SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni Doganali — Tariffa Doganali Komuni — Sistema ta’ importazzjoni temporanja għall-eżenzjoni mid-dazji — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Kundizzjonijiet stabbiliti għall-eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni — Mezzi ta’ trasport assenjati lin-navigazzjoni bl-ajru, irreġistrati barra t-territorju doganali tal-Unjoni u użati minn persuna stabbilita barra minn dan it-territorju — Artikolu 555(1)(a) — Użu kummerċjali — Kunċett — Użu ta’ ħelikopters minn skola tal-avjazzjoni għal titjiriet ta’ taħriġ bi ħlas fejn ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir — Esklużjoni”
Fil-Kawża C‑80/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2015, fil-proċedura
Robert Fuchs AG
vs
Hauptzollamt Lörrach
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Robert Fuchs AG, minn U. Lusche, avukat, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, tat-18 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 15, p. 118) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Robert Fuchs AG, kumpannija stabbilita fi Svizzera (iktar ’il quddiem “Fuchs”) u l-Hauptzollamt Lörrach (amministrazzjoni tad-dwana ta’ Lörrach, il-Ġermanja), dwar dazji doganali fuq l-importazzjoni mitlubin minn din il-kumpannija għall-importazzjoni, fit-territorju tal-Unjoni u taħt l-iskema ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni, ta’ ħelikopters irreġistrati fi Svizzera u użati għal titjiriet ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni fil-Ġermanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-importazzjoni temporanja, konkluża f’Istanbul fis-26 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”) ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/329/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1993, li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Importazzjoni Temporanja u l-aċċettazzjoni tal-annessi tagħha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 3). |
4 |
L-Artikolu 1 tal-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa redatt kif ġej: “Għal fini ta’ dan l-Anness
[...]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Kodiċi Doganali
5 |
Skont l-Artikolu 137 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”): “Il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja għandha tippermetti l-użu fit-territorju doganali tal-Komunità, b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr ma jiġu soġġetti għal miżuri ta’ politika kummerċjali ta’ merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mingħajr ma jkun sarilhom xi tibdil ħlief deprezzament normali minħabba l-użu li jsir minnhom.” |
6 |
L-Artikolu 141 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “Il-każ u l-kondizzjonijiet speċjali li taħthom il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja tista’ tintuża b’eżenzjonii totali minn dazji fuq l-importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.” |
7 |
Skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-imsemmi kodiċi: “Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
|
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni
8 |
L-Artikolu 232 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali, b’mod partikolari tal-mezzi tat-trasport, jipprovdi: “1. Dan li ġej, fejn mhux iddikkajrat lid-dwana jew bil-miktub jew b’mod verbali, għandu jiġi kkunsidrat li ġie ddikkjarat għal importazzjoni temporanja bl-att imsemmi fl-Artikolu 233, suġġett għall-Artikolu 579: [...]
[...] 2. Meta dawn ma jkunux iddikjarati lid-dwana bil-kitba jew bil-fomm, il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkunsidrata li kienet dikjarata għal riesportazzjoni billi jwettqu l-proċedura ta’ importazzjoni temporanja bl-att imsemmi fl-Artikolu 233.” |
9 |
Skont l-Artikolu 233 ta’ dan ir-regolament: “1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 230 sa 232, l-att li huwa kkunsidrat bħala dikjarazzjoni doganali jista’ jsir bil-mezzi li ġejjin: [...]
