SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżoli 5 u 8 — Użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntrtatti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi — Sanzjonijiet — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat għal ‘kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti’ — Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑184/15 sa C‑197/15,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentati mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Marzu 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta; April 2015 (C‑184/15) u d-29 ta’ April 2015 (C‑197/15), fil-proċeduri

Florentina Martínez Andrés

vs

Servicio Vasco de Salud (C‑184/15)

u

Juan Carlos Castrejana López

vs

Ayuntamiento de Vitoria (C‑197/15)

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Martínez Andrés, minn J. Corchón Barrientos, avukat, u M. Ezcurra Fontán, procuradora,

għal J. Castrejana López, minn A. Gómez Barahona, avukat, u P. Basterreche Arcocha, procuradora,

għal Ayuntamiento de Vitoria, minn P. J. Goti González, avukat, u G. Ors Simón, procurador,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Florentina Martínez Andrés u s-Servicio Vasco de Salud (servizz tas-saħħa Bask, Spanja) dwar it-tiġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbot il-partijiet u l-legalità tad-deċiżjoni li ttemm din ir-relazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, Juan Carlos Castrejana López u l-Ayuntamiento de Vitoria (komun ta’ Vitoria, Spanja) dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-partijiet u tal-legalità tad-deċiżjoni li ttemm din ir-relazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 1999/70 huwa li “jġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi [anness] hawn”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom] jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. [...]”.

5

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

6

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

[…]”.

7

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ mpjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [żmien indeterminat].”

8

Konformement mal-klawżola 8(5) tal-Ftehim qafas “[i]l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwisjonijiet u lmenti ikkawżati mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika”.

Id-dritt Spanjol

9

L-Artikolu 89 tal-Ley 7/1985 Reguladora de las Bases de Régimen local (liġi 7/1985 li tirregola l-bażijiet tal-iskema lokali), tat-2 ta’ April 1985 (BOE Nru 80 tat-30 ta’ April 1985 ), dwar id-definizzjoni ta’ tipi differenti ta’ persunal li jikkomponi l-entitajiet lokali, huwa fformulat kif ġej:

“Il-persunal fis-servizz tal-entitajiet lokali huwa magħmul minn uffiċjali permanenti, persuni b’kuntratt ta’ xogħol u persunal awżiljarju, li jokkupa pożizzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ konsulenza professjonali.”

10

Konformement mal-Artikolu 15(1) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1995 (test imfassal mill-ġdid tar-regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, li jirriżulta mid-digriet leġiżlattiv irjali 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE no75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni aplikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema”), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Kuntratt għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi fil-każijiet li ġejjin:

“a)

meta l-ħaddiem ikun irreklutat għat-tlestija ta’ kompitu speċifiku, indipendenti u distakkabbli mill-attività kollha tal-impriża, li l-eżekuzzjoni tiegħu, filwaqt li tkunu limitata fiż-żmien, hija fil-prinċipju, ta’ żmien inċert. [...]

b)

meta l-ċirkustanzi tas-suq, akkumulazzjoni ta’ xogħol jew ordnijiet eċċessivi jeħtieġu, anki fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża. [...]

c)

fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddimea intitolati li jżommu l-post tax-xogħol tagħhom, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika l-isem tal-ħaddiem issostitwit u l-motiv ta’ sostituzzjoni.”

11

Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, “il-kuntratti temporanji konklużi bi ksur tal-liġi huma preżunti konklużi għal żmien indeterminat”.

12

Skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, il-ħaddiema li kienu rreklutati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal żmien iktar minn 24 xahar fi żmien perijodu ta’ 30 xahar, sabiex jokkupaw post tax-xogħol identiku jew differenti fi ħdan l-istess impriża, billi kkonkludew għall-inqas żewġ kuntratti temporanji, skont il-modalitajiet kuntrattwali għal żmien determinat identiku jew differenti, jakkwistaw l-istatus ta’ ħaddiema permanenti.

