SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Regolament (KE) Nru 882/2004 — Regolament (KE) Nru 854/2004 — Kontrolli uffiċjali tal-għalf u tal-prodotti tal-ikel — Tariffi li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mill-kontrolli uffiċjali — Spejjeż marbuta ma’ taħriġ ta’ uffiċjali awżiljari”
Fil-Kawża C‑112/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2015, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura
Kødbranchens Fællesråd, li taġixxi għal Århus Slagtehus A/S, Danish Crown A.m.b.A. Oksekødsdivisionen, Hadsund Kreaturslagteri A/S, Hjalmar Nielsens Eksportslagteri A/S, Kjellerup Eksportslagteri A/S, Mogens Nielsen Kreaturslagteri A/S, Vejle Eksportslagteri A/S,
vs
Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri,
Fødevarestyrelsen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
Komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur : A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Kødbranchens Fællesråd, li taġixxi għal Århus Slagtehus A/S, Hadsund Kreaturslagteri A/S, Hjalmar Nielsens Eksportslagteri A/S, Kjellerup Eksportslagteri A/S, Vejle Eksportslagteri A/S, minn H. Sønderby Christensen, avukat, |
— |
għal Kødbranchens Fællesråd li taġixxi għal Danish Crown A.m.b.A. Oksekødsdivisionen u Mogens Nielsen Kreaturslagteri A/S, minn M. Honoré u H. Djurhuus, avukati, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u D. Bianchi, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(4)(a), u tal-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3,Vol. 45, p. 200, u rettifika ĠU 2004, L 191, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Kødbranchens Fællesråd (organizzazzjoni interprofessjonali fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella) li taġixxi bħala mandatarja ta’ seba’ impriżi ta’ tbiċċir, jiġifieri Århus Slagtehus A/S, Danish Crown A.m.b.A. Oksekødsdivisionen, Hadsund Kreaturslagteri A/S, Hjalmar Nielsens Eksportslagteri A/S, Kjellerup Eksportslagteri A/S, Mogens Nielsen Kreaturslagteri A/S u Vejle Eksportslagteri A/S (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“impriżi ta’ tbiċċir”), u l-Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri (ministeru tal-ikel, tal-agrikoltura u tas-sajd) u l-Fødevarestyrelsen (amministrazzjoni veterinarja u tal-ikel Daniża), dwar il-ġbir ta’ tariffi intiżi li jkopru l-ispejjeż tal-kontrolli uffiċjali tal-għalf u tal-prodotti tal-ikel. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 854/2004
3 |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75, u rettifiki ĠU 2004, L 191, p. 1 u ĠU 2004, L 226, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 158, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 854/2004”) jipprevedi, fl-Artikolu 2(1)(h) tiegħu: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
|
4 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi, fil-paragrafi 1, 4, 5(a), u 7 tiegħu: “1) IL-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kompiti ta’ spezzjoni f’biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġjaw il-kaċċa u l-impjanti ta’ tqattiegħ li jqegħdu fis-suq il-laħam frisk skond il-ħtiġijiet ġenerali tat-Taqsima I, il-Kapitolu II, ta’ l-Anness I, u l-ħtiġijiet speċifiċi tat-taqsima IV, b’mod partikolari fir-rigward ta’: [...] 4) L-awżiljari uffiċjali jistgħu jgħinu lill-veterinarju uffiċjali waqt il-verifiki ta’ kontroll imwettqa skond it-Taqsimiet I u UU ta’ l-Anness I kif speċifikat fit-Taqsima III, Kapitolu I. F’dak il-każ, huma għandhom jaħdmu bħala tim indipendenti.
