SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kuntratti li jipprevedu l-obbligu għal impriża Rumena li tittrasferixxi trade marks lil impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat terz — Rifjut — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur Stat terz — Dehra tal-konvenut quddiem il-qrati Rumeni mingħajr oġġezzjoni — Regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli”

Fil-Kawża C‑175/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u tal-ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ April 2015, fil-proċedura

Taser International Inc.

vs

SC Gate 4 Business SRL,

Cristian Mircea Anastasiu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Taser International Inc., minn S. Olaru, C. Radbâță, u E. Bondalici, avukati,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu u D. M. Bulancea, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 22, l-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Taser International Inc. (iktar ’il quddiem “Taser International”), kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti, u SC Gate 4 Business SRL (iktar ’il quddiem “Gate 4”), kumpannija stabbilita fir-Rumanija, u C. M. Anastasiu, amministratur ta’ Gate 4, dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali impost fuq din il-kumpannija Rumena li tittrasferixxi xi trade marks lil Taser International.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nr 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva”, jipprevedi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[...]

4.

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 23 tal-istess regolament:

“1.   Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. [...]

[...]

5.   Ftehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn ikunu kuntrarji għal l-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

7

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

Id-dritt Rumen

8

Il-Liġi Nru 84/1998 dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tipprevedi, fl-Artikolu 41(1) tagħha:

“Id-drittijiet relatati ma’ trade mark jistgħu jiġu trażmessi permezz ta’ trasferiment, indipendentement mit-trażmissjoni tal-avvjament li fih hija inkorporata. It-trasferiment għandu jsir bil-miktub u jiġi ffirmat mill-partijiet kontraenti, taħt piena ta’ nullità. [...]”

9

Skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi:

“(1)   It-talba għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment għandha tkun akkumpanjata bl-att li jipprova l-bidla fil-proprjetarju tat-trade mark.

(2)   L-[Uffiċċju nazzjonali għall-invenzjonijiet u t-trade marks (OSIM)] għandu jirrifjuta li jirreġistra t-trasferiment jekk jirriżulta manifestament li, permezz tiegħu, il-pubbliku jiġi mqarraq fir-rigward tan-natura, [tal-] kwalità jew [tal-] oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata, ħlief fil-każ fejn il-benefiċjarju tat-trażmissjoni jaċċetta li jillimita t-trażmissjoni tat-trade mark għall-prodotti jew [għas-]servizzi li għalihom it-trade mark ma hijiex qarrieqa.

(3)   Fuq talba tal-persuna kkonċernata u permezz tal-ħlas tat-taxxa prevista mil-liġi, l-OSIM għandha tirreġistra t-trasferiment fir-reġistru tat-trade marks u tippubblikah fil-Bulettin uffiċjali tal-proprjetà industrijali. It-trasferiment huwa eżegwibbli kontra terzi mill-pubblikazzjoni tiegħu.”

10

Il-Liġi Nru 105/1992 dwar ir-relazzjonijiet ta’ dritt internazzjonali privat tipprovdi, fl-Artikolu 154 tagħha:

“Jekk il-partijiet jilħqu ftehim dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti speċifika sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima li tkun qamet bejniethom jew dwar tilwim li jirriżulta mill-att konkluż bejniethom, din il-qorti għandu jkollha l-ġurisdizzjoni, ħlief jekk:

1.

il-qorti hija barranija u l-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti Rumena;

2.

il-qorti hija Rumena u waħda mill-partijiet tqis li qorti barranija għandha ġurisdizzjoni esklużiva.”

11

L-Artikolu 157 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-qorti adita għandha tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kawża fir-rigward ta’ relazzjonijiet ta’ dritt internazzjonali privat u, fil-każ fejn hija tikkonstata li la hi u lanqas ebda qorti Rumena oħra ma għandha ġurisdizzjoni, tiċħad it-talba bħala li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Taser International, li s-sede tagħha tinsab fl-Istati Uniti, ikkonkludiet, fl‑4 ta’ April u fit‑12 ta’ Settembru 2008, żewġ kuntratti ta’ distribuzzjoni mhux esklużiva ma’ Gate 4. Bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti, Gate 4 u l-amministratur tagħha, C. M. Anastasiu, impenjaw ruħhom li jittrasferixxu lill-parti kontraenti l-oħra t-trade marks Taser International li huma rreġistraw jew li huma talbu r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija.

