SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

22 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Regolament (KE) Nru 1051/2009 — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 8701 — Trakters — Sotto-intestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 39 ?Trakters agrikulturali u trakters għax-xogħol fil-foresti, (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi), bir-roti, ġodda — Vetturi għal kull art ħafifa, four-wheel drive intiżi biex jintużaw bħala trakters”

Fil-Kawża C‑91/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Kawasaki Motors Europe NV

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kawasaki Motors Europe NV, minn J. A. H. Hollebeek, M. van der Knaap u E. van Doornik, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1051/2009, tat-3 ta’ Novembru 2009 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2009, L 290, p. 56).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kawasaki Motors Europe NV (iktar ’il quddiem “KME”) u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane (spettur tas-servizz tat-taxxi/dwana, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) dwar tliet biċċiet ta’ informazzjoni tariffarji vinkolanti maħruġa minn dan tal-aħħar dwar vetturi għal kull art ħafifa, four-wheel drive intiżi biex jintużaw bħala trakters.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2658/87

3

Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u mal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), il-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana, tordna l-miżuri dwar l-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti. Huwa fuq il-bażi tal-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ġie adottat ir-Regolament Nru 1051/2009.

4

Din in-Nomenklatura Magħquda, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1)( iktar ’il quddiem in-“NM”), tinkludi fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tagħha, sett ta’ regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”). Din it-taqsima tipprovdi li:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3.

Meta permezz tal-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali.[...]

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor. ”

5

Fit-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, il-Kapitolu 87 huwa dwar “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling- stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”. Skont in-nota 2 ta’ dan il-Kapitolu, “[g]ħall-għanijiet ta’ dan il-kapitllu, ‘trakters’ tfisser vetturi essenzjalment mibnijin għal irmonkar jew imbuttar ta’ vettura, mezz jew tagħbija oħra, mezz jew tagħbija oħra, fihom jew ma fihomx proviżjon sussidjarju għat-trasport, li jkollu x’jaqsam mal-użu prinċipali tat-trakter, ta’ għodod, żrieragħ, fertilizzanti jew oġġetti oħrajn”.

6

Inkluża f’dan il-kapitolu 87, l-intestatura 8701 hija fformulata kif ġej:

“8701

Trakters (ħlief trakters ta’ titlu 8709)

8701 10 00

Trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi (pedestrian-controlled)

8701 10 20

Trakters għat-triq għal semi-trejlers

[...]

 

8701 30 00

Trakters għat-tqegħid tal-linji

8701 90

– Oħrajn:

– – Trakters agrikulturali (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi) u trakters għax-xogħol fil-foresti, fuq ir-roti:

– – – ġodda, b’saħħa ta’ magna:

8701 90 11

8701 90 20

8701 90 25

8701 90 31

8701 90 35

8701 90 39

8701 90 50

– – – – Mhux aktar minn 18 kW

– – – – Aktar minn 18 kW iżda mhux aktar minn 37 kW

– – – – Aktar minn 37 kW iżda mhux aktar minn 59 kW

– – – – Aktar minn 59 kW iżda mhux aktar minn 75 kW

– – – – Aktar minn 75 kW iżda mhux aktar minn 90 kW

– – – – Aktar minn 90 kW

– – – Użati

8701 90 90

– – Oħrajn”

7

Ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għas-subintestatura tariffarja 8701 90 90 hija ta’ 7 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt is-subintestatura 8701 90 11 sa 8701 90 50 jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju.

Ir-Regolament Nru 1051/2009

8

Ir-Regolament Nru 1051/2009 daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Novembru 2009. Dan ir-regolament jagħmel klassifikazzjoni ta’ żewġ apparati, konformement mad-data li tidher fl-Anness tiegħu.

9

Dawn l-apparati, deskritti t-tnejn bħala “Vettura ġdida b’erba’ roti (magħrufa bħala “Vetturi għal Kull Terren”) b’magna li taqbad bi xrara u li taħdem bil-pistuni b’kombustjoni interna, b’saħħa ta’ madwar 15 kW, u b’piż xott ta’ madwar 310 kg” huma kklassifikati, rispettivament, fis-sottointestaturi 8701 90 11 u 8701 90 90 tan-NM.

10

Skont l-ispeċifikazzjonijiet li jidhru wara d-deskrizzjoni tagħhom, dawn iż-żewġ vetturi għandhom komuni l-karatteristiċi li ġejjin:

sedil wieħed b’tul ta’ madwar 600 mm li jakkomoda sewwieq wieħed biss,

sistema ta’ stering tat-tip ta’ vettura bil-mutur ibbażata fuq il-prinċipju ta’ Ackerman ikkontrollata b’manubriju,

brejkijiet fuq ir-roti ta’ quddiem u ta’ wara,

klaċċ awtomatiku u ger biex timxi b’lura,

magna ddiżinjata speċifikament għall-użu fuq terren imħarbat u b’kapaċità li f’gerijiet baxxi twassal biżżejjed qawwa lir-roti,

drive xaft li jittrasmetti s-saħħa tal-magna lir-roti ta’ wara,

tajers b’diżinn deep thread għall-użu off-road,

toqba b’tagħmir biex jitwaħħlu magħhom diversi apparati ta’ coupling, u

kapaċità ta’ rmunkar ta’ madwar 1170 kg (mingħajr brejk).

