SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C-79/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-20 ta’ Frar 2015

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, G. Étienne u M. Bishop, bħala aġenti,

appellant,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, F. Fize u G. de Bergues, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Hamas, stabbilit f’Doha (Qatar), irrappreżentat minn L. Glock, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, M. Konstantinidis u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2014, Hamas vs Il-Kunsill (T-400/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:1095), li biha din tal-aħħar annullat:

id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/386/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 178, p. 28), tal-Kunsill 2011/70/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, L 28, p. 57), tal-Kunsill 2011/430/PESK, tat-18 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 188, p. 47), li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/872/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 343, p. 54), tal-Kunsill 2012/333/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 165, p. 72), tal-Kunsill 2012/765/PESK, tal-10 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 337, p. 50), tal-Kunsill 2013/395/PESK, tal-25 ta’ Lulju 2013, (ĠU 2013, L 201, p. 57), tal-Kunsill 2014/72/PESK, tal-10 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 40, p. 56), u tal-Kunsill 2014/483/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 217, p. 35), li jaġġornaw u, fejn applikabbli jemendaw il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li jħassru, rispettivament, id-Deċiżjonijiet 2011/430, 2011/872, 2012/333, 2012/765, 2013/395 u 2014/72, kif ukoll

ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 178, p. 1), tal-Kunsill (UE)Nru 83/2011, tal‑31 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, L 28, p. 14), tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2), tal-Kunsill (UE) Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10), tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 165, p. 12), tal-Kunsill (UE) Nru 1169/2012, tal‑10 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2), tal-Kunsill (UE) Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 10), tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 40, p. 9), u tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014, tat‑22 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1), li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassru r-Regolament ta’ Implementazzoni rispettivament (UE) Nru 1285/2009, Nru 610/2010, Nru 83/2011, Nru 687/2011, Nru 1375/2011, Nru 542/2012, Nru 1169/2012, Nru 714/2013 u Nru 125/2014,

(iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem (iktar ’il quddiem il-“Hamas”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

2

Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

3

L-imsemmija riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

4

Sabiex tiġi implementata l-imsemmija Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill adotta fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

5

L-Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni jipprovdi:

“1.   Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

[…]

4.   Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.   Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

6

Peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati, fil-livell Komunitarju, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1 p. 207, u r-rettifika ĠU 2010, L 52, p. 58).

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)

Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

b)

L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

i)

persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)

persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

iii)

legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

iv)

persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti kontenzjużi

8

Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-Regolament Nru 2580/2001 u d-Deċiżjoni 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża” (ĠU 2001, L 344, p. 83). L-inklużjoni tal-Hamas tinsab fil-listi annessi mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mad-Deċiżjoni 2001/927.

9

L-imsemmija inklużjoni nżammet permezz ta’ atti ulterjuri tal-Kunsill, partikolarment permezz tal-atti kontenzjużi.

