SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni — Direttiva 2010/64/UE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ “proċeduri kriminali” — Proċeduri previsti minn Stat Membru, intiżi għar-rikonoxximent ta’ sentenza f’materji kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u għar-reġistrazzjoni ta’ rekord kriminali tal-kundanna mogħtija minn din il-qorti — Spejjeż marbuta mat-traduzzjoni ta’ din is-sentenza — Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI — Deċiżjoni 2009/316/ĠAI”
Fil-Kawża C-25/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-agglomerazzjoni, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura kontra
István Balogh,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala l-Imħallef tal-Ħames Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard u F. Zeder u B. Trefil, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos u R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-agglomerazzjoni, l-Ungerija) għall-finijiet tar-rikonoxximent fl-Ungerija tal-effetti ta’ sentenza definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lil I. Balogh għal piena ta’ priġunerija minħabba reat kriminali kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI
3 |
Il-premessi 2, 3, 5 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, p. 23), jistabbilixxu:
[...]
[...]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li jiddefinixxi l-għan ta’ din id-deċiżjoni: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa:
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna”, jipprovdi: “[...] 2. L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali. [...] 3. L-informazzjoni dwar tibdil jew tħassir sussegwenti ta’ informazzjoni li tkun tinsab fir-rekords kriminali għandha tiġi trasmessa minnufih mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna. 4. Kwalunkwe Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta’ din tal-aħħar f’każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista’ tkkunsidra jekk dawn jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.” |
6 |
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha konformement mal-Artikolu 11(1) u (2), taħżen l-informazzjoni kollha trasmessa taħt l-Artikolu 4(2) u (3), sabiex tkun tista’ tittrasmettiha mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.” |
7 |
L-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Format u modi oħra ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambji ta’ informazzjoni dwar kundanni”, jipprovdi: “1. Meta tiġi trasmessa informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3), l-awtorità ċentrali tal-Istat li jikkundanna għandha tittrasmetti l-informazzjoni li ġejja:
Barra minn dan, l-awtorità ċentrali tista’ tittrasmetti kwalunkwe informazzjoni oħra dwar kundanni jekk reġistrati fir-rekord kriminali. 2. L-awtorità ċentrali tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha taħżen l-informazzjoni kollha tat-tipi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, li hija rċeviet konformement mal-Artikolu 5(1) għall-iskop ta’ trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7. Għall-istess skop hija tista’ taħżen l-informazzjoni tat-tipi elenkati fil-paragrafu (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1. 3. [...] Ladarba tkun skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jittramettu tali informazzjoni elettronikament bl-użu ta’ format standardizzat. 4. Il-format imsemmi fil-paragrafu 3 u kwalunkwe mezz ieħor ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar kundanni bejn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill [...] Tali mezzi oħrajn jinkludu:
[...]” |
Id-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI
8 |
Il-premessi 2, 6 u 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, p. 33), jistabbilixxu:
[...]
[...]
|
9 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/316, jiddefinixxi l-għan tagħha: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS). Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll l-elementi ta’ format standard għall-iskambju elettroniku, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jkun wassal għall-kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna [...]” |
10 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru. Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
[...]” |
11 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Il-format tat-trasmissjoni tal-informazzjoni”, jipprovdi: “1. Meta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas [2009/315/ĠAI], relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A. [...] L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ kompletezza u l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-reat u, fejn applikabbli, dwar l-eżistenza ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mir-responsabbiltà kriminali jew dwar reċidiva. 2. Meta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas [2009/315/ĠAI] relattivament għall-kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. [...] L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn applikabbli, informazzjoni disponibbli relatata man-natura u/jew il-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena jew miżura imposta kif previst fil-parametri tal-Anness B. [...]” |
Id-Direttiva 2010/64
12 |
Il-premessi 14, 17 u 22 tad-Direttiva 2010/64 jistabbilixxu:
[...]
