SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
8 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 10a — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas — Kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali — Deċiżjoni 2013/448/UE — Artikolu 4 — Anness II — Validità — Determinazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-metall sħun — Deċiżjoni 2011/278/UE — Anness I — Validità — Artikolu 3(c) — Artikolu 7 — Artikolu 10(1) sa (3) u (8) — Anness IV — Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-konsum u għall-esportazzjoni ta’ sħana — Sħana li titkejjel esportata lejn unitajiet domestiċi privati — Projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja ta’ kwoti”
Fil-Kawża C‑180/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nacka Tingsrätt – Mark- och miljödomstolen (awla tal-affarijiet li jikkonċernaw proprjetà immobbli u ambjent tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Nacka, l-Isvezja), permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2015, fil-proċedura
Borealis AB,
Kubikenborg Aluminum AB,
Yara AB,
SSAB EMEA AB,
Lulekraft AB,
Värmevärden i Nynäshamn AB,
Cementa AB,
Höganäs Sweden AB
vs
Naturvårdsverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Borealis AB, Kubikenborg Aluminum AB u Yara AB, minn M. Tagaeus, avukat, u J. Nilsson, jur. kand., |
— |
għal SSAB EMEA AB u Lulekraft AB, minn R. Setterlid, avukat, |
— |
għal Värmevärden i Nynäshamn AB, minn M. Hägglöf, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u K. Mifsud Bonnici, bħala aġenti, assistiti minn M. Johansson, bħala avukat, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, fl-ewwel lok, il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1), fit-tieni lok, dwar il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 240, p. 27), fit-tielet lok, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(1), (2), (4) u (5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), u, fl-aħħar lok, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(c) u tal-Artikolu 10(3) u (8), kif ukoll tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn diversi operaturi ta’ installazzjonijiet li jipproduċu gassijiet serra, jiġifieri, Borealis AB, Kubikenborg Aluminium AB, Yara AB, SSAB EMEA AB, Lulekraft AB, Värmevärden i Nynäshamn AB, Cementa AB u Höganäs Sweden AB, u n-Naturvårdsverket (aġenzija għall-ħarsien tan-natura, l-Isvezja) rigward il-legalità tad-deċiżjoni adottata minn din l-aġenzija fil-21 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013”) dwar l-allokazzjoni definittiva tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) għall-perijodu mis-sena 2013 sas-sena 2020, wara l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transettorjali previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 20038/87 (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ korrezzjoni”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2003/87
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità (minn issa ’l quddiem imsjħa l-‘iskema Komunitarja’) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika. Din id-Direttiva se tipprovdi wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis kunsidrati meħtieġa xjentifikament biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. [...]” |
4 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[...]
|
5 |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprovdi: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu. [...] Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart. Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. [...] 2. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante. 3. Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2. 4. Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9. 5. L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:|
Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi jekk meħtieġ. [...] 11. Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027. [...]” |
Id-Deċiżjoni 2011/278
6 |
Il-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2011/278 hija fformulata f’dawn it-termini: “Għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni użat bħala l-punt tat-tluq il-medja aritmetrika tar-rendiment tal-gassijiet serra tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti tal-gassijiet serra fl-2007 u fl-2008 li għalihom inġabret id-dejta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva [2003/87], analizzat għas-setturi kollha, li għalihom huwa stipulat fl-Anness I parametru referenzjarju ta’ prodott, fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand diversi sorsi u fuq il-bażi ta’ studju ddedikat li janalizza t-tekniki l-aktar effiċjenti u l-potenzjal ta’ tnaqqis fil-livell Ewropew u internazzjonali, jekk dawn il-punti tat-tluq jirriflettux biżżejjed it-tekniki l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi tal-produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tad-diossidu tal-karbonju, meta dawn il-faċilitajiet huma disponibbli. Id-dejta użata biex jiġu stabbiliti l-valuri tal-parametri referenzjarji inġabret minn firxa wiesgħa ta’ sorsi sabiex ikun kopert il-massimu tal-installazzjonijiet li kienu qed jipproduċu prodott b’parametru referenzjarju fis-snin 2007 u 2008. L-ewwel nett, id-dejta dwar ir-rendiment tal-gassijiet serra tal-installazjonijiet [...] li jipproduċu prodott b’parametru referenzjarju inġabret mill-assoċjazzjonijiet Ewropew tas-setturi rispettivi jew f’isimhom fuq il-bażi ta’ regoli definiti, l-hekk imsejħa ‘kotba tar-regoli settorjali’. Bħala referenza għal dawn il-kotba tar-regoli, il-Kummissjoni pprovdiet gwida rigward il-kriterji tal-kwalità u l-verifika għad-dejta tal-parametri referenzjarji għall-[skema komuni għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet]. It-tieni nett, biex ikun ikkumplimentat il-ġbir tad-dejta mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tas-settur, konsulenti f’isem il-Kummissjoni Ewropea ġabru dejta mill-installazzjonijiet mhux koperti mid-dejta tal-industrija u saħansitra awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri pprovdew dejta u analiżi.” |
7 |
Il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi: “Fil-każ li ma kienet disponibbli l-ebda dejta jew l-ebda dejta ma nġabret f’konformità mal-metodoloġija tal-parametri referenzjarji, l-informazzjoni rigward il-livelli attwali ta’ emissjonijiet u konsum u dwar it-tekniki l-aktar effiċjenti, prinċipalment miksuba mid-Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) stabbiliti skont id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (2) intużat biex jinkisbu l-valuri tal-parametri referenzjarji [(JO 2008, L 24, p. 8)]. B’mod partikolari, minħabba nuqqas ta’ dejta rigward it-trattament tal-gassijiet ta’ skart, l-esportazzjoni tas-sħana u l-produzzjoni tal-elettriku, il-valuri għall-parametri referenzjarji ta’ prodott għall-kokk u l-metall sħun inkisbu minn kalkoli tal-emissjonijiet diretti u indiretti fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-flussi tal-enerġija rilevanti pprovduti mill-BREF rilevanti u l-fatturi tal-emissjonijiet definiti minn qabel stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE tat-18 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva [2003/87 (ĠU 2007 L 229, p. 1)]. [...]” |
8 |
Il-premessa 12 tal-imsemmija deċiżjoni hija fformulata kif ġej: “Meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. Ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati. Il-parametru referenzjarju tas-sħana huwa applikabbli għall-proċessi tal-konsum tas-sħana meta jintuża trasportatur tas-sħana li jista’ jitkejjel. Il-parametru referenzjarju tal-fjuwil huwa applikabbli meta tiġi kkunsmata sħana li ma tistax titkejjel. [...]” |
9 |
Skont il-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2011/278: “Sabiex ikun evitat kull xkiel għall-kompetizzjoni u biex ikun żgurat funzjonament ordnat tas-suq tal-karbonju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tal-installazzjonijiet individwali ma jkun hemm ebda għadd doppju u ma ssir ebda allokazzjoni doppja. [...]” |
10 |
Il-premessa 32 tal-imsemmija deċiżjoni hija fformulata kif ġej: “Huwa wkoll xieraq li l-parametri referenzjarji ta’ prodott iqisu l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart u l-emissjonijiet relatati mal-użu tagħhom. Għal dan il-għan, għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera l-gassijiet bħala skart, tqies sew il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet ta’ skart. Meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tas-sħana ‘l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ proċess hekk kif iddefinit fl-Anness I, l-emissjonijiet relatati għandhom jitqiesu permezz tal-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet addizzjonali fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil. Minħabba l-prinċipju ġenerali li jgħid li l-ebda kwota tal-emissjonijiet ma għandha tkun allokata mingħajr ħlas fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, biex ikun evitat kull xkiel mhux xieraq għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku fornut lill-installazzjonijiet industrijali u billi jitqies il-prezz tal-karbonju inerenti fl-elettriku, huwa xieraq li, meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tal-elettriku, l-ebda kwota addizzjonali ma tkun allokata lil hinn mis-sehem tal-kontenut tal-karbonju tal-gass tal-iskart meqjus fil-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti.” |
11 |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278/KEE jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]
[...]
