Kawża C‑199/15
Ciclat Soc. Coop.
vs
Consip SpA
u
Autorità per la Vigilanza sui Contratti Pubblici di lavori, servizi e forniture
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 45 – Artikoli 49 u 56 TFUE – Kuntratti pubbliċi – Kundizzjonijiet ta’ esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Obbligi relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Dokument uniku ta’ regolarità fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet soċjali – Rettifika tal-irregolaritajiet”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga l-awtorità kontraenti li teskludi operatur ikkonċernat, fid-data tal-parteċipazzjoni tiegħu f’sejħa għal offerti, minn ksur fil-qasam imniżżel f’ċertifikat maħruġ mill-organi kompetenti – Ammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 45)
L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga l-awtorità kontraenti li tikkunsidra bħala motiv ta’ esklużjoni l-ksur fil-qasam tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ikkonstatata f’ċertifikat mitlub ex officio mill-awtorità kontraenti u maħruġ mill-organi tas-sigurtà soċjali, meta dan il-ksur kien jeżisti fid-data tal-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti, anki jekk din ma kinitx teżisti iżjed fid-data tal-aġġudikazzjoni jew tal-istħarriġ ex officio mill-awtorità kontraenti.
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 45(2)(e) tad-Direttiva 2004/18 jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku kull operatur ekonomiku li ma jħarisx l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, ftit jimporta li operatur ekonomiku ma kienx avżat minn tali irregolarità bil-kundizzjoni li kellu l-possibbiltà jivverifika f’kull mument ir-regolarità tas-sitwazzjoni tiegħu quddiem l-organu kompetenti. Jekk dan huwa sewwasew il-każ, li jappartjeni għall-qorti nazzjonali li tivverifika, operatur ekonomiku ma jistax jiddependi fuq ċertifikat maħruġ mill-organi tas-sigurtà soċjali miksub qabel il-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu u li jiċċertifika li kien iħares l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul perijodu qabel din il-preżentazzjoni, filwaqt li jaf, jekk ikun il-każ, wara informazzjoni meħuda mingħand l-organu kompetenti, li ma għadux iħares tali obbligi fid-data tal-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu.
Barra minn hekk, l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni indikati fih fuq livell tal-Unjoni, minħabba li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx affattu dawn il-kawżi ta’ esklużjoni, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li jista’ jvarja każ b’każ, skont il-kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fil-livell nazzjonali. Din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma tobbligax l-Istati Membri li jħallu libertà ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet kontraenti f’dan ir-rigward.;
(ara l-punti 33, 34, 36, 40 u d-dispożittiv)