13

Il-ħmistax-il dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema hija formulata kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(a) fil-qasam taż-żmien massimu tal-kuntratt għal kompitu jew servizz determinat, u tal-Artikolu 15(5), dwar il-limiti applikabbli għall-kuntratti suċċessivi, ta’ din il-ligi jipproduċu effetti fir-rigward tal-amministrazzjonijiet pubblici u tal-organi pubblici li huma marbuta magħhom, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza fl-aċċess għall-impjieg pubbliku, u għaldaqstant ma humiex ta’ ostakolu għall-obbligu li jimtlew il-pożizzjonijiet inkwistjoni permezz ta’ proceduri ordinarji, konformement mad-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-ħaddiem iżomm il-pożizzjoni li kien jokkupa sakemm jimtela skont il-proċedura hawn fuq imsemmija, li juri t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, sakemm l-imsemmi ħaddiem ma jaċċedix għal impjieg pubbliku billi jirnexxi mill-proċedura ta’ għażla kkonċernata.

[...]”

14

L-Artikolu 9 tal-Ley estatal 55/2003 del Estatuto Marco del personal estatutario de los servicios de salud (liġi 55/2003 dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa), tas-16 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 301, tas-17 ta’ Diċembru 2003, p. 44742, iktar 'il quddiem ir-“regolamenti qafas”), jipprevedi:

“1.   Għal raġunijiet ta’ neċessità, ta’ urġenza jew għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja, is-servizzi tas-saħħa jistgħu jaħtru l-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal temporanju.

Il-ħatriet ta’ persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal jista’ jkollhom natura interim, okkażjonali jew ta’ sostitutuzzjoni.

2.   Il-ħatra interim hija użata sabiex timtela temporanjament pożizzjoni vakanti fiċ-ċentri jew servizzi tas-saħħa, meta jkun meħtieġ li jkunu okkupati funzjonijiet korrispondenti.

It-tmiem ta’ funzjonijiet tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal interim iseħħ meta jkun hemm il-ħatra ta’ persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal permanenti, permezz ta’ proċedura legali jew regolatorja prevista, għall-pożizzjoni okkupata, kif ukoll meta din il-pożizzjoni tkun abolita.

3.   Il-ħatra ta’ natura okkażjonali hija użata fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta din il-ħatra tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi determinati ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja,

b)

meta hija neċessarja sabiex tiżgura l-funzjonament permanenti u kontinwa taċ-ċentri tas-saħħa;

c)

għall-provvista ta’ servizzi komplimentari sabiex jikkumpensaw għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali.

Il-waqfien tal-funzjonijiet tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali li jseħħ bħala riżultat tat-twettiq tal-kawża jew tal-iskadenza tat-terminu ddeterminat espressament fil-ħatra, kif ukoll meta l-funzjonijiet li mmotivawh f’dak iż-żmien ġew aboliti.

[...]

4.   Il-ħatra bħala persunal interim hija użata meta jkun meħtieġ li jimtlew il-funzjonijiet ta’ persunal permanenti jew temporanju matul perijodi ta’ vaganzi, ta’ leave u assenzi temporanji oħrajn li jinvolvu ż-żamma tal-pożizzjoni.

Il-ħatra ta’ persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal sostituttiv tintemm meta l-persunal ssostitiwit jerġa’ jkun integrat, kif ukoll meta dan tal-aħħar jitlef id-dritt tiegħu għal integrazzjoni mill-ġdid fl-istess pożizzjoni jew fl-istess funzjoni.”

Il-fatti tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑184/15

15

Fit-2 ta’ Frar 2010, F. Martínez Andrés inħatret “assistent amministrattiv” fost il-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal okkażjonali sabiex tipprovdi provvista ta’ servizzi kklassifikati bħala li kienu ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja. Din il-ħatra kienet suġġetta għal tlettax-il estensjoni konsekuttiva, li ebda waħda minnhom ma kien fiha motivazzjoni speċifika, ħlief riferiment ġenerali “għall-bżonnijiet tas-servizz”. Il-ħatra ta’ F. Martínez Andrés ntemmet fl-1 ta’ Ottubru 2012.

