SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Jannar 2017 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Sajd — Regolament (UE) Nru 1380/2013 — Regolament (UE) Nru 1367/2014 — Validità — Opportunitajiet ta’ sajd — Approċċ ta’ prekawzjoni — Prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Roundnose grenadier u roughhead grenadier”
Fil-Kawża C-128/15,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 UE, ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2015,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová kif ukoll minn A. de Gregorio Merino u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet kif ukoll minn I. Galindo Martín u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1376/2014, tal-15 ta’ Diċembru 2014, li jiffissa għall-2015 u l-2016 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond (ĠU 2014, L 366, p. 1), għar-raġuni li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta stabbilixxa l-qbid totali ammissibbli (TAC) komuni għar-roundnose grenadier (Coryphaenoides rupestris) u r-roughhead grenadier (Macrourus berglax) f’żewġ żoni ta’ ġestjoni, b’mod speċifiku ż-żoni “5B67” u “8X14”, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd u bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013
|
2 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament PKS”), jinkludi dispożizzjonijiet intiżi għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS). |
|
3 |
Il-premessi 4, 6, 10 u 24 kif ukoll 34 sa 36 tar-Regolament PKS jiddikjaraw:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament PKS jipprovdi li l-PKS għandha tkopri “il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ġestjoni ta’ sajd u flotot li jisfruttaw tali riżorsi”. |
|
5 |
L-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Il-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. [...]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3(c) tal-istess regolament, il-miżuri adottati fil-kuntest tal-PKS għandhom jiġu stabbiliti “skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli”. |
|
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament PKS, intitolat, “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt 8 tal-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...] ‘approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd’, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tal-Ftehim tan-NU dwar -Istokkijiet tal-Ħut, tfisser approċċ li skontu n-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata m’għandux jiġġustifika l-posponiment jew in-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri ta’ ġestjoni sabiex jiġu kkonservati l-ispeċijiet fil-mira, speċijiet assoċjati jew dipendenti u speċijiet mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom”. |
|
8 |
L-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Meta jiġi applikat dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-korpi konsultattivi rilevanti u l-korpi xjentifiċi rilevanti. Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu adottati b’kont meħud tal-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli, inklużi, fejn rilevanti, rapporti mfassla mis-STECF u korpi konsultattivi oħra, pariri mogħtija mill-Kunsilli Konsultattivi u rakkomandazzjonijiet konġunti magħmulin mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17 [Artikolu 18].” |
|
9 |
L-Artikolu 16 tal-istess regolament jipprovdi: “1. L-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri għandhom jiżguraw stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew żona tas-sajd. Għandhom jitqiesu l-interessi ta’ kull Stat Membru meta jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd il-ġodda. 2. Meta jiġi introdott l-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward ta’ stokk ta’ ħut, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti billi titqies il-bidla mill-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt l-art għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qbid fuq il-bażi li, għall-ewwel sena u s-snin sussegwenti, ir-rimi ta’ dak l-istokk mhux ser jibqa’ jiġi permess. 3. Fejn evidenza xjentifika ġdida turi li hemm disparità sinifikanti bejn l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ġew iffissati għal stokk speċifiku u l-istat attwali ta’ dak l-istokk, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw talba raġunata lill-Kummissjoni biex hija tibgħat proposta biex tnaqqas dik id-disparità, filwaqt li tirrispetta l-objettivi li jinsabu fl-Artikolu 2(2). 4. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti b’mod konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u għandhom jikkonformaw mal-miri kwantifikabbli, l-iskedi taż-żmien u l-marġini stabbiliti skont l-Artikolu 9(2) u punti (b) u (c) tal-Artikolu 10(1) [Artikolu 11(1)]. [...]” |
