SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolamenti (KE) Nru 864/2007 u (KE) Nru 593/2008 — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Protezzjoni tad-data — Direttiva 95/46/KE — Kuntratti ta’ bejgħ online ma’ konsumaturi li jirrisjedu fi Stati Membri oħra — Klawżoli inġusti — Kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli favur id-dritt tal-Istat Membru fejn l-impriża għandha s-sede tagħha — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dawk il-kundizzjonijiet ġenerali fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni — Determinazzjoni tal-liġi li tirregola l-ipproċessar ta’ data personali tal-konsumaturi”
Fil-Kawża C‑191/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2015, fil-proċedura
Verein für Konsumenteninformation
vs
Amazon EU Sàrl
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Švaby, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Verein für Konsumenteninformation, minn S. Langer, avukat, |
|
— |
għal Amazon EU Sàrl, minn G. Berrisch, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, A. Lippstreu, M. Hellmann u T. Laut kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), u (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) u tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Verein für Konsumenteninformation (assoċjazzjoni għall-informazzjoni tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“VKI”) u Amazon EU Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu, dwar azzjoni għal inġunzjoni mressqa mill-VKI. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Ruma I
|
3 |
Skont il-premessa 7 tar-Regolament Ruma I: “L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42] u r-Regolament [Ruma II].” |
|
4 |
L-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament Ruma I jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. M’għandux japplika, partikolarment, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi. [...] 3. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-prova u għall-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18.” |
|
5 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jipprevedi: “1. Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:
2. Fejn il-kuntratt ma jkunx kopert mill-paragrafu 1 jew fejn l-elementi tal-kuntratt ikunu koperti minn aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali tagħha. 3. Meta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. 4. Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta.” |
|
6 |
L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Kuntratti ta’ konsum”, huwa fformulat b’dan il-mod: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (“il‑konsumatur”), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-professjonist”) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1. [...]” |
|
7 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprovdi: “1. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament. 2. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum. 3. Jista’ [wkoll] jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu jew ikunu twettqu, sa fejn dawn [id-]dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kunsens u validità materjali”: “1. L-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi. 2. Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista’ tirriferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-komportament ta’ tali parti skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.” |
|
9 |
L-Artikolu 23 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi Komunitarja”, jipprevedi: “Bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7, dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari, jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet kuntrattwali.” |
Ir-Regolament Ruma II
|
10 |
Skont il-premessi 7 u 21 tar-Regolament Ruma II:
[...]
|
|
11 |
L-Artikolu 1(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma għandux japplika, b’mod partikolari, għal materji fiskali, doganali u amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”). [...] 3. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prova u għall-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21 u 22.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Regola ġenerali”, li jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Delitti jew kważi-delitti ċivili [Fatti dannużi]”: “1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment. 2. Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż. 3. Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.” |
|
13 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera”, li wkoll jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta. 2. Fejn att ta’ kompetizzjoni żleali jolqot esklussivament l-interessi ta’ kompetitur speċifiku, għandu japplika l-Artikolu 4.
4. Il-liġi applikabbli taħt dan l-Artikolu ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14.” |
|
14 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-libertà ta’ l-għażla”, jipprovdi: “1. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li jissottoponu obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għal liġi magħżula minnhom:
L-għażla għandha tkun espressa jew manifestata b’mod raġonevolment ċert miċ-ċirkostanzi tal-każ u m’għandhiex tippreġudika d-drittijiet ta’ partijiet terzi. 2. Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu ġiet magħżula l-liġi, l-għażla tal-partijiet ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż ieħor li minnhom dik il-liġi ma tippermettix deroga permezz ta’ ftehim. 3. Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew f’aktar, l-għażla tal-partijiet ta’ liġi applikabbli li ma tkunx dik ta’ Stat Membru [liġi ta’ pajjiż terz] ma għandiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn ikun il-każ, kif implementata fl-Istat Membru tal-forum, li minnhom ma tkunx permessa deroga permezz ta’ ftehim.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”: “F’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali.” |
Regolament (KE) Nru 2006/2004
|
16 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1), intitolat “Id-Definizzjonijiet” jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: [...]