|
10 |
L-Artikolu 234 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi: “1. Meta l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikoli 230 sa 232 jkunu sodisfatti, il-merkanzija għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata lid-dwana fis-sens ta’ l-Artikolu 63 tal-Kodiċi, u d-dikjarazzjoni titqies aċċettata u r-rilaxx mogħti, fil-ħin meta l-att imsemmio fl-Artikolu 233 jitwettaq. 2. Meta kontroll juri li l-att imsemmi fl-Artikolu 233 jkun twettaq imma il-merkanzija mportata jew maħruġa ma tissodisfax il-kondizzjonijiet fl-Artikoli 230 sa 232, il-merkanzija kkonċernata għandha titqies bħala li ġiet importata jew esportata illeglament.” |
11 |
Skont l-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni: “ Għall-finijiet ta’ din is-subsezzjoni:
|
12 |
L-Artikolu 558(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Ħelsien totali mid-dazji ta’ importazzjoni għandhom jingħataw għal mezzi ta’ trasport bit-triq, ferrovija, ajru, baħar u trasport minn kanali nterni ta’ l-ilma fejn huma:
|
Id-dritt Ġermaniż
Il-Liġi dwar in-navigazzjoni bl-ajru
13 |
L-Artikolu 2(7) u (8) tal-Luftverkehrsgesetz (liġi dwar in-navigazzjoni bl-ajru) fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-10 ta’ Mejju 2007 (BGBl. 2007 I, p.698), tipprovdi: “7. Ajruplani li mhumiex reġistrati u liċenzjati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jistgħu biss jidħlu fi jew jintbagħtu jtiru b’mod ieħor fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi biex joqogħdu hemm, fuq awtorizzazzjoni. Awtorizzazzjoni ma hijiex neċessarja meta trattat bejn il-pajjiż tal-oriġini u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ftehim vinkolanti għaż-żewġ Stati jipprovdu mod ieħor. 8. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 tista’ tingħata b’mod ġenerali jew għal każ partikolari; hija tista’ tkun akkumpanjata minn obbligi u tista’ tkun valida għal ċertu terminu biss.” |
Il-Liġi fuq l-Amministrazzjoni Doganali
14 |
Skont l-Artikolu 2(2) taż-Zollverwaltungsgesetz (Liġi fuq l-amministrazzjoni doganali), tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGB1. 1992 I, p. 2125, u 1993 I, p. 2483): “L-ajruplani deħlin jistgħu biss jatterraw fuq ajrudrom tad-dwana u dawn għaldaqstant jistgħu jitilqu biss minn tali ajrudrom.” |
Ir-Regolament Doganali
15 |
L-Artikolu 2 taz-Zollverordnung (Regolament doganali), tat-23 ta’ Diċembru 1993 (BGB1. 1993 I, p. 2449, u 1994 I, p. 162) , intitolat “Rotot doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Barra minn hekk, f’każijiet partikolari, sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkulazzjoni, eżenzjonijiet mill-obbligu li jittieħdu r-rotot doganali [Zollstraßenzwang] jistgħu jingħataw amministrattivament, sakemm iċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk, li l-possibbiltajiet ta’ sorveljanza doganali ma jiġux b’hekk affettwati u li dan ma jmurx kontra l-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet.” |
16 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ajrudromi doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “L-Artikolu 2(3) japplika mutatis mutandis għall-eżenzjoni mill-obbligu li jittieħdu ajrudromi doganali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
17 |
Fuchs, kumpannija stabbilita fi Svizzera, tipproponi, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, b’mod partikolari taħriġ u edukazzjoni għal titjiriet bil-ħelikopter. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2009, Fuchs ġiet eżentata mill-obbligu li tieħu ajrudrom doganali għall-introduzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ għaxar ħelikopters irreġistrati f’isimha fi Svizzera. |
19 |
Fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ diversi stadji ta’ taħriġ matul is-snin 2009 u 2010, dawn il-ħelikopters b’hekk ġew introdotti fit-territorju doganali tal-Unjoni, jew minn għalliem ta’ titjir impjegat minn Fuchs, jew inkella minn studenti bdoti, fil-preżenza ta’ tali għalliem. |
20 |
Dawn il-ħelikopters ma telqux mit-territorju doganali tal-Unjoni matul it-titjiriet ta’ taħriġ. Huma kienu jitilqu mill-ġdid lejn l-Isvizzera wara kull perijodu ta’ taħriġ. |
21 |
F’avviż tal-iffissar tad-dazji fuq l-importazzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2011, l-amministrazzjoni tad-dwana tat stima li l-imsemmija ħelikopters kienu ġew użati fuq bażi kummerċjali, madankollu mingħajr ma bbenefikaw mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Liġi dwar in-navigazzjoni bl-ajru, u li, għaldaqstant, Fuchs kienet kisret il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni temporanja tal-istess ħelikopters b’eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni previsti fl-Artikolu 558(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