|
10 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament PKS, inkluż fil-parti V tal-imsemmi regolament, intitolata “Bażi xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom, skont ir-regoli adottati fil-qasam tal-ġbir tad-data, jiġbru data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika meħtieġa għal ġestjoni tas-sajd, jiġġestixxu dik id-data u jagħmluha disponibbli għall-utenti finali, inklużi korpi maħtura mill-Kummissjoni. L-akkwist u l-ġestjoni ta’ tali data għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd f’konformità ma’ att legali futur tal-Unjoni li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal appoġġ finanzjarju għall-politika marittima u tas-sajd għall-perijodu 2014 - 2020. Dik id-data għandha b’mod partikolari tippermetti l-valutazzjoni ta’:
2. Il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:
3. Kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom tal-ġbir tad-data u għandhom jagħmluha disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rapport annwali dwar il-ġbir tad-data wara li tikkonsulta mal-korp konsultattiv xjentifiku tagħha u, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tas-sajd reġjonali (RFMOs) li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u ma’ korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinament nazzjonali tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data xjentifika, inkluża data soċjoekonomika, għall-ġestjoni tas-sajd. Għal dan il-għan, huma għandhom jaħtru korrispondent nazzjonali u jorganizzaw laqgħa annwali ta’ koordinazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata bl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni nazzjonali u tiġi mistiedna għal-laqgħat ta’ koordinazzjoni. [...]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 1367/2014
|
11 |
Il-premessi 3 sa 7 tar-Regolament Nru 1367/2014 jiddikjaraw:
|
|
12 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1367/2014 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
13 |
Fil-parti 2 tal-Anness tal-imsemmi regolament wieħed isib it-TACs li jirrigwardaw iż-żoni u l-ispeċi differenti. L-opportunitajiet ta’ sajd għar-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier ġew stabbiliti f’TAC komuni għal dawn iż-żewġ speċi. It-TACs rilevanti f’dan il-każ ġew stabbiliti kif ġej:
|
|
14 |
Għall-ewwel żona, Spanja kisbet 65 tunnellata għas-sena 2015 u 66 tunnellata għas-sena 2016. Fir-rigward tat-tieni żona, Spanja kisbet 2617 tunnellata għas-sena 2015 u 2354 tunnellata għas-sena 2016. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
15 |
Mill-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jirriżulta li r-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier huma żewġ speċi ta’ ħut tal-baħar fond li, mad-daqqa ta’ għajn, jistgħu jiġu distinti biss mill-forma ta’ rashom. Meta l-ħut ta’ dawn l-ispeċi titneħħilhom rashom u jiġu ffriżati, ikun prattikament impossibbli li ssir distinzjoni bejniethom. |
|
16 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li r-roundnose grenadier hija speċi fil-mira fiż-żewġ żoni ta’ ġestjoni kkonċernati u li s-sajd tagħha fl-imsemmija żoni ilu rregolat mis-sena 2003 permezz ta’ TAC stabbilit fuq il-livell tal-Unjoni. Din l-istituzzjoni żżid tgħid li r-roughhead grenadier hija inqas frekwenti f’dawn iż-żoni u li s-sajd għaliha ma kienx suġġett għal TAC fuq il-livell tal-Unjoni qabel l-adozzjoni tar-regolament Nru 1367/2014. |
|
17 |
Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-grupp ta’ ħidma tal-KIEB fuq il-bijoloġija u l-evalwazzjoni tar-riżorsi tal-ħut tal-baħar fond, li ltaqa’ mill-4 ta’ April sal-11 ta’ April 2014, indika fir-rapport tiegħu tal-2014 (iktar ’il quddiem, ir-“rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-KIEB tal-2014”) li kien ġie mgħarraf bi qbid importanti tar-roughhead grenadier matul is-snin preċedenti fuq il-Hatton Bank, b’mod partikolari minn bastimenti ta’ tkarkir Spanjoli. Skont dawn l-istituzzjonijiet, dak ir-rapport semma wkoll varjazzjonijiet sostanzjali bejn id-data tal-osservaturi u d-data uffiċjali Spanjola dwar il-ħatt tar-roundnose grenadier, u dan qajjem ċertu tħassib dwar il-possibbiltà ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati fir-rigward tad-diversi speċi ta’ grenadier. |
|
18 |
