Kawża C‑68/15

X

vs

Ministerraad

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Grondwettelijk Hof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji – Tqassim ta’ dividendi – Taxxa f’ras il-għajn – Taxxa doppja – Fairness Tax

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017

  1. Moviment liberu tal-persuni-Libertà ta’ stabbiliment-Leġiżlazzjoni fiskali-Taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji-Tqassim ta’ dividendi-Ġbir fuq kumpanniji kemm mhux residenti kif ukoll residenti ta’ “fairness tax” meta jitqassmu dividendi mhux intaxxati-Ammissibbiltà-Kundizzjoni-Assenza ta’ trattament tal-kumpannija mhux residenti li huwa inqas vantaġġuż mit-trattament ta’ kumpannija residenti-Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti-Direttiva 2011/96/UE-Eżenzjoni, fl-Istat Membru tas-sussidjarja, tat-taxxa f’ras il-għajn fuq profitti mqassma lill-kumpannija omm-Taxxa f’ras il-għajn-Kunċett-Ġbir fuq kumpanniji kemm mhux residenti kif ukoll residenti ta’ “fairness tax” meta jitqassmu dividendi mhux intaxxati-Intaxxar tal-kumpannija li tqassam u mhux tad-detentur tal-ishma-Esklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2011/96, Artikolu 5)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti-Direttiva 2011/96-Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika-Ġbir fuq kumpanniji kemm mhux residenti kif ukoll residenti ta’ “fairness tax” meta jitqassmu dividendi mhux intaxxati-Tassazzjoni tal-profitti rċevuti minn kumpannija omm mingħand il-kumpannija sussidjarja tagħha waqt tqassim mill-ġdid tal-imsemmija profitti-Tassazzjoni li taqbeż il-limitu massimu ta’ 5 % previst mid-Direttiva 2011/96 fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid wara s-sena li matulha jiġu rċevuti-Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2011/96, Artikolu 4(1)(a), u (3))

  1.  Il-libertà ta’ stabbiliment għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li kemm kumpannija mhux residenti li teżerċita attività ekonomika f’dan l-Istat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti kif ukoll kumpannija residenti, inkluża s-sussidjarja residenti ta’ kumpannija mhux residenti, huma suġġetti għal taxxa bħall-fairness tax, meta dawn il-kumpanniji jqassmu dividendi li, minħabba l-użu ta’ ċerti vantaġġi fiskali previsti mis-sistema fiskali nazzjonali, ma jkunux jinsabu fil-profitt taxxabbli finali tagħhom, sakemm il-mod ta’ determinazzjoni tal-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa ma jwassalx, fil-fatt, sabiex din il-kumpannija mhux residenti tiġi ttrattata b’mod inqas vantaġġuż minn kumpannija residenti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tintaxxa profitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni fiskali Belġjana, imqassma, iżda li fuqhom dan l-Istat Membru, minħabba l-użu ta’ ċerti vantaġġi fiskali previsti mis-sistema fiskali nazzjonali, ma eżerċitax din il-ġurisdizzjoni fiskali. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn il-mod ta’ kalkolu tal-bażi taxxabbli ta’ kumpannija mhux residenti jwassal sabiex din il-kumpannija tiġi ntaxxata anki fuq il-profitti li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru, l-imsemmija kumpannija mhux residenti tiġi ttrattata b’mod inqas vantaġġuż minn dak ta’ kumpannija residenti.

    (ara l-punti 48, 61, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi taxxa bħall-fairness tax, li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji mhux residenti li jeżerċitaw attività ekonomika f’dan l-Istat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti kif ukoll il-kumpanniji residenti, inkluża s-sussidjarja residenti ta’ kumpannija mhux residenti, meta huma jqassmu dividendi li, minħabba l-użu ta’ ċerti vantaġġi fiskali previsti mis-sistema fiskali nazzjonali, ma jkunux jinsabu fil-profitt taxxabbli finali tagħhom.

    Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala taxxa f’ras il-għajn, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, tliet kriterji kumulattivi għandhom jiġu ssodisfatti. B’dan il-mod, l-ewwel nett, it-taxxa għandha tinġabar fl-Istat li fih id-dividendi jitqassmu u l-fatt taxxabbli tagħha għandu jkun il-ħlas ta’ dividendi jew kwalunkwe dħul ieħor minn ishma, it-tieni nett, il-bażi ta’ din it-taxxa hija d-dħul mill-ishma u, it-tielet nett, il-persuna taxxabbli tkun id-detentur tal-istess ishma (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe, C‑338/08 u C‑339/08, EU:C:2010:364, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Madankollu, sa fejn il-persuna taxxabbli għal taxxa bħall-fairness tax ma hijiex id-detentur tal-ishma, iżda l-kumpannija li tqassam, it-tielet kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

    (ara l-punti 63, 65, 68, u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni, f’sitwazzjoni fejn profitti rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha jitqassmu minn din il-kumpannija omm wara s-sena li matulha huma ġew irċevuti, għandha bħala konsegwenza li tissuġġetta dawn il-profitti għal tassazzjoni li taqbeż il-limitu massimu ta’ 5 % previst fl-imsemmija dispożizzjoni.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi tipprevedi li l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti “iżommu lura milli jintaxxaw dan il-qligħ”, l-imsemmija dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw lill-kumpannija omm jew lill-istabbiliment permanenti tagħha fuq il-profitti mqassma mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk it-tassazzjoni tal-kumpannija omm għandhiex bħala fatt taxxabbli l-irċevuta ta’ dawn il-profitti jew it-tqassim mill-ġdid tagħhom.

    Fit-tieni lok, kif issemma fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha l-għan li telimina t-taxxa doppja tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha fuq il-livell tal-kumpannija omm. Tassazzjoni ta’ dawn il-profitti mill-Istat Membru tal-kumpannija omm għand din il-kumpannija waqt it-tqassim mill-ġdid ta’ dawn tal-aħħar, li għandha bħala effett li tissuġġetta l-imsemmija profitti għal tassazzjoni li taqbeż, fil-fatt, il-limitu massimu ta’ 5 % previst fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, twassal għal taxxa doppja fuq il-livell tal-imsemmija kumpannija, ipprojbita mill-imsemmija direttiva.

    (ara l-punti 79, 80, 82, u d-dispożittiv 3)