[...]” |
12 |
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdi li: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE f’subinstallazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif meħtieġ:
Is-subinstallazzjonijiet għandhom jikkorrispondu, sa fejn hu possibbli, mal-partijiet fiżiċi tal-installazzjoni. […] 2. It-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet ta’ kull subinstallazzjoni ma għandux jaqbeż it-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet tal-installazzjoni.” |
13 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi: “1. Għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emisjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-[Direttiva 2003/87], inklużi installazzjonijiet li jitħaddmu biss perjodikament, b’mod partikolari, l-installazzjonijiet li jinżammu f’riserva jew għal xi emerġenza u l-installazzjonijiet li jitħaddmu fuq skeda staġjonali, l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2008, jew l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV. 2. L-Istati Membri għandhom jiġbru b’mod separat id-dejta għal kull subinstallazzjoni. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operatur jissottometti aktar dejta. [...] 7. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi jissottomettu dejta kompleta u konsistenti u li jiżguraw li ma jkunx hemm sovrapprożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-operaturi jeżerċitaw diliġenza xierqa u jissottomettu dejta li tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb sabiex jippermettu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-integrità tad-dejta. [...]” |
14 |
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, jipprovdi: “1. Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ‘il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8. 2. Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:
3. Sa fejn is-sħana li titkejjel tkun esportata lejn unitajiet domestiċi privati u n-numru annwali preliminari ta’ kwoti ta’ emissjonijiet determinati skont il-paragrafu 2(b)(i), għall-2013 ikun inqas mill-emissjonijiet storiċi medjani marbuta mal-produzzjoni tas-sħana li titkejjel esportata lejn unitajiet domestiċi privati mis-subinstallazzjoni fil-perjodu ta’ żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008, in-numru annwali preliminari tal-kwoti ta’ emissjonijiet għall-2013 għandu jkun aġġustat bid-differenza. F’kull sena mill-2014 sal-2020, in-numru annwali preliminari tal-kwoti ta’ emissjonijiet determinati skont il-paragrafu 2(b)(i), għandu jkun aġġustat sal-punt li n-numru annwali preliminari tal-kwoti ta’ emissjonijiet għal dik is-sena jkun anqas mill-perċentwal tal-emissjonijiet storiċi annwali medjani msemmija aktar ‘il fuq. Il-perċentwal għandu jkun 90 % fl-2014 u jinżel b’10 punti perċentwali kull sena sussegwenti. [...] 7. L-ammont annwali totali preliminari rivedut ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni għandu jkun is-somma tan-numri annwali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas tas-subinstallazzjonijiet kollha kkalkolati skont il-paragrafi 2, 3, 4, 5 u 6. [...] 8. Meta jiddeterminaw l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emissjonijiet ma jingħaddux darbtejn u li l-allokazzjoni ma tkunx negattiva. B’mod partikolari, meta prodott intermedjarju li huwa kopert b’parametru referenzjarju ta’ prodott skont id-definizzjoni tal-konfini tas-sistema rispettivi stipulati fl-Anness I jiġi importat minn installazzjoni, l-emissjonijiet ma għandhomx jingħaddu darbtejn meta jkun stabbilit l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas liż-żewġ installazzjonijiet kkonċernati. 9. L-ammont annwali totali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti, għajr l-installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], għandu jkun l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 immultiplikat bil-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali kif stabbilit skont l-Artikolu 15(3). Għal installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], u eliġibbli għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas, l-ammont annwali totali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi għall-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 u aġġustat kull sena bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87], bl-użu tal-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għall-installazzjoni kkonċernata għall-2013 bħala referenza.” |
15 |
L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2011/278/KEE jipprovdi: “1. Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [2003/87], sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva [2003/87] fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 5, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni. [...] 3. Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas relatati. Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni] Dan għandu jkun stabbilit mit-tqabbil tas-somma tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Anness VI bl-ammonti annwali ta’ kwoti li huwa kkalkolat skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] għal installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku jew installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, waqt li jitqies is-sehem rilevanti tal-kwantità totali annwali fl-Unjoni kollha, kif stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, u l-ammont ta’ emissjonijiet rilevanti li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ‘il quddiem. 4. Jekk il-Kummissjoni ma twarrabx l-iskrizzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-ammonti annwali totali preliminari korrispondenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-Deċiżjoni. [...]” |
16 |
Taħt it-titolu “Parametri referenzjali ta’ prodott”, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu, li huwa stess huwa intitolat “Id-definizzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ prodott u l-konfini tas-sistema mingħajr kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ skambju tal-fjuwil u l-elettriku”: “Parametru referenzjarju ta’ prodottDefinizzjoni tal-prodotti kopertiDefinizzjoni tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti (konfini tas-sistema)[...]Valur tal-parametru referenzjarju (kwoti/t)Kokk[...][...][...]0.286[...][...][...][...][...]Metall sħun[...][...][...]1,328[...][...][...][...][...][...]” |
17 |
L-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Il-parametri għall-ġbir tad-dejta referenzjarja għall-installazzjonijiet eżistenti”, jipprovdi: “Għall-finijiet tal-ġbir tad-dejta referenzjarja msemmi fl-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jissottometti mill-inqas id-dejta li ġejja fil-livell ta’ installazzjoni u subinstallazzjoni għas-snin kalendarji kollha tal-perjodu bażi) magħżula skont l-Artikolu 9(1) (2005 – 2008 jew 2009 – 2010. F’konformità mal-Artikolu 7(2), l-Istati Membri jistgħu jitolbu dejta addizzjonali meta tkun meħtieġa: Parametru[...][...][...]L-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra[...][...][...]Sħana li titkejjel esportata[...][...][...]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012
18 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2012 L 181, p. 30), jipprovdi, fil-punt 1A tal-Anness IV tiegħu: “[...] L-operatur ma għandux jimmonitorja u jirrapporta emissjonijiet minn magni tal-kombustjoni interni għal finijiet ta’ trasport. [...] L-operatur ma għandux jassenja emissjonijiet assoċjati mal-produzzjoni ta’ sħana jew elettriku li jiġu importati minn installazzjonijiet oħra lill-installazzjoni li tkun qed timporta. [...]” |
Id-Deċiżjoni 2013/448
19 |
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprovdi: “Il-[koeffiċjent ta’ korrezzjoni] msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni [2011/278] huwa stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.” |