[...] 7) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-veterinarji uffiċjali u l-awżiljari uffiċjali ikunu kwalifikati u jingħataw taħriġ skond l-Anness I, Taqsima III, Kapitolu IV.” |
5 |
L-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004 jirrigwarda l-laħam frisk u jinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima I, li tispjega l-kompiti tal-veterinarji uffiċjali, u t-Taqsima III, intitolata: “Responsabbilitajiet u frekwenza ta’ kontrolli”. |
6 |
It-Taqsima III tal-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004 tinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Awżiljarji Uffiċjali”, li jgħid li “[L]-awżiljarji uffiċjali jistgħu jassistu l-veterinarju uffiċjali fil-kompiti kollha, suġġetti għar-restrizzjonijiet li ġejjin u għal xi regoli speċifiċi preskritti fit-Taqsima IV”. Din l-istess taqsima tinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Involviment ta’ impjegati ta’ biċċerija” li jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-persunal tal-biċċerija jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ awżiljarji uffiċjali speċjalizzati fil-kontroll tal-produzzjoni tal-laħam tat-tjur u tal-fniek. |
7 |
Din it-Taqsima III tinkludi wkoll il-Kapitolu IV, li huwa intitolat “Kwalifiki professjonali”. Il-punt B ta’ dan il-Kapitolu, dwar l-“Awżiljarji Uffiċjali” jipprovdi:
[...]
[...]” |
Ir-Regolament Nru 882/2004
8 |
Il-premessi 6, 11, 12 u 32 tar-Regolament Nru 882/2004 jgħidu dan li ġej:
[...]
[...]
|
9 |
L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi: “Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità ma’ regoli jimmira b’mod partikolari, li:
|
10 |
L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi l-obbligi ġenerali fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali u jipprevedi, b’mod partikolari, li dawn il-kontrolli uffiċjali “jitwettqu regolarment, fuq bażi ta’ riskju u bil-frekwenza xierqa, sabiex jintlaħqu l-għanijiet” ta’ dan ir-regolament, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni. |
11 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Impjegati li jwettqu kontrolli uffiċjali” huwa redatt kif ġej: “L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ħaddiema kollha tagħha li jwettqu kontrolli uffiċjali:
[...]” |
12 |
L-Artikolu 26 tal-istess regolament jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li riżorsi finanzjarji adegwati jkunu disponibbli biex jipprovdu għall-impjegati meħtieġa u riżorsi oħra għall-kontrolli uffiċjali b’kull mezz ikun x’ikun kunsidrat xieraq, inkluż permezz ta’ tassazzjoni ġenerali jew billi jiġu stabbiliti tariffi u piżijiet.” |
13 |
Skont l-Artikolu 27(1) u (4)(a) tar-Regolament Nru 882/2004: “1. L-Istati Membri jistgħu jiġbru tariffi jew piżijiet biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali. [...] 4. It-tariffi miġbura għall-għanijiet ta’ kontrolli uffiċjali skont il-paragrafu 1 jew 2:
|
14 |
L-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 jesponi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tariffi:
|
Id-dritt Daniż