16

Ir-rikors ippreżentat minn F. Martínez Andrés ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2013 Juzgado no6 de lo Contencioso-Administrativo de Bilbao (qorti amministrattiva Nru 6 ta’ Bilbao, Spanja).

17

F. Martínez Andrés appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco, Spanja) għar-raġuni li l-Artikolu 9(3) tar-regolamenti qafas tal-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa nkiser, peress li t-tliet ipoteżijiet previsti fih ma jistgħux jiġu kombinati f’kategorija waħda ġenerali sabiex jimmotivaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat.

Il-Kawża C‑197/15

18

Fl-1 ta’ Diċembru 1993, J.C. López Castrejana ikkonkluda mal-Ayuntamiento de Vitoria kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat għall-provvista ta’ servizzi ta’ arkitett. Dan il-kuntratt intemm fit-30 ta’ Novembru 1994.

19

Fl-1 ta’ Diċembru 1995, il-partijiet ikkonkludew kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat ġdid, ukoll għall-provvista ta’ servizzi ta’ arkitett, iżda li din id-darba kellu l-għan tal-implementazzjoni ta’ ftehim dwar programm ta’ żvilupp urban, iffirmat fit-22 ta’ Novembru 1995 bejn l-Ayuntamiento de Vitoria u l-Instituto Foral de Bienestar Social (istitut reġjonali tal-benesseri soċjali), għat-tneħħija ta’ ostakoli urbani u arkitettoniċi u l-aċċessibilità tal-ambjent urban għall-persuni b’mobilità mnaqqsa.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 1998, il-kunsillier komunali delegat għas-servizz pubbliku biddel l-istatus ġuridiku ta’ J.C. Castrejana López billi ħatru membru tal-persunal komunali mhux permanenti għall-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim, u t-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg kien previst fid-data tat-twettiq tal-imsemmi programm ta’ żvilupp urban.

21

Fl-10 ta’ Novembru 1998, il-kunsillier delegat għas-servizz pubbliku ħa deċiżjoni ġdida li ttemm l-imsemmija relazzjoni ta’ impjieg b’effett mill-31 ta’ Diċembru 1998 minħabba t-tlestija tal-istess programm ta’ żvilupp urban.

22

Madankollu, fil-11 ta’ Jannar 1999, il-kunsillier delegat għas-servizz pubbliku irrevoka d-deċiżjoni tal-10 ta' Novembru 1998, peress li l-programm ta’ żvilupp urban inkwistjoni ġiet estiż. Ir-relazzjoni ta' impjieg li torbot lil J.C. Castrejana Lopez mal-Ayuntamiento de Vitoria kienet finalment imkissra permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2012 b’effett mill-31 ta' Diċembru 2012, peress li dan il-programm kien implementat bis-sħiħ u li l-kuntest attwali tal-kriżi kienet timponi li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

23

Ir-rikors ippreżentat minn J.C Castrejana López ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2013 tal-Juzgado no1 de lo Contencioso-Administrativo de Bilbao (qorti amministrattiva Nru 1 ta’ Vitoria-Gasteiz, Spanja).

24

J.C. López Castrejana appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco), billi sostna, b’mod partikolari, li l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx iddeċidiet fuq in-natura kuntrattwali jew amministrattiva tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu mal-Ayuntamiento de Vitoria.

25

Fiż-żewġ kawżi għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, minn naħa, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70.