22 |
Peress li, konformement mal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, kien ġie inkors dejn doganali għall-imsemmija ħelikopters, din l-amministrazzjoni stabbilixxiet għal EUR 175873.36 l-ammont tad-dazji tad-dwana dovuti minn Fuchs. |
23 |
Wara ċ-ċaħda, mill-imsemmija amministrazzjoni, tal-ilment li Fuchs kienet ressqet kontra l-imsemmi avviż ta’ ffissar tad-dazji fuq l-importazzjoni, Fuchs ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja). |
24 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Fuchs issostni li l-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex tingħatalha eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni huma ssodisfatti. Hija tispeċifika, b’mod partikolari, li l-ħelikopters inkwistjoni ma kinux is-suġġett ta’ “użu kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
25 |
L-amministrazzjoni tad-dwana ssostni, għall-kuntrarju, li Fuchs għamlet użu kummerċjali mill-imsemmija ħelikopters, peress li, matul it-titjiriet ta’ taħriġ, xi persuni kienu ttrasportati b’kunsiderazzjoni. Ftit kien jimporta, f’dan ir-rigward, li s-somom imħallsa mill-istudenti bdoti kien b’kumpens tat-taħriġ tagħhom u mhux tat-trasport tagħhom. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-kundizzjonijiet essenzjali għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni temporanja tal-mezzi ta’ trasport b’eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni jidhru fl-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 558(1)(a) u (b) kienu ssodisfatti. Għalhekk tqum biss il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 558(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li jipprovdi li, f’każ ta’ użu kummerċjali, il-mezzi ta’ trasport jistgħu biss fil-prinċipju, jiġu użati għat-trasport li jibda jew jispiċċa barra mit-territorju doganali tal-Komunità, kienu ssodisfatti. Madankollu, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kliem “użu kummerċjali”, li jidhru fl-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament [ta’ implementazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li titjiriet ta’ taħriġ bi ħlas li jsiru permezz ta’ ħelikopters, u li fil-kuntest tagħhom fil-ħelikopter ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir, għandhom huma wkoll jiġu kkunsidrati bħala użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport?” |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-titjiriet li twettqu b’rimunerazzjoni għat-taħriġ ta’ bdot ta’ ħelikopter, u fil-ħelikopter ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir, għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport, fis-sens tal-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
29 |
Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu kummerċjali” l-użu ta’ mezz ta’ trasport “għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni jew it-trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’rimunerazzjoni kemm jekk le”. |
30 |
Mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, biex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “użu kummerċjali”, l-użu tal-mezz ta’ trasport inkwistjoni għandu jitwettaq għall-finijiet ta’ trasport. |
31 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
32 |
Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “użu kummerċjali”, fir-Regolament ta’ Implementazzjoni, issostitwixxa dak ta’ “użu professjonali”, li kien definit fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1855/89, tal-14 ta’ Ġunju 1989, dwar l-iskema tal-importazzjoni temporanja tal-mezzi ta’ trasport bħala “l-użu ta’ mezz ta’ trasport bil-għan tal-eżerċizzju dirett ta’ attività remunerattiva jew li għandu għan tal-profitt”. B’hekk din id-definizzjoni tal-aħħar ġiet sostitwita minn dik, iktar restrittiva, li tidher fl-Artikolu 670 tar-Regolament Nru 2454/93 fil-verżjoni inizjali tiegħu, li permezz tiegħu l-użu kummerċjali kien jikkorrispondi għall-użu ta’ mezz ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni jew it-trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’rimunerazzjoni kemm jekk le”. |
33 |
Sussegwentement, din id-definizzjoni ġiet estiża mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 286) biex ikopri “l-użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti bi ħlas jew fil-qafas ta’ l-attività ekonomika ta’ l-intrapriża”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, kien jaqa’ għalhekk taħt il-kunċett ta’ “użu kummerċjali” l-użi kollha ta’ mezzi ta’ trasport f’kuntest ta’ negozju kemm jekk għar-remunerazzjoni jew le u irrispettivament mill-għan tal-użu. |