13

Wara r-rifjut ta’ Gate 4 u ta’ C. M. Anastasiu li jissodisfaw dan l-obbligu kuntrattwali, Taser International adixxiet lit-Tribunalul Bucureşti (qorti reġjonali ta’ Bukarest). Minkejja l-eżistenza f’dawn il-kuntratti ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni favur qorti fl-Istati Uniti, Gate 4 u C. M. Anastasiu dehru quddiem din il-qorti Rumena mingħajr ma kkontestaw il-ġurisdizzjoni tagħha. B’sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2011, it-Tribunalul Bucureşti (qorti reġjonali ta’ Bukarest) ordnatilhom jagħmlu l-formalitajiet kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment.

14

Wara l-konferma ta’ din is-sentenza mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest), Gate 4 u C. M. Anastasiu ressqu appell quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u tal-ġustizzja). Minkejja li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni sabiex jiddeċiedu din il-kawża qatt ma kienet ġiet ikkontestata mill-partijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni ex officio.

15

Huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti tistaqsi dwar jekk ir-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli għall-kawża li hija adita biha peress li l-partijiet għażlu, għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħhom, qorti ta’ Stat terz fil-konfront tal-Unjoni Ewropea u mhux waħda mill-qrati ta’ Stat Membru, bħalma jipprevedi l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament. Hija tqis li tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur Stat terz tista’, minħabba dan il-fatt biss, tkun ta’ ostakolu għall-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24 tal-istess regolament.

16

Fil-każ, madankollu, li din ir-regola tal-aħħar tkun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hija kellhiex, madankollu, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha taħt xi titolu ieħor.

17

Barra minn hekk, għandha tiġi vverifikata l-applikabbiltà tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex issir taf jekk kawża dwar obbligu ta’ trasferiment ta’ trade mark, li jista’ jwassal għal reġistrazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, taqax taħt il-punt 4 ta’ dan l-artikolu.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament’ tinkludi wkoll is-sitwazzjoni fejn il-partijiet f’kuntratt ta’ trasferiment tad-drittijiet fuq trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ftiehmu, b’mod mhux ekwivoku u inkontestabbli, li jagħtu l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe tilwima relatata mat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali lill-qrati ta’ Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea u li fih għandha d-domiċilju tagħha r-rikorrenti (uffiċċju rreġistrat), meta r-rikorrenti bdiet proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju tiegħu l-konvenut (uffiċċju rreġistrat)?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva:

a)

L-Artikolu 23(5) [tar-Regolament 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix għal klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni lil Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-qorti adita skont l-Artikolu 2 tar-regolament tiddetermina l-ġurisdizzjoni skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tad-dritt nazzjonali tagħha?

b)

Tilwima li tirrigwarda l-eżekuzzjoni, permezz tal-qrati, tal-obbligu li jiġu ttrasferiti d-drittijiet fuq trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, assunt taħt kuntratt konkluż bejn il-partijiet fl-imsemmija tilwima, tista’ titqies bħala li tirreferi għal dritt “[meħtieġ] sabiex jiġu depożitati jew reġistrati”, fis-sens tal-Artikolu 22(4) tar-regolament, fid-dawl tal-fatt li, skont id-dritt tal-Istat li fih it-trade mark ġiet irreġistrata, it-trasferiment tad-drittijiet fuq trade mark għandu jiġi rreġistrat fir-Reġistru tat-Trade Marks u ppubblikat fil-Buletinul Oficial de Proprietate Industrială [bulettin uffiċjali tal-proprjetà industrijali]?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 24 tar-Regolament jipprekludi lill-qorti adita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament milli tikkonstata, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-premessa [tal-ewwel] domanda, li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, minkejja li l-konvenut deher quddiem din il-qorti, inkluż fl-aħħar istanza, mingħajr ma kkontesta l-ġurisdizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda u l-punt (a) tat-tieni domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda u tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 23(5) u 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali, li fih ir-rikorrent ikun adixxa lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tista’ tirriżulta mill-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament meta l-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tagħhom, minkejja li l-kuntratt bejn dawn iż-żewġ partijiet jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz.