11

Min-naħa l-oħra, konformement mal-imsemmija speċifikazzjonijiet, l-ewwel vettura biss għandha “winċ imwaħħal b’mod permanenti tajjeb għall-irmunkar ta’ zkuk”. Jissemma li din “[i]l-vettura hija mibnija essenzjalment għal xogħol b’rabta mal-forestrija”.

12

Konformement mar-raġuni li tidher fl-imsemmi anness, il-klassifikazzjonijiet huma ddeterminati mir-Regoli Ġenerali 1 sa 6, għall-interpretazzjoni tan-Nota 2 tal-Kapitolu 87 tat-Tieni Parti tan-NM kif ukoll bil-kliem tal-intestatura 8701, u tas-sottointestatura 8701 90 kif ukoll mis-sotto intestaturi bi tmien ċifri li jikkorrispondu għall-klassifikazzjoni rispettiva ta’ kull vettura.

13

Il-konstatazzjonijiet li ġejjin jidhru wkoll f’dawn ir-raġunijiet għaż-żewġ vetturi:

“Billi din il-vettura hija mgħammra b’toqba b’tagħmir biex jitwaħħlu diversi apparati ta’ coupling u xaft drive mar-roti, l-użu maħsub tagħha huwa ħidma f’terreni diffiċli u għall-irmunkar jew l-imbuttar ta’ vetturi, apparati jew tagħbijiet oħrajn (Nota 2 tal-Kapitolu 87).”

“Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8703 hija eskluża billi l-vettura tissodisfa d-definizzjoni ta’ Nota 2 tal-Kapitolu 87 u hija kapaċi li timbotta jew tirmonka minn tal-inqas id-doppju tal-piż xott tagħha (mingħajr brejk). (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM tal-kodiċijiet NM 8701 9-0 11 sa 8701 90 90.)”

14

Madankollu, id-distinzjoni li ġejja hija rrilevata fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tar-raġunijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ kull vettura:

Fir-rigward tal-ewwel vettura, ikklassifikata fis-sottointestatura 8701 90 11 tan-NM, huwa kkonstatat li “[i]l-winċ jagħti lill-vettura l-karattru ta’ trakter tal-forestrija. (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM tal-kodiċijiet NM 8701 90 11 sa 8701 90 50.)”

Fir-rigward tat-tieni vettura, ikklassifikata fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM, huwa kkonstatat għall-kuntrarju li “[i]l-klassifikazzjoni bħala trakter agrikolu jew trakter tal-forestrija hija eskluża, billi l-vettura la għandha power take-off, la apparat idrawliku ta’ rfigħ u lanqas winċ. (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM tal-kodiċijiet NM 8701 90 11 sa 8701 90 50.)”

15

Fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1051/2009, fit-3 ta’ Novembru 2009, in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2008 C 133 p. 1) kienu fformulati kif ġej fir-rigward tas-sottointestaturi rilevanti:

Fir-rigward tas-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 90:

“Dawn is- subtitli jinkludu l-hekk imsejħa ‘vetturi allterrain’, maħsuba għall-użu bħala trakters bil-karatteristiċi li ġejjin:

sit wieħed għas-sewwieq;

konnessjoni standard għall-irmonk;

misjuq permezz ta’ manubriju b’żewġt imqabad li jinkorporaw it-tagħmir ta’ kontroll;

is-sewqan iseħħ billi jiddawwru ż-żewġ roti ta’ quddiem u huwa bbażat fuq is-sistema tat-tip li tintuża fil-karozzi (il-prinċipju Ackerman);

brejkijiet fuq ir-roti kollha;

klaċċ awtomatiku u ger għar-rivers;

magna ddisinjata speċifikament għall-użu fuq l-imħarbat u b’kapaċità li f’gerijiet baxxi twassal biżżejjed qawwa biex ikun irmunkat tagħmir ieħor;

il-qawwa titwassal fir-roti permezz ta’ xaftijiet u mhux b’katina;

it-tajers immuntati fuq il-vetturi kollha għandhom disinn b’kanali fondi, xierqa għassewqan fl-imħarbat;

kapaċità ta’ rmonk ta’ trejler mingħajr brejkijiet tal-piż tagħhom darbtejn jew aktar.

Jekk jissodisfaw il-karatteristiċi kollha ta’ hawn fuq u huma skond in-Noti ta’ Spjega tassubtitli 8701 90 11 sa 8701 90 50, il-vetturi għandhom ikunu kklassifikati bħala trakters agrikoli jew tal-foresta. Inkella jaqgħu f’subtitlu 8701 90 90.