[...]” |
|
17 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Awtoritajiet kompetenti”, jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti u [l-]uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. 2. Kull Stat Membru jista’, fejn [jidhirlu] meħtieġ biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament, jinnomina awtoritajiet pubbliċi oħra. Jista’ jinnomina wkoll korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju skond l-Artikolu 8(3). 3. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, bla preġudizzju għall-paragrafu 4, is-setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jeżerċitawhom skond il-liġi nazzjonali. 4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 skond il-liġi nazzjonali jew:
5. Meta l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’applikazzjoni lill-qrati skond il-paragrafu 4(b), dawk il-qrati għandhom ikunu kompetenti biex jagħtu d-deċiżjonijiet meħtieġa. 6. Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati biss fejn hemm suspett raġonevoli ta’ ksur intra-Komunitarju u għandhom jinkludu, għall-inqas, id-dritt:
[...]” |
Id-Direttiva 2009/22/KE
|
18 |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30), jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-dritt privat internazzjonali, b’rispett għal-liġi applikabbli, jiġifieri, normalment, jew il-liġi tal-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu.” |
Id-Direttiva 93/13
|
19 |
Skont il-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva 93/13: “Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor; Billi, biex jitħaffef l-istabbiliment tas-suq intern u biex jiġi salvagwardat iċ-ċittadin fir-rwol tiegħu bħala konsumatur meta jakkwista merkanzija u servizzi b’kuntratti li jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri mhux tiegħu stess, huwa essenzali li jitneħħew klawżoli inġusti minn dawn il-kuntratti”. |
|
20 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jipprevedi: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. [...] 3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.” |
|
21 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).” |
|
22 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri.” |
|
23 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. 2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli. […]” |
|
24 |
Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.” |
|
25 |
L-anness tad-Direttiva 93/13 jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha. Il-punt 1(q) ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej: “Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: [...]
|
Id-Direttiva 95/46
|
26 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Il-Liġi nazzjonali applikabbli” jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:
2. Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1(ċ), il-kontrollur għandu jinnomina rappreżentant stabbilit fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bla ħsara għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-kontrollur innifsu.” |
Id-dritt Awstrijak
|
27 |
L-Artikolu 6 tal-Konsumentenschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur), tat-8 ta’ Marzu 1979 (BGB1. 140/1979), intitolat “Elementi kuntrattwali illegali”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi li dispożizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali jew f’formoli ta’ kuntratt stampati minn qabel hija mingħajr effett jekk tkun ifformulata b’mod ekwivoku jew inkomprensibbli. |
|
28 |
Skont l-Artikolu 13a ta’ dik il-liġi, l-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar għandu japplika għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, indipendentement mil-liġi tal-kuntratt, meta dan il-kuntratt jirriżulta minn attività tal-impriża jew minn intermedjarju impjegat minnha, li jintbagħat fl-Awstrija bil-għan li jikkonkludi tali kuntratti. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
29 |
Amazon EU hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu li tappartjeni għal grupp internazzjonali ta’ kummerċ bil-korrispondenza li, fost attivitajiet oħrajn, permezz ta’ sit internet bl-isem tad-domain bl-estensjoni “.de” timmira konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija li magħhom hija tikkonkludi kuntratti ta’ bejgħ elettroniċi. Din il-kumpannija la għandha s-sede u lanqas ma għandha xi stabbiliment fl-Awstrija. |
|
30 |
Sa nofs l-2012, il-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-kuntratti konklużi ma’ dawn il-konsumaturi kienu fformulati b’dan il-mod:
[...]
[...]
