġdid li tirrigwarda ċerti klassijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata trade mark tal-Unjoni Ewropea, matul it-terminu addizzjonali, meta talba għat-tiġdid dwar klassijiet oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mill-istess trade mark ġiet ippreżentata preċedentement, matul it-terminu previst fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

    Skont l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Franċiża, eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, “[l]a demande de renouvellement est à présenter dans un délai de six mois expirant le dernier jour du mois au cours duquel la période de protection prend fin. Les taxes doivent également être acquittées dans ce délai. À défaut, la demande peut encore être présentée et les taxes acquittées dans un délai supplémentaire de six mois prenant cours le lendemain du jour visé dans la première phrase, sous réserve du paiement d’une surtaxe au cours dudit délai supplémentaire”. [verżjoni uffiċjali bil-Malti fil-punt 3 tas-sentenza]

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hemm diverġenzi f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 meta mqabbla mat-test riprodott fil-punt preċedenti inkwantu huma ma jużawx il-kliem “à defaut [fin-nuqqas (traduzzjoni mhux uffiċjali – verżjoni uffiċjali fil-punt 3 tas-sentenza)]”, li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fil-punt 38 tas-sentenza appellata, u lanqas ma jużaw kliem oħra simili.

    Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi dedott b’mod ċar u inekwivoku mill-espressjoni “à défaut [fin-nuqqas]” użata fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni li huwa biss b’mod eċċezzjonali, mingħajr ma tressqet ebda talba oħra f’dan is-sens preċedentement, li talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ppreżentata matul it-terminu addizzjonali.

    Bil-kontra, il-formulazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha riprodotti fil-punti preċedenti, tissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta t-tressiq ta’ talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu addizzjonali għas-sempliċi ħlas ta’ miżata ulterjuri, li tikkostitwixxi l-uniku element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn talba għat-tiġdid imressqa f’dawn iċ-ċirkustanzi u talba mressqa fit-terminu inizjali ta’ sitt xhur.

    Barra minn hekk, il-formulazzjoni ġenerali tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 47(4) ta’ dan ir-regolament, jekk it-talba għat-tiġdid titressaq biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ir-reġistrazzjoni tiġġedded biss għal dawn il-prodotti jew servizzi, filwaqt li l-Artikolu 47(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t-tiġdid isir effettiv fil-ġurnata ta’ wara d-data ta’ skadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u ladarba jkun irreġistrat.

    Għandu jiġi kkonstatat li minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li huwa pprojbit li, matul it-termini msemmija fl-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, jitressqu talbiet għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea b’mod progressiv fiż-żmien u li jkunu bbażati fuq klassijiet differenti ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

    Barra minn hekk, l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 207/2009 jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-imsemmija talbiet għat-tiġdid għandhom jiġu aċċettati, bil-kundizzjoni li jitressqu qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi pprovda l-possibbiltà li jintalab b’mod kontinwu t-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għal perijodi ta’ għaxar snin u billi pprovda, f’dan il-kuntest, żewġ termini konsekuttivi li matulhom l-imsemmi tiġdid seta’ jintalab, konformement mal-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 207/2009, dan tal-aħħar għandu l-għan li jiffaċilita, fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea, iż-żamma mill-proprjetarji tagħhom tad-drittijiet esklużivi tagħhom.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal‑24 ta’ Mejju 2011, intitolat “Suq uniku għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalita għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa” [COM(2011) 287 finali] (p. 7), il-protezzjoni tat-trade marks tiffavorixxi l-investiment fil-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, b’mod partikolari fis-setturi li jiddependu ħafna fuq immaġni ta’ trade mark u fuq il-fedeltà tal-konsumatur.

    It-tiftix ta’ dan l-għan fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 huwa wkoll ikkonfermat, minn naħa, bil-fatt li, skont l-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament, l-EUIPO għandu jinforma fi żmien utli lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u kull proprjetarju ta’ dritt irreġistrat fuqha dwar l-iskadenza tar‑reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 81 tal-imsemmi regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li, minkejja li wera d-diliġenza meħtieġa miċ-ċirkustanzi, ma kienx f’pożizzjoni li josserva terminu fir-rigward tal-EUIPO jista’ jiġi rreintegrat fid-drittijiet tiegħu, permezz tat-tressiq ta’ talba f’terminu massimu ta’ sena mill-iskadenza tat-terminu mhux osservat.

    (ara l-punti 44, 45, 47‑55, 58)