15 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 1455 dwar it-taħriġ tal-awżiljari fil-kuntest tal-kontrolli fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali (bekendtgørelse nr. 1455 om uddannelsen til tilsynstekniker inden for kontrol med animalske produkter), tat-13 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali Nru 1455/2006”), jipprovdi: “It-taħriġ għandu l-għan li jipprovdi kwalifika li tippermetti lill-persuna mħarrġa li tipprovdi, taħt l-awtorità u r-responsabbiltà ta’ veterinarju uffiċjali, l-assistenza tagħha fit-twettiq ta’ kompiti ta’ kontroll speċifiċi fil-biċċeriji, fl-istabbilimenti li jittrattaw l-annimali tal-kaċċa u l-impjanti tat-tqattiegħ li jqiegħdu l-laħam frisk fis-suq (ara r-[Regolament Nru 854/2004]), Il-persuna mħarrġa trid tikseb ukoll kwalifika sabiex twettaq, taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali, kontrolli fuq il-qatgħat tat-tjur iddestinati għat-tbiċċir.” |
16 |
L-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali Nru 1455/2006 jipprevedi: “1. It-taħriġ jikkostitwixxi taħriġ professjonali part-time offrut permezz ta’ taħriġ kontinwu minn organi rrikonoxxuti għal dan il-għan mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. 2. It-taħriġ għandu tul ekwivalenti għal 36 ġimgħa ta’ taħriġ full-time, li minnhom 16 il-ġimgħa huma ta’ taħriġ prattiku. [...]” |
17 |
L-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 1455/2006 jinqara kif ġej: “1. Organu jista’ jammetti applikanti għat-taħriġ li jkunu taw prova ta’ taħriġ professjonali rilevanti jew li jkollhom esperjenza rilevanti ta’ tliet snin. 2. Prerekwiżit għar-reġistrazzjoni għat-taħriġ hija l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ taħriġ bejn il-parteċipant u organu reġjonali tal-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża (Fødevarestyrelsen).” |
18 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 1649 dwar, b’mod partikolari, il-ħlas għall-kontroll tal-prodotti tal-ikel, tal-għalf u tal-annimali ħajjin (bekendtgørelse om betaling for kontrol af fødevarer, foder og levende dyr m.v.), tas-27 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 1649/2013”), jipprevedi: “Dan id-digriet jikkonċerna l-ħlas tat-tariffi maħsuba għall finanzjament tal-kontrolli u kompiti oħra – inkluż l-ispezzjonijiet, il-permesssi, ir-reġistrazzjonijiet, l-approvazzjonijiet, in-notifiki, iċ-ċertifikazzjonijiet u l-analiżijiet – għall-prodotti tal-ikel, għall-għalf, u għall-annimali ħajjin, u l-impriżi, tagħmir u prodotti, b’mod partikolari l-prodotti mhux tal-ikel u ta’ oriġini mhux annimali. Id-digriet jirrigwarda wkoll il-ħlas ta’ spejjeż għall-finanzjament ta’ għajnuna għall-esportazzjoni.” |
19 |
L-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 1649/2013 jipprovdi: “L-impriżi li huma awtorizzati jeżerċitaw attività ta’ biċċerija bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel u li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 23 huma meħtieġa jħallsu għall-kontrolli mwettqa mill-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża (Fødevarestyrelsen), inkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu.” |
20 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Ministerjali Nru 1649/2013: “1. L-ammont ta’ pagament imsemmi fl-Artikolu 3 jiġi kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-kontrolli diretti u tal-ispejjeż tal-kontrolli komuni kkonstatati. 2. L-ispejjeż ta’ kontrolli diretti imputabbli lil kull impriża jinkludu s-salarji, b’mod partikolari, dawk li jitħallsu lill-persunal inkarigat mill-kontrolli, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti għall-analiżi tal-kampjuni fil-laboratorju u l-ispejjeż amministrattivi relatati mat-twettiq ta’ kontrolli fil-livell ta’ kull impriża. [...] 4. L-ispejjeż komuni li ġejjin jinqasmu bejn l-impriżi fil-proporzjon tal-ispejjeż diretti li huma imputabbli lilhom rispettivament: [...]
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 |
Mis-sena 2000, l-impriżi kollha ta’ tbiċċir Daniżi għandhom iħallsu tariffi għall-kontroll tal-laħam, li tagħhom l-ammont jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ taħriġ tal-awżiljari ta’ kontroll sostnuti mill-amministrazzjoni veterinarja u tal-ikel Daniża. Preċedentement, it-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż kienet taqa’ taħt skemi differenti, waħda minn dawn l-iskemi kienet li dawn l-imsemmija spejjeż kienu jiġu inklużi fil-baġit Statali bħala spejjeż pubbliċi. |
22 |
Il-persuni li jixtiequ jsegwu taħriġ ta’ awżiljarju ta’ kontroll fis-settur tal-ikel jiġu ingaġġati mill-amministrazzjoni veterinarja u tal-ikel Daniża f’relazzjoni ta’ xogħol ta’ tul iddeterminat bħala “assistenti ta’ kontroll”. L-impjieg tagħhom huwa suġġett għal taħriġ ta’ 36 ġimgħa. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, assistenti ta’ kontroll qatt ma jwettqu kompiti ta’ kontroll tal-laħam, iżda madankollu għandhom ikollhom, sabiex jiġu aċċettati għat-taħriġ, esperjenza rilevanti fuq perijodu ta’ tliet snin jew taħriġ rilevanti bħala biċċier. Huma għandhom, matul dan it-taħriġ tal-awżiljarji, iwettqu apprendistat f’biċċerija u jgħaddu minn test sabiex jiġu ingaġġati bħala awżiljari ta’ kontroll. Huma mbagħad jistgħu jiġu assenjati lill-biċċeriji varji fil-kuntest tal-attività ta’ kontroll tal-laħam. |
23 |
Mill-fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, li l-ispiża totali ta’ dan it-taħriġ, b’mod partikolari s-salarji mħallsa lill-persuni mħarrġa, hija maqsuma bejn l-impriżi ta’ tbiċċir, inklużi dawk li fihom ma jkun twettaq l-ebda kontroll awżiljarju jew dawk fejn il-kontrolli awżiljarji jkunu limitati. L-impriżi ta’ tbiċċir huma għalhekk meħtieġa li jbatu, bħala spejjeż komuni, l-ispejjeż kollha assoċjati mat-taħriġ tal-awżiljarji ta’ kontroll ġodda, u dan anki jekk dawn ma jgħaddux mit-test meħtieġ għall-ammissjoni bħala awżiljarji ta’ kontroll. L-imsemmija impriżi huma wkoll obbligati jħallsu għall-assistenti li jiġu ingaġġati mill-amministrazzjoni veterinarja u tal-ikel Daniża, bħala awżiljarji ta’ kontroll li segwew taħriġ, fi gradi oħra barra minn dak ta’ kontroll tal-laħam jew barra minn din l-amministrazzjoni. Barra minn hekk, kull impriża ta’ tbiċċir hija marbuta li tħallas għat-taħriġ tal-awżiljarji ta’ kontroll ġodda, kemm jekk dawn tal-aħħar jiġu allokati lilha u kemm jekk le. |
24 |
Fil-5 ta’ Jannar 2009, l-organizzazzjoni interprofessjonali tas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, bħala mandatarja ta’ seba’ impriżi ta’ tbiċċir Daniżi, ippreżentat rikors intiż li l-ministeru tal-ikel, tal-agrikoltura u tas-Sajd jirrikonoxxi li la l-ispejjeż ta’ taħriġ tal-persuni ingaġġati fil-kuntest tat-taħriġ tal- awżiljarji ta’ kontroll u lanqas is-salarji mħallsa matul it-taħriġ ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tat-tariffa miġbura sabiex tkopri l-ispejjeż inkorsi għall-kontrolli uffiċjali. Barra minn hekk, hija talbet ir-rimbors ta’ kwalunkwe tariffa illegali li possibbilment setgħet inġabret. |
25 |
Sabiex taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tinterpreta r-Regolament Nru 882/2004 bil-għan li tiddetermina jekk is-salarji u l-ispejjeż marbuta mat-taħriġ tal-awżiljarji ta’ kontroll ġodda jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tat-tariffi miġbura bħala kontroll fuq il-laħam. |
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-premessa 32 kif ukoll mill-Artikoli 26 u 27(1) tar-Regolament Nru 882/2004 li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiffinanzjaw l-ispejjeż ikkawżati mill-kontrolli uffiċjali b’tariffa. Madankollu, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 27(4)(a) ta’ dan ir-regolament li t-tariffi miġbura ma għandhomx ikunu ogħla mill-ispejjeż imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli b’relazzjoni mal-elementi elenkati fl-Anness VI tal-imsemmi regolament. |