[...]
|
|
31 |
VKI, entità kkwalifikata sabiex tressaq azzjonijiet għal inġunzjoni fis-sens tad-Direttiva 2009/22, ressqet, quddiem il-qrati Awstrijaċi, azzjoni għal inġunzjoni kontra l-użu tal-klawżoli kollha li jinsabu f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll talba għall-pubblikazzjoni tas-sentenza , b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dawn il-klawżoli kollha kienu jmorru kontra projbizzjonijiet legali jew prattiki tajbin. |
|
32 |
Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet kollha tar-rikors, bl-eċċezzjoni ta’ dik li tikkonċerna l-klawżola 8, dwar il-ħlas ta’ suppliment fil-każ ta’ ħlas fuq fattura. Billi bbażat ruħha fuq l-applikazzjoni bħala prinċipju tar-Regolament Ruma I, hija qieset, abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, li l-klawżola 12, dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, kienet invalida, minħabba li l-għażla tal-liġi ma kellhiex twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li tiggarantixxilu l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu. Minn dan l-imsemmija qorti ddeduċiet li l-validità tal-klawżoli l-oħra kellha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Awstrijak. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-klawżoli 6, 9 u 11, din l-istess qorti osservat li l-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data biss kellhom jiġu evlawati fid-dawl tad-dritt Lussemburgiż rilevanti, peress li r-Regolament Ruma I ma kienx jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. |
|
33 |
Il-qorti tal-appell, adita miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, annullat is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza u rrinvijat il-kawża lil din tal-aħħar sabiex jitwettaq eżami ġdid. Hija qieset li r-Regolament Ruma I kien rilevanti għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u fil-mertu eżaminat biss il-klawżola 12, dwar l-għażla tal-liġi applikabbli. F’dan ir-rigwrad, hija ddeċidiet li l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament ma kienx jippermetti li wieħed jikkonkludi li din il-klawżola hija illegali u li, skont l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, l-analiżi tal-imsemmija kawża kellha titwettaq pjuttost fid-dawl tad-dritt Lussemburgiż. Wara li stiednet lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex twettaq din l-analiżi, il-qorti tal-appell osservat li, li kieku din l-istess klawżola kellha tirriżulta li hija legali fir-rigward tad-dritt Lussemburgiż, il-klawżoli l-oħra għandhom ukoll jiġu evalwati fid-dawl ta’ dan id-dritt u għaldaqstant ikollu jsir paragun mad-dritt Awstrijak bl-għan li tiġi ddeterminata l-liġi l-iktar favorevoli fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I. |
|
34 |
Adita mill-VKI, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), tistaqsi dwar il-liġi applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel tliet domandi
|
35 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tkun taf kif għandhom jiġu interpretati r-Regolamenti Ruma I u Ruma II għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi jew il-liġijiet applikabbli f’azzjoni għal inġunzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/22, diretta kontra l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali allegatament illegali minn impriża stabbilita fi Stat Membru li tikkonkludi kuntratti permezz ta’ kummerċ elettroniku ma’ konsumaturi li jirrisjedu fi Stati Membri oħra u, b’mod partikolari, fl-Istat tal-qorti adita. |
|
36 |
Preliminarjament, fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” li jidhru fihom għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, konformement mal-premessa 7 ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti, l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni reċiproka ta’ dawn ir-regolamenti, iżda wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), li b’mod partikolari jagħmel distinzjoni, fl-Artikolu 5 tiegħu, bejn il-qasam kuntrattwali u l-qasam delittwali jew kważi delittwali (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 43). |
|
37 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, jinkludi fih kull talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ rikorrent u li ma hijiex relatata mal-“qasam kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan l-aħħar regolament (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 45). |
|
38 |