Il-kontenut tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-KIEB tal-2014 ġie diskuss mill-kumitat permanenti fdat bil-ġestjoni u bil-kwistjonijiet xjentifiċi tan-NEAFC fix-xahar ta’ Settembru 2014. Dan il-kumitat permanenti enfasizza, b’mod partikolari, li l-livell ta’ sajd iddikjarat tar-roughhead grenadier meta mqabbel mar-roundnose grenadier kien “sorprendenti” peress li l-qabdiet tar-roughhead grenadier kienu tradizzjonalment inqas għoljin. Il-KIEB ntalab jagħti kjarifiki, sa fejn kien possibbli, dwar dan is-sajd. Huwa ntalab, b’mod partikolari, li jeżamina jekk setax kien hemm żbalji fid-dikjarazzjonijiet tal-qbid jew jekk kienx hemm sajd ġdid jew li kien qiegħed jiżdied bil-ħeffa li kien jirrigwarda r-roughhead grenadier. |
|
19 |
B’mod parallel, l-Unjoni, irrappreżentata mid-diviżjoni C2 tad-direttorat ġenerali tal-affarijiet marittimi u tas-sajd tal-Kummissjoni staqsiet ukoll lill-KIEB dwar dan is-suġġett fix-xahar ta’ Settembru 2014. |
|
20 |
Fit-3 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi, għas-snin 2015 u 2016, l-opportunitajiet ta’ sajd għall-bastimenti tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond. Il-Kummissjoni kienet qiegħda tipproponi b’mod partikolari li, f’kull waħda miż-żoni ta’ ġestjoni kkonċernati, jiġi ffissat TAC komuni għar-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier. Il-livell ta’ TAC komuni kien ibbażat fuq il-parir xjentifiku tal-KIEB għar-roundnose grenadier, fl-assenza ta’ parir bħal dak għar-roughhead grenadier. Bl-istess mod, il-kwoti nazzjonali li jallokaw it-TACs komuni kienu ddeterminati skont il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għas-sajd tar-roundnose grenadier biss. |
|
21 |
Fis-7 ta’ Novembru 2014, il-KIEB ipproduċa parir xjentifiku bħala risposta għat-talbiet magħmula min-NEAFC u mill-Unjoni (iktar ’il quddiem, il-“parir tal-KIEB tas-7 ta’ Novembru 2014”). Minn dan il-parir jirriżulta li jeżistu inċertezzi dwar il-kompożizzjoni, għal kull stokk, tal-qbid iddikjarat tar-roundnose grenadier u tar-roughhead grenadier. Għal dak li jirrigwarda d-distribuzzjoni u l-abbundanza taż-żewġ speċi ta’ grenadier, il-KIEB indika li dawn kienu abitwalment preżenti f’ambjenti idroloġiċi differenti, billi r-roughhead grenadier jgħix ġeneralment f’ilmijiet boreali, iktar kesħin. |
|
22 |
Il-parir tal-KIEB tas-7 ta’ Novembru 2014 jenfasizza li l-qbid sostanzjali tar-roughhead grenadier ġie ddikjarat fiż-żona ta’ ġestjoni 8X14 kif ukoll f’parti miż-żona ta’ ġestjoni 5B67. Bħala medja, il-qbid kummerċjali ta’ roundnose grenadier osservat fis-subżoni VI u XII, li jagħmlu parti mill-imsemmija żoni ta’ ġestjoni, huwa ta’ tliet darbiet ikbar minn dak tar-roughhead grenadier. Madankollu, il-KIEB enfasizza l-eżistenza ta’ differenzi importanti, minn sempliċi differenza għad-doppju, fil-proporzjonijiet tar-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier iddikjarati meta jsir il-ħatt uffiċjali, minn naħa, u dawk osservati meta jsiru l-qabdiet u l-istudji xjentifiċi mwettqa fiż-żoni fejn isir is-sajd għar-roughhead grenadier, min-naħa l-oħra. |
|
23 |
Madankollu, il-parir tal-KIEB tas-7 ta’ Novembru 2014 indika li d-data disponibbli kienet tipprovdi informazzjoni li ma tantx kienet probatorja, b’kopertura limitata fl-ispazju u fiż-żmien. Għalhekk, il-KIEB ikkonkluda li kien hemm bżonn li jsir ġbir ta’ data iktar estiż fuq il-qbid u l-isforz tas-sajd tar-roughhead grenadier jekk in-NEAFC u l-Unjoni xtaqu jirregolaw dak is-sajd. |
|
24 |
It-Tnejn, l-10 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill iddiskuta l-proposta għal regolament sottomessa mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2014. Fuq il-bażi tad-dibattiti fi ħdan il-Kunsill, il-Presidenza ta’ din l-istituzzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni, ipproponiet test ta’ kompromess. Dan il-kompromess, essenzjalment, kien jikkonsisti fiż-żieda tal-livell ta’ TACs stabbiliti inizjalment għar-roundnose grenadier sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-estensjoni tagħhom għar-roughhead grenadier. |
|
25 |
Mill-osservazzjonijiet tal-Kunsill jirriżulta li, fil-prattika, dan l-ammont addizzjonali ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-proporzjon medja bejn il-ħatt ta’ roughhead grenadier u l-ħatt ta’ roundnose grenadier. B’dan il-mod, għaż-żona ta’ ġestjoni 5B67, billi l-parir xjentifiku tal-KIEB kien jissuġġerixxi TAC ta’ 3794 tunnellata għar-roundnose grenadier u li l-medja annwali stmata ta’ ħatt ta’ roughhead grenadier f’dik iż-żona kienet tirrappreżenta l-5.7 % tal-medja annwali stmata ta’ ħatt ta’ roundnose grenadier, il-kwantità ta’ 3794 tunnellata żdiedet b’216-il tunnellata (jiġifieri 5.7 % ta’ 3794 tunnellata), li rriżulta fi kwantità finali ta’ 4010 tunnellata. L-istess metodu ġie segwit għaż-żona ta’ ġestjoni 8X14, fejn il-medja annwali stmata ta’ ħatt ta’ roughhead grenadier kienet tirrappreżenta 25.6 % tal-medja annwali stmata ta’ ħatt ta’ roundnose grenadier. |
|
26 |
It-TACs stabbiliti b’dan il-mod ġew allokati bejn l-Istati Membri kkonċernati skont il-formola ta’ allokazzjoni li tiggarantixxi l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd tar-roundnose grenadier. Konsegwentement, il-kwoti tar-Renju ta’ Spanja kienu jirrappreżentaw 1.62 % u 71.8 % tat-TACs komuni stabbiliti rispettivament għaż-żoni ta’ ġestjoni 5B67 u 8X14. |
|
27 |
Fil-15 ta’ Diċembru 2014, intlaħaq ftehim politiku fuq il-bażi tal-kompromess tal-Presidenza tal-Kunsill, b’adattamenti ħfief. Id-delegazzjonijiet kollha qalu li kienu jaqblu ma’ dan il-ftehim politiku, bl-eċċezzjoni tad-delegazzjonijiet Spanjoli u Portugiżi li ppreżentaw dikjarazzjoni biex tiddaħħal fil-minuti tal-Kunsill. F’din id-dikjarazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja sostna b’mod partikolari li l-allokazzjoni tat-TACs komuni stabbiliti għar-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva bbażata fuq il-qbid storiku ta’ kull Stat Membru. |
|
28 |
Ir-Regolament Nru 1367/2014 ġie adottat skont il-formulazzjoni li tirriżulta minn dan il-ftehim politiku u ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2014. Huwa daħal fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
29 |
Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
30 |
Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
|
32 |
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fid-9 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill ressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali taħt l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ ittra li waslet ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess data, il-Kummissjoni fformulat talba simili. |
|
33 |
Insostenn tat-talbiet tagħhom, dawn l-istituzzjonijiet jargumentaw, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd magħmula mill-Avukat Ġenerali tistrieħ fuq argumenti li fir-rigward tagħhom ma kienx hemm dibattitu bejn il-partijiet. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li din ma ġietx ikkjarifikata biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li fir-rigward tiegħu ma kienx hemm dibattitu bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
35 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors li bih ġiet adita u li dan ma għandux jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ argument li fir-rigward tiegħu ma kienx hemm dibattitu quddiemha. |
|
36 |
Konsegwentement, it-talbiet għal ftuħ mill-ġdid imressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq ir-rikors
|
37 |
Insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament tar-Regolament Nru 1367/2014, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet motivi ibbażati, l-ewwel nett, fuq li l-Kunsill mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
Fuq l-ewwel motiv
L-argumenti tal-partijiet
|
38 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kunsill talli bbaża ruħu fuq data ineżatta meta stabbilixxa TAC komuni li jkopri r-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier minħabba li l-qabdiet ta’ roundnose grenadier “setgħu ġew iddikjarati bħala qabdiet ta’ roughhead grenadier”. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 1367/2014, din id-deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi tal-opinjoni xjentifika u tad-diskussjonijiet reċenti fi ħdan in-NEAFC. Issa, ma jidhirx li l-opinjoni xjentifika tan-NEAFC kienet konklussiva fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kienx neċessarju li jiġi stabbilit TAC komuni għaż-żewġ speċi ta’ grenadier. |
|
39 |
Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2014, il-KIEB indika li ma kienx possibbli għalih li jagħti opinjoni dwar l-eżistenza ta’ sajd għar-roughhead grenadier, peress li ma kienet teżisti ebda indikazzjoni dwar il-qbid ta’ speċi differenti ta’ grenadier, ġaladarba d-data għas-sena 2010 ma hijiex biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jinsiltu xi tip ta’ konklużjonijiet dwar dan il-punt. L-opinjoni tippreċiża wkoll li jeżistu differenzi kunsiderevoli bejn id-data li tirrigwarda l-ħatt ta’ qabdiet tar-roughhead grenadier u ta’ roundnose grenadier. Għalhekk, il-KIEB ikkonkluda li, sabiex jiġi stabbilit sajd ta’ roughhead grenadier, kien meħtieġ li tinkiseb informazzjoni iktar kompleta u ddettaljata dwar il-qabdiet u l-ħatt tagħhom. Għaldaqstant minn din l-opinjoni jirriżulta b’mod ċar li ma teżistix data xjentifika ċara li tippermetti li jiġi konkluż li dawn iż-żewġ speċi kienu jevolvu fiż-żoni ta’ ġestjoni 5B67 u 8X14. |
|
40 |
Barra minn hekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi sostnut li ma kienx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data pprovduta, fit-28 ta’ Novembru 2014, minn dan l-Istat Membru, b’risposta għat-talba għat-trażmissjoni ta’ data, minħabba li l-ftehim politiku fuq ir-Regolament Nru 1367/2014 kien intlaħaq fl-10 ta’ Novembru 2014, meta dan ir-regolament kien ġie adottat biss fil-15 ta’ Diċembru 2014. |
|
41 |
Minn dan ir-Renju ta’ Spanja jiddeduċi li l-Kunsill mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu billi stabbilixxa TAC komuni għaż-żewġ speċi meta l-opinjoni xjentifika tal-KIEB kienet tindika b’mod ċar li d-data disponibbli ma kinitx turi li dawn l-ispeċi kienu jevolvu fiż-żoni ta’ ġestjoni kkonċernati u li għaldaqstant dawn setgħu jinqabdu flimkien. |
|
42 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma ħadu inkunsiderazzjoni l-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier sabiex jiddefinixxu l-formola ta’ allokazzjoni applikata għat-TAC komuni stabbilit għal din l-ispeċi u għar-roundnose grenadier. B’dan il-mod, il-kwoti nazzjonali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd, li jirrikjedu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-allokazzjoni tal-livelli storiċi tal-qabdiet bejn il-flotot ta’ kull Stat Membru għal kull speċi kkonċernata. |
|
43 |
Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-kwoti ta’ sajd komuni li ġew attribwiti lilu għar-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier imisshom kienu ogħla, peress li l-flotta Spanjola wettqet parti importanti mill-qabdiet ta’ roughhead grenadier matul il-perijodu mis-sena 2009 sas-sena 2013. Jidher li d-dannu mġarrab mill-flotta Spanjola minħabba dan l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd jammonta għal EUR 346926. |
|
44 |
La l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestaw il-fatt li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier sabiex jiġi stabbilit it-TAC komuni kontenzjuża. Fil-fatt, huwa paċifiku li dan it-TAC tqassam bejn l-Istati Membri konformement mal-formola ta’ allokazzjoni li tiggarantixxi l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd tar-roundnose grenadier biss. |
|
45 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
46 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kunsill mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, qabel kollox, għandu jitfakkar li, meta l-Kunsill jiddetermina t-TACs u jqassam l-opportunitajiet ta’ sajf bejn l-Istati Membri, huwa jintalab iwettaq l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, li fir-rigward tagħha għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’ċirkustanza bħal din, is-setgħa diskrezzjonali li minnha jgawdi l-Kunsill ma jirrigwardax esklużivament id-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, iżda wkoll, sa ċertu punt, il-konstatazzjoni tad-data bażika. Meta tistħarreġ l-eżistenza ta’ tali kompetenza, il-qorti għandha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk dan l-eżerċizzju huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 1998, NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation, C‑4/96, EU:C:1998:67, punti 41 u 42; tal-5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑179/95, EU:C:1999:476, punt 29, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑304/01, EU:C:2004:495, punt 23). |
|
47 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament PKS li l-“approċċ prekawzjonarju” għandu jiġi applikat fil-qasam ta’ ġestjoni tas-sajd. |
|
48 |
Issa, konformement mad-definizzjoni li tingħata fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi Regolament, dan l-approċċ jimplika li l-assenza ta’ data xjentifika rilevanti ma għandhiex isservi bħala ġustifikazzjoni sabiex ma jiġux adottati jew sabiex tiġi posposta l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni intiżi sabiex jiġu kkonservati l-ispeċi l-fil-mira, speċi assoċjati jew dipendenti u speċi mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom. |
|
49 |
Fl-aħħar nett, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 6(2) tal-istess regolament jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi obbligu ta’ “teħid inkunsiderazzjoni” tal-opinjonijiet xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli meta jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni iżda ma jipprekludix lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jipproċedi għall-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ konservazzjoni fl-assenza ta’ opinjonijiet speċifiċi, tekniċi u ekonomiċi konklussivi. |
|