[...]
|
13 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. 2. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.” |
14 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti. 2. Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.” |
15 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jilħqu l-ispejjeż [...] tat-traduzzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni [tal-Artikoli] 3, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.” |
Id-dritt Ungeriż
16 |
L-Artikolu 46(1a) tal-a nemzetközi bűnügyi jogsegélyről szóló 1996. évi XXXVIII. törvény (liġi Nru XXXVIII tal-1996 dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, iktar 'il quddiem il-“liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali”) jistabbilixxi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni materjali u territorjali għall-proċedura speċjali intiża għar-rikonoxximent tal-effikaċja ta’ sentenza barranija hija dik tad-domiċilju jew tar-residenza tal-persuna akkużata. Skont l-Artikolu 46(3) ta’ din il-liġi, il-proċedura applikabbli hija redatta minn regoli ġenerali tal-a büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. törvény (liġi Nru XIX tal-1998 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura kriminali, iktar 'il quddiem il-“kodiċi tal-proċedura kriminali”) dwar il-proċeduri speċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
17 |
L-Artikolu 9(1) tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali jipprovdi li l-lingwa tal-proċedura kriminali hija l-Ungeriż. |
18 |
Skont l-Artikolu 339(1) ta’ dan il-kodiċi, l-Istat għandu jbati l-ispejjeż li ma għandhiex issostni l-persuna akkużata. Din tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 338(1) tal-imsemmi kodiċi, hija kkundannata tbati l-ispejjeż jekk din tkun tinstab ħatja jew jekk ir-responsabbiltà tagħha tkun stabbilita minħabba li hija tkun wettqet ksur ta’ regola. |
19 |
L-Artikolu 555(2)(j) tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali jipprevedi li, fil-kuntest tal-proċeduri speċjali, l-ispejjeż huma imposti fuq il-persuna akkużata meta din tkun ġiet ikkundannata għall-ispejjeż fil-proċeduri prinċipali. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 |
Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, li saret definittiva fit-8 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena, il-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija) ikkundannat lil I. Balogh, ċittadin Ungeriż, għal piena ta’ priġunerija minħabba serq aggravat bi żgass, imwettaq sabiex jinkiseb qligħ regolari, kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri. L-awtoritajiet kompetenti Awstrijaċi informaw lill-Igazságügyi Minisztérium Nemzetközi Büntetőjogi Osztálya (dipartiment tad-dritt kriminali internazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ungerija, iktar 'il quddiem id-“dipartiment”) bil-kontenut ta’ din is-sentenza, li huma sussegwentement bagħtu fuq talba tiegħu. |
21 |
Id-dipartiment ittrażmetta l-imsemmija sentenza lill-qorti tar-rinviju, bħala qorti kompetenti għar-rikonoxximent tal-effikaċja ta’ dik is-sentenza fl-Ungerija, konformement mal-proċedura speċjali prevista mil-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali msemmija fil-punt 16 ta’ din is‑sentenza. Din il-proċedura speċjali, li ma timplika la l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti jew tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkundannata, u lanqas ma timplika kundanna ġdida, għandha bħala għan uniku li tirrikonoxxi lis-sentenza barranija l-istess valur daqs li kieku ngħatat minn qorti Ungeriża, u hija indispensabbli għal dan il-għan. |
22 |
Peress li s-sentenza inkwistjoni kienet redatta bil-Ġermaniż, il-qorti tar-rinviju għandha, konformement mal-imsemmija proċedura speċjali, tiżgura t-traduzzjoni tagħha fil-lingwa tal-proċedura, li, f’dan il-każ, hija l-Ungeriż. |
23 |
Skont b’mod partikolari l-Artikolu 555(2)(j) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, applikabbli għall-proċedura kkonċernata skont l-Artikolu 46(3) tal-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, kif ukoll l-Artikolu 338(1) ta’ dan il-kodiċi, il-persuna kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura prinċipali hija obbligata tbati l-ispejjeż relatati mal-proċeduri speċjali. |
24 |
Madankollu jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li żviluppaw fl-Ungerija żewġ prattiki ġudizzjarji differenti għal dak li jirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
25 |
Għalhekk, minn naħa, ġie kkunsidrat li d-Direttiva 2010/64, li tipprovdi għal traduzzjoni b’xejn, tirrendi inapplikabbli d-dispożizzjoni speċjali tad-dritt Ungeriż, li għalhekk għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni ta’ karattru ġenerali prevista fl-Artikolu 9 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali, skont liema persuna akkużata ta’ nazzjonalità Ungeriża għandha d-dritt tuża l-lingwa materna tagħha. Minn dan isegwi li l-Istat għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż għat-traduzzjoni tas-sentenza barranija, skont l-Artikolu 339(1) ta’ dan il-kodiċi. |