Fil-kuntest tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li azzjoni ġudizzjarja preventiva, introdotta minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi bl-għan li jiġi pprojbit l-użu, minn negozjant, ta’ klawżoli meqjusa inġusti f’kuntratti ma’ individwi, hija ta’ natura delittwali jew kważi delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 50), b’din l-interpretazzjoni tgħodd ukoll fir-rigward tar-Regolament Brussell I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19). |
|
39 |
Issa, fid-dawl tal-għan ta’ applikazzjoni koerenti mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjoni li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tkopri wkoll il-preġudizzji għall-ordinament ġuridiku li jirriżultaw mill-użu ta’ klawżoli inġusti li l-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandhom bħala missjoni li jxekklu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 42) hija transponibbli totalment għall-interpretazzjoni tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II. Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-azzjoni għal inġunzjoni msemmija mid-Direttiva 2009/22 tirrigwarda obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn fatt dannuż fis-sens tal-Kapitolu II tar-Regolament Ruma II. |
|
40 |
L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jidher fil-Kapitolu II tiegħu, jistabbilixxi, bħala regola speċifika dwar l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn att ta’ kompetizzjoni żleali, l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu, jew jistgħu jiġu, milquta. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tiegħu jikkonkretizza, fil-qasam partikolari tal-kompetizzjoni żleali, il-prinċipju ta’ lex loci damni, sanċit fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. |
|
42 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompetizzjoni żleali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II tinkludi l-użu ta’ klawżoli inġusti inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ peress li dan jista’ jaffettwa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi bħala kategorija, u għaldaqstant, jinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq. |
|
43 |
Fil-każ ta’ azzjoni għal inġunzjoni msemmija mid-Direttiva 2009/22, il-pajjiż fejn l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jiġu affettwati fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II għandu jkun dak fejn jirrisjedu l-konsumaturi li lejhom l-impriża tidderieġi l-attivitajiet tagħha u li l-interessi tagħhom huma difiżi mill-assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kkonċernata minn din l-azzjoni. |
|
44 |
Għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II, li skontu l-liġi ta’ pajjiż ieħor tkun applikabbli jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-fatt dannuż għandu rabtiet manifestament iktar mill-qrib ma’ pajjiż differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament, ma jistax iwassal għal riżultat differenti. |
|
45 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regola alternattiva prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II ma huwiex adattat għall-qasam tal-kompetizzjoni żleali peress li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jipproteġi l-interessi kollettivi – u jmur lil hinn mill-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża – billi jipprevedi regola speċifikament adattata għal dan l-għan. Dan l-għan jintlaħaq jekk ikun permess li din ir-regola tkun evitata abbażi ta’ konnessjonijiet ta’ rabta personali bejn dawn il-partijiet. |
|
46 |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, Amazon EU tipprevedi li l-liġi ta’ fejn hija għandha s-sede tagħha huwa applikabbli għall-kuntratti li hija kkonkludiet ma jistax jikkostitwixxi leġittimament rabta manifestament iktar mill-qrib. |
|
47 |
Li kieku kien mod ieħor, professjonist bħal Amazon EU ikun jista’ de facto, permezz ta’ tali klawżola, jagħżel il-liġi li għaliha għandu jkun suġġett obbligu mhux kuntrattwali u għaldaqstant ikun jista’ jevita l-kundizzjonijiet stabbiliti, f’dan ir-rigward, fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Ruma II. |
|
48 |
Għaldaqstant għandu jitqies li l-liġi applikabbli għal azzjoni għal inġunzjoni fis-sens tad-Direttiva 2009/22 għandha tiġi ddeterminata, bla ħsara għall-Artikolu 1(3) tar-Regolament Ruma II, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-regolament meta jiġi allegat ksur ta’ leġiżlazzjoni intiża li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward tal-użu ta’ klawżoli inġusti f’kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. |
|
49 |