Jekk ma jissodisfawx il-karatteristiċi kollha ta’ hawn fuq, l-hekk imsejħa “vetturi allterrain” għandhom ikunu kklassifikati f’titlu 8703.

Dawn is-subtitli jeskludu wkoll il-‘Quads’ [titlu 8703 jew subtitlu 9503 00 10 (ara n-Noti ta’ Spjega għal dan is-subtitlu)]. ”

Fir-rigward tas-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 50, dwar Trakters agrikoli (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi) u trakters għal xogħol fil-foresti, fuq ir-roti:

“Dawn is-subtitli jkopru trakters għall-agrikoltura jew għaż-żriegħ f’foresti li għandhom għallinqas tliet roti u li huma ovvjament intiżi, mill-kostruzzjoni u tagħmir tagħhom, li jintużaw għal għanijiet agrikoli, ortikulturali jew għal foresti. Vetturi ta’ dan it-tip ikollhom biss veloċita’ massima limitata (ġeneralment mhux aktar minn 25 km fis-siegħa fuq triq prinċipali).

Trakters agrikoli ġeneralment ikunu mgħammrin b’mezz idrawliku li jippermetti li makkinarju agrikolu (xtabi, mħaret, eċċ.) ikun mgħolli jew imniżżel, b’take off bis-saħħa li jippermetti s-saħħa lill-magna li jintuża biex jopera magni jew għodda oħra, u mezz ta’ igganċjar għal trejlers. Huma jistgħu jkunu ffittjati b’mezz idrawliku intiż li jopera tagħmir li jimmaniġġa (li jerfa’ ħuxlief, li jerfa’ demel, eċċ.) meta dawn jistgħu jitqiesu bħala aċċessorji.

Dan is-subtitlu jkopri wkoll trakters agrikoli mibnijin speċjalment bħal trakters b’xàżi mgħolli (straddle tractors) li jintużaw f’għelieqi tad-dwieli u mxietel, u trakters ta’ l-għoljiet u trakters li jerfgħu l-għodda.

Anki jekk immuntati fuq it-trakter fil-ħin ta’ preżentazzjoni, tagħmir agrikolu li jista’ jinbidel jibqa’ klassifikat fit-titlu rispettiv tiegħu (titlu 8432, 8433, eċċ.).

Fattur ieħor ta’ trakters għal foresti huwa l-preżenza ta’ winċ imwaħħal b’mod permanenti li jippermetti li jintrefa’ injam.

Skond Nota 2 għal dan il-kapitlu, trakters li jaqgħu f’dawn is-subtitli jistgħu jinkorporaw ukoll ċertu modifikazzjonijiet li jippermettilhom, skond l-għan prinċipali tagħhom, li jġorru makkinarju għal agrikoltura jew foresti, għodod, fertilizzanti, żrieragħ, eċċ.

Dawn is-subtitli ma jinkludux magni li jaqtgħu l-ħaxix (lawnmowers) (imsemmijin bħala magni li jaqtgħu l-ħaxix li jintrikbu jew trakters tal-ġnien), mgħammrin b’apparat li jaqta’ permanenti u mhux aktar minn take-off bis-saħħa wieħed, bil-għan waħdani li jsuq it-tagħmir li jaqta’ (ara n-Noti ta’ Spjega għal titlu 8433).”

Fir-rigward tas-sottointestaturi 8701 90 90 intitolati “Oħrajn”:

“Dan is-subtitlu jinkludi:

1.

trakters għal xogħlijiet pubbliċi;

2.

trakters b’fus wieħed għal vetturi artikolati li jaħdmu b’mutur.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tliet mudelli ta’ vetturi għal kull terren (KVF-360 4x4, KVF-650 4x4 u KVF-750 4x4) tat-trade mark Kawasaki. Dawn il-mudelli jippreżentaw il-karatteristiċi komuni li ġejjin:

magna bil-pistuni li taqbad fil-berqa, bi tkessiħ bl-arja għall-ewwel vettura, bi tkessiħ bil-likwidu għat-tnejn l-oħra, b’saħħa ta’, rispettivament, 15.7 kW, 30.9 kW u 37.1 kW;

sit wieħed u intiż għal użu minn persuna waħda biss;

piż xott ta’, rispettivament, 274.5 kg, 273 kg u 275 kg;

sistema ta’ stering ibbażata fuq il-prinċipju ta’ Ackerman ikkontrollata b’manubriju;

sistema ta’ brejkijiet fuq ir-roti ta’ quddiem u ta’ wara;

klaċċ awtomatiku u ger biex timxi b’lura,

magna ddiżinjata speċifikament għall-użu fuq terren imħarbat u b’kapaċità li f’gerijiet baxxi twassal biżżejjed qawwa lir-roti;

propulsjoni żgurata mill-fus ta’ wara jew permezz tal-erba’ roti;

tajers b’diżinn deep thread għall-użu off-road;

ċirku tal-irmonk biex tirmonka trejlers;

kapaċità ta’ rmunkar mhux ibbrejkjata ta’, rispettivament, 620 kg, 567 kg u 567 kg, u kapaċità ta’ rmunkar ibbrejkjata ta’, rispettivament, 1028 kg, 1096 kg u 1098 kg;

trażmissjoni permezz ta’ xaftijiet;

kaxxa tal-gerijiet b’varjazzjoni kontinwa (trażmissjoni b’varjazzjoni kontinwa), u

assenza ta’ take off bis-saħħa, ta’ apparat idrawliku ta’ rfigħ u ta’ winċ.