20 |
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprevedi:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Novembru 2013, l-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura stabbilixxiet il-kwantità definittiva ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għall-perijodu ta’ skambji mis-sena 2013 sas-sena 2020. Tmien operaturi ta’ installazzjonijiet li jarmu gassijiet serra, jiġifieri Borealis AB, Kubikenborg Aluminium AB, Yara AB, SSAB EMEA AB, Lulekraft AB, Värmevärden i Nynäshamn AB, Cementa AB u Höganäs Sweden AB, ippreżentaw rikorsi għal annullament kontra din id-deċiżjoni. |
22 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn l-operaturi minn naħa qajmu diversi motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw id-Deċiżjonijiet 2011/278 u 2013/448. |
23 |
Huma jqisu, b’mod partikolari, li l-fattur ta’ korrezzjoni, stabbilit abbażi tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 u ffissat fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448, imur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Peress li d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 ġiet adottata skont il-fattur ta’ korrezzjoni, din ukoll hija invalida. |
24 |
Minbarra dan, fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni kienet iffissat il-valur tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-metall sħun bi ksur tal-limiti previsti fl-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-punt ta’ tluq sabiex jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji għandu jkun ir-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti ta’ settur. Matul l-implementazzjoni ta’ din ir-regola, il-Kummissjoni kienet għamlet stima ogħla mir-rendiment reali tal-installazzjonijiet li jipproduċu l-metall sħun. Bl-istess mod, filwaqt li l-Kummissjoni kkunsidrat sew il-fatt li l-gassijiet residwi mormija matul il-produzzjoni ta’ metall sħun jistgħu jintużaw bħala sostituzzjoni ta’ kombustibbli, l-aġġustament li jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza ta’ kontenut enerġetiku bejn dawn il-gassijiet u l-gass naturali huwa wisq għoli. Peress li l-parametri referenzjarji huma ddeterminati għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, dawn l-iżbalji jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013. |
25 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li din l-aħħar deċiżjoni waħeda, tmur kontra diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2011/278. |
26 |
Għalhekk, peress li l-Aġenzja għall-ħarsien tan-natura naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-allokazzjoni tal-kwoti għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ sħana pprovduta lill-unitajiet domestiċi privati fil-kuntest ta’ tisħin distrettwali, emissjonijiet reali li rriżultaw mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi sa fejn dawn jaqbżu l-parametru referenzjarju ta’ sħana, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 tikser l-Artikolu 10(2)(b) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. L-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura tqis, bil-kontra, li hija ma setgħetx talloka iktar kwoti minn dawk previsti minn dan il-parametru referenzjarju. Minbarra dan, skont din l-aġenzija, l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni matul id-determinazzjoni tal-valuri ta’ parametri referenzjarji għall-metall sħun u għall-kokk sa fejn dawn il-valuri huma ogħla minn dawk tal-parametri referenzjarji ta’ kombustibbli. |
27 |
Minbarra dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 hija invalida sa fejn hija ma hijiex konformi mar-regoli ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-produzzjoni u għall-konsum ta’ sħana. |
28 |
Minn naħa, ir-rifjut tal-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura li talloka kwoti mingħajr ħlas meta subinstallazzjoni tikkonsma sħana prodotta fi subinstallazzjoni oħra li għaliha parametru referenzjarju ta’ kombustibbli japplika jmur kontra wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi inkoraġġut l-użu ta’ tekniki effiċjenti u sabiex jittejjeb ir-rendiment enerġetiku billi jsir użu mill-irkurpru effiċjenti ta’ enerġija minn gassijiet residwi. L‑Aġenzija għall-ħarsien tan-natura tqis li r-rifjut tagħha huwa ġġustifikat mill-obbligu li jiġu evitati allokazzjonijiet doppji. Fil-fatt, l-emissjonijiet li ġejjin minn subinstallazzjoni li taħraq kombustibbli ma jistgħux jingħaddu t-tieni darba waqt l-irkupru tas-sħana minn subinstallazzjoni oħra b’parametru referenzjarju ta’ sħana. |
29 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 hija wkoll invalida sa fejn tikser ir-regola li, matul l-esportazzjoni ta’ sħana lejn distributur ta’ sħana li jipprovdiha, permezz tan-netwerk tiegħu, lil diversi impriżi, il-kwoti mingħajr ħlas għandhom jiġu allokati lill-produttur ta’ sħana u mhux lill-konsumatur. L‑Aġenzija għall-ħarsien tan-natura ma tikkontestax dan il-prinċipju, iżda tikkunsidra li, fil-każ speċifiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur tan-netwerk ma jikkostitwixxix distributur ta’ sħana peress li huwa stess juża l-parti kbira tas-sħana f’waħda mill-installazzjonijiet tiegħu u għalhekk ma jistax jiġi kklassifikat bħala sempliċi intermedjarju. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nacka Tingsrätt – Mark- och miljödomstolen (awla tal-affarijiet li jikkonċernaw proprjetà immobbli u ambjent tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Nacka, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278
Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tlettax-il domandi
31 |
Permezz tal-ewwel, it-tieni u t-tlettax-il domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deciżjoni dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn, matul id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, l-emissjonijiet ta’ gassijiet residwi li jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet dovuti għall-produzzjoni ta’ sħana mill-koġenerazzjoni ma kinux ġew inklużi fl-ammont annwali massimu ta’ kwoti fis-sens tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 (iktar ’il quddiem l-“ammont massimu annwali ta’ kwoti”). |
32 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li titressaq quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti tar-rinviju ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal-11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et, C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 37). |
33 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li installazzjoni li tipproduċi l-elettriku għall-bejgħ lil terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva, minbarra l-kombustjoni ta’ karburanti, għandha tiġi kklassifikata bħala produttur tal-elettriku. |
34 |
Sa fejn il-gassijiet residwi jkunu nħarqu minn produtturi tal-elettriku, l-emissjonijiet korrispondenti ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-ammont annwali massimu ta’ kwoti (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 74). |
35 |
Bl-istess mod, mill-Artikolu 10a(3) u (5) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-emissjonijiet iġġenerati mill-produzzjoni ta’ sħana permezz ta’ koġenerazzjoni ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont annwali massimu ta’ kwoti sa fejn dawn ġejjin minn produtturi tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 75). |
36 |
L‑Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 adottata sabiex jiġi implementat l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni emissjonijiet minn prodotturi tal-elettriku matul id-determinazzjoni tal-ammont annwali massimu ta’ kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 68). |
37 |
Isegwi li, permezz tal-ewwel, it-tieni u t-tlettax-il domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet ta’ produtturi tal-elettriku għad-determinazzjoni tal-ammont annwali massimu ta’ kwoti. |