Għall-kuntrarju, il-liġi applikabbli għall-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżoli li jidhru f’kuntratti ta’ konsum u suġġetti għal azzjoni għal inġunżjoni għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu skont in-natura ta’ dawk il-klawżoli. Għalhekk, fil-każ fejn l-azzjoni għal inġunzjoni tkun intiża sabiex ixxekkel li tali klawżoli jiġu inklużi f’kuntratti ta’ konsum sabiex fihom jinħolqu obbligi kuntrattwali, il-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-imsemmija klawżoli għandha tiġi ddeterminata konformement mar-Regolament Ruma I. |
|
50 |
Fil-każ ineżami, il-klawżoli allegatament inġusti li fir-rigward tagħhom tressqet l-azzjoni għal inġunzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, fir-rigward tal-konsumaturi li għalihom huma indirizzati, in-natura ta’ obbligi kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I. |
|
51 |
Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kontradetta min-natura kollettiva tal-azzjoni li permezz tagħha tiġi kkontestata l-validità tal-imsemmija klawżoli. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li din l-azzjoni ma tirrigwardax kuntratti individwali effettivament konklużi hija inerenti għan-natura stess ta’ tali azzjoni kollettiva u preventiva, li fil-kuntest tagħha jitwettaq kontroll astratt. |
|
52 |
Għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-klawżoli kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni għal inġunzjoni tal-użu tal-imsemmija klawżoli, imressqa minn assoċjazzjoni bħall-VKI. |
|
53 |
Din id-distinzjoni għandha ssir sabiex l-applikazzjoni uniformi tar-REgolamenti Ruma I u Ruma II tkun iggarantita. Barra minn hekk, ir-rabta awtonoma tal-klawżoli inkwistjoni tiggarantixxi li d-dritt applikabli ma jvarjax skont it-tip ta’ azzjoni magħżula. |
|
54 |
Jekk, fil-kuntest ta’ proċess mibdi wara l-introduzzjoni ta’ azzjoni kollettiva, il-klawżoli kuntrattwali kkonċernati kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt indikat bħala applikabbli skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II, ikun jeżisti riskju li l-kriterji ta’ eżami jkunu differenti minn dawk użati fil-kuntest ta’ proċess individwali mibdi minn konsumatur. |
|
55 |
Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-klawżoli fil-kuntest ta’ proċess individwali mibdi minn konsumatur, il-liġi indikata bħala applikabbli, bħala l-liġi tal-kuntratt, tista’ tkun differenti minn dik indikata bħala applikabbli, bħala l-liġi tad-delitt, fl-azzjoni għal inġunzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jvarja wkoll minn Stat Membru għall-ieħor, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, tant li l-evalwazzjoni ta’ klawżola tista’ tvarja, jekk l-affarijiet l-oħra kollha jkunu ugwali, skont id-dritt applikabbli. |
|
56 |
Tali rabta differenti ta’ klawżola, fir-rigward tal-liġi indikata bħala applikabbli, skont it-tip ta’ azzjoni mressqa jkollha l-effett li xxejjen b’mod partikolari l-konkordanza ta’ evalwazzjoni bejn azzjonijiet kollettivi u azzjonijiet individwali li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet billi obbligat lill-qrati nazzjonali sabiex, ex officio, anki għall-futur, jisiltu l-konsegwenzi kollha li huma previsti mid-dritt nazzjonali mir-rikonoxximent tan-natura inġusta ta’ klawżola li tagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni, sabiex tali klawżola ma torbotx lill-konsumaturi li kkonkludew kuntratt li jinkludi dawn l-istess kundizzjonijiet ġenerali (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 43). |
|
57 |
L-inkoerenza li tirriżulta minn rabta differenti ta’ klawżola skont it-tip ta’ azzjoni mressqa tkun tikkawża preġudizzju għall-għan imfittex mid-Direttivi 2009/22 u 93/13 li huwa dak li b’mod effikaċi jintemm l-użu tal-klawżoli inġusti. |
|
58 |
Mis-suespost jirriżulta li l-liġi applikabbli għal azzjoni għal inġunzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/22, għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II meta jiġi allegat ksur ta’ leġiżlazzjoni intiża li tipproteġi l-interessi tal-konsumatur fir-rigward tal-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, filwaqt li l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali partikolari għandha dejjem tiġi ddeterminata b’applikazzjoni tar-Regolament Ruma I, sew jekk dan iseħħ fil-kuntest ta’ azzjoni individwali kif ukoll fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva. |
|
59 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, matul l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni, mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jirriżulta li l-għażla tal-liġi applikabbli hija bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi previsti mil-liġi tal-pajjiż fejn jirrisjedu l-konsumaturi li l-interessi tagħhom huma difiżi permezz ta’ din l-azzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkludu dawk li jittrasponu d-Direttiva 93/13 sa fejn dawn jiżguraw, konformement mal-Artikolu 8 tagħha, livell ta’ protezzjoni iktar għoli lill-konsumatur. |