26

Insegwitu, hija tqis li, fiż-żewġ kawżi, kien hemm użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. Fil-fatt, fir-rigward ta’ F. Martínez Andrés, il-motivazzjoni indikata fil-ħatra u fl-estensjonijiet suċċessivi ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti legali rikjesti sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti temporanji ma jintużawx b’mod abbużiv. Fl-assenza ta' indikazzjoni espressa tal-provvisti li d-diversi estensjonijiet kellhom ikopru, il-qorti tar-rinviju tqis li tinsab fl-impossibilità li tivverifika jekk l-estensjonijiet kinux realment użati sabiex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet temporanji jew sabiex ikopru ħtiġijiet permanenti u fit-tul tal-amministrazzjoni. Fir-rigward ta' J. C Castrejana López, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, li l-għan tal-ħatra temporanja għat-twettiq ta’ programm ta’ żvilupp kien mifrux fuq perijodu twil, mill‑1995 sal-2012 u, min-naħa l-oħra, lok, li r-relazzjoni kuntrattwali ppersistew anki lil hinn mit-twettiq tal-proġett.

27

Finalment, il-qorti tar-rinviju żżid li l-awla soċjali tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) stabbilixxiet il-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti” għall-każijiet ta’ kuntratti temporanji bi ksur tal-liġi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, peress li ż-żmien indeterminat tal-kuntratt li jimplika li ma huwiex suġġett għal terminu. Peress li tali ħaddiem jista’ madankollu jakkwista pożizzjoni permanenti biss wara li rnexxa mill-proċeduri ta' għażla konformement mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-għażla tal-persunal permanenti fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, għaldaqstant ikun hemm raġuni leġittima sabiex jintemm il-kuntratt ta’ impjieg mhux permanenti meta l-proċedura ta’ għażla jew it-tneħħija tal-imsemmija pożizzjoni tfalli regolarment. Peress li l-awla amministrattiva tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) madankollu tiddeċiedi biss fil-kuntest ta’ tilwim li jinvolvu uffiċjali pubbliċi permanenti, ma hemmx ġusriprudenza unformi fir-rigward tal-persunal suġett għal regolamenti tal-persunal temporanju, jiġifieri membri tal-persunal mhux permanenti. Fil-fatt, għalkemm xi qrati jiċħdu, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li jassimilaw il-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal temporanju, jiġifieri l-membri tal-persunal mhux permanenti, għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, hemm każijiet oħra fejn l-effetti tax-xoljiment ta’ tali relazzjoni ta’ impjieg temporanja setgħu jitqabblu ma’ dawk li jirriżultaw mix-xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu ta’ reintegrazzjoni.

28

Il-qorti tar-rinviju tqajjem, għaldaqstant, il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri prattika tal-qrati nazzjonali, mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/70 li ma tirrikonoxxix il-persunal suġġett għal regolamenti tal-persunal temporanju awżiljarju lanqas lill-membri tal-persunal mhux permanenti, id-dritt li jżommu r-relazzjoni ta’ impjieg, filwaqt li dan id-dritt huwa mogħti lill-ħaddiema għal żmien determinat mhux permanenti.

29

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sitwazzjoni ta’ J.C. López Castrejana hija partikolarment xokkanti, peress li jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inizjali tiegħu mal-Ayuntamiento de Vitoria kienet inżammet, huwa kien jibbenefika mid-dispożizzjonijiet protettivi relatati mat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg, benefiċċju li madankollu ġie rrifjutat lilu, kemm mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ membru tal-persunal mhux permanenti.

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, minħabba l-prinċipju ta’ ekwivalenza, is-servizzi pprovduti minn dawn il-kategoriji differenti tal-persunal humiex simili għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jew jekk ikunx hemm differenzi bejniethom, bħalma huma n-natura kuntrattwali tar-relazzjoni f’każ wieħed u n-natura ta’ regolamenti tal-persunal fl-ieħor, jew prinċipji bħalma huma l-poter tal-amministrazzjoni li torganizza lilha nnifisha, li jippermettu li jitqies li ma huwiex sitwazzjonijiet simili u għaldaqstant jiġġustifikaw differenza fl-effetti li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ użu irregolari ta’ kuntratti għal żmien determinat mill-amministrazzjoni.