50 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ obbligu simili li jirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83, tal-25 ta’ Jannar 1983, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd (ĠU 1983, L 24, p. 1), li l-miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd ma għandhomx ikunu għal kollox konformi mal-opinjonijiet xjentifiċi u li l-assenza tan-natura mhux konklussiva ta’ tali opinjonijiet ma għandhiex tipprekludi lill-Kunsill milli jadotta l-miżuri li huwa jqis li huma indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, MondietC‑405/92, EU:C:1993:906, punt 31). |
|
51 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, minn naħa, il-Kunsill kellu s-setgħa li jadotta TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier, inkluż fl-assenza ta’ data xjentifika “konklussiva” dwar il-preżenza u l-qbid ta’ dawn iż-żewġ speċi ta’ ħut fiż-żoni ta’ ġestjoni kkonċernati, sa fejn huwa kien iqis li din il-miżura kienet xierqa bil-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi ta’ roundnose grenadier. |
|
52 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-KIEB tal-2014 u l-opinjoni tal-KIEB tas‑7 ta’ Novembru 2014 kienu jikkonstataw dikjarazzjonijiet ta’ qabdiet ta’ roughhead grenadier fiż-żoni ta’ ġestjoni kkonċernati, li l-importanza tagħhom kienet tqajjem dubji dwar l-affidabbiltà tagħhom, inkwantu l-qabdiet ta’ roundnose grenadier ġew possibbilment iddikjarati bħala qabdiet ta’ roughhead grenadier, u peress li tali ċirkustanza kienet tgħaddi mir-riskju li taffettwa b’mod sostanzjali l-effettività tat-TACs stabbiliti għar-roundnose grenadier ġaladarba ma tistax issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ speċi inkwistjoni ladarba l-ħut jitneħħilhom rashom u jiġu ffriżati, il-Kunsill seta’ qies li kien neċessarju li tiġi adottata miżura sabiex jiġi evitat dan ir-riskju. |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kunsill marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi stabbiliet TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier. |
|
54 |
Għalhekk l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
55 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16 tar-Regolament PKS jippreċiża li l-“opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri għandhom jiżguraw stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew żona tas-sajd”. Huwa jżid li l-“[g]ħandhom jitqiesu l-interessi ta’ kull Stat Membru meta jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”. |
|
56 |
Barra minn hekk mill-premessi 35 u 36 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, b’mod partikolari fid-dawl tad-dipendenza ta’ ċerti komunitajiet kostali lejn is-sajd, huwa neċessarju li tiġi ggarantita stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd, billi jiġu allokati l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri b’mod li jiġi attribwit lil kull wieħed minnhom sehem prevedibbli tal-istokkijiet, filwaqt li din l-istabbiltà għandha tkun tista’ “tħares u tieħu kont sħiħ tal-ħtiġijiet partikolari ta’ reġjuni fejn il-komunitajiet lokali jiddipendu b’mod partikolari fuq is-sajd u l-attivitajiet relatati”. |
|
57 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-għan tas-sistema ta’ kwoti nazzjonali jikkonsisti f’li jiġi żgurat li kull Stat Membru jkollu porzjoni ekwa tat-TAC stabbilit, essenzjalment iddeterminata skont il-qabdiet li minnhom ibbenefikaw l-attivitajiet ta’ sajd tradizzjonali, il-komunitajiet lokali li jiddependu mis-sajd u l-industriji relatati ta’ dan l-Istat Membru qabel ma ġiet stabbilita s-sistema ta’ kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1989, Agegate, C‑3/87, EU:C:1989:650, punt 24). |
|
58 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kif ukoll taċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għażla tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu li għandu jiġi kkonstatat jekk, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier iddikjarati mir-Renju ta’ Spanja meta ddetermina l-kwoti għal kull Stat Membru wara li ġie stabbilit TAC komuni għal din l-ispeċi u għar-roundnose grenadier, il-Kunsill kisirx il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tiddistingwi ruħha fuq numru ta’ aspetti minn kawżi oħra li bihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PKS sa llum. Għalhekk, qabel kollox, iż-żewġ speċi ta’ ħut inkwistjoni ma jistgħux jiġu distinti mad-daqqa ta’ għajn ladarba l-ħut titneħħilhom rashom u jiġu ffriżati. Sussegwentement, l-opinjonijiet xjentifiċi fil-pussess tal-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxu l-possibbiltà li dikjarazzjonijiet ta’ qbid għoljin ta’ roughhead grenadier prinċipalment minn Stat Membru wieħed, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja jirrigwardaw qabdiet ta’ roundnose grenadier iddikjarati, mhux korrettament, bħala roughhead grenadier. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma elaborax TAC ġdid għar-roughhead grenadier u għaldaqstant ma allokax opportunitajiet ġodda ta’ sajd, iżda llimita ruħu sabiex jistabbilixxi, għas-snin 2015 u 2016 biss, TAC komuni għaż-żewġ speċi inkwistjoni. |