|
60 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li r-Regolamenti Ruma I u Ruma II għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-Artikolu 1(3) ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, il-liġi applikabbli għal azzjoni għal inġunzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/22, diretta kontra l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali allegatament illegali minn impriża stabbilita fi Stat Membru li tikkonkludi kuntratti permezz ta’ kummerċ elettroniku ma’ konsumaturi li jirrisjedu fi Stati Membri oħra u, b’mod partikolari, fl-Istat tal-qorti adita, għandha tiġi ddeterminata konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II, filwaqt li l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali partikolari għandha dejjem tiġi ddeterminata b’applikazzjoni tar-Regolament Ruma I, sew jekk din l-evalwazzjoni titwettaq fil-kuntest ta’ azzjoni individwali kif ukoll jekk titwettaq fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva. |
Fuq id-domanda 4(a)
|
61 |
Permezz tad-domanda 4(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ kuntratt konkluż elettronikament bejn professjonist u konsumatur, li skontha l-liġi tal-Istat Membru tas-sede ta’ dak il-professjonist għandha tirregola dak il-kuntratt, hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. |
|
62 |
Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li klawżola ta’ kuntratt li ma tiġix innegozjata individwalment għandha titqies inġusta meta toħloq, minkejja r-rekwiżit tal-bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur. |
|
63 |
L-Artikolu 3(2) ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li klawżola għandha dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta tkun ġiet abbozzata minn qabel mill-professjonist, mingħajr ma l-konsumatur ikun seta’ influwenza l-kontenut tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għal tali ipoteżi. |
|
64 |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola tista’ tkun iddikjarata biss wara eżaminazzjoni każ b’każ fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, inkluż tan-natura tal-merkanzija jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt. |
|
65 |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ ineżami, klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu ġurisdizzjoni sabiex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 tidentifika l-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika matul tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 40 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Fir-rigward ta’ klawżola bħall-klawżola 12 tal-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar id-dritt applikabbli, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li bħala prinċipju l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tawtorizza l-klawżoli ta’ għażla tal-liġi. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jistabbilixxi l-fakultà għall-partijiet li jiftiehmu dwar id-dritt applikabbli għal kuntratt ta’ konsum, bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-osservanza tal-protezzjoni li minnha jibbenefika l-konsumatur bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-qorti li tiġi adita li minnhom wieħed ma jistax jidderoga permezz ta’ ftehim. |
|
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, klawżola, redatta minn qabel, ta’ għażla tal-liġi li tindika l-liġi tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist ma hijiex inġusta ħlief jekk ikollha ċerti partikolaritajiet, fil-formulazzjoni jew fil-kuntest tagħha, li joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. |
|
68 |
B’mod partikolari, in-natura inġusta ta’ tali klawżola tista’ tirriżulta minn formulazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ redazzjoni sempliċi u ċara stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. Dan ir-rekwiżit, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur meta mqabbel mal-professjonist f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Barra minn hekk, meta l-effetti ta’ klawżola jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi imperattivi, huwa essenzjali li l-professjonist jinforma lill-konsumatur dwar dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 29). Dan huwa l-każ tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, li jipprovdi li l-għażla tal-liġi applikabbli ma tistax iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet li minnhom wieħed ma jistax jidderoga permezz ta’ ftehim skont il-liġi li kienet tkun applikabbli fl-assenza ta’ għażla. |
|
70 |
