Kawża C-143/15

G. E. Security BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa doganali komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Intestaturi 8517, 8521, 8531 u 8543 — Merkanzija indikata ‘videomultiplexer’”

SOMMARJU – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-25 ta’ Frar 2016 ?I – 0000

  1. Unjoni doganali — Tariffa doganali komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Kriterji — Karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodott — Interpretazzjoni ta’ intestaturi tariffarji — Noti ta’ Spjega tas-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija u noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda — Awtorità — Portata

  2. Unjoni doganali — Tariffa doganali komuni — Intestaturi tariffarji — Partijiet fis-sens tan-Nota 2 tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda — Kunċett — “Videomultiplexer” li għandha funzjoni prinċipali ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofoniċi fi ħdan is-sistema ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza — Esklużjoni — Klassifikazzjoni fl-intestatura 8521 tan-Nomenklatura Magħquda

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, Taqsima XVI, noti 2 u 3)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 44, 45)

  2.  In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolament Nru 1214/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħal dik imsejħa “videomultiplexer” għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-punti fattwali kollha li din għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 8521 ta’ din in-nomenklatura.

    Fil-fatt, mill-istess formulazzjoni tal-intestaturi 8517, 8521, 8531 u 8543 tan-Nomenklatura Magħquda u tan-Noti ta’ Spjega relatati li l-funzjoni tal-merkanzija kkonċernata hija determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar f’waħda minn dawn l-intestaturi.

    Barra minn hekk, in-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda, li taħtha jaqgħu l-intestaturi 8517, 8521 u 8531 ta’ din in-nomenklatura, tipprovdi li “magni maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet differenti, alternattivi jew kumplimentari jew iktar għandhom jiġu kklassifikati skont il-funzjoni prinċipali li jikkaratterizza t-totalità”.

    F’dan ir-rigward, il-“videomultiplexer” fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha u tal-proprjetajiet oġġettivi kif ukoll tad-destinazzjoni tagħha, li għandha funzjoni prinċipali ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofoniċi fi ħdan is-sistema ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza. Il-funzjonijiet l-oħra assigurati mill-“videomultiplexer”, jiġifieri l-funzjonijiet ta’ allarm u ta’ netwerk, jikkostitwixxu biss funzjonijiet aċċessorji li huma intiżi li jtejbu l-funzjonament tas-sistema li fiha l-“videomultiplexer” hija integrata.

    Finalment, il-“videomultiplexer” ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “parti minn magna” fis-sens tan-Nota 2 tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda.

    F’dan ir-rigward, sabiex oġġett ikun jista’ jikkwalifika bħala “parti”, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-bżonnijiet li hija destinata għalihom. Għad għandu jiġi stabbilit li l-operazzjoni mekkanika jew elettrika tal-magna inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-imsemmi oġġett.

    Anki jekk il-“videomultiplexer” tikkostitwixxi element ta’ sistema ta’ vidjosorveljanza f’ċirkwit magħluq, id-ditekters li jintużaw fi ħdan is-sistema jistgħu jissodisfaw il-funzjoni tagħhom fl-assenza tal-“videomultiplexer”. Barra minn hekk, il-funzjonament mekkaniku u elettriku ta’ dawn l-apparati ma jiddependix mill-preżenza tal-“videomultiplexer”.

    (ara l-punti 47, 53, 55, 56, 62-65, 72 u d-dispożittiv)