31

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont il-prinċipju ta’ effettività, is-sanzjoni xierqa għandhiex tkun iddeterminata fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew jekk dan il-prinċipju ma jipprekludix ir-rinviju tal-partijiet għal proċedura amministrattiva ġdida.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, peress li t-tielet kienet magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑197/15:

“1)

Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tirrikonoxxix ġeneralment lill-persunal mhux permanenti [funcionarios interinos], kuntrarjament għal dak li jiġri għall-persuni taħt kuntratt ta’ xogħol mal-amministrazzjoni li jinsabu f’sitwazzjoni identika, id-dritt li jżommu r-relazzjoni inkwantu persunal għal żmien indeterminat mhux permanenti, jiġifieri d-dritt li jokkupaw il-pożizzjoni koperta temporanjament sakemm din timtela skont kif previst fil-liġi jew titneħħa permezz ta’ proċeduri legali?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tqis li ż-żewġ sitwazzjonijiet, dak tal-persunal taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mal-amministrazzjoni u dak tal-membru tal-persunal mhux permanenti, huma simili fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, jew il-qorti nazzjonali għandha, waqt l-evalwazzjoni tax-xebh, tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra l-identità tal-persuna li timpjega, l-identità jew ix-xebh tas-servizzi pprovduti u ż-żmien determinat tal-kuntratt ta’ xogħol, bħal pereżempju n-natura speċifika tar-relazzjoni kuntrattwali jew li tirriżulta minn regolamenti tal-persunal tal-impjegat jew is-setgħa tal-amministrazzjoni li torganizza lilha nnifisha, li jiġġustifikaw trattament differenti taż-żewġ sitwazzjonijiet?

3)

Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti hija fin-negattiv, il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li l-dibattiti u d-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa għandhom isiru fi ħdan il-qafas tal-istess proċedura li fiha l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huwa kkonstatat, permezz ta’ kwistjoni proċedurali li jippermettu li l-partijiet jitolbu, jallegaw u jipproduċu l-prova ta’ dak li huma jqisu xierqa għal dan il-għan, jew, għall-kuntrarju, fis-sens li dan ma jipprekludix li l-persuna leża, għal dan il-għan, tiġi rrinvjata għal proċeduri amministrattivi ġodda u, jekk ikun il-każ, ġudizzjarji?”

33

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2015, il-Kawżi C‑184/15 u C‑197/15 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

34

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jingħata d-dritt li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg lill-persuni impjegati mill-amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg suġġett għar-regoli tad-dritt tax-xogħol, iżda li dan id-dritt ma jiġix rikonoxxut, b’mod ġenerali, għall-persunal impjegat minn din l-amministrazzjoni taħt id-dritt amministrattiv.

35

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li għandha l-għan li timplementa wieħed mill-għanijiet segwiti minnha, jiġifieri li jkun limitat l-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, jeħtieġ, fil-punt 1, mill-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati, meta d-dritt intern tagħhom ma fih ebda wieħed mill-miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew tali relazzjonijiet ta’ impjieg, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 73 u 74; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punti 54 u 56, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 72 u 74).

36

Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jipprevedi b’hekk l-obbligu għall-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ prevenzjoni, ma jistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn abbużi ġew ikkonstatati. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 94; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 51; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 36; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 et C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 62, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 44).

37

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli, li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, madankollu dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 95; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 37; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 63, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 45).

38

Isegwi li, meta jkun sar użu abbużiv mill-kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva” (ara, is-sentenzi tal-4 ta Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 102; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 3, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 64).

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-bidla ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-attenzjoni sabiex jiddeterminaw liema huma l-kundizzjonijiet li għalihom il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet għalfejn jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 91; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 47; tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 145 u 183; Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 65, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 47).

40

Minn dan isegwi li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas ma tipprekludix, inkwantu tali, li Stat Membru jirriżerva konsegwenzi differenti għall-abbuż ta’ rikors għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi skont jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg ikunux ġew konklużi ma’ persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat jew ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 48, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 33).

41

Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni f’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ta’suċċessjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat tkun tista’ titqies bħala konformi mal-Ftehim qafas, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 105; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 49; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 34, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 161 u 184).

42

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, fejn dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex ssodisfatti bid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 39; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 66, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 48).

43

Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 56; tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 41; tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 49).

44

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-imsemmija qorti fl-evalwazzjoni tagħha (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 et C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 83).

45

F’dan il-każ, sa fejn il-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat in-natura abbużiva, fis-sens tal-Ftehim qafas, tal-użu tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi fiż-żewġ kawżi prinċipali, hemm lok li tiddeċiedi biss dwar in-natura xierqa u suffiċjenti tal-miżuri previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jissanzjonaw l-abbużi kkonstatati.

46

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm miżura effettiva kontra l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi fir-rigward tal-ħaddiema suġġetti għar-regoli tad-dritt komuni tax-xogħol, sa fejn il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) stabbilixxiet il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien mhux permanenti”, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, id-dritt tal-ħaddiem li jinżamm il-post tax-xogħol tiegħu.

47

Madankollu, minħabba l-fatt li dan il-kunċett ma huwiex applikabbli għal persunal impjegat mill-amministrazzjonijiet pubbliċi skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt amministrattiv, ma hemm l-ebda miżura effettiva sabiex ikun evitat, u, jekk ikun il-każ, jiġi ppenalizzat l-użu abbużiv ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi fil-konfront tiegħu.

48

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix, bħala prinċipju, li jkun hemm riżultat differenti rriservat għall-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ użi ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi skont is-settur jew il-kategorija li taħtha jaqa’ l-persunal inkwistjoni, sa fejn l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat għandu, f’dan is-settur jew fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ persunal, miżura effettiva oħra sabiex tevita u tissanzjona l-abbużi.

49

Għaldaqstant, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li ma hemmx, fid-dritt Spanjol, miżura effettiva oħra sabiex tevita u tissanzjona l-abbużi fir-rigward tal-persunal impjegat fl-amministrazzjonijiet taħt iddritt amministrattiva, tali sitwazzjoni tkun tali li twassal għal preġudizzju tal-għan u l-effett utli tal-Ftehim qafas.

50

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li joħroġ minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minn din, kif ukoll id-dmir tagħhom, skond l-Artikolu 4 KE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adattati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha ta’ dawn l-Istati, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Huma għaldaqstant l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, billi jassiguraw li l-ħaddiema li sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi ma humiex dissważi, fl-isperanza li jkomplu jiġu impjegati fis-settur pubbliku, li jinvokaw quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż fosthom dawk ġudizzjarji, id-drittijiet li jirriżultaw mill-implementazzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni tal‑miżuri preventivi kollha previsti fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 165).

52

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali adita għandha tiżgura ruħha li l-ħaddiema kollha li huma impjegati “għal żmien fiss” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas jistgħu japplikaw, fir-rigward ta’ min iħaddimhom, is-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta jkunu sofrew abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi, u dan, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 166).

53

Sa fejn, fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx, fir-rigward tal-persunal involut fl-amministrazzjonijiet taħt id-dritt amministrattiv, ebda miżura oħra ekwivalenti u effettiva ta’ protezzjoni, l-assimilazzjoni ta’ dan il-persunal għal żmien determinat għal “ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti”, konformement mal-ġurisprudenza nazzjonali eżistenti, tista’ tikkostitwixxi miżura li hija kapaċi tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jingħata d-dritt li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg lill-persuni impjegati mill-amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg suġġett għar-regoli tad-dritt tax-xogħol, iżda li dan id-dritt ma jiġix rikonoxxut, b’mod ġenerali, għall-persunal impjegat minn din l-amministrazzjoni taħt id-dritt amministrattiv, sakemm ma jkunx hemm miżura oħra effikaċi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali sabiex tissanzjona tali abbużi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

Fuq it-tielet domanda

55

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jobbligaw lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, minflok ma jkunu jistgħu jintalab il-kumpens għad-dannu sunit permezz ta’ talba inċidentali matul il-proċedura li tikkonstata l-imsemmi abbuż.

56

Għandu jitfakkar li, abbażi tal-klawżola 8(5) tal-Ftehim qafas, il-prevenzjoni kif ukoll ir-regolamentazzjoni tat-tilwimiet u tal-ilmenti, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, huma trattati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni, mal-ftehimiet kollettivi u mal-prattiċi nazzjonali (sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 39, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 172, kif ukoll id-digrieti tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:346, punt 140, u tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:269, punt 95).

57

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 44, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, kif ukoll id-digrieti tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:346, punt 141, u tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:269, punt 96).

58

Hekk kif jirriżulta diġà mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli applikati taħt il-Ftehim qafas. Il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-ekwivalenza u tal-effettività (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 174, kif ukoll id-digrieti tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:346, punt 142, u tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:269, punt 97)

59

Dawn l-eżiġenzi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jesprimu l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jgħoddu wkoll f’dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt. Fil-fatt, il-ksur tal-imsemmija eżiġenzi fuq dan il-livell huwa, minbarra nuqqas fil-konfront tagħom fuq il-livell tad-definizzjoni tal-metodi proċedurali, ta’ natura tali li jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effattiva (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 47 u 48, kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:269, punt 98).

60

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika li l-Istat Membru inkwistjoni adotta d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji li jippermettulu li jiżgura l-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-osservanza tal-prinċipji tal-effettività u tal-ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 43 sa 55, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 176, kif ukoll id-digrieti tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:346, punt 149, u tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:269, punt 11).

61

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-prinċippju ta’ effettività, hemm lok li jitfakkar li d-dispożizzjoni proċedurali nazzjonali inkwistjoni għandha din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tagħha fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 92).

62

F’din il-kawża, jidher li l-qorti nazzjonali adita bit-tilwima dwar l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi ma tistax, skont id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali applikabbli, tiddeċiedi fuq eventwali talba għad-danni sofferti mill-ħaddiem inkwistjoni.

63

Issa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità amministrattiva indipendenti hija kompetenti sabiex eventwalment tikklassifika mill-ġdid kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat tidher, prima face, li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 175, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, mhux ippubbliikat, EU:C:2008:346, punt 144), jibqa’ l-fatt li l-obbligu fuq ħaddiem b’terminu fiss li tressaq rikors ġdid, jekk hemm bżonn quddiem qorti differenti għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien fiss instab minn awtorità ġudizzjarja, jirriżulta mhux konformi mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn hija tirriżulta għall-ħaddiem neċessarjament inkonvenjenti proċedurali, b’mod partikolari f’termini ta’ spiża, tul u regoli ta’ rappreżentazzjoni.

64

Għandha, għaldaqstant, tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jobbligaw lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, sa fejn jirriżulta minnu għal dan il-ħaddiem inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tal-ispejjeż, tat-tul u tar-regoli ta’ rappreżentanza, tali li jrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi applikata mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, jingħata d-dritt li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg lill-persuni impjegati mill-amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg suġġett għar-regoli tad-dritt tax-xogħol, iżda li dan id-dritt ma jiġix rikonoxxut, b’mod ġenerali, għall-persunal impjegat minn din l-amministrazzjoni taħt id-dritt amministrattiv, sakemm ma jkunx hemm miżura oħra effikaċi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali sabiex tissanzjona tali abbużi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], li jinsab fl-Aness tad-Direttiva 1999/70, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jobbligaw lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, sa fejn jirriżulta minnu għal dan il-ħaddiem inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tal-ispejjeż, tat-tul u tar-regoli ta’ rappreżentanza, tali li jrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.