17

Fit-28 ta’ April 2010, KME talbet xi informazzjoni tariffarija vinkolanti għal dawn it-tliet mudelli ta’ vettura għal kull terren, billi talbet il-klassifikazzjoni tagħhom, rispettivament, fis-sottointestaturi 8701 90 11, 8701 90 20 u 9701 90 25 tan-NM, dwar trakters agrikoli u trakters għal foresti, peress li d-distinzjoni użata fir-rigward il-klassifikazzjoni b’hekk prevista hija funzjoni tas-saħħa tal-mutur ta’ kull mudell.

18

Xi informazzjoni tariffarija vinkolanti nħarġet fil-11 ta’ Mejju ta’ wara, peress li l-mudelli kollha ġew ikklassifikati fis-sottointestatura 8701 90 90.

19

Wara lment mingħajr suċċess, KME ppreżentat appell kontra d-deċiżjonijiet li minnhom ħarġet din l-informazzjoni tariffarja, appell li bih ġiet adita l-Gerechtshof Amsterdam (il-qorti tal-appell ta’ Amsterdam) fl-istadju tal-appell.

20

Din il-qorti ssostni li l-oriġini tal-kawża prinċipali tinsab fl-1992, sena li matulha l-amministrazzjoni kompetenti kienet iddeċidiet li tikklassifika xi vetturi analogi jew identiċi għal dawk attwalment inkwistjoni f’din it-tilwima fis-sottointestatura 8703 21 10 tan-NM, bħala vetturi ddiżinjati għat-trasport tal-persuni. L-istanza f’dak iż-żmien kompetenti biex tiddiċiedi fuq it-tilwimiet fil-qasam tat-tarifikazzjoni doganali kienet madankollu stmat din il-klassifikazzjoni żbaljata u kkunsidrat li l-vetturi kkonċernati kellhom jiġu kklassifikati fis-sottointestatura 8701 90 11, li tikkorrispondi għat-trakters agrikoli u trakters għal foresti, bir-roti, ġodda, ta’ saħħa tal-mutur li ma taqbiżx il-18 kW. Kienet ħarġet xi informazzjoni tariffarja konformi ma’ din id-deċiżjoni.

21

Wara l-iskadenza ta’ din l-informazzjoni, KME ressqet talbiet ġodda għal informazzjoni tariffarja vinkolanti għall-vetturi tal-istess tip, fosthom il-vettura għal kull terran tal-mudell KVF-650 4x4, li huwa wieħed mit-tliet mudelli attwalment inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-informazzjoni tariffarija vinkolanti maħruġa wara dawn it-talbiet, l-ispettur ikklassifika mill-ġdid l-imsemmija vetturi fis-subintestatura 8703 21 10 tan-NM, dwar “karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni b’ċilindrata mhux akbar minn 1000 cm3”. Din il-klassifikazzjoni ntużat b’riferiment għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2518/98, tat-23 ta’ Novembru 1998, li jirrigwarda l-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 52).

22

Fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija minn KME dwar l-imsemmija informazzjoni tariffarija vinkolanti, il-Gerechtshof Amsterdam (il-qorti tal-appell ta’ Amsterdam) staqsa lill-Qorti tal-Ġustizzja inkwantu għall-validità ta’ dan ir-regolament kif ukoll, jekk ikun il-każ, inkwantu għas-sottointestaturi li fihom hemm lok li jiġu kklassifikati l-vetturi kkonċernati.

23

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-invalidità tar-Regolament Nru 2518/98. Fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat li l-vetturi l-ġodda b’erba’ roti għal kull terran li għandhom siġġu wieħed, mgħammra b’sistema ta’ direzzjoni tat-tip Ackerman li taħdem permezz ta’ manubriju, mgħammra b’ganċ ta’ rmonk u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom jippermettulhom li jimbuttaw mill-inqas darbtejn il-piż tagħhom proprju, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8701 90 tan-NM, peress li l-klassifikazzjoni finali tal-imsemmija vetturi għandha tintuża fis-sottointestaturi li jikkorrispondu għas-saħħa tal-magna tagħhom.

24

Wara din is-sentenza, l-Inspecteur ħareġ, fit-12 ta’ Jannar 2009, informazzjoni tariffarija vinkolanti gdida li tikklassifika l-vetturi kkonċernati fis-sottointestaturi 8701 90 11 jew 8701 90 20 tan-NM, skont is-saħħa tal-magni rispettivi tagħhom.

