Kawżi magħquda C‑164/15 P u C‑165/15 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Aer Lingus Ltd
u
Ryanair Designated Activity Company

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Taxxa nazzjonali fuq it-trasport bl-ajru – Applikazzjoni ta’ rati differenti – Rata mnaqqsa applikabbli għat-titjiriet li d-destinazzjoni tagħhom tinsab mhux iktar minn 300 km mill-ajruport nazzjonali – Vantaġġ – Natura selettiva – Evalwazzjoni fil-każ fejn il-miżura fiskali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Irkupru – Dazji tas-sisa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi-Inklużjoni-Tnaqqis fiskali li jikkostitwixxi miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha-Esklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Natura selettiva tal-miżura-Miżura nazzjonali ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Natura selettiva tal-miżura-Evalwazzjoni bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat- teknika leġiżlattiva użata-Esklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Miżura fiskali kuntrarja għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE-Esklużjoni tal-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat tal-eżenzjoni ta’ din il-miżura li tibbenefika lil ċerti persuni taxxabbli-Kundizzjonijiet

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  5. Appell-Aggravji-Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha-Aggravju ineffettiv

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58)

  6. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna t-tneħħija tagħha-Determinazzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru-Obbligu ta’ rkupru-Portata-Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti

    (L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE)

  7. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Irkupru ta’ għajnuna illegali-Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti-Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament-Assenza

    (Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

  1.  Il-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ “sussidju”, peress li dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi.

    Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha li, għaldaqstant, ma hijiex selettiva u ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

    (ara l-punti 40, 41)

  2.  Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, l-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili.

    (ara l-punt 51)

  3.  L-Artikolu 107(1) TFUE ma jistabbilix distinzjoni bejn l-interventi Statali skont teknika użata mill-awtoritajiet nazzjonali.

    Huma biss l-effetti prodotti mill-miżura fiskali inkwistjoni li jimportaw għall-evalwazzjoni tan-natura eventwali tagħha ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, biex jiġi ddeterminat jekk din il-miżura twassal għal trattament fiskali iktar favorevoli tal-benefiċjarji tagħha meta mqabbla mal-kontribwenti l-oħra.

    (ara l-punti 58, 68)

  4.  Il-fatt li miżura fiskali tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni oħrajn minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE ma jippermettix li jeskludi l-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat l-eżenzjoni ta’ din il-miżura li minnha jibbenefikaw ċerti kontribwenti, sakemm il-miżura inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-kontribwenti l-oħra u ma ġietx la abrogata u lanqas iddikjarata illegali u, għaldaqstant mhux applikabbli.

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha, għall-finijiet tal-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżura fiskali, tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-effetti u ma setgħetx tinjorahom, għall-uniku motiv li l-kontribwenti suġġetti għal trattament fiskali inqas favorevoli jistgħu eventwalment jiksbu r-rimbors tal-ħlas żejjed tat-taxxa li huma kienu ħallsu, permezz ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali.

    (ara l-punti 69, 77)

  5.  Fil-kuntest ta’ appell, l-ilmenti diretti kontra dawn il-motivi in subsidium ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu miċħuda qabelxejn bħala ineffettivi, billi ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza.

    (ara l-punt 86)

  6.  L-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jwaqqaf, permezz ta’ rkupru, għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq uniku għandu l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna.

    Dan il-għan jintlaħaq meta dawn l-għajnuniet in kwistjoni, miżjudin skond il-każ mill-interessi ta’ dewmien, ikun ġew irrestitwiti mill-benefiċjarju jew, f’termini oħra, mill-impriżi li kellhom benefiċċju effettiv. Bil-ħlas lura tal-għajnuna, min irċeviha jitlef il-vantaġġ li gawda minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u jerġa’ għal dak li kienet is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna.

    Barra minn hekk, l-irkupru ta’ għajnuna illegali bil-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel ma timplikax kostituzzjoni mill-ġdid differenti tal-passat skont elementi ipotetiċi bħall-għażliet, spiss diversi, li setgħu jsiru mill-operaturi kkonċernati, peress li l-għażliet li effettivament saru bil-benefiċċju tal-għajnuna jistgħu jkunu irriversibbli.

    L-irkupru tal-għajnuna jimplika r-restituzzjoni tal-vantaġġ prodott minnha lil benefiċjarju tagħha u mhux ir-restituzzjoni tal-eventwali benefiċċju ekonomiku li twettaq minnha mill-operat ta’ dan il-vantaġġ. Tali benefiċċju jista’ ma jkunx identiku għall-vantaġġ li jikkostitwixxi l-imsemmija għajnuna, jew saħansitra jagħti prova li ineżistenti, mingħajr ma dan il-fatt jista’ jiġġustifika in-nuqqas ta’ rkupru ta’ din l-istess għajnuna, jew l-irkupru ta’ somma differenti minn dik li tikkostitwixxi l-vantaġġ prodott mill-għajnuna illegali inkwistjoni.

    Fir-rigward, partikolarment, ta’ għajnuna illegali mogħtija taħt il-forma ta’ vantaġġ fiskali, l-irkupru tal-għajnuna jimplika l-issuġġettar tat-tranżazzjonijiet li effettivament twettqu mill-benefiċjarji bl-għajnuna inkwistjoni tat-trattament fiskali li, fl-assenza tal-għajnuna illegali, ġie applikabbli lilhom.

    Finalment, l-irkupru ta’ ammont daqs id-differenza bejn it-taxxa li kienet dovuta fl-assenza ta’ miżura ta’ għajnuna illegali u l-ammont inqas imħallas b’applikazzjoni ta’ din il-miżura ma tikkostitwixxix taxxa ġdida, imposta b’mod retroattiv. Fir-rigward tal-irkupru tal-parti tat-taxxa inizjali, mhux imħallsa b’applikazzjoni tal-eżenzjoni illegali. Tali rkupru ma jikkostitwixxix iżjed sanzjoni.

    (ara l-punti 89-92, 93, 114)

  7.  L-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna ma jikser la l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minn naħa, il-kanċellament ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta’ din l-għajnuna, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat.

    Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji tal-għajnuna, li huma obbligati li jħallsuha lura, ma jinsabux manifestament fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi li ma bbenefikawx mill-għajnuna u ma humiex ikkonċernati mill-irkupru, b’mod li ma tistax tkun kwistjoni ta’ trattament differenti tas-sitwazzjonijiet analogi, bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

    (ara l-punti 116, 117)