10

Fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn l-atti, il-Kunsill iddeskriva lill-Hamas bħala grupp terroristiku u għamel riferiment għal serje ta’ atti terroristiċi li dan tal-aħħar wettaq sa mis-sena 2005. Barra minn hekk, il-Kunsill semma b’mod partikolari deċiżjoni adottata matul is-sena 2001 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u żewġ deċiżjonijiet adottati matul l-istess sena mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika. Id-deċiżjoni tar-Renju Unit hija deċiżjoni tas-Secretary of State for the Home Departement (ministeru tal-intern) li tikkundanna lil Hamas, ikkunsidrat bħala organizzazzjoni involuta f’atti ta’ terroriżmu. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonsistu f’deċiżjoni tal-Gvern li tikklassifika l-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika barranija, skont it-Taqsima 219 tal-US Immigration and Nationality Act (liġi tal-Istati Uniti dwar l-imigrazzjoni u n-nazzjonalità), u f’deċiżjoni li tikklassifika lill-Hamas bħala entità identifikata espressament bħala entità terroristika internazzjonali, skont id-Digriet Presidenzjali 13224 (iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa d- “deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti”). Billi kkonstata, fir-rigward tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Renju Unit, li din tal-aħħar kienet ġiet eżaminata mill-ġdid b’mod regolari minn kummissjoni governattiva nazzjonali u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li dawn ġew issuġġettati għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju, il-Kunsill ikkunsidra li dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati minn awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fl-aħħar, il-Kunsill ikkonstata li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu għadhom fis-seħħ u kkunsidra li r-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni tal-Hamas fil-lista kontenzjuża kienu għadhom validi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2010, il-Hamas ippreżenta rikors għall-annullament kontra d-Deċiżjoni 2010/386 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Peress li dawn l-atti tħassru u ġew issostitwiti, suċċessivament, bl-atti tal-Kunsill ta’ Jannar, ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Lulju 2013 kif ukoll ta’ Frar u ta’ Lulju 2014 imsemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, il-Hamas suċċessivament aġġusta t-talbiet inizjali tiegħu, b’tali mod li r-rikors tiegħu jitlob ukoll l-annullament ta’ dawn l-aħħar imsemmija atti, sa fejn dawn jikkonċernawh.

12

Insostenn tat-talba tiegħu maħsuba għall-annullament tal-att tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u ta’ Jannar 2011 imsemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, il-Hamas invoka erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-atti adottati mill-Kunsill mix-xahar ta’ Lulju 2011 sax-xahar ta’ Lulju 2014 u msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti adottati mill-Kunsill mix-xahar ta’ Lulju 2011 sax-xahar ta’ Lulju 2014”), il-Hamas invoka tmien motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq żbalji dwar il-materjalità tal-fatti, fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar in-natura terroristika ta’ din l-entità, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekors taż-żmien”, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ interferenza, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

13

Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ u s-sitt motiv kontra l-atti adottati mill-Kunsill mix-xahar ta’ Lulju 2011 sax-xahar ta’ Lulju 2014 u, abbażi ta’ dan, annullat l-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil Hamas.

It-talbiet tal-partijiet

14

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell; u

tikkundanna lill-Hamas għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell.

15

Il-Hamas jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti deċiżjoni finali fuq il-kwistjonijiet li huma suġġetti għall-appell, huwa jżomm fermi l-motivi u t-talbiet kollha mressqa matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa jitlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-Hamas fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell.

16

Il-Kummissjoni Ewropea tintervjeni insostenn tat-talbiet ifformulati mill-Kunsill fl-appell tiegħu.

17

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tagħti deċiżjoni finali fuq il-kwistjonijiet li huma suġġetti għall-appell u li tiċħad ir-rikors tal-Hamas.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

18

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li jikkonċerna b’mod partikolari l-punti 101, 103, 109 sa 111, 121, 125 sa 127 u 141 tas-sentenza appellata, il-Kunsill isostni, minn naħa, li din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-Kunsill għandu regolarment jipprovdi raġunijiet ġodda għaż-żamma tal-Hamas fil-lista kontenzjuża. Fl-assenza ta’ annullament jew ta’ rtirar tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tal-Hamas f’din il-lista u fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ dan tal-aħħar mill-imsemmija lista, il-Kunsill kellu kull dritt li jżomm lill-Hamas fil-lista kontenzjuża, fuq il-bażi biss tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ dan tal-aħħar f’din l-istess lista.

19

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali rrifjutat l-użu ta’ informazzjoni li toriġina minn sorsi pubbliċi għall-finijiet tar-reviżjonijiet perijodiċi. Il-Kunsill jikkunsidra li huwa għandu jkun jista’ jibbaża ruħu, għal dan l-għan, fuq elementi oħra li ma humiex id-deċiżjonijiet nazzjonali, sa fejn ħafna drabi ma tkunx teżisti deċiżjoni nazzjonali li tkun ittieħdet wara l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, previst mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

20

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jintervjenu insostenn tal-argumenti tal-Kunsill, billi jenfasizzaw b’mod partikolari d-distinzjoni li tagħmel il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bejn, min-naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ entità fil-lista kontenzjuża, prevista fl-Artikolu 1(4) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, u, min-naħa l-oħra, ir-reviżjonijiet sussegwenti, previsti fl-Artikolu 1(6) ta’ din tal-aħħar.