25

Madankollu, mit-3 ta’ Diċembru ta’ wara, huwa informa li din l-informazzjoni kienet tilfet il-validità tagħha minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1051/2009, u dan kien fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament li kien ser joħroġ l-informazzjoni tariffarija vinkolanti attwalment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika l-vetturi kkonċernati fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM.

26

Bl-istess mod bħall-partijiet fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, mingħajr ma jkunu identiċi, il-vettura msemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 u dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma simili u li, għaldaqstant, dan ir-regolament huwa applikabbli b’analoġija ma’ dawn il-vetturi tal-aħħar, b’riferiment għas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, EU:C:2004:122).

27

Madankollu, din il-qorti tiddubita l-validità ta’ dan ir-regolament sa fejn jirriżulta li dawn il-vetturi għandhom jiġu kklassifikati fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM minħabba li huma la għandhom take off bis-saħħa, la apparat idrawliku ta’ rfigħ, u lanqas winċ.

28

L-imsemmija qorti tikkunsidra fil-fatt li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), mogħti fil-kuntest ta’ proċedura fil-kawża prinċipali li tirrigwarda b’mod partikolari mudell ta’ vettura identika – għal wieħed minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-mudell KVF-650 4x4, ma jistax jiġi interpretat b’mod ieħor ħlief bħala li jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat dawn il-vetturi ta’ “trakters agrikulturali u trakters għax-xogħol fil-foresti”, għaliex, fis-sottointestatura 8701 90 tan-NM, huwa għal din l-unika kategorija ta’ trakters li din in-nomenklatura tispeċifika s-sottointestaturi skont is-saħħa tal-magna (sottointestaturi bi tmien ċifri 8701 90 11 sa 8701 90 39).

29

Barra minn hekk, il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) tirrileva li n-noti ta’ spjega dwar is-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 50, li għalihom isir riferiment fir-raġunijiet tal-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009, li fuq il-validità tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija issa interrogata, jissemmew, ċertament, li t-trakters għax-xogħol fil-foresti huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ winċ, iżda, fir-rigward ta’ trakters agrikulturali, li dawn huma biss “ġeneralment” mgħammra minn apparat idrawliku ta’ rfigħ u minn take off bis-saħħa, liema fatt ma jeskludix li jiġi kklassifikat bħala trakter agrikulturali għall-vetturi għal kull terran bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux mgħammra minn apparat idrawliku ta’ rfigħ jew minn take off bis-saħħa.

30

F’dan il-kuntest, il-Gerechtshof Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regolament Nru 1051/2009 […] huwa validu?”

Fuq id-domanda preliminari

L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

31

Il-Kummissjoni ssostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li r-Regolament Nru 1051/2009, li tiegħu huwa mitlub lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa l-validità, huwa mingħajr effett fuq ir-riżultat tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-vetturi inkwistjoni f’din it-tilwima ma humiex identiċi, iżda biss paragunabbli ma’ dak imsemmi fil-punt 2 tal-anness ta’ dan ir-regolament, b’mod li l-imsemmi regolament ma għandux konsegwenza legali diretta fuq il-klassifikazzjoni tal-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, EU:C:2004:122). Fil-fatt, ma jirriżultax minn dan li applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għal oġġetti paragunabbli għal dawk imsemmija minn dan ir-regolament huwa obbligatorju, peress li din is-sentenza tippreżenta pjuttost tali regolament bħala sors ta’ ispirazzjoni fil-perspettiva li jiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM u l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi.

33

Barra minn hekk, din il-qorti ma tiġġustifikax f’liema aspett il-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma paragunabbli ma’ dik imsemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009.

34

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-qorti tar-rinviju użat eżattament l-istess kelma bħal dik użata fil-punt 35 tas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, EU:C:2004:122) fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Olandiża, jiġifieri l-aġġettiv “vergelijkbaar”, għal liema jikkorrispondu l-aġġettiv “analogues” fil-verżjoni Franċiża ta’ din is-sentenza u l-verb “entsprechen” fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża, lingwa tal-proċedura preliminari li fil-kuntest tagħha hija intervenuta l-imsemmija sentenza.

36

Għall-kumplament, jidher, minn naħa, li din il-qorti ma llimitatx lilha nfisha milli tikkonstata li l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma analogi għal dak deskritt fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009, evalwazzjoni ta’ natura fattwali li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, iżda, barra minn hekk, tat l-imsemmija oġġetti deskrizzjoni preċiża, li tikkorrispondi minbarra dan, essenzjalment, għad-deskrizzjoni li tidher fl-imsemmi anness fir-rigward tal-oġġett imsemmi fil-punt 2 tiegħu. B’hekk, jirriżulta mid-deskrizzjonijiet li jidhru fil-punti 9 sa 11 u fil-punt 16 ta’ din is-sentenza li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma analogi għal dak li huwa s-suġġett tal-punt 2 tal-anness ta’ dan ir-regolament. Essenzjalment, l-imsemmija qorti kkonstatat li dawn il-vetturi kollha jippreżentaw il-karatteristiċi kollha meħtieġa biex jiġu kkunsidrati bħala “trakters” fis-sens tal-intestatura 8701 tan-NM u li ma jipposjedux la take off bis-saħħa, la apparat idrawliku ta’ rfigħ u lanqas winċ.