34 |
Madankollu, ir-Regolament Nru 2286/2003 ssostitwixxa din id-definizzjoni ta’ użu kummerċjali b’dik applikabbli fil-kawża prinċipali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-regolament mhux biss neħħa it-trasport mhux remunerat ta’ persuni mill-kunċett ta’ “użu kummerċjali”, iżda wkoll għamel l-għan tal-użu fattur rilevanti. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jkoprix iżjed l-attivitajiet ekonomiċi kollha li jimplikaw mezz ta’ trasport u li fil-kuntest tagħhom jintervjeni trasport ta’ persuni f’sens wiesa’, iżda jikkonċerna biss dawk li l-għan tagħhom huwa t-trasport, b’mod partikolari, ta’ persuni. |
35 |
Madankollu, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-mezzi ta’ trasport jintużaw għall-finijiet ta’ taħriġ, it-trasport ta’ persuni, jekk wieħed jippreżumi li dan seħħ, huwa biss il-korollarju tal-attività ta’ taħriġ li, bħala l-għan prinċipali tal-kuntratt, huwa l-provvista ta’ servizzi li bħala korrispettiv tagħha l-bdoti studenti ħallsu remunerazzjoni. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-użu ta’ mezz ta’ trasport għall-bżonnijiet ta’ provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
37 |
Wieħed għandu jżid jgħid, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha kemm jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Oil Trading Poland, C‑349/13, EU:C:2015:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dan il-każ, u fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari bil-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-importazzjoni temporanja ta’ mezz ta’ trasport, jidher utli li wieħed jgħaddi wkoll għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
39 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 558(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tipprovdi li l-mezz ta’ trasport inkwistjoni għandu, fil-prinċipju, jintuża “esklussivament għal trasport li jibda jew jintemm barra t-territorju doganali tal-Komunità”, japplika biss f’każ ta’ użu kummerċjali tiegħu. Fi kliem ieħor, mezz ta’ trasport li ma jintużax għall-finijiet kummerċjali huwa suġġett biss għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 558(1)(a) u (b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
40 |
Fit-tieni lok, ma jistax jitqies li l-benefiċċju tal-eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni għall-importazzjoni temporanja ta’ mezz ta’ trasport li ma huwiex l-għan ta’ użu kummerċjali huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar jintuża għall-finijiet ta’ trasport. |
41 |
Fil-fatt, la l-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżenzjonijiet totali tad-dazji fuq l-importazzjoni tal-mezzi ta’ trasport ma jipprovdu tali limitazzjoni, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jissottometti, b’mod espliċitu, il-benefiċċju tal-eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ kategoriji oħra ta’ merkanzija għall-kundizzjonijiet dwar l-għan tal-użu tal-merkanzija kkonċernata. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, abbażi tal-Artikolu 563 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, tal-merkanzija “għal għanijiet ta’ sports”. Dan huwa wkoll il-każ, skont l-Artikolu 566 ta’ dan ir-regolament, ta’ tgħamir mediku, kirurġiku u tal-laboratorju “fejn hu maħsub għal għanijiet ta’ djanjosi”. L-Artikolu 568 tal-imsemmi regolament jipprovdi, sadanittant, li huma eżenti l-oġġetti li jġorru l-ħoss, l-immaġni jew proċessar ta’ data għall-informazzjoni “għall-għan ta’ preżentazzjoni qabel il-kummerċjalizzazzjoni” kif ukoll dawk “għall-provvista b’sound track, iddabbjar jew kopjar.” |
42 |
Din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mir-Regolament Nru 993/2001, li ħassar, mir-Regolament Nru 2454/93, id-definizzjoni funzjonali tal-“mezz ta’ trasport”, li kien jikkorrispondi sa dak iż-żmien għal “kull mezz użat għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija”. |
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li t-titjiriet li twettqu b’rimunerazzjoni għat-taħriġ ta’ bdot ta’ ħelikopter, u fil-ħelikopter ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir, ma għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni KE) Nru 2286/2003, tat-18 ta’ Diċembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-titjiriet li twettqu b’rimunerazzjoni għat-taħriġ ta’ bdot ta’ ħelikopter, u fil-ħelikopter ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir, ma għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.