21

Għall-kuntrarju, skont il-Hamas, il-Kunsill jippretendi b’mod żbaljat li ż-żamma tiegħu fil-lista kontenzjuża seta’ jsir biss abbażi tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tiegħu f’din il-lista. Id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali warrbet b’mod żbaljat l-użu ta’ informazzjoni li toriġina minn sorsi pubbliċi tiskontra mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711), li teżiġi, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ persuni jew entitajiet ikkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni proprji tal-Unjoni Ewropea, li l-miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni għandhom ikunu bbażati fuq elementi eżaminati u adottati f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fid-dawl tas-serjetà tal-effett tal-miżuri restrittivi fuq il-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati, dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għar-reviżjonijiet preskritti mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

22

Id-diffikultà, affaċċjata wara l-proskrizzjoni tal-Hamas fir-Renju Unit u l-iffriżar ta’ fondi adottat fil-konfront tiegħu mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jiġu adottati deċiżjonijiet ġodda ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma tpoġġix f’dubju l-obbligu tal-Kunsill li jibbaża ruħu unikament fuq fatti evalwati minn tali awtoritajiet. Barra minn hekk, din id-diffikultà tista’ tingħeleb billi, f’każ ta’ bżonn, l-awtorità nazzjonali kompetenti tintalab tadotta pożizzjoni dwar fatt partikolari, li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

L-ewwel aggravju jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-Kunsill jista’, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża, li huwa obbligat li jwettaq skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iżomm lil din il-persuna jew entità fl-imsemmija lista. Bil-għan li jiġu ddeterminati dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiġi interpretat filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-artikulazzjoni tiegħu mal-Artikolu 1(4) ta’ din tal-aħħar, li jirregola l-kundizzjonijiet tal-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fl-imsemmija lista.

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tad-deċiżjonijiet inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, li l-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jagħmel riferiment għad-deċiżjoni adottata minn awtorità nazzjonali, li tirrikjedi informazzjoni preċiża jew atti li juru li tali deċiżjoni ġiet adottata. Dan ir-rekwiżit huwa intiż li jiżgura li, fl-assenza ta’ mezzi tal-Unjoni sabiex tmexxi hija stess investigazzjonijiet dwar l-involviment ta’ persuna jew ta’ entità f’atti terroristiċi, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew entità fil-lista kontenzjuża tittieħed fuq bażi fattwali suffiċjenti, li tippermetti lil dan tal-aħħar jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ periklu li, fl-assenza tal-adozzjoni ta’ miżuri projbittivi, il-persuna jew l-entità kkonċernata tkompli bl-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punti 69, 7981).

25

Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni rilevanti waqt l-eżami taż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità fil-lista jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali inbidlitx b’tali mod li ma tkunx għadha tippermetti li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 82).

26

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 101 u 125 tas-sentenza appellata, li l-lista ta’ atti terroristiċi li twettqu mill-Hamas sa mis-sena 2005, inklużi fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, kellha rwol determinanti għaż-żamma, mill-Kunsill, tal-iffriżar ta’ fondi tal-Hamas. Fil-punti 110 u 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-riferiment għal kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill inserixxa fil-motivazzjoni tiegħu fl-okkażjoni ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jkun ġie ssuġġettat għal eżami u għal deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti. Billi kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 109 u 131 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien ibbaża l-allegazzjonijiet tiegħu marbuta ma’ atti terroristiċi mwettqa mill-Hamas sa mis-sena 2005 mhux fuq tali deċiżjonijiet, iżda fuq informazzjoni miġbura minnu mill-istampa u mill-internet, il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat l-atti kkontestati.