37

B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju ssodisfat ir-rekwiziti tal-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi ġiegħlet tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju dikjarazzjoni tal-fatti rilevanti, kif hija kkonstatathom, li tippermetti li wieħed jieħu konjizzjoni tar-raġunijiet li wassluha biex tinterroga fuq il-validità tal-parti kkonċernata tal-imsemmi regolament.

38

Min-naħa l-oħra, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, EU:C:2004:122), minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju tirrigwarda oġġetti li ma kinux identiċi, iżda biss analogi għal dawk imsemmija fil-parti rilevanti tal-anness tar-regolament tal-klassifikazzjoni li fuq il-validità tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kienet interrogata (ara l-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza), din madankollu ddeċidiet fuq il-validità ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza).

39

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm regolament ta’ klassifikazzjoni ma huwiex direttament applikabbli għal oġġetti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-oġġett li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal dawk l-oġġetti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punti 3435, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punti 31 sa 33). Għaldaqstant, meta qorti nazzjonali tiddubita mill-validità ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni li għandha tapplika b’analoġija għall-oġġetti suffiċjentement analogi għal dawk imsemmija minn dan ir-regolament, huwa ġġustifikat li hija tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari b’evalwazzjoni tal-validità tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, (C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 69).

40

Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari.

Fuq il-mertu

41

Għandu jitfakkar li, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[i]l-vetturi l-ġodda b’erba’ roti għal kull art li għandhom siġġu wieħed, mgħammra b’sistema ta’ direzzjoni tat-tip Ackerman li taħdem permezz ta’ manubriju, mgħammra b’ganċ ta’ rmonk u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom jippermettulhom li jimbuttaw mill-inqas darbtejn il-piż tagħhom proprju, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8701 90 ta’ din in-nomenklatura. Hija l-Gerechtshof te Amsterdam [qorti tal-appell ta’ Amsterdam)] li għandha tipproċedi għall-klassifika ta’ l-imsemmija vetturi fis-subintestaturi li jikkorrispondu għall-potenza tal-magna tagħhom.”

42

Is-sottointestatura 8701 90 tan-NM, dwar it-Trakters agrikoli (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi), it-trakters għat-triq għal semi-trejlers u t-trakters għat-tqegħid tal-linji, liema jaqgħu taħt is-sottointestaturi 8701 10 sa 8701 30, ikopri żewġ kategoriji ta’ trakters, jiġifieri:

minn naħa, it-trakters agrikulturali (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi) u trakters għax-xogħol fil-foresti, fuq ir-roti, u

min-naħa l-oħra, it-trakters l-oħrajn, kemm it-trakters li jaqgħu taħt is-sottointestaturi 8701 10 sa 8701 30 kif ukoll it-trakters agrikulturali u għax-xogħol fil-foresti (iktar ’il quddiem it-“trakters l-oħrajn”).

43

It-trakters l-oħrajn li huma koperti minn sottointestatura bi tmien ċifri uniċi, jiġifieri s-sottointestatura 8701 90 90.

44

Min-naħa l-oħra, it-trakters agrikulturali u trakters għax-xogħol fil-foresti huma s-suġġett ta’ varji sottointestaturi bi tmien ċifri. Qabelxejn, huma distinti skont l-użanzi tagħhom, f’liema każ jaqgħu taħt is-sottointestatura 8701 90 50, jew ġodda. Sussegwentement, it-trakters agrikulturali u t-trakters għax-xogħol fil-foresti, ġodda, jitqassmu f’sitt sottointestaturi bi tmien ċifri skont is-saħħa tal-magna tagħhom, jiġifieri s-sottointestaturi 8701 90 11, 8701 90 20, 8701 90 25, 8701 90 31, 8701 90 35 u 8701 90 39.

45

Is-sottointestatura 8701 90 tan-NM ma tinkludix sottointestaturi oħrajn bi tmien ċifri ħlief dawk imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza.

46

Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), jirrigwarda esklużivament is-sottointestaturi bi tmien ċifri 8701 90 11 sa 8701 90 39 tan-NM, dwar trakters agrikulturali u trakters għax-xogħol fil-foresti, ġodda, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dawn is-sottointestaturi fis-sens li għandhom jitqiesu bħala rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-vetturi bħal dawk deskritti fl-imsemmi punt 2, is-sottointestatura partikolari, fost dawn, tkun determinata mis-saħħa tal-magna tal-vettura li għandha tiġi kklassifikata. Għaldaqstant, is-sottointestatura 8701 90 90, dwar trakters oħrajn, għandha tiġi eskluża għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-vetturi.