38 |
Issa, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi dwar kwistjoni, li essenzjalment hija identika u r-risposta mogħtija minn din is-sentenza hija għal kollox trasponibbli għal din il-kawża. |
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza li, sa fejn ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku fid-determinazzjoni tal-ammont annwali massimu ta’ kwoti, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 10a(3) ta’ dan l-istess artikolu (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C393/14, EU:C:2016:311, punt 68). |
40 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-istruttura tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mal-għanijiet tagħha (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 69). |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal motivi identiċi għal dawk stabbiliti fil-punti 62 sa 83 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311), l-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tat-tlettax-il domandi ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
Fuq it-tielet domanda
42 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel, għat-tieni u għat-tlettax-il domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq il-validità tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278
Fuq il-ħames domanda
43 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-validità tal-Anness I td-Deċiżjoni 2011/278, sa fejn il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-metal sħun kien ġie stabbilit bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. |
44 |
SSAB EMEA AB u Lulekraft AB jikkunsidraw li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-parametri referenzjarji għandhom jiġu stabbiliti abbażi tar-rendiment ta’ 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti tas-settur ikkonċernat mill-parametru referenzjarju. Matul l-implementazzjoni ta’ din ir-regola, il-Kummissjoni kienet għamlet stima ogħla mir-rendiment reali tal-installazzjonijiet li jipproduċu l-metall sħun. Minbarra dan, minkejja li l-parametru referenzjarju inkwistjoni jirrifletti l-fatt li l-gassijiet residwi ġġenerati matul il-produzzjoni ta’ metall sħun jistgħu jkunu sostituzzjoni ta’ kombustibbli, l-aġġustament, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza ta’ kontenut enerġetiku bejn dawn il-gassijiet u l-gass naturali, huwa wisq għoli. |
45 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sabiex tistabbilixxi l-parametri referenzjarji skont is-settur jew subsettur skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, dan l-eżerċizzju min-naħa tiegħu jimplika, b’mod partikolari, għażliet kif ukoll evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita ta’ dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 82). |
46 |
Mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-Kummissjoni użat, sabiex tistabbilixxi valuri ta’ parametri referenzjarji, bħala l-punt ta’ tluq il-medja aritmetrika tar-rendiment tal-gassijiet serra tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti tal-gassijiet serra fl-2007 u fl-2008 li għalihom inġabret id-data. Hija vverifikat li dan il-bażi ta’ bidu kien jirrifletti suffiċjentement it-tekniki l-iktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi tal-produzzjoni ta’ sostituzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet residwi, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tad-diossidu tal-karbonju, meta dawn il-faċilitajiet huma disponibbli. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkompletat din id-data billi użat, b’mod partikolari, id-data li rċeviet mill-assoċjazzjonijiet settorjali Ewropej differenti jew f’isimhom, abbażi ta’ regoli ddefiniti li jinsabu f’manwali settorjali. Bħala riferiment għal dawn il-manwali settorjali, il-Kummissjoni pprovdiet linji gwida fuq il-kriterji ta’ kwalità u ta’ verifika. |
47 |
Minbarra dan, mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li, fil-każ li ma kienet disponibbli l-ebda data jew l-ebda data li nġabret ma kienet konformi mal-metodoloġija ta’ determinazzjoni tal-parametri referenzjarji, il-valuri tal-parametri referenzjali ġew stabbiliti bl-għajnuna tal-informazzjoni rigward il-livelli attwali ta’ emissjonijiet u konsum u dwar it-tekniki l-aktar effiċjenti, prinċipalment miksuba mid-Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) stabbiliti skont id-Direttiva 2008/1. B’mod partikolari, minħabba assenza ta’ data rigward it-trattament tal-gassijiet residwi, l-esportazzjoni tas-sħana u l-produzzjoni tal-elettriku, il-valuri għall-parametri referenzjarji ta’ prodott għall-kokk u għall-metall sħun inkisbu minn kalkoli tal-emissjonijiet diretti u indiretti fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-flussi tal-enerġija rilevanti pprovduti mill-BREF korrispondenti u l-fatturi tal-emissjonijiet iddefiniti minn qabel stipulati fid-Deċiżjoni 2007/589. |
48 |
Fir-rigward tal-gassijiet residwi ġġenerati waqt il-produzzjoni ta’ metall sħun, mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-parametri referenzjarji ta’ prodott jieħdu inkunsiderazzjoni l-irkupru effiċjenti tal-enerġija minn gassijiet residwi u emissjonijiet relatati mal-użu ta’ dawn il-gassijiet. Għal dan il-għan, il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet residwi fil-parti l-kbira ttieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji relatati mal-prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera gassijiet residwi. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-Kummissjoni, billi ddeterminat il-parametri referenzjarji skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, kienet marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
50 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-eżami tal-ħames domanda ma rrileva l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278. |
Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448
Fuq ir-raba’ domanda
51 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 li jistabbilixxu l-fattur ta’ korrezzjoni. |
52 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li billi l-Kummissjoni ma ddeterminatx l-ammont annwali massimu ta’ kwoti konformement mar-rekwiżiti tal-ittra (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huwa wkoll kuntrarju għal din id-dispożizzjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 98). |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 li jistabbilixxu l-fattur ta’ korrezzjoni huma invalidi (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 99). |
Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis
54 |
Mill-punt 111 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 b’tali mod, minn naħa, li din id-dikjarazzjoni tipproduċi effett biss fi tmiem perijodu ta’ għaxar xhur mid-data minn meta ngħatat din is-sentenza, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri adottati sa dan it-terminu abbażi tad-dispożizzjonijiet invalidi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati. |
Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278
Fuq is-sitt domanda
55 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ma jiġux allokati kwoti mingħajr ħlas għas-sħana esportata lejn unitajiet domestiċi privati. |
56 |
Hekk kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li titressaq quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. |
57 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sitt domanda tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ impriża li, bil-kombustjoni ta’ karburanti, issaħħan mill-ġdid il-qniepen tal-azzar għall-produzzjoni ta’ folji tal-metall permezz ta’ rrolljar. Is-sħana li hija tista’ tirkupra fil-kuntest ta’ dan il-proċess hija ttrasferita lejn żewġ subinstallazzjonijiet oħra tal-impriża b’parametru referenzjarju ta’ sħana, fejn waħda tesporta din is-sħana lejn netwerk ta’ tisħin distrettwali. |