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

27

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huwa kellu regolarment jipprovdi motivi ġodda sabiex iżomm lill-Hamas fil-lista kontenzjuża u li ma setax, fl-assenza ta’ elementi li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ din l-entità minn din il-lista, iżomm lil dan tal-aħħar fil-lista, sempliċement abbażi tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tiegħu fil-lista.

28

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, tal-inqas impliċitament, qieset li d-deċiżjoni tar-Renju Unit u/jew id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fihom infushom ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għaż-żamma tal-Hamas fil-lista kontenzjuża.

29

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża jekk huwa jikkonkludi li jkun għad hemm ir-riskju ta’ involviment ta’ din tal-aħħar f’attivitajiet terroristiċi li jkun iġġustifika l-inklużjoni inizjali tagħha fil-lista. B’hekk, iż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża essenzjalment tikkostitwixxi estensjoni tal-inklużjoni inizjali.

30

Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità fil-lista kontenzjuża għandu debitament jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew ta’ tibdil tal-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

31

Minkejja dan, fil-każ odjern tqum il-kwistjoni dwar jekk iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali fil-lista kontenzjuża tistax, fiha nnifisha, tkun suffiċjenti għaż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’din il-lista.

32

F’dan ir-rigward, jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li tibqa’ fis-seħħ d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li ppersista r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ din il-persuna jew din l-entità fl-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali iktar riċenti, li juru li l-imsemmi riskju jissussisti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P et C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156).

33

F’dan il-każ, laħaq iddekorra żmien twil bejn, min-naħa, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-Hamas fil-lista kontenzjuża u din l-inklużjoni inizjali, li jmorru lura għas-sena 2001, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2010 u l-2014. Għaldaqstant il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma tal-Hamas f’din il-lista fuq elementi iktar riċenti, li juru li kien għadu preżenti r-riskju ta’ involviment ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, tal-inqas b’mod impliċitu, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u/jew id-deċiżjoni tar-Renju Unit ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, bażi suffiċjenti sabiex iservu bħala bażi għall-atti kontenzjużi.

34

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

35

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punti 109, 110, 125 sa 127 u 141 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu jibbaża ruħu esklużivament fuq elementi li jinsabu fid-deċiżjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex iżomm persuna jew entità fil-lista kontenzjuża, u li l-Kunsill kien kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi bbaża ruħu, f’dan il-każ, fuq informazzjoni miksuba mill-istampa u mill-internet.

36

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, hemm lok li jiġi rrilevat, qabel xejn, li dan l-artikolu jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża, msemmija fil-paragrafu 4 tagħha, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma f’din il-lista ta’ persuna jew ta’ entità li tinsab diġà f’din il-lista, imsemmija fil-paragrafu 6 tiegħu.

37

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li toriġina minn awtorità kompetenti jew ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tkun tordna sanzjoni.

38

Għall-kuntrarju, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni, li skontha “Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

39

Din id-distinzjoni hija spjegata mill-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, iż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għaldaqstant, il-persistenza ta’ riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ġie kkonstatat inizjaliment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali.

40

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirrikjedi li l-Kunsill iwettaq, tal-inqas darba kull semester, “reviżjoni”, sabiex jiżgura ruħu li ż-“[żamma]” f’din il-lista ta’ persuna jew ta’ entità li diġà ġiet inkluża fl-imsemmija lista, abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti, għadha ġġustifikata, ma jirrikjedix madankollu li kull element ġdid li l-Kunsill jipprevalixxi ruħu minnu sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża għandu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti suċċessivament għal dik li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali. Billi imponiet tali rekwiżit, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ tali deċiżjoni, stabbilita fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, unikament bil-ħsieb tal-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fl-imsemmija lista, għar-reviżjonijiet li jinkombu lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat id-distinzjoni eżistenti bejn id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża u d-deċiżjoni sussegwenti konsistenti fiż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’din il-lista.