47

Għandu jiġi kkonstatat, minbarra dan, li l-vettura deskritta fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 hija analoga għal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), fir-rigward tad-deskrizzjoni li tidher fil-punti 26 sa 31 ta’ din is-sentenza. Din il-konstatazzjoni hija korroborata mill-fatt li wieħed mill-mudelli tal-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tat lok għal din is-sentenza, jiġifieri il-mudell KVF-650 4x4, huwa wkoll ikkonċernat fl-attwali kawża prinċipali. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-vetturi attwalment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr distinzjoni, huma analogi għal dik deskritta fil-punt 2 tal-imsemmi anness.

48

Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet li jidhru fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Regolament Nru 1051/2009, sa fejn jikklassifika l-vettura deskritta fil-punt 2 tal-anness tiegħu fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM, u mhux f’waħda mis-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 39 tagħha skont is-saħħa tal-magna ta’ din il-vettura, huwa inkompatibbli mal-portata ta’ dawn is-sottointestaturi tal-aħħar bħal dik li tirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259).

49

L-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jirrevokaw il-konstatazzjoni ta’ invalidità li għandha normalment tirriżulta minn din l-inkompatibbiltà.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat lilha nnifisha li tinterpreta s-sottointestaturi bi tmien ċifri li jaqgħu taħt is-sottointestatura 8701 90 tan-NM fid-dawl tal-karatteristiċi tal-vetturi deskritti mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll kienet talbitilha din il-qorti permezz tat-tieni domanda tagħha, li stiednet l-imsemmija qorti biex tgħaddi hija stess għall-klassifikazzjoni tal-imsemmija vetturi.

51

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tistax tiġi segwita meta hija ssostni li r-raġuni deċiżiva għall-klassifikazzjoni tal-vettura deskritta fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 fis-sottointestatura 8701 90 90, jiġifieri li l-“klassifikazzjoni bħala trakter agrikolu jew trakter tal-forestrija hija eskluża, billi l-vettura la għandha power take-off, la apparat idrawliku ta’ rfigħ u lanqas winċ”, jirriżulta min-noti ta’ spjega tan-NM, sa fejn dawn jispeċifikaw, fir-rigward tas-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 50, li t-“[t]rakters agrikoli ġeneralment ikunu mgħammrin b’mezz idrawliku li jippermetti li makkinarju agrikolu (xtabi, mħaret, eċċ.) ikun mgħolli jew imniżżel, b’take off bis-saħħa li jippermetti s-saħħa lill-magna li jintuża biex jopera magni jew għodda oħra, u mezz ta’ igganċjar għal trejlers” u li “[f]attur [...] ta’ trakters għal foresti huwa l-preżenza ta’ winċ imwaħħal b’mod permanenti li jippermetti li jintrefa’ injam”.

52

L-interess ta’ dawn in-noti ta’ spjega huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-varji intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma jkollhom forza obbligatorja tad-dritt (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-estratti tan-noti ta’ spjega tan-NM li għalihom tagħmel riferiment il-Kummissjoni ma għandhomx portata assoluta. Fil-fatt, fir-rigward tal-preżenza ta’ mezz idrawliku li jippermetti li makkinarju agrikolu jkun mgħolli jew imniżżel, b’take off bis-saħħa li jippermetti s-saħħa lill-magna li jintuża biex jopera magni jew għodda oħra, fir-rigward tat-trakters agrikoli, huwa sempliċement indikat hemm li dawn huma “ġeneralment” mgħammra bih. Madankollu, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-assenza ta’ dawn l-elementi ma hijiex suffiċjenti biex teskludi l-vokazzjoni agrikola tat-trakters. L-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni li tgħid li l-imsemmija formulazzjoni tikkorrispondi għall-qlib tal-oneru tal-prova tad-destinazzjoni tal-vettura, ma tistax tiġi adottata. Fil-fatt, din il-portata ma tirriżultax mill-imsemmija noti ta’ spjega, liema fatt huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-assenza, fir-raġunijiet tal-klassifikazzjoni użata fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009, ta’ konstatazzjoni li tgħid li l-karatteristiċi l-oħrajn tal-vettura kkonċernata ma jistabbilixxux id-destinazzjoni agrikolu tagħha.

54

Min-naħa l-oħra, konformement mar-regola ġenerali 1, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża legalment skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont ir-regoli ġenerali l-oħra. Ir-regola ġenerali 6 tipprovdi li l-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-sottointestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-sottointestaturi u kwalunkwe noti ta’ sottointestaturi relatati u, mutatis mutandis, skont ir-regoli ġenerali l-oħra. Finalment, mir-regola ġenerali 3(a) jirriżulta li, meta l-oġġetti jidhru li għandhom jiġu kklassifikati taħt żewġ intestaturi, l-intestatura l-iktar speċifika għandha jkollha l-prijorità fuq l-intestatura ta’ portata iktar ġenerali.