26 |
Min-naħa l-oħra, ġie wkoll ikkunsidrat li l-proċedura prinċipali, li ngħalqet b’sentenza li tikkundanna lill-persuna akkużata, hija distinta mill-proċedura speċjali, li tippreżenta karattru aċċessorju, li għandha l-għan ta’ rikonoxximent tal-effetti ta’ din is-sentenza fl-Ungerija. Konsegwentement, għalkemm il-persuna akkużata għandha tibbenefika mill-għajnuna lingwistika b’xejn fil-kuntest tal-proċedura prinċipali peress li ma tifhimx il-lingwa li tintuża f’din il-proċedura, l-istess ma jgħoddx, fil-kuntest ta’ proċedura aċċessorja, għat-traduzzjoni fil-lingwa ta’ din il-proċedura, li l-persuna kkonċernata tifhem, ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, peress li din it-traduzzjoni kienet neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija proċedura u mhux għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkundannata. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-agglomerazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64[...] li tgħid li ‘[d]in id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew’, għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti Ungeriża għandha l-obbligu li tapplika din id-direttiva fil-kuntest, ukoll, ta’ proċedura speċjali [Kapitolu XXIX [tal-kodiċi tal-proċedura kriminali]]; fi kliem ieħor, għandu jitqies li l-‘proċedimenti kriminali’ msemmija minn din id-dispożizzjoni jinkludu l-proċeduri speċjali, bħal dawk previsti mid-dritt Ungeriż, jew li huma jirreferu esklużivament għal proċeduri li jintemmu b’deċiżjoni definittiva dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-akkużat?” |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, sabiex il-qorti li għamlitilha talba għal deċiżjoni preliminari tingħata risposta utli, jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fid-domanda tagħha. Barra minn hekk, hija, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma ppreżentati quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, SICES et, C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 23, u tal-11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et, C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 37). |
29 |
Issa, kif enfasizzaw il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316. |
30 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-fajl, minn naħa, li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti informaw lid-dipartiment dwar il-kundanna imposta mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) kontra I. Balogh konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, permezz tal-ECRIS stabbilita bid-Deċiżjoni 2009/316, sabiex l-Ungerija tkun tista’ taħżen l-informazzjoni trażmessa b’dan il-mod, konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. |
31 |
Min-naħa l-oħra, id-dipartiment talab għall-komunikazzjoni tas-sentenza mogħtija minn din il-qorti lill-imsemmija awtoritajiet u, wara li dawn irċevewha, ittrażmettiha lil Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-agglomerazzjoni), konformement mal-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi rikonoxxuta fl-Ungerija u sabiex l-imsemmija kundanna tiġi rreġistrata fir-rekord kriminali Ungeriż. Fil-fatt, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-implementazzjoni ta’ din il-proċedura hija indispensabbli għal dawn il-finijiet. |
32 |
Issa, konformement mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, l-għan tagħha huwa preċiżament li tiddefinixxi, b’mod partikolari, il-metodi skont liema l-Istat Membru li jikkundanna jittrażmetti lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, sabiex din tinżamm, l-informazzjoni dwar il-kundanni imposti fit-territorju tiegħu kontra ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru, kif irreġistrata fir-rekord kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna. Barra minn hekk, l-għan tad-Deċiżjoni 2009/316 jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, sabiex jipprovdi l-elementi ta’ format standardizzat skont liema din l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-Istat Membri. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss id-Direttiva 2010/64, iżda wkoll id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 kif ukoll id-Deċiżjoni 2009/316, u li tiġi fformulata mill-ġdid, konformement ma’ dak li ntqal preċedentement, id-domanda magħmula. |
34 |
Għalhekk, din id-domanda għandha tinftiehem bħala li essenzjalment għandha l-għan tara jekk id-Direttiva 2010/64, kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura speċjali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ sentenza definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lil persuna għat-twettiq ta’ reat, bħall-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi b’mod partikolari li l-ispejjeż għat-traduzzjoni ta’ din is-sentenza huma, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-responsabbiltà ta’ din il-persuna. |
