Kawża C-162/15 P

Evonik Degussa GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Artikoli 101 u 102 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 30 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata akkordju illegali fis-suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat – Pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali estiża ta’ din id-deċiżjoni – Ċaħda ta’ talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċertu informazzjoni – Termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta – Deċiżjoni 2011/695/UE – Artikolu 8 – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tas-sigriet professjonali – Artikolu 339 TFUE. – Kunċett ta’ “sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra” – Informazzjoni ġejja minn talba għal klemenza – Ċaħda tat-talba għal trattament kunfidenzjali – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017

  1. Kompetizzjoni–Proċedura amministrattiva–Sigriet professjonali–Deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta dwar l-iżvelar ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni–Obbligi tal-uffiċjal tas-seduta–Portata u limiti

    (Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001 u Nru 1049/2001; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)

  2. Kompetizzjoni–Proċedura amministrattiva–Sigriet professjonali–Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali–Informazzjoni storika–Esklużjoni–Informazzjoni li ma tistax titqies li hija sigrieta jew kunfidenzjali

    (Artikoli 101 TFUE u 339 TFUE)

  3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea–Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti–Regolament (KE) Nru 1049/2001–Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti–Portata–Applikazzjoni għal fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri għall-istħarriġ tar-regoli tal-kompetizzjoni–Preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi involuti f’tali proċeduri bl-iżvelar ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ dawn il-fajls–Traspożizzjoni tal-preżunzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkostitwixxu ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni–Esklużjoni

    (Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30)

  4. Kompetizzjoni–Proċedura amministrattiva–Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur–Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mibgħuta volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża, wara li pparteċipat fil-ksur, sabiex tibbenefika mill-programm ta’ klemenza–Ammissibbiltà–Pubblikazzjoni ta’ kwotazzjonijiet litterali ta’ dikjarazzjoni magħmula sabiex tinkiseb il-klemenza–Inammissibbiltà

    (Artikoli 101 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 30)

  5. Kompetizzjoni–Proċedura amministrattiva–Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur–Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mibgħuta volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża, wara li pparteċipat fil-ksur, sabiex tibbenefika mill-programm ta’ klemenza–Ksur tad-drittijiet tal-impriża kkonċernata skont il-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 30, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

  1.  L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, huwa intiż sabiex jimplementa, fuq il-pjan proċedurali, il-protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tkun saret taf biha fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Din il-protezzjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal kwalunkwe raġuni li tista’ tiġġustifika l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni.

    Minn dan isegwi li r-raġunijiet li jistgħu jirrestrinġu l-iżvelar ta’ informazzjoni, bħal dik li ġiet ikkomunikata minn impriża lill-Kummissjoni sabiex tikseb il-klemenza ta’ din tal-aħħar, ma humiex dawk meħuda mir-regoli li jipproteġu b’mod speċifiku din l-informazzjoni kontra żvelar pubbliku biss u li l-uffiċjal tas-seduta għandu għaldaqstant jeżamina kull oġġezzjoni bbażata fuq raġuni, ibbbażata fuq regoli jew prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, invokata mill-persuna kkonċernata sabiex titlob il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-portata tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695 tonqos b’mod kunsiderevoli jekk din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni biss mill-uffiċjal tas-seduta tar-regoli intiżi speċifikament għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kontra żvelar lill-pubbliku, bħal dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jew fir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

    (ara l-punti 51, 54 u 55)

  2.  L-informazzjoni li tkun sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li ilha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba li għadda ż-żmien, titqies, fil-prinċipju, bħala storika u li tkun tilfet, għalhekk, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura turi li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jwasslu għal preżunzjoni konfutabbli, huma validi kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni fik ukoll fil-kuntest ta’ talbiet għal kunfidenzjalità għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 64)

  3.  Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sistema ta’ aċċess ta’ terzi għall-fajl tal-Kummissjoni fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE u dik dwar il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-ksur, ir-regoli tal-ġurisprudenza jirrestrinġu l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tiżvela lil terzi d-dokumenti li jinsabu fl-imsmemi fajl ma jistgħux jiġu applikati għall-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ksur.

    F’dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni tissodisfa kunsiderazzjonijiet tal-effettività tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sa fejn, b’mod partikolari, tali pubblikazzjoni tippermetti li tipprovdi lill-vittmi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE sostenn fl-azzjonijiet tagħhom għal kumpens kontra l-awturi ta’ dan il-ksur. Dawn l-interessi diversi għandhom madankollu jkunu bbilanċjati mal-protezzjoni ta’ drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, jew lill-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    (ara l-punti 77 sa 79)

  4.  Il-pubblikazzjoni, fil-forma ta’ kwotazzjonijiet litterali, ta’ elementi ta’ informazzjoni meħuda mid-dokumenti pprovduti minn impriża lill-Kummissjoni insostenn ta’ dikjarazzjoni magħmula sabiex tikseb il-klemenza hija differenti mill-pubblikazzjoni ta’ kwotazzjonijiet litterali ta’ din id-dikjarazzjoni stess. Filwaqt li l-ewwel waħda għandha tiġi awtorizzata fl-osservanza tal-protezzjoni dovuta, b’mod partikolari, għas-sigrieti kummerċjali, għas-sigriet professjonali jew għall-informazzjoni kunfidenzjali oħra, it-tieni waħda fl-ebda każ ma hija permessa.

    (ara l-punti 87)

  5.  L-unika protezzjoni li tista’ tippretendi impriża li tikkoopera mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE hija dik dwar, minn naħa, l-immunità jew it-tnaqqis tal-multa bħala korrispettiv għall-provvista lill-Kummissjoni ta’ provi tal-ksur preżunt li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv lill-elementi diġà fil-pussess tagħha u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ żvelar, mill-Kummissjoni, ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub irċevuti minnha konformement mal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordji.

    B’hekk, pubblikazzjoni bħal dik prevista, magħmula skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 fl-osservanza tas-sigriet professjonali, ma tippreġudikax il-protezzjoni li jista’ jkollha impriża skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, peress li din il-protezzjoni tista’ tikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-multa u t-trattament ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet speċifikament koperti minn din il-komunikazzjoni.

    (ara l-punti 97 u 98)