20

Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli għal tilwima bejn konvenut li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru u rikorrent fi Stat terz (ara, b’analoġija, is-sentenza Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 27).

21

Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għall-kawżi kollha fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tapplika inkluż fil-każijiet meta l-qorti tkun ġiet adita bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u timplika li d-dehra tal-konvenut tista’ titqies li hija konferma taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għalhekk bħala estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha (sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 34).

22

It-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali. Hija tistabbilixxi li ma hemmx estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita jekk il-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, u jesprimi b’hekk il-volontà tiegħu li ma jaċċettax il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, jew jekk inkwistjoni jkun hemm kawżi li għalihom l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva (sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 35).

23

Għalhekk tapplika r-regola ġenerali dwar l-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, ħlief fil-każijiet li jinsabu espressament fost l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 24. Peress li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni permezz ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artiklu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, ma tinsabx fost dawn l-eċċezzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jeżistux raġunijiet marbuta mal-istruttura ġenerali jew mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament sabiex tqis li l-partijiet huma pprojbiti milli jressqu kawża quddiem qorti differenti minn dik stabbilita fil-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 25).

24

Dan ir-raġunament japplika kemm fir-rigward ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru kif ukoll fir-rigward ta’ dak li jattribwixxiha lill-qrati ta’ Stat terz, peress li l-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq għażla deliberata tal-partijiet fil-kawża marbuta ma’ din il-ġurisdizzjoni (ara s-sentenza A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 54). Għalhekk, bħalma jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament ma hijiex rilevanti.

25

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda u għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 23(5) u 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali, li fih ir-rikorrent jkun adixxa lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tista’ tirriżulta mill-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament meta l-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tagħhom, minkejja li l-kuntratt bejn dawn iż-żewġ partijiet jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz.

Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

26

Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 4 tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kawża dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ trasferiment ta’ trade marks, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 22 u, b’hekk, tal-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

27

Skont il-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-qasam ta’ reġistrazzjoni jew ta’ validità ta’ trade marks, huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew ir-reġistrazzjoni, tat-trade mark li għandhom ġurisdizzjoni. Għalhekk, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali twassal għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Rumeni.

28

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk talba għall-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali ta’ trasferiment ta’ trade marks jaqax effettivament taħt il-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għaliex, fi kwalunkwe każ, il-qrati Rumeni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu din il-kawża. Fil-fatt, fil-każ li l-punt 4 tal-Artikolu 22 ikun applikabbli għall-imsemmija kawża, il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom tirriżulta minn din id-dispożizzjoni huma l-istess bħal dawk li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija ddeterminata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 ta’ din ir-regolament, peress li l-konvenut fil-kawża prinċipali deher quddiem il-qrati Rumeni mingħajr ma kkontesta l-ġurisdizzjoni tagħhom.

29

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

30

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ kawża bejn partijiet għal kuntratt li jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz, li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, li ġiet adita, tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni ex officio, minkejja li dan il-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

31

Bħalma jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula, l-eżistenza ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz ma tipprekludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

32

Barra minn hekk, mit-tieni u mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom livell għoli ta’ prevedibbiltà. Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 2122).

33

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikawx, il-qorti adita għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher u ma jqajjimx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, billi tali dehra tkun tikkostitwixxi estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punti 2633).

34

Barra minn hekk, dan ma huwiex differenti meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita tirriżulta mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

35

Fil-fatt, fid-dawl tal-pożizzjoni li din id-dispożizzjoni għandha fis-sistema ta’ dan ir-regolament u tal-għan imfittex, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom natura esklużiva u mandatorja li timponi ruħha b’mod speċifiku kemm fuq il-partijiet kif ukoll fuq il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Solvay, C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 44).

36

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ kawża bejn partijiet għal kuntratt li jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz, li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, li ġiet adita, tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni ex officio, minkejja li dan il-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 23(5) u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali, li fih ir-rikorrent adixxa lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tista’ tirriżulta mill-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament meta l-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tagħhom, minkejja li l-kuntratt bejn dawn iż-żewġ partijiet jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz.

 

2)

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ kawża bejn partijiet għal kuntratt li jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat terz, li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu s-sede tiegħu, li ġiet adita, tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni ex officio, minkejja li dan il-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.