Kawża C‑121/15

Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE)

vs

Premier ministre et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2009/73/KE — Enerġija — Settur tal-gass — Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali lill-klijenti finali — Tariffi rregolati — Ostakolu — Kompatibbiltà — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Settembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-operaturi – Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali – Klassifikazzjoni bħala ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 3(1))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-operaturi – Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ekonomiku ġenerali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti

    (Artikoli 14 TFUE u 106 TFUE; Protokoll Nru 26 anness mat-Trattati UE u FUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 36; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 3(1) u (2))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-operaturi – Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Karattru neċessarju tal-miżura – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Artikolu 106 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 3(2))

  4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-operaturi – Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Karattru mhux diskriminatorju tal-miżura

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 3(1) u (2))

  1.  L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst f’din id-dispożizzjoni, u dan l-ostakolu jibqa’ anki jekk dan l-intervent ma jkunx ta’ ostakolu sabiex offerti kompetituri bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi jkunu offruti mill-fornituri kollha fis-suq.

    Fil-fatt, minkejja li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu jiġi ffissat esklużivament permezz tal-offerta u tat-talba, dan ir-rekwiżit jitnissel mill-għan innifsu u mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva li għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, determinazzjoni ta’ tariffi li tirriżulta minn intervent tal-awtoritajiet pubbliċi neċessarjament taffettwa l-kompetizzjoni u li, għalhekk, leġiżlazzjoni li tipprovdi lis-suq b’gass naturali bi prezz speċifiku hija inkompatibbli mal-għan ta’ twettiq ta’ suq ta’ gass naturali miftuħ u kompetittiv previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73. Barra minn hekk, il-fatt li l-impriżi kkonċernati bit-tariffi rregolati jistgħu wkoll liberament jiddeterminaw l-offerti tagħhom fis-suq bl-ebda mod ma jista’ jpoġġi fid-dubju l-konstatazzjoni li l-intervent statali inkwistjoni jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, l-eżistenza stess ta’ żewġ segmenti tas-suq, jiġifieri s-settur fejn il-prezzijiet huma stabbiliti barra mill-kompetizzjoni u dak fejn d-determinazzjoni tagħhom titħalla f’idejn il-forzi tas-suq, hija inkompatibbli mal-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali miftuħ u kompetittiv.

    (ara l-punti 26, 31-33 u d-dispożittiv 1)

  2.  Intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali jista’ jkun permess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, dan l-intervent għandu jfittex għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-tieni nett, għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, għandu jistabbilixxi obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu kjarament iddefiniti, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi.

    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-interpretazzjoni ta’ din għandha tkun inkwadrata fil-kuntest il-ġdid li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinkludi, flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, l-Artikolu 14 TFUE, il-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat FUE, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li kisbet l-istess valur legali bħat-trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu li jikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali. Huma b’mod partikolari għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu skont id-Direttiva 2009/73 dwar jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu l-Istati Membri li jwettqu rikonċiljazzjoni bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u l-għanijiet l-oħra imfittxija minn din id-direttiva. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, it-tipi ta’ azzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, bl-Istati Membri, b’rispett tad-dritt tal-Unjoni, jibqgħu liberi li jiddefinixxu liema huma l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jridu jilħqu bl-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Dawn l-obbligi għandhom madankollu dejjem ikollhom bħala għan it-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 TFUE u 106 TFUE, kif ukoll tal-Protokoll (Nru 26), dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u speċifikament in-natura nondiskriminatorja ta’ tali obbligi, ikunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (ara l-punti 36, 37, 40, 44, 45, 50, 73 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali metodu ma twassalx sabiex l-intervent statali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 106 TFUE li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, wara l-1 ta’ Lulju 2007, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma jsegwu u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien.

    Fir-rigward ta’ intervent ibbażat fuq il-prinċipju tal-kopertura tal-ispejjeż kollha tal-fornitur eżistenti bl-applikazzjoni ta’ formula rappreżentattiva tal-ispejjeż tal-provvista tiegħu u ta’ metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż tiegħu minbarra dawk ta’ provvista żviluppati wara analiżi annwali tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż li saru mill-awtorità regolatorja, ir-rekwiżit tan-neċessità jirrikjedi li jiġi identifikat, bħala prinċipju, il-komponent tal-prezz tal-gass li fir-rigward tiegħu huwa neċessarju li jsir intervent sabiex jinkiseb l-għan imsemmi mill-intervent statali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-metodu ta’ intervent fuq il-prezz implementat imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex u jekk jeżistux miżuri adegwati inqas vinkolanti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ neċessità għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-miżura inkwistjoni u, iktar speċifikament, tal-benefiċjarji tagħha.

    (ara l-punti 53, 65-67, 73 u d-dispożittiv 2)

  4.  Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, sabiex l-intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali jkun jista’ jiġi ammess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, li skontha l-intervent statali għandu jipprevedi għal obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali tal-impriżi tal-gass tal-Unjoni għall-konsumaturi, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod ġenerali fuq l-impriżi operaturi fis-settur tal-gass u mhux fir-rigward ta’ xi impriżi partikolari. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw f’dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi ta’ gass naturali. F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ indikazzjoni tal-impriżi li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandhiex teskludi a priori l-ebda waħda mill-impriżi li joperaw fis-settur tad-distribuzzjoni tal-gass.

    (ara l-punti 70, 71)