Kawża C-189/15

Istituto di Ricovero e Cura a Carattere Scientifico (IRCCS) - Fondazione Santa Lucia

vs

Cassa conguaglio per il settore elettrico et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u ta’ elettriku – Tnaqqis fiskali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji fuq l-ammonti dovuti biex jiġu koperti l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika – Artikolu 17 – Impriżi b’konsum enerġetiku għoli – Benefiċċji mogħtija esklużivament lil impriżi mis-settur tal-manifattura – Ammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2017

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96 – Tnaqqis fiskali – Kunċett – Benefiċċji mogħtija, mid-dritt nazzjonali, lill-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli fuq l-ammonti dovuti biex jiġu koperti l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali – Benefiċċji mogħtija esklużivament lil impriżi mis-settur tal-manifattura – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2003/96, Artikolu 17(1))

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċji mogħtija, mid-dritt nazzjonali, lill-impriżi b’konsum enerġetiku għoli, bħal dawk iddefiniti f’din id-dispożizzjoni, fuq ammonti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti biex jiġu koperti l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika Taljana, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tnaqqis fit-taxxa”, suġġett għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-punti ta’ fatt u tar-regoli tal-liġi nazzjonali li fuqhom hija bbażata din ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tnaqqis fiskali fuq il-konsum tal-elettriku, favur impriżi b’konsum enerġetiku għoli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, esklużivament għas-settur tal-manifattura. Konformement mal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri jistgħu japplikaw tnaqqis fiskali fuq il-konsum tal-elettriku favur impriżi b’konsum enerġetiku għoli sa fejn il-livelli ta’ tassazzjoni minimi tal-Unjoni previsti minn din id-direttiva jiġu osservati ftit jew wisq minn kull impriża. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi wkoll il-kunċett ta’ “negozju konċentrat fl-enerġija [impriża b’konsum enerġetiku għoli]” u tippreċiża, fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni, li l-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji iktar restrittivi, bħal definizzjonijiet tad-dħul mill-bejgħ, tal-proċeduri applikabbli u tas-settur industrijali. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri jżommu l-libertà li jillimitaw il-benefiċċju ta’ tnaqqis fiskali favur impriżi b’konsum enerġetiku għoli għall-impriżi ta’ settur jew ta’ numru ta’ setturi industrijali. Konsegwentement, din l-istess dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti benefiċċju fir-rigward tal-ammonti dovuti biex jiġu koperti l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika esklużivament għas-settur tal-manifattura.

(ara l-punti 44, 47-49, 52, dispożittiv 1, 2)