35 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Rosselle, C‑65/14, EU:C:2015:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Id-Direttiva 2010/64
36 |
Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/64, għandu, fl-ewwel lok, jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tiddefinixxi r-regoli dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dan id-dritt japplika għall-persuna kkonċernata mill-mument li fih tiġi informata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li hija ssuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna wettqitx ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell. |
37 |
Issa, proċedura speċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, isseħħ, skont id-definizzjoni, wara l-istabbiliment definittiv tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx ir-reat u, f’dan il-każ, wara l-kundanna tagħha. |
38 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, kif jistabbilixxu b’mod partikolari l-premessi 14, 17 u 22 tad-Direttiva 2010/64, dawn għandhom l-għan li jiggarantixxu lill-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, billi jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sabiex jiġi ggarantit lil dawn il-persuni l-benefiċċju ta’ proċess ekwu. Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jaraw li dawn il-persuni jkollhom, f’terminu raġonevoli, it-traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha, b’mod partikolari tas-sentenza mogħtija fir-rigward tagħhom, sabiex tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża u sabiex jiġi ggarantit il-karattru ekwu tal-proċedura. |
39 |
Issa, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li I. Balogh kiseb it-traduzzjoni tas-sentenza tal-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt), li kienet ġiet innotifikata lilu f’Awwissu 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, traduzzjoni ġdida tal-imsemmija sentenza fil-kuntest tal-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għar-rikonoxximent ta’ din is-sentenza fl-Ungerija u għar-reġistrazzjoni tal-kundanna imposta fir-rekord kriminali Ungeriż, ma kinitx neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ I. Balogh u ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/64. |
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2010/64 ma tapplikax għal proċedura speċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316
41 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u tad-Deċiżjoni 2009/316, hemm lok li jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-kontenut tal-Artikoli 4, 5 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll għal dak tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni. |
42 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 jipprovdi li l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha kemm jista’ jkun malajr tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri, kif reġistrati fir-rekord kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna. L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 11(2) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jippreċiżaw li l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taħżen l-informazzjoni rċevuta b’dan il-mod. |
43 |
Il-lista ta’ informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru li jikkundanna lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tissemma fl-Artikolu 11(1) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, liema deċiżjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għad-deċiżjoni mogħtija mill-qrati tal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati. |
44 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, din l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-Istati Membri b’mod elettroniku, skont format standardizzat. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2009/316 jispeċifikaw li l-informazzjoni dwar l-isem jew il-klassifikazzjoni legali tar-reat kif ukoll dik li tirrigwarda l-kontenut tal-kundanna tiġi trażmessa bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri permezz tal-ECRIS, taħt forma ta’ kodiċijiet li jikkorrispondu għal kull waħda mir-reati u mis-sanzjonijiet li huma s-suġġett tat-trażmissjoni. |
45 |
Ċertament, l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 jipprovdi li Stat Membru li jikkundanna għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta’ din tal-aħħar f’każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussegwenti, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista’ tkkunsidra jekk dawn il-kundanni u miżuri sussegwenti jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali. |
46 |