|
60 |
F’dan il-każ, il-Kunsill għalhekk iddeċieda li ma jallokax il-kwoti skont kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja filwaqt li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ qabdiet ta’ roughhead grenadier sottomessi minn dan l-Istat Membru għall-kalkolu tal-kwoti inkwistjoni jidher li kellu bħala konsegwenza li joħloq vantaġġ fit-tul għal Stat Membru li d-dikjarazzjonijiet ta’ qbid tiegħu jistgħu, skont l-opinjonijiet xjentifiċi, ikunu żbaljati. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi segwit l-approċċ li huwa adotta, li jikkonsisti, inizjalment, li ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ta’ qbid waqt il-kalkolu tal-kwoti nazzjonali, il-Kunsill evita mill-jipprovdi assigurazzjonijiet f’dan ir-rigward, li jistgħu joħolqu aspettattiva leġittima, filwaqt li żamm għalih il-possibbiltà li jistabbilixxi, ladarba tkun ġiet ivverifikata informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ qbid u jkunu ġew ippreżentati opinjonijiet xjentifiċi, kwoti bbażati fuq data stabbilita u li jistgħu, għaldaqstant, jitqiesu bħala kwoti ekwi. |
|
61 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-Renju ta’ Spanja li, ġaladarba l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet ta’ qbid relatati mar-roughhead grenadier billi stabbilixxa TAC komuni għaż-żewġ speċi, huwa jmissu ħa inkunsiderazzjoni l-livell storiku ta’ qabdiet ta’ roughhead grenadier iddikjarati mill-imsemmi Stat Membru, fid-dawl, minn naħa, tad-dubji dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw il-qabdiet tal-ispeċi ta’ ħut inkwistjoni mqajma mill-opinjonijiet xjentifiċi msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-PKS. |
|
62 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kunsill ma tistax tiġi akkużata li kisret il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
64 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv
L-argumenti tal-partijiet
|
65 |
Ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi stabbilixxa, fir-Regolament Nru 1367/2014, TAC komuni li jkopri r-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier fiż-żoni 5B67 u 8X14. |
|
66 |
Fil-fatt, qabel kollox, in-natura xierqa tal-miżura inkwistjoni hija nieqsa peress li fil-kuntest tal-iffissar ta’ TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd ma ġiex osservat fir-rigward tal-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier imwettqa mir-Renju ta’ Spanja fis-snin preċedenti. |
|
67 |
Sussegwentement, l-iffissar ta’ TAC komuni għaż-żewġ speċi ta’ grenadier ma jikkostitwixxix miżura neċessarja, peress li kien ikun possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier tar-Renju ta’ Spanja u b’hekk li jiġu adottati miżuri li jippreġudikaw inqas l-interessi ta’ dan l-Istat Membru. |
|
68 |
Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni tidher li hija sproporzjonata inkwantu hija bbażata fuq l-ipoteżi li qabdiet sinjifikattivi ta’ roundnose grenadier setgħu ġew iddikjarati, b’mod żbaljat, bħala qabdiet ta’ roughhead grenadier. Issa, din l-ipoteżi ma tidhirx li ġiet ivverifikata xjentifikament u t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dannu kkawżat lill-interessi tar-Renju ta’ Spanja li jirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-livell storiku tal-qabdiet tagħha ta’ roughhead grenadier għall-iffissir tat-TAC komuni għaż-żewġ speċi. |
|
69 |
Ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża, barra minn hekk, li ma huwiex daqstant l-iffissar ta’ TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier li jikkawżalu preġudizzju iżda ċ-ċirkustanza li l-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier ma ttiħditx inkunsiderazzjoni mill-Kunsill meta ġie ffissat it-TAC komuni għaż-żewġ speċi. |
|
70 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-PKS, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiża f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. B’hekk, ma għandux jiġi kkonstatat jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk hija kinitx manifestament mhux xierqa (ara, fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier tar-Renju ta’ Spanja meta ġie ffissat it-TAC għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier kellu preċiżament bħala konsegwenza li jalloka kwoti lil dan l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ qbid li l-Kunsill seta’, billi jistrieħ fuq opinjonijiet xjentifiċi, iqis bħala possibbilment żbaljati. |