58 |
Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li sabiex jiġi evitat li, matul l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, l-emissjonijiet iġġenerati mill-kombustjoni ta’ karburanti jittieħdu inkunsiderazzjoni għat-tieni darba skont is-sħana kkonsmata jew esportata, l-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura naqqset din is-sħana mil-livell tal-attività storika tas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana. |
59 |
F’dan il-kuntest, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex tkun taf jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 10(1) sa (3) u (8) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, sabiex tiġi evitata allokazzjoni doppja, li ma jiġux allokati kwoti għal subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana meta din tesporta, lejn unitajiet domestiċi privati, sħana li hija rkuprat minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli. |
60 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni għal kollox armonizzati fuq livell Komunitarju relatati mal-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti. Mill-Artikolu 10a(2) jirriżulta li l-Kummissjoni tistabbilixxi f’dan il-kuntest parametri referenzjarji skont is-settur jew subsettur. |
61 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278, permezz tal-multiplikazzjoni ta’ dawn il-parametri referenzjarji bil-livell ta’ attivita storika ta’ kull subinstallazzjoni, l-Istati Membri jikkalkolaw in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Għal dan il-għan, huma obbligati li jagħmlu distinzjoni, skont l-Artikolu 6 ta din id-deċiżjoni, bejn is-subinstallazzjonijiet skont l-attività tagħhom, sabiex jiġi stabbilit jekk għandux jiġi applikat parametru referenzjarju ta’ prodott, parametru referenzjarju ta’ sħana jew parametru referenzjarju ta’ kombustibbli jew ukoll fattur speċifiku għas-subinstallazzjonijiet b’emissjonijiet minn proċess. |
62 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-definizzjonijiet tas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott, b’parametru referenzjarju ta’ sħana, b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli u b’emissjonijiet minn proċess huma reċiprokament esklużivi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(b) sa (d) u (h) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
63 |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(b) tal-istess deċiżjoni jipprevedi li subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott ifisser biss id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti relatati mal-produzzjoni ta’ prodott li għalih kien stipulat parametru referenzjarju fl-Anness I. |
64 |
L‑Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddefinixi s-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana bħala d-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni. Din is-sħana għandha, b’mod partikolari, tiġi kkonsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti jew esportata lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. |
65 |
Fir-rigward ta’ subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, l-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddefinixxihom bħala d-dħul, il-prodotti kif ukoll l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott u li huma relatati mal-produzzjoni ta’ sħana li ma titkejjilx permezz ta’ kombustjoni tal-karburanti li hija kkonsmata, b’mod partikolari, għall-produzzjoni ta’ prodotti jew għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma hijiex dik użata għall-produzzjoni tal-elettriku. |
66 |
F’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ “subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet minn proċess” hija biss il-ġenerazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ emissjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(h)(i) sa (vi) tal-istess deċiżjoni li tippermetti li ssir din il-klassifikazzjoni. |
67 |
Skont il-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2011/278, meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. F’dan ir-rigward, ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati. |
68 |
Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, mill-qari konġunt tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 3(b) sa (d) u (h) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li huwa biss meta parametru referenzjarju ta’ prodott ma jkunx jista’ jiġi applikat għal subinstallazzjoni li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għandha sseħħ abbażi ta’ wieħed minn tliet mudelli oħra, jiġifieri l-parametru referenzjarju ta’ sħana, il-parametru referenzjarju ta’ kombusibbli jew l-emissjonijiet minn proċess. |
69 |
Minn dawn l-istess dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-kombustjoni ta’ karburant ma tistax tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ diversi parametri referenzjarji differenti, minħabba li l-istess attività tista’ taqa’ biss taħt waħda mill-kategoriji ta’ subinstallazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(b) sa (d) u (h) tad-Deċiżjoni 2011/278, peress li dawn il-kategoriji huma, kif diġà tfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, reċiprokament esklużivi. Kull approċċ ieħor imur kontra l-projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja ta’ kwoti, stabbilita minn diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni. |
70 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2011/278, it-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet ta’ kull subinstallazzjoni ma għandux jaqbeż it-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet tal-installazzjoni. Minbarra dan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(7) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-operaturi tal-installazzjonijiet li jipproduċu gassijiet serra huma obbligati, matul il-komunikazzjoni ta’ data ta’ referenza, li jiżguraw “li ma jkunx hemm sovrapprożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju”. Ma’ dan l-obbligu tal-operaturi jikkorrispondi dak tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jiġi żgurat “li l-emissjonijiet ma jingħaddux darbtejn”. |
71 |
Għalhekk, sa fejn is-sħana importata minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana tkun ġejja minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, għandu jiġi evitat li l-emissjonijiet effettivament marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana jittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn waqt l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. L‑applikazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ kombustibbli għall-produzzjoni ta’ sħana u tal-parametru referenzjarju ta’ sħana għall-konsum ta’ din l-istess sħana tagħti lok għal għadd doppju li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
72 |
Din l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/278 hija kkorroborata mir-regoli ta’ sorveljanza speċifiċi għall-emissjonijiet marbuta mal-proċessi ta’ kombustjoni li jinsabu fil-punt 1A tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li “[l]-operatur ma għandux jassenja emissjonijiet assoċjati mal-produzzjoni ta’ sħana jew elettriku li jiġu importati minn installazzjonijiet oħra lill-installazzjoni li tkun qed timporta”. |
73 |
Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-ħarsien tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 79), kif ukoll l-għan stabbilit fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2011/278 li jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li ma jkun hemm ebda għadd doppju u ma ssir ebda allokazzjoni doppja sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq tal-karbonju. |
74 |
Minbarra dan, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 ma jinkludi ebda indizju li jippermetti li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tipprekludi r-regola tal-projbizzjoni ta’ għadd doppju tal-emissjonijiet. B’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 10a(4) jipprevdi l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tas-sħana għat-tisħin distrettwali ma jippermettix li din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata. Fil-fatt, dan il-paragrafu ma jiddeterminax il-kwantità ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati u lanqas ma jirrikjedi li l-emissjonijiet diġà koperti fil-kuntest ta’ subinstallazzjoni oħra jagħtu lok għal allokazzjoni doppja għas-sħana esportata. |
75 |
Din il-konstatazzjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dokument intitolat “Guidance Document no 6 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012 Cross-Boundary Heat Flows” li l-Kummissjoni ppubblikat fis-sit internet tagħha. Fil-fatt, skont l-indikazzjoni espressa li tinsab f’dan id-dokument, dan ma huwiex legalment vinkolanti u ma jirriflettix il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni. Minbarra dan, jekk huwa minnu, hekk kif jindika dan id-dokument, li la d-Direttiva 2003/87 u lanqas id-Deċiżjoni 2011/278 ma jipprevedu regoli distinti ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-konsum ta’ sħana skont is-sors ta’ din is-sħana, għaldaqstant ma jirriżultax li allokazzjoni doppja ta’ kwoti għall-produzzjoni u għall-konsum tas-sħana hija awtorizzata. |
76 |
Fir-rigward tar-regola prevista fl-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, din għandha bħala għan l-aġġustament tal-allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana li titkejjel esportata lejn unitajiet domestiċi privati meta l-kwantità tal-kwoti stabbilita abbażi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana hija inqas mill-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana. |
77 |
Fid-dawl ta’ dan, il-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi marbuta mal-produzzjoni tas-sħana ma jistax jinkludi emissjonijiet oħra ħlief dawk meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ sħana għall-attivitajiet storiċi tas-subinstallazzjoni kkonċernata, li jeskludi li, f’dan il-kuntest, l-emissjonijiet marbuta mal-attivitajiet storiċi ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
78 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 tirriżulta mill-projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja ta’ kwoti li tipprekludi, hekk kif jirriżulta mill-punti 70 sa 71 ta’ din is-sentenza, li l-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tas-sħana jittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn, jiġifieri waqt l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, minn naħa, għall-installazzjoni li tipproduċi din is-sħana u, min-naħa l-oħra, għall-installazzjoni li tikkonsumahom jew tesportahom. Għalhekk, sa fejn is-sħana esportata minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli ma tagħmilx parti mill-attività storika tas-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, il-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi ta’ din l-aħħar subinstallazzjoni ma jistax jiġi stabbilit minn emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana. |
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 71 u 76 sa 78 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex eskluż li l-implementazzjoni tal-projbizzjoni ta’ għadd doppju tal-emissjonijiet tista’ ġġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni tal-kowti li ma tallokax kwoti għas-sħana esportata lejn unitajiet domestiċi privati. |
80 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li s-sitt domanda tiġi risposta li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 10(1) sa (3) u (8) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, sabiex tiġi evitata allokazzjoni doppja, li ma jiġux allokati kwoti lil subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana meta din tesporta, lejn unitajiet domestiċi privati, sħana li hija rkuprat minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli. |
Fuq l-għaxar domanda
81 |
Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kwoti mingħajr ħlas jiġu allokati lil operatur għall-konsum, f’subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, ta’ sħana prodotta f’subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli. |
82 |
Hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 10(8) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li l-emissjonijiet ma jingħaddux darbtejn”. |
83 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn is-sħana importata minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana tkun ġejja minn installazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, għandu jiġi evitat li l-emissjonijiet effettivament marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana jittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn matul l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. L-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli għall-produzzjoni ta’ sħana u tal-parametru referenzjarju ta’ sħana għall-konsum ta’ din l-istess sħana tagħti lok għal tali għadd doppju pprojbit. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-għaxar domanda tiġi risposta li l-Artikolu 10(8) tad-Deciżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kwoti mingħajr ħlas jiġu allokati lil operatur għall-konsum, f’subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, ta’ sħana meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli. |
Fuq il-ħdax u t-tnax-il domanda
85 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għas-sitt u għall-għaxar domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għall-ħdax u għat-tnax-il domanda. |
Fuq is-seba’ domanda
86 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, matul it-talba għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, huwiex kompatibbli mal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278 li ma tiġix ikkomunikata, bħal fil-każ tal-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura, id-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kollha marbuta mal-produzzjoni ta’ sħana esportata lejn unitajiet domestiċi privati. |
87 |
L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li s-seba’ domanda preliminari tidħol fl-istess kuntest fattwali bħas-sitt domanda, kif deskritt fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza. |
88 |
Minbarra dan, l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jiġbru, għall-installazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, “l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV” ta’ din id-deċiżjoni. Fost dawn il-parametri jidhru, b’mod partikolari, is-“sħana li titkejjel esportata” u “l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra”. Skont l-Artikolu 7(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, din id-data tingħata għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha. |
89 |
F’dan il-kuntest, permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 7 u l-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru, matul il-ġabra ta’ data intiża minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet kollha marbuta mal-produzzjoni tas-sħana esportata minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana lejn unitajiet domestiċi privati sabiex jiġi evitat għadd doppju. |
90 |
Matul il-ġabra ta’ din id-data, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw, skont l-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni 2011/278, “li ma jkunx hemm sovrapprożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju” Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ għadd doppju ta’ emissjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt li jitolbu li d-data li tkun ġiet ikkomunikata lilhom mill-operaturi tiġi rrettifikata. |
91 |