41

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 adottata mill-Qorti Ġenerali hija msejsa, tal-inqas impliċitament, fuq il-kunsiderazzjoni li jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw b’mod regolari deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jew li l-Kunsill għandu l-possibbiltà li jitlob, f’każ ta’ bżonn, lil dawn l-awtoritajiet sabiex jadottaw tali deċiżjonijiet.

42

Issa, din l-aħħar kunsiderazzjoni ma hija bl-ebda mod fondata fid-dritt tal-Unjoni.

43

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat, minn naħa, li l-fatt li l-Istati Membri jinformaw lill-Kunsill bid-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jittrażmettulu dawn id-deċiżjonijiet ma jfissrix li dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jadottaw b’mod regolari jew, tal-inqas, f’każ ta’ bżonn deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għal dawn ir-reviżjonijiet.

44

Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ kull bażi speċifika fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, ma jawtorizzax lill-Kunsill li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jadottaw, f’każ ta’ bżonn, deċiżjonijiet nazzjonali li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

45

Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi rrilevat li din is-sistema ma tipprovdix għal mekkaniżmu li jippermetti lill-Kunsill jiġi pprovdut, f’każ ta’ bżonn, b’deċiżjonijiet nazzjonali adottati wara l-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża sabiex iwettaq ir-reviżjonijiet li huwa għandu jwettaq skont l-Artikolu 1(6) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni u li fil-kuntest tagħhom huwa obbligat li jivverifika l-persistenza tar-riskju ta’ involviment ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi. Fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu, ma jistax jiġi kkunsidrat li din is-sistema tirrekjedi lill-Kunsill li jwettaq dawn ir-reviżjonijiet esklużivament abbażi ta’ tali deċiżjonijiet nazzjonali, u dan sabiex ma jiġux indebitament ristretti l-mezzi li l-Kunsill għandu għal dan l-iskop.

46

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod partikolari fil-punt 110 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 lanqas ma hija ġġustifikata min-neċessità li jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati.

47

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-inklużjoni inizjali fil-lista kontenzjuża, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li tikkontesta kemm id-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għal din l-inkużjoni quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll l-imsemmija inklużjoni, innifisha, quddiem il-qrati tal-Unjoni.

48

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li teżerċita azzjoni kontra dawn tal-aħħar quddiem il-qorti tal-Unjoni. Din tal-aħħar hija obbligata li tivverifika, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 118119, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punt 64).

49

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi speċifikat li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma fil-lista kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. F’każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121124, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punti 66 u 69).

50

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta bbaża ruħu, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, fuq elementi miksuba minn sorsi li ma humiex deċiżjonijiet nazzjonali adottati minn awtoritajiet kompetenti.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura suffiċjenti, jew le, tal-motivazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, mill-punt 141 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tikkonstata l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha unikament fuq l-assenza ta’ riferiment, fir-rigward tal-lista tal-atti terroristiċi mwettqa mill-Hamas sa mis-sena 2005, li tinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, għal deċiżjonijiet nazzjonali li joriġinaw minn awtoritajiet kompetenti. Il-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’hekk tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li fir-rigward tagħha ġie stabbilit li din kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

53

Konsegwentement, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ dan l-Artikolu 1 iwassal sabiex jivvizzja wkoll bi żball ta’ liġi l-konstatazzjoni tagħha dwar il-ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

54

Peress li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha, għalhekk, tintlaqa’, jeħtieġ li tiġi annullata s-sentenza appellata fl-intier tagħha fuq din il-bażi, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

55

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

56

Peress li l-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni biss fuq ir-raba’ u s-sitt motiv tat-talba tal-Hamas intiża għall-annullament tal-atti adottati mill-Kunsill mix-xahar ta’ Lulju 2011 sax-xahar ta’ Lulju 2014 u l-motivi l-oħra invokati quddiem il-Qorti Ġenerali jqajmu, parzjalment, kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kawża ma tinsabx fi stadju li tiġi deċiża u li hemm lok li l-kawża tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali filwaqt li jiġu rriżervati l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2014, Hamas vs Il-Kunsill (T-400/10, EU:T:2014:1095) hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż