Kawżi magħquda C‑184/15 u C‑197/15

Florentina Martínez Andrés

vs

Servicio Madrileño de Salud (Comunidad de Madrid)

u

Juan Carlos Castrejana López

vs

Ayuntamiento de Vitoria

(talbiet għal deċiżjoni preliminari

mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżoli 5 u 8 — Użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi — Sanzjonijiet — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat għal ‘kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti’ — Prinċipju ta’ effettività”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Settembru 2015

  1. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Persunal impjegat mill-amministrazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ tali użu abbużiv, dritt għaż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg biss għall-persuni suġġetti għar-regoli tad-dritt ta’ xogħol – Rifjut li dan id-dritt jingħata lill-persunal impjegat skont id-dritt amministrattiv – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni – Eżistenza ta’ miżura effikaċi li tissanzjona tali abbuż fir-rigward ta’ dan il-persunal – Verifika mill-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżoli 3(1) u 5(1))

  2. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Proċeduri intiżi li josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva – Prinċipju ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat, minn awtorità ġudizzjarja, in-natura abbużiva ta’ użu ta’ kuntratti għal żmien determinat – Inammissibbiltà fil-każijiet ta’ inkonvenjenzi proċedurali, ikkawżati mill-imsemmija leġiżlazzjoni, tali li jrendu estremament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Verifika mill-qorti tar-rinviju

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness)

  1.  Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jingħata d-dritt li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg lill-persuni impjegati mill-amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol suġġett għar-regoli tad-dritt tax-xogħol, iżda li dan id-dritt ma jiġix rikonoxxut, b’mod ġenerali, għall-persunal impjegat minn din l-amministrazzjoni taħt id-dritt amministrattiv, sakemm ma jkunx hemm miżura oħra effikaċi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali sabiex tissanzjona tali abbużi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

    Fil-fatt, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, billi jiżguraw li l-ħaddiema li sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma humiex dissważi, fl-isperanza li jkomplu jiġu impjegati fis-settur pubbliku, li jinvokaw quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż fosthom dawk ġudizzjarji, id-drittijiet li jirriżultaw mill-implementazzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-miżuri preventivi kollha previsti fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas.

    B’mod iktar partikolari, il-qorti nazzjonali adita għandha tiżgura ruħha li l-ħaddiema kollha li huma impjegati għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas jistgħu japplikaw, fir-rigward ta’ min iħaddimhom, is-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta jkunu sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi, u dan, tkun xi tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern.

    Sa fejn ma hemmx, fir-rigward tal-persunal involut fl-amministrazzjonijiet taħt id-dritt amministrattiv, ebda miżura oħra ekwivalenti u effettiva ta’ protezzjoni, l-assimilazzjoni ta’ dan il-persunal għal żmien determinat għal ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti, konformement mal-ġurisprudenza nazzjonali eżistenti, tista’ tikkostitwixxi miżura li hija kapaċi tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas.

    (ara l-punti 51-54 u d-dispożittiv 1)

  2.  Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], li jinsab fl-Aness tad-Direttiva 1999/70, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jobbligaw lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, sa fejn jirriżulta minnu għal dan il-ħaddiem inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tal-ispejjeż, tat-tul u tar-regoli ta’ rappreżentanza, tali li jrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika li l-Istat Membru inkwistjoni adotta d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji li jippermettulu li jiżgura l-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-osservanza tal-prinċipji tal-effettività u tal-ekwivalenza.

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-prinċippju ta’ effettività, hemm lok li jitfakkar li d-dispożizzjoni proċedurali nazzjonali inkwistjoni għandha din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tagħha fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. Għal dawk il-finijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura.

    (ara l-punti 60, 61, 64 u d-dispożittiv 2)