Fir-rigward tan-natura imperattiva tar-rekwiżit li jidher fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, qorti kkonfrontata bi klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli għandha tapplika, fil-każ fejn konsumatur li jkollu r-residenza prinċipali tiegħu fl-Awstrija jkun involut, dawk tad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li, skont id-dritt Awstrijak, wieħed ma jistax jidderoga minnhom permezz ta’ ftehim. Jekk ikun il-każ, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tidentifika dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
71 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda 4(a)għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tkun tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ professjonist, li ma kinitx innegozjata individwalment, li tipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru tas-sede ta’ dan il-professjonist għandha tirregola l-kuntratt konkluż permezz tal-kummerċ elettroniku ma’ konsumatur hija inġusta sa fejn tiżvija lil dan il-konsumatur billi tagħtih l-impressjoni li hija biss il-liġi ta’ dak l-Istat Membru li tapplika għall-kuntratt, mingħajr ma tinformah bil-fatt li huwa jibbenefika wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt li jkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. |
Fuq id-domanda 4(b)
|
72 |
Permezz tad-domanda 4(b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tkun taf jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċessar ta’ data personali mwettaq minn impriża ta’ kummerċ elettroniku għandu jkun irregolat mid-dritt tal-Istat Membru li lejh din l-impriża tidderieġi l-attivitajiet tagħha. |
|
73 |
Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huwa jadotta abbażi tal-imsemmija direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta l-ipproċessar isir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ min ikun responsabbli mill-ipproċessar fit-territorju tal-Istat Membru. |
|
74 |
Minn dan jirriżulta li proċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment għandu jkun irregolat mid-dritt tal-Istat Memrbu li fit-territorju tiegħu jinsab dan l-istabbiliment. |
|
75 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li dan il-kunċett jestendi għal kull attività reali u effettiva, anki minima, eżerċitata permezz ta’ arranġament stabbli (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo, C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 31). |
|
76 |
F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-fatt li l-impriża responsabbli mill-ipproċessar ta’ data ma għandha la sussidjarja u lanqas fergħa fi Stat Membru ma jeskludix li din tkun tista’ jkollha stabbiliment hemmhekk fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, tali stabbiliment ma jistax jeżisti mis-sempliċi fatt li s-sit internet tal-impriża inkwistjoni huwa aċċessibbli minn hemm. |
|
77 |
Għandhom pjuttost jiġu evalwati, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, kemm il-livell ta’ stabbiltà tal-arranġament kif ukoll ir-realtà tal-eżerċizzju tal-attivitajiet fl-Istat Membru inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo, C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 29). |
|
78 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk l-ipproċessar tad-data personali kkonċernat jitwettaqx “fil-kuntest tal-attivitajiet” ta’ dan l-istabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni għandu jitwettaq mhux “minn” l-istabbiliment ikkonċernat innifsu, iżda biss li dan isir “fil-kuntest tal-attivitajiet” tiegħu (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo, C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 35). |
|
79 |
Hija l-qorti tar-rinviju li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiddetermina jekk Amazon EU twettaqx l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex il-Lussemburgu. |
|
80 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-qorti tar-rinviju tasal sabiex tistabbilixxi li l-istabbiliment li fil-kuntest tiegħu Amazon EU twettaq l-ipproċessar ta’ din id-data jinsab fil-Ġermanja, tkun il-liġi Ġermaniża li jkollha tirregola dan l-ipproċessar. |
|
81 |
Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta għad-domanda 4(b) għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċessar ta’ data personali mwettaq minn impriża ta’ kummerċ elettroniku għandu jkun irregolat mid-dritt tal-Istat Membru li lejh din l-impriża tidderieġi l-attivitajiet tagħha jekk jirriżulta li din l-impriża twettaq l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment li jinsab f’dak l-Istat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ. |
Fuq l-ispejjeż
|
82 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.