L‑Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278 ma jipprekludix din ir-regola. Fil-fatt, dan l-anness jinkludi biss lista li tipprevedi, fid-dettall, l-informazzjoni minima li l-operaturi kkonċernati jikkomunikaw lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni. |
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li s-seba’ domanda tiġi risposta li l-Artikolu 7 u l-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru, waqt il-ġabra ta’ data intiża minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet kollha marbuta mal-produzzjoni tas-sħana esportata minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana lejn unitajiet domestiċi privati sabiex jiġi evitat għadd doppju. |
Fuq it-tmien domanda
93 |
Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li ma jiġux allokati kwoti mingħajr ħlas supplimentari għall-emissjonijiet li ġejjin minn karburanti fossili li jaqbżu l-allokazzjoni tal-kwoti għas-sħana esportata lejn unitajiet domestiċi privati. |
94 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tmien domanda preliminari tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ impriża, jiġifieri SSAB EMEA, li tipprovdi s-sħana lil netwerk ta’ tisħin distrettwali li jipprovdi lil individwi. Din is-sħana hija prodotta mill-kombustjoni tal-gassijiet residwi li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ metall sħun. |
95 |
Għas-sħana esportata, l-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura applikat, sabiex tiġi stabbilita l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, il-parametru referenzjarju ta’ sħana. Hija ma allokatx kwoti lil hinn minn dak li dan il-parametru referenzjarju jippermetti, peress li hija tikkunsidra li l-emissjonijiet li jaqbżu l-valur stabbilit mill-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli huma, fil-każ ta’ gassijiet residwi, ir-responsabbiltà tal-produtturi ta’ dawn il-gassijiet. Il-parametru referenzjarju ta’ metall sħun jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-emissjonijiet. |
96 |
Fid-dawl ta’ dan kollu, kif ukoll mill-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li ma jiġux allokati kwoti mingħajr ħlas supplimentari għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ sħana li titkejjel mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi li kienu ġew iġġenerati minn installazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ metall sħun, sa fejn il-kwantità ta’ kwoti stabbilita abbażi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana hija inqas mill-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana. |
97 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 ħadet inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet li huma marbuta mal-irkupru effikaċi tal-enerġija minn gassijiet residwi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni aġġustat ċerti punti ta’ riferiment ta’ prodotti, fosthom, b’mod partikolari, dawk għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati. L-iskop tal-Kummissjoni huwa li b’dan il-mod tinkoraġġixxi lill-impriżi jużaw mill-ġdid jew ibiegħu l-gassijiet residwi ġġenerati matul il-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Minbarra dan, jirriżulta mill-istess premessa, minn naħa, li l-użu mill-ġdid tagħhom, fi proċess ieħor minn installazzjoni industrijali, għandu bħala prinċipju jagħti dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas supplimentari abbazi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana jew ta’ kombustibbli u, min-naħa l-oħra, li l-bejgħ ta’ tali gassijiet jippermetti lill-produttur tagħhom li jekonomizza kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C-391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 73). |
98 |
Konformement ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(c) u tal-Artikolu 10(2)(b) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-kombustjoni tal-gassijiet residwi sabiex jiġi pprovdut netwerk ta’ tisħin distrettwali tippermetti l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana. |
99 |
Il-projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja tal-kwoti ma tipprekludix din ir-regola. |
100 |
Fil-fatt, filwaqt li l-parametru referenzjarju ta’ metal sħun jieħu kunsiderazzjoni tal-kombustjoni ta’ gassijiet residwi sa ċertu punt, l-emissjonijiet iġġenerati mill-kombustjoni effettiva tagħhom minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana bħala prinċipju ma jirriżultawx mill-attività storika tas-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ metall sħun. Hekk kif jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni 2011/278, subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott tinkludi biss “id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti relatati mal-produzzjoni ta’ prodott li għalih kien stipulat parametru referenzjarju fl-Anness I [ta’ din id-deċiżjoni]” Dan ma huwiex il-każ tal-emissjonijiet marbuta mal-kombustjoni ta’ gassijiet residwi minn installazzjoni kklassifikata bħala subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
101 |
Għalhekk, kuntrarjament għall-irkupru ta’ sħana prodotta minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, il-kombustjoni ta’ gassijiet residwi minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana tikkostitwixxi proċess differenti mill-produzzjoni tal-prodott li jkun iġġenera dawn il-gassijiet. |
102 |
Din l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(c) u tal-Artikolu 10(2)(b) tad-Deċiżjoni 2011/278 tikkorrispondi mal-għan tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 li jiġi inkoraġġut it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi jittejjeb ir-rendiment enerġetiku, billi jsir użu mit-tekniki l-iktar effiċjenti, fosthom, b’mod partikolari, l-irkupru l-iktar komplet ta’ enerġija minn gassijiet residwi. |
103 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn il-projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja tal-kwoti hija osservata, subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana tista’ tiġi allokata kwoti supplimentari jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. |
104 |
Fid-dawl ta’ dan, l-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa fil-kuntest ta’ din il-kawża mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll l-ispjegazzjonijiet tal-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura, kif riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jindikaw li l-parametru referenzjarju ta’ metall sħun jinkludi l-emissjonijiet iġġenerati mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi sa fejn dawn jaqbżu l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ gass naturali. |
105 |
F’dan ir-rigward, mid-dokument intitolat “Guidance Document no 8 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012, Waste gases and process emissions sub-installation” ippubblikat fis-sit internet tal-Kummissjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ gassijiet residwi ġġenerati fil-limiti ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott, dan il-parametru referenzjarju jinkludi l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ gassijiet residwi u mal-kombustjoni flaring tagħhom minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Skont dan l-istess dokument, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ gassijiet residwi, l-emissjonijiet li jaqbżu dawk iġġenerati matul il-kombustjoni ta’ gass naturali jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
106 |
Sa fejn il-parametru referenzjarju ta’ metal sħun għalhekk jieħu effettivament inkunsiderazzjoni emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ gassijiet residwi, f’dan il-każ, imur kontra l-projbizzjoni tal-għadd doppju tal-emissjonijiet u tal-allokazzjoni doppja tal-kwoti li jiġu allokati, abbażi tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, kwoti supplimentari għas-sħana li titkejjel esportata lejn unitajiet domestiċi privati minħabba li l-kwantità tal-kwoti stabbilita abbażi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana hija inqas mill-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana. |
107 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tmien domanda tiġi risposta li l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li ma jiġux allokati kwoti mingħajr ħlas supplimentari għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ sħana li titkejjel mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi li kienu ġew iġġenerati minn installazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ metall sħun, sa fejn il-kwantità ta’ kwoti stabbilita abbażi tal-parametru referenzjarju ta’ sħana hija inqas mill-valur medjan tal-emissjonijiet storiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ din is-sħana. |
Fuq id-disa’ domanda
108 |
L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li d-disa’ domanda preliminari tidħol fl-istess kuntest fattwali bħat-tmien domanda, kif deskritt fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza. |
109 |
Minbarra dan, ġie kkonstatat, fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jiġbru, għall-installazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, “l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV” ta’ din id-deċiżjoni. Fost dawn il-parametri hemm, b’mod partikolari, is-“sħana li titkejjel esportata” u “[l]-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra”. Skont l-Artikolu 7(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, din id-data hija għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba tagħha. |
110 |
Għalhekk, permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 u l-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, matul il-ġbir tad-data intiża minn dawn id-dispożizzjonijiet, jaġġusta ċ-ċifri miksuba minn dan l-Istat b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġejjin mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana jkunu ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ gass naturali. |
111 |
Hekk kif ġie kkonstatat, fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, matul il-ġabra tad-data intiża fl-Artikolu 7 u fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw, konformement mal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni 2011/278 “li ma jkunx hemm sovrapprożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju”. Minn dan jirriżulta li, f’każ ta’ għadd doppju tal-emissjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt li jitolbu li d-data li kienet ġiet ikkomunikata lihom mill-operaturi tiġi rrettifikata. |
112 |
F’dan ir-rigward, ġie kkonstatat fil-punt 105 ta’ din is-sentenza li mid-dokument intitolat “Guidance Document no 8 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012, Waste gases and process emissions sub-installation” jirriżulta li, fil-każ ta’ gassijiet residwi ġġenerati fil-limiti ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott, dan il-parametru referenzjarju jinkludi, b’mod partikolari, l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ gassijiet residwi u li, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti għal dawn l-emissjonijiet, l-emissjonijiet li jaqbżu dawk iġġenerati matul il-kombustjoni ta’ gass naturali jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
113 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-disa’ domanda tiġi risposta li l-Artikolu 7 u l-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, matul il-ġbir ta’ data intiża minn dawn id-dispożizzjonijiet, jaġġusta ċ-ċifri miksuba minn dan l-Istat b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġejjin mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana jkunu ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ gass naturali sa fejn parametru referenzjarju ta’ prodott jieħu inkunsiderazzjoni emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ gassijiet residwi. |
Fuq l-erbatax sas-sittax-il domanda
114 |
Permezz tal-erbatax sas-sittax-il domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” jinkludi l-attività ta’ esportazzjoni ta’ sħana li titkejjel, li tkun ġejja minn installazzjoni suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, għal netwerk ta’ fwar. |
115 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw il-każ ta’ installazzjoni ta’ koġenerazzjoni li tipprovdi netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ fwar. Tliet konsumaturi, fosthom raffinerija li tikkonsma madwar 90 % tal-fwar imqassam min-netwerk, huma konnessi ma’ dan tal-aħħar. L-Aġenzija għall-ħarsien tan-natura kkunsidrat li dan in-netwerk fir-realta jagħmel parti integrali mir-raffinerija u ma jistax jitqies bħala distributur ta’ sħana. Għalhekk, din l-aġenzija, skont l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, irrifjutat li talloka kwoti għall-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni. |
116 |
F’dan ir-rigward, ġie rrilevat, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 3(c) ta’ din l-aħħar deċiżjoni jiddefinixxi s-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana bħala d-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni. Din is-sħana għandha, b’mod partikolari, tiġi kkonsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti jew esportata lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mis-sistema tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. |
117 |
Minn din id-definizzjoni jirriżulta li installazzjoni li tesporta s-sħana li hija tipproduċi ma tistax tiġi allokata kwoti għal din is-sħana ħlief meta hija tesportaha “minn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni”. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax titlob allokazzjoni tal-kwoti għal din is-sħana meta hija tittrasferiha lil installazzjoni oħra suġġetta għall-iskema għall-iskambju tal-kwoti. |
118 |
Minn dan jirriżulta li distributur ta’ sħana li ma jikkonsmax is-sħana li huwa jimporta, iżda jiddistribwixxiha lil installazzjonijiet jew entitajiet oħra, kemm jekk dawn ikunu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti jew le, għandu jitqies bħala “installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
119 |
Madankollu, meta netwerk ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi, fir-realtà, parti integrali minn installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, li hija suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, dan in-netwerk ma jistax jitqies bħala “installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278. Għalhekk, meta produttur ta’ sħana jitrażmetti s-sħana lil tali netwerk, huwa jipprovdiha lill-installazzjoni suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. |
120 |
L-istess japplika meta jeżisti kuntratt ta’ provvista ta’ sħana bejn il-produttur u l-konsumatur ta’ din is-sħana, peress li, f’tali każ, din ma hijiex ikkunsinnata lil “installazzjoni jew [lil] entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni”. |
121 |
Hija l-qorti tar-rinivju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-fatti tal-kawża prinċipali sabiex tistabbilixxi jekk l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni tesportax sħana lil “installazzjoni jew [lil] entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278. Iċ-ċirkustanzi elenkati fil-kuntest tal-ħmistax-il domanda tagħha huma rrilevanti f’dan ir-rigward. |
122 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-erbatax sas-sittax-il domanda jiġu risposti li l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” jinkludi l-attività ta’ esportazzjoni ta’ sħana li titkejjel, li tkun ġejja minn installazzjoni suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, għal netwerk ta’ fwar meta dan tal-aħħar jista’ jiġi kklassifikat bħala “installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni”. |
Fuq l-ispejjeż
123 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż