Kawża C‑64/15

BP Europa SE

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa — Direttiva 2008/118/KE — Irregolarità mwettqa matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju — Prodotti li jonqsu fil-mument tal-konsenja — Ġbir tad-dazju tas-sisa, fl-assenza ta’ prova tal-qerda jew it-telf tal-prodotti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Jannar 2016

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Tmiem tal-imsemmi moviment – Riċezzjoni effettiva mid-destinatarju tal-prodotti inkwistjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2008/118, Artikolu 20(2))

  3. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118 – Irregolarità matul moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Differenza bejn irregolarità kkonstatata matul moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u l-qerda totali jew telf irrimedjabbli tal-imsemmija prodotti

    [Direttiva tal-Kunsill 2008/118, Artikoli 7(2)(a) u 4 u 10(2)]

  4. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118 – Irregolarità matul Moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Irregolarità li tirrigwarda parti biss tal-prodotti – Applikabbiltà tal-Artikolu 10(4) tal-imsemmija direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 2008/118, Artikolu 10(4))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara punt 28)

  2.  L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li [t]ħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jintemm, skont din id-dispożizzjoni, fil-mument fejn id-destinatarju ta’ dawn il-prodotti jkun ikkonstata, wara l-ħatt sħiħ tal-mezz ta’ trasport li jkun fih il-prodotti inkwistjoni, kwantitajiet ta’ dawn il-prodotti nieqsa meta mqabbla ma’ dawk li kellhom jiġu kkonsenjati lilu.

    Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118, jirrigwarda l-prodotti infushom mingħajr ma jagħmel ebda riferiment għal mezzi li ġew ittrasportati bihom. Hija għaldaqstant ir-riċezzjoni effettiva tal-prodotti, bħala tali, mid-destinatarju tagħhom, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-mument tal-konsenja tagħhom u mhux biss it-trasport lejn id-destinatarju tal-kontenut tagħhom, ikun xi jkun.

    L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva hija parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Moviment ta’ Prodotti bid-Dazju taħt Sospensjoni tad-Dazju tas-Sisa”. Fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jidhru dawk tal-Artikolu 19(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, skont liema d-destinatarju għandu jagħti l-kunsens għal kwalunkwe verifika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jissodisfaw ruħhom li l-prodotti kkonċernati ġew effettivament riċevuti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jagħmel din ir-riċezzjoni effettiva tal-prodotti l-element determinanti tal-kundizzjonijiet li fihom il-moviment ta’ dawn il-prodotti li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għandha tiġi evalwata matul il-konsenja tagħhom. L-ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi kapitolu ma tissuġġerixxi interpretazzjoni differenti.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118, billi jispeċifikaw meta jintemm il-moviment tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, huma intiżi li jiddefinixxu l-mument fejn tali prodotti huma meqjusa irrilaxxati għall-konsum u li jiġi ddeterminat, konsegwentement, il-mument fejn it-taxxa fuq dawn il-prodotti ssir eżiġibbli.

    Barra dan, id-dazju tas-sisa li jikkostitwixxi taxxa fuq il-konsum, kif tistabbilixxi l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118, ibbażata fuq il-kwantità ta’ prodotti offerti għall-konsum, il-mument ta’ eżiġibbiltà ta’ din it-taxxa għandu jiġi stabbilit b’mod li tista’ titkejjel eżattament il-kwantità ta’ prodotti kkonċernati.

    (ara punti 29-32, 35 u d-dispożittiv 1)

  3.  Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 7(2)(a) u 10(2) tad-Direttiva 2008/118 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sitwazzjonijiet li jirregolaw jeskludu s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, u li ċ-ċirkustanza jekk dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118 ma ssemmix espliċitament li l-irregolarità li tirregola din id-dispożizzjoni tad-direttiva għandha tkun suġġetta għar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti kkonċernati, ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali meta jiġu kkonstatati nuqqasijiet, li jimplikaw neċessarjament dan ir-rilaxx għall-konsum.

    Fil-fatt, l-Artikoli 10(2) u 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118 jirrigwardaw il-każ ta’ irregolarità skoperta matul moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, tkun irriżultat f’rilaxx għall-konsum permezz ta’ tluq mill-arranġament. Għalhekk, dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118, bħala prinċipju ma tistax tipprevedi li tali irregolarità titqies li twettqet fl-Istat Membru u fil-mument fejn hija tkun ġiet skoperta, mingħajr ma din il-preżunzjoni tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li din l-irregolarità rriżultat mir-rilaxx għall-konsum tal-prodotti kkonċernati.

    Il-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet fil-mument tal-konsenja ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tirrivela sitwazzjoni neċessarjament fil-passat li matulha l-prodotti nieqsa ma kinux ikkonsenjati u li għalhekk, il-moviment tagħhom ma ntemmx konformement mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118. Din is-sitwazzjoni konsegwentement tikkostitwixxi irregolarità skont l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva. Irregolarità ta’ din in-natura tirriżulta neċessarjament fi tluq mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, konsegwentement, f’rilaxx għall-konsum kif preżunt fl-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-irregolarità li jirregola l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118 tirrigwarda sitwazzjoni li mhux dik imsemmija fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri dik tal-“qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa”. Għaldaqstant jekk tinġieb il-prova ta’ din il-qerda totali jew ta’ telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, ma jistax ikun hemm, f’din is-sitwazzjoni, rilaxx għall-konsum skont l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118, lanqas, konsegwentement, applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu dawk imsemmija fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva.

    (ara punti 38, 39, 43, 45-47 u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2008/118 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika mhux biss meta l-kwantitajiet kollha ta’ prodotti li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom, iżda wkoll fil-każ fejn parti biss minn dawn il-prodotti ma tkunx waslet fid-destinazzjoni.

    Fil-fatt, il-kliem stess tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2008/118 ma jirriżervax b’ebda mod l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss għall-każ fejn il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom. L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2008/118 jidħol għalhekk f’kuntest li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżamina is-sitwazzjonijiet kollha ta’ irregolarità, inklużi, għalhekk, dawk li jirrigwardaw parti biss mill-moviment.

    (ara punti 50, 52, 54 u d-dispożittiv 3)