|
74 |
Issa, peress li l-Kunsill kellha l-intenzjoni, minn naħa, li tipproteġi r-roundnose grenadier kontra s-sajd eċċessiv u, min-naħa l-oħra, li tippreżerva l-possibbiltà li tiffissa, ladarba tkun ġiet ivverifikata l-informazzjoni relatata mad-dikjarazzjonijiet ta’ qbid ta’ roughhead grenadier u jkunu ġew ippreżentati l-opinjonijiet xjentifiċi konklussivi, TACs u kwoti li jistrieħu fuq data affidabbli stabbilita, id-deċiżjoni li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ta’ qbid ta’ roughhead grenadier sottomessi mir-Repubblika ta’ Spanja mal-iffissar tat-TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier ma tistax titqies li hija manifestament mhux xierqa. |
|
75 |
Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja ma pprovax li miżura li toħloq inqas preġudizzju għall-interessi tagħha kienet tippermetti wkoll li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill. |
|
76 |
Għalhekk, jeħtieġ li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet motiv
L-argumenti tal-partijiet
|
77 |
Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jallega lil-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ffissa unilateralment TAC komuni li jkopri r-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier meta, f’kawżi paragunabbli, l-istituzzjonijiet Ewropej kienu jew osservaw il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd billi ħadu inkunsiderazzjoni kwoti ta’ qbid storiċi tal-Istati Membri sabiex jiffissaw it-TAC, jew ma ffissawx TAC komuni inkwantu kien hemm oppożizzjoni għalih minn wieħed mill-Istati Membri. |
|
78 |
B’hekk, qabel kollox, matul is-sena 2011, wara diskussjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ speċi ġdida, f’dan il-każ is-sebastes tat-tip li jgħixu qrib qiegħ il-baħar, fit-TAC li jkopri s-sebastes, jidher li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Estonja dwar l-iffissar tat-TAC tas-sebastes tat-tip li jgħixu qrib qiegħ il-baħar. Sussegwentement, il-Kummissjoni, li kienet ilha bl-intenzjoni li tiffissa TAC għall-ispnott sa mis-sena 2012, meta ġiet ikkonfrontata b’oppożizzjoni minn ċerti Stati Membri fosthom l-Irlanda, indikat li l-iffissar ta’ TAC għal din l-ispeċi kellu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell storiku tal-qabdiet ta’ kull Stat Membru, konformement mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd, u ħalliet lill-Istati Membri jinnegozjaw bil-libertà ftehim li kien aċċettabbli għal kull wieħed minnhom. Fl-aħħar nett, dejjem fuq inizjattiva ta’ tiftix ta’ kunsens, il-Kummissjoni ilha numru ta’ snin tinkoraġġixxi lir-Repubblika ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża jikkonkludu ftehim fir-rigward tas-sardina, bil-għan tal-iffissar ta’ TAC li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet ta’ sajd. |
|
79 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
80 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, li jiddikjara l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika komuni tal-agrikoltura u tas-sajd, huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm distinzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-iffissar tat-TAC komuni għar-roundnose grenadier u għar-roughhead grenadier kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-livell storiku tal-qabdiet ta’ roughhead grenadier iddikjarati mir-Renju ta’ Spanja kienu, skont il-Kunsill, neċessarji sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tar-roundnose grenadier f’sitwazzjoni li tikkaratterizza ruħha minn ċirkustanzi effettivament preċiżi, hekk kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza. |
|
82 |
Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma jipprovdi ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li l-eżempji li huwa jiċċita insostenn tat-tielet motiv tiegħu kienu jikkaratterizzaw lilhom infushom permezz ta’ ċirkustanzi identiċi jew simili għal dawk imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex li, fil-kawżi invokati b’mod komparattiv, kien possibbli li twettqu żbalji sinjifikattivi fid-dikjarazzjonijiet ta’ qbid ta’ speċi suġġetta għal TAC li, fil-mument tal-ħatt ta’ dawn il-qabdiet, setgħet ġiet konfuża ma’ speċi oħra mhux suġġetta għal TAC. |
|
83 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. |
|
84 |
Peress li ebda wieħed mill-motivi invokati ma ntlaqa’, ir-rikors tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
85 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tat-talbiet ippreżentati mill-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.