27 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 27(4)(a) moqri flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux, meta jistabbilixxu t-tariffi miġbura minn għand l-impriżi tas-settur tal-ikel, jinkludu magħhom l-ispejjeż għas-salarji u taħriġ ta’ persuni impjegati mas-servizz pubbliku sabiex jirċievu taħriġ li jissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq l-“awżiljarji uffiċjali” mir-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, iżda li ma jwettqux funzjonijiet ta’ kontroll tal-laħam, kemm jekk qabel ma ġew aċċettati għal dan it-taħriġ kif ukoll jekk matulu?” |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(4)(a), u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-ammont tat-tariffi għall-finijiet tal-kontrolli uffiċjali, miġbura mill-impriżi tas-settur tal-ikel, li jinkludu dawk l-ispejjeż relatati man-nefqa tas-salarji u mat-taħriġ tal-persuni li jsegwu t-taħriġ obbligatorju bażiku ta’ awżiljarju uffiċjali u li ma jwettqux kompiti ta’ kontroll tal-laħam, la qabel u lanqas wara dan it-taħriġ. |
29 |
Preliminarjament, għandu jissemma li, konformement mal-punti 1 u 4 tal-Artikolu 5, tar-Regolament Nru 854/2004 kif ukoll mat-Taqsimiet I u III tal-Anness I tal-imsemmi regolament, il-veterinarji uffiċjali jwettqu kompiti ta’ kontroll u ta’ spezzjoni fil-biċċeriji u jistgħu jkunu megħjuna minn awżiljarji uffiċjali. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Kapitolu III tat-Taqsima III tal-imsemmi anness li, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-persunal tal-biċċerija jista’ jkun awtorizzat jeżerċita l-attivitajiet tal-awżiljarji uffiċjali speċjalizzati. |
30 |
L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprevedi li “[L]-Istati Membri jistgħu jiġbru tariffi jew piżijiet biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali”. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 4(a) ta’ dan l-artikolu jippreċiża li t-tariffi “m’għandhomx ikunu għola mill-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli b’relazzjoni mal-partiti elenkati fl-Anness VI”, li jkopru, b’mod partikolari, is-salarji tal-persunal inkarigat bil-kontrolli uffiċjali u l-ispejjeż tagħhom, inklużi l-“attivitajiet ta’ taħriġ”. |
31 |
Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Daniż, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 882/2004 ma jagħtix lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffi. |
32 |
Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, bl-għan tal-ġlieda kontra d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, regoli armonizzati għall-kontrolli uffiċjali, relatati b’mod partikolari mal-elementi differenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-kontrolli uffiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑270/07, EU:C:2009:168, punt 42). |
33 |
F’dan il-kuntest, jirriżulta ċar mill-kliem tal-Artikolu 27(4)(a) tar-Regolament Nru 882/2004, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-Anness VI ta’ dan ir-regolament għandu l-għan li jkopri, b’mod eżawrjenti, l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tat-tariffi relatati mal-kontrolli uffiċjali mwettqa fl-impriżi ta’ tbiċċir. |
34 |
Għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 882/2004 ivarjaw fir-rigward tal-kliem użati fl-Anness VI li jiddefinixxu l-kategorija ta’ persuni li l-ispejjeż tagħhom huma koperti mit-tariffi. B’hekk, dan ir-regolament, fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“des für die amtlichen Kontrollen eingesetzten Personals”) u Franċiża (“personnel chargé des contrôles officiels”) isemmu l-persunal li jwettaq il-kontrolli, filwaqt li l-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“staff involved in the official controls”) u Taljana (“personale partecipante ai controlli ufficiali”) jużaw kliem li jista’ jinkludi ċirku usa’ ta’ persuni. Fir-rigward tal-verżjoni bil-lingwa Daniża ta’ dan ir-regolament, il-punt 1 ta’ dan l-anness jindika li jistgħu jiġu ffinanzjati mit-tariffi s-salarji tal-persunal li jwettaq il-kontrolli uffiċjali (“lønninger til personale, der udfører offentlig kontrol”), filwaqt li huwa indikat, bi kliem fejn is-sens huwa usa’, fil-punt 2 tal-istess anness, li jistgħu jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-persunal b’konnessjoni mal-kontrolli uffiċjali (“personaleudgifter i forbindelse med offentlig kontrol”). |