Madankollu, jirriżulta kemm mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-imsemmi Artikolu 4 kollu kemm hu, kif ukoll minn dik tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li t-trażmissjoni lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tas-sentenza ta’ kundanna sseħħ biss meta ċirkustanzi partikolari jirrikjeduha, u li hija ma tistax tiġi meħtieġa b’mod sistematiku għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija kundanna fir-rekord kriminali ta’ dan l-Istat Membru. |
47 |
Issa, jirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet magħmula mill-Gvern Ungeriż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija implementata b’mod sistematiku u li, f’dan il-każ, l-ebda ċirkustanza partikolari ma tiġġustifika l-fatt li tiġi applikata din il-proċedura għar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) kontra I. Balogh, u, f’dan il-kuntest, li tintalab t-trażmissjoni ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, din it-talba ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315. |
48 |
Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u mad-Deċiżjoni 2009/316, ir-reġistrazzjoni fir-rekord kriminali mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-kundanni imposti mill-qrati tal-Istat Membru li jikkundanna għandha ssir direttament abbażi tat-trażmissjoni mill-awtorità ċentrali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, permezz tal-ECRIS, tal-informazzjoni dwar dawn il-kundanni taħt il-forma ta’ kodiċijiet. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-reġistrazzjoni ma tistax tiddependi mill-implementazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ rikonoxximent ġudizzjarju tal-imsemmija kundanni, bħall-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lanqas a fortiori mill-komunikazzjoni lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tas-sentenza ta’ kundanna għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent. |
50 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u mid-Deċiżjoni 2009/316. |
51 |
Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 3, 5 u 17 ta’ din id-deċiżjoni qafas, kif ukoll mill-premessi 2, 6 u 12 ta’ din id-deċiżjoni, li s-sistema ta’ skambji ta’ informazzjoni stabbilita mill-imsemmija Deċiżjoni qafas u deċiżjoni għandha bħala għanijiet, sabiex tiffaċilita l-assistenza legali reċiproka u tiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li tissemplifika l-proċeduri ta’ trasferiment ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, li ttejjeb u li tirrazzjonalizza l-iskambji ta’ informazzjoni estratti mir-rekords kriminali bejn dawn tal-aħħar u li tirrafforza l-effiċjenza ta’ dawn l-iskambji billi tagħmel użu mill-ħolqien ta’ format Ewropew standardizzat li jippermetti t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni taħt forma omoġenja, informata, li tinftiehem u faċilment traduċibbli mill-mekkaniżmi awtonomi, permezz tal-għajnuna ta’ formuli tipiċi u ta’ kodiċijiet. |
52 |
Għalhekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316 għandhom l-għan li jimplementaw sistema rapida u effiċjenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali stabbiliti fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni. |
53 |
Issa, proċedura ta’ rikonoxximent tas-sentenzi ta’ kundanna mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kundanni fir-rekord kriminali, li tippreżumi barra minn hekk it-trażmissjoni u t-traduzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, tista’ ttawwal kunsiderevolment din ir-reġistrazzjoni, tirrendi iktar kumplessi l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, iċċaħħad mill-effettività l-mekkaniżmu tat-traduzzjoni awtonoma previst fid-Deċiżjoni 2009/316 u, b’dan il-mod, tipperikola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u minn din id-deċiżjoni. |
54 |
Barra minn hekk, u b’mod iktar ġenerali, tali proċedura tmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali previst fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuqu huma bbażati d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316. Fil-fatt, dan il-prinċipju jipprekludi milli r-rikonoxximent minn Stat Membru tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor jiġi suġġett għall-implementazzjoni, fl-ewwel minn dawn l-Istati Membri, ta’ proċedura ġudizzjarja għal dan il-għan, bħall-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
55 |
Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316 jipprekludu l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun is-segwenti:
|
Fuq l-ispejjeż
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-proċedura speċjali nazzjonali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ sentenza ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lill-persuna għat-twettiq ta’ reat. |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tali proċedura speċjali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.