55

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-vetturi utilitarji bħal dik imsemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 għandhom jiġu kklassifikati bħala “trakters” fis-sens tas-sottointestatura 8701 90, li tikkonċerna esklużivament il-vetturi utilitarji. Id-distinzjoni prinċipali użata fi ħdan is-sottointestatura hija bbażata fuq id-destinazzjoni, agrikola jew fil-foresta, jew oħra, tat-trakters imsemmija.

56

Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-destinazzjoni tal-oġġett tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn tkun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata tar-regola ġenerali 3(a), peress li trakter jippreżenta karatteristiċi oġġettivi, għandu jiġi kklassifikat fis-sottointestatura l-iktar speċifika.

58

F’dan il-każ, u kif jirriżulta barra minn hekk min-noti ta’ spjega tan-NM, il-vokazzjoni agrikola jew tal-foresta tat-trakters tista’ tirriżulta mid-diżinn tagħhom u mill-preżenza ta’ apparat jew ta’ tagħmir li jiddestinahom li jintużaw fil-kuntest ta’ użu agrikolu jew ortikulturali, mingħajr ma jkun il-lok li wieħed jorbot a priori din id-destinazzjoni mal-preżenza ta’ apparat jew tagħmir elenkati b’mod eżawrjenti.

59

Madankollu, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tat-tipi ta’ vetturi msemmija fis-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259) li tikkorrispondi għall-essenzjal għal dik tal-vettura msemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009, il-vetturi msemmija f’din is-sentenza huma kkaratterizzati, minbarra mill-kapaċità għolja tagħhom ta’ “trazzjoni”, permezz tad-diżinn speċjali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-mutur, it-tajers u s-sospensjoni, intiżi li jippermettuhom li jiżviluppaw fit-terreni naturali diffiċli flimkien ma’ xi tagħmir li jista’ jintrabat magħhom permezz ta’ diversi apparati ta’ konnessjoni jew ta’ gganċjar. Dawn il-karatteristiċi kollha huma ġenerali, oġġettivi u viżibbli.

60

Fit-tielet lok, huwa mingħajr effett li, kif issemmi l-Kummissjoni, xi trakters li għandhom apparentement destinazzjoni agrikola jew għal xogħol fil-foresta jistgħu jkunu s-suġġett ta’ użu ta’ divertiment. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, ladarba l-karatteristika oġġettiva ta’ oġġett tista’ tiġi vverifikata meta jseħħ il-ħelsien mid-dwana, il-fatt li użu ieħor ta’ dan l-oġġett huwa wkoll possibbli mhuwiex tali li jeskludi l-klassifikazzjoni legali tiegħu. Għall-klassifikazzjoni doganali tiegħu, mhuwiex meħtieġ li dan l-oġġett ikun unikament jew esklużivament intiż għall-użu li jikkorrispondi għall-imsemmija karatteristika oġġettiva. Huwa suffiċjenti li dan l-użu jikkostitwixxi d-destinazzjoni essenzjali tiegħu (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 26). F’kull ipoteżi, din l-oġġezzjoni ma tistax tiġġustifika l-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ vetturi kkonċernati fis-sottointestatura 8701 90 90 li, bħas-sottointestaturi kollha tal-intestatura 8701 tan-NM, tirrigwarda vetturi utilitarji.

61

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-klassifikazzjoni ta’ vetturi bħal dik imsemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 fis-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 50 ma għandhiex bħala konsegwenza li timplika interpretazzjoni tas-sottointestatura 8701 90 90 bħal dik tal-aħħar li ma għandhiex kontenut. Huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li jiġi kkonstatat li n-noti ta’ spjega tan-NM dwar din is-sottointestatura tal-aħħar isemmu, bħala eżempji ta’ vetturi li jaqgħu taħtha, it-trakters ta’ xogħlijiet pubbliċi u t-trakters b’fus għal vetturi artikolati li jaħdmu b’mutur.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi adottat r-Regolament Nru 1051/2009 sa fejn dan juża l-klassifikazzjoni tal-vettura deskritta fil-punt 2 tal-anness tiegħu fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM, u mhux f’dik fost is-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 39 li tikkorrispondi għas-saħħa tal-magna ta’ din il-vettura, il-Kummissjoni emendat, billi naqqsitha, il-portata ta’ dawn is-sottointestaturi tal-aħħar u, għaldaqstant, qabżet il-kompetenzi li ngħatawlha fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 26).’

63

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1051/2009 huwa invalidu sa fejn juża l-klassifikazzjoni tal-vettura li hija hemm deskritta fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-NM, u mhux f’dik tas-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 39 tan-NM li tikkorrispondi għas-saħħa tal-magna ta’ din il-vettura.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1051/2009, tat-3 ta’ Novembru 2009, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, huwa invalidu sa fejn juża l-klassifikazzjoni tal-vettura li hija hemm deskritta fis-sottointestatura 8701 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda, kif emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009, u mhux f’dik tas-sottointestaturi 8701 90 11 sa 8701 90 39 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda li tikkorrispondi għas-saħħa tal-magna ta’ din il-vettura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.