35 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Daniż isostni li l-grad ta’ parteċipazzjoni fil-kontrolli ma huwa deskritt fl-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 u jqis b’hekk li dan tal-aħħar ma jeskludix il-finanzjament minn Stat Membru tal-ispejjeż ta’ taħriġ ta’ awżiljarju ta’ kontroll b’tariffa, anki jekk dawn l-ispejjeż ma jiġux esposti għall-benefiċċju ta’ persuni li jwettqu effettivament u direttament il-kontrolli. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza Axa Belgium, C‑494/14, EU:C:2015:692, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dan il-każ, l-għan tar-Regolament Nru 882/2004, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, huwa b’mod partikolari li jipprevjeni jew jelimina r-riskji li jistgħu jinqalgħu għall-bnedmin u għall-annimali, jew li jnaqqas dawn ir-riskji għal livell aċċettabbli permezz tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-kontrolli jitwettqu regolarment. |
38 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessi 11 u 32 tar-Regolament Nru 882/2004 li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom sew, għandhom ikollhom biżżejjed persunal debitament ikkwalifikat u b’esperjenza u għandhom ikunu jistgħu wkoll jiġbru t-tariffi jew it-taxxi sabiex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mill-kontrolli uffiċjali. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 882/2004 jipprevedi kemm l-użu ta’ tassazzjoni ġenerali kif ukoll l-introduzzjoni ta’ tariffi jew taxxi sabiex jiffinanzjaw id-disponibbiltà ta’ “l-impjegati meħtieġa u riżorsi oħra għall-kontrolli uffiċjali”, l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament isemmi biss it-tariffi u t-taxxi u, fil-paragrafu 1 tiegħu, jawtorizza lill-Istati Membri jiġbruhom biss sabiex “ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali”. Minn dan kollu jirriżulta li t-tariffi għandhom jinġabru biss sabiex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw tassew, għall-Istati Membri, għat-twettiq tal-kontrolli fl-impriżi tas-settur tal-ikel u ma għandhomx ikollhom il-għan li jitfgħu wkoll il-piż tal-ispejjeż tat-taħriġ inizjali tal-persunal fuq l-impriżi tas-settur ikkonċernat. |
40 |
Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, li għalih jirreferi l-Artikolu 27, jiġi interpretat li jirreferi esklużivament għas-salarji u għall-ispejjeż ta’ persuni li jipparteċipaw effettivament fl-implementazzjoni tal-kontrolli uffiċjali. |
41 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-twettiq tal-kontrolli, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jitwettaq normalment minn veterinarji uffiċjali li jistgħu jkunu assistiti biss minn awżiljarji uffiċjali jew, f’ċerti każijiet speċifiċi, mill-persunal tal-biċċerija. Ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 854/2004 li persuni li jkunu qed isegwu taħriġ obbligatorju bażiku ta’ awżiljarju uffiċjali jistgħu, matul dan it-taħriġ, jipparteċipaw fit-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali. |
42 |
Għalhekk, huwa meħtieġ li tingħata risposta għall-mistoqsija magħmula li l-Artikolu 27(4)(a) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-ammont ta’ tariffi li jinġabru minn għand l-impriżi fis-settur tal-ikel, milli jinkludu fihom l-ispejjeż relatati mat-taħriġ obbligatorju bażiku tal-awżiljarji uffiċjali. |
Fuq l-ispejjeż
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 27(4)(a), kif ukoll il-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-ammont ta’ tariffi li jinġabru minn għand l-impriżi fis-settur tal-ikel, milli jinkludu l-ispejjeż relatati mat-taħriġ obbligatorju bażiku tal-awżiljarji uffiċjali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-lingwa: id-Daniż.