KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bot

ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2017 ( 1 )

Kawżi magħquda C-680/15 u C-681/15

Asklepios Kliniken Langen-Seligenstadt GmbH (C‑680/15),

Asklepios Dienstleistungsgesellschaft mbH (C‑681/15)

vs

Ivan Felja,

Vittoria Graf

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/23/KE — Artikolu 3(1) u (3) — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi — Klawżola ta’ kuntratt tax-xogħol li tirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti fi ftehim kollettiv kif ukoll għall-emendi tagħhom li jsiru wara t-trasferiment ta’ impriża”

Saisir du texte ici

1. 

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ) u tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2. 

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn Ivan Felja u Vittoria Graf (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) minn naħa, u Asklepios Kliniken Langen-Seligenstadt GmbH u Asklepios Dienstleistungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Asklepios”) min-naħa l-oħra, fir-rigward tal‑applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv.

3. 

Wara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof (C‑499/04, EU:C:2006:168, iktar ’il quddiem is-“sentenza Werhof”), u tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et (C‑426/11, EU:C:2013:521, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alemo-Herron et”), il-kwistjoni ġenerali li din il‑kawża tqajjem hija dik dwar jekk ċessjonarju li jimpjega jistax, wara trasferiment ta’ negozju, isib ruħu obbligat li japplika l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi adottati wara dan it-trasferiment.

4. 

Il-partikolarità tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq u ta’ din il‑kawża hija li l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi għar-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn persuna li timpjega u l-impjegati tagħha hija l-frott ta’ riferiment li jkun sar mill-kuntratti ta’ xogħol għal dawn il-ftehimiet.

5. 

Il-kuntratti ta’ xogħol jistgħu għalhekk ikollhom żewġ tipi ta’ klawżoli ta’ riferiment, jew ta’ natura statika, jew ta’ natura dinamika.

6. 

Dawn il-klawżoli joperaw b’mod statiku jew dinamiku, skont jekk jirreferux biss għal ftehim kollettiv partikolari fis-seħħ jew ukoll għal bidliet futuri li jista’ jkollu dan il-ftehim.

7. 

Il-klawżoli statiċi jagħmlu għalhekk riferiment għal ftehim kollettiv speċifiku, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tat-trasferiment biss.

8. 

Għall-kuntrarju, meta jintegraw klawżola dinamika f’kuntratt tax-xogħol, il-partijiet f’dan il-kuntratt jaqblu li ċerti dispożizzjonijiet ratione materiae tar-relazzjoni tax-xogħol li jeżistu bejniethom għandhom jirriżultaw b’mod dinamiku minn kuntest ġuridiku estern u għandhom ikomplu jiżviluppaw. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli jikkorrispondu għalhekk għal ftehimiet kollettivi li jiġu perjodikament innegozjati mill-organizzazzjonijiet kompetenti.

9. 

L-integrazzjoni fil-kuntratti ta’ xogħol ta’ dan it-tip ta’ klawżola hija dovuta, fil-kuntest tad-dritt Ġermaniż, għall-ħsieb li jiġu żgurati drittijiet għall-impjegati, irrispettivament minn jekk jappartjenux għal sindakat jew le.

10. 

Dawn il-klawżoli ta’ riferiment għalhekk jippermettu lill-persuni li jimpjegaw li jiffurmaw parti minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat ftehim kollettiv ta’ fergħa li tapplika dan tal-aħħar anki għall-impjegati li ma jiffurmawx parti minn sindakat.

11. 

Dawn il-klawżoli ta’ riferiment jippermettu wkoll lill-persuni li jimpjegaw li ma jiffurmawx parti minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat ftehim kollettiv li japplikawh b’mod volontarju għall-impjegati (kemm jekk jiffurmaw parti minn sindakat u kemm jekk le).

12. 

Huwa dan l-aħħar tip ta’ sitwazzjoni li huwa inkwistjoni f’din il-kawża: ċedent li ma jiffurmax parti minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat ftehim kollettiv għażel li jintegra fil‑kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati tiegħu klawżola ta’ riferiment għal dan il-ftehim kollettiv. Din il-klawżola ta’ riferiment għandha natura dinamika, peress li tkopri l-bidliet futuri tal-imsemmi ftehim kollettiv.

13. 

Wara t-trasferiment tan-negozju taċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jikkunsidra li ma huwiex obbligat japplika l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw mill-emendi tal-ftehim kollettiv li saru wara t-trasferiment.

14. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk, f’tali ċirkustanzi, id-Direttiva 2001/23 tipprekludix in-natura dinamika tal-klawżola ta’ riferiment. Fi kliem ieħor, din id-direttiva tipprekludi li ċ-ċessjonarju jkun obbligat li japplika l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw mill-bidliet futuri tal-ftehim kollettiv li għalih jirreferu l-kuntratti ta’ xogħol?

15. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħti risposta affermattiva għal din id-domanda.

I – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

16.

L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23, li tissostitwixxi u tikkodifika d-Direttiva 77/187/KEE ( 3 ), jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.”

17.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

[…]

3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it‑trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

[…]”

18.

Fl-Artikolu 8, l-imsemmija direttiva tipprevedi li:

“Din id-Direttiva ma’ għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

B –   Id-dritt Ġermaniż

19.

Fil-Ġermanja, id-drittijiet u l-obbligi f’każ ta’ trasferiment ta’ negozju huma rregolati bl-Artikolu 613a tal‑Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi s-segwenti:

“Meta negozju jew parti minn negozju jiġi ttrasferit permezz ta’ att ġuridiku lil sid ieħor, dan tal-aħħar huwa ssurrogat fid-drittijiet u fl‑obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol fis-seħħ fil-mument tat‑trasferiment. Jekk dawn id-drittijiet u l-obbligi huma rregolati mir‑regoli ġuridiċi ta’ ftehim kollettiv jew minn ftehim ta’ negozju, dawn isiru parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol bejn il-proprjetarju l-ġdid u l‑ħaddiem u ma jistgħux jiġu emendati b’detriment għal dan tal-aħħar qabel ma tiskadi sena mid-data tat-trasferiment. It-tieni sentenza ma tapplikax meta d-drittijiet u obbligi tal-proprjetarju l-ġdid huma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv ieħor jew minn ftehim ta’ impriża ieħor. Dawn id-drittijiet u obbligi jistgħu jiġu emendati qabel it‑terminu ta’ sena msemmi fit-tieni sentenza jekk il-ftehim kollettiv jew il-ftehim ta’ impriża ma għadhomx fis-seħħ jew fin-nuqqas ta’ obbligu reċiproku li jikkonformaw ruħhom ma’ ftehim ieħor kollettiv li l-applikazzjoni tiegħu hija miftiehma bejn il-proprjetarju l-ġdid u l-ħaddiem.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.

Ir-rikorrenti huma impjegati fl-isptar ta’ Dreieich-Lange (il-Ġermanja) bħala impjegat domestiku/ġardinar mis-sena 1978 u bħala assistent tal-kura mis-sena 1986 rispettivament. Wara ċ-ċessjoni, fl-1995, tal-isptar mid-distrett ta’ Offenbach (il-Ġermanja), organizzazzjoni territorjali komunali, lil GmbH (kumpannija b’responsabbiltà limitata) li saret bis-saħħa tad-dritt privat, il-parti tan-negozju li fiha huma impjegati r-rikorrenti ġiet ittrasferita fl‑1997 lill-impriża KLS Facility Management GmbH (iktar ’il quddiem “KLS FM”).

21.

KLS FM, li ma tappartjeni lil ebda organizzazzjoni ta’ min jimpjega, ftehmet permezz ta’ kuntratt individwali mar-rikorrenti li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom kienet ser tiġi rregolata, bħalma kien il-każ qabel it-trasferiment, mill-Bundesmanteltarifvertrag für Arbeiter gemeindlicher Verwaltungen und Betriebe (ftehim kollettiv federali tal‑ħaddiema ta’ amministrazzjonijiet u negozji, iktar ’il quddiem il‑“BMT‑G II”) u bil-ftehimiet kollettivi li jissupplimentawha, jemendawha jew jissostitwixxuha.

22.

Sussegwentement, KLS FM ġiet integrata fil-grupp Asklepios. Dan jiġbor fih numru ta’ impriżi tas-settur tal-isptarijiet.

23.

Fl-1 ta’ Lulju 2008, il-parti tan-negozju li fiha huma impjegati r-rikorrenti ġiet ittrasferita minn KLS FM lil kumpannija oħra tal-grupp, jiġifieri Asklepios. Lanqas din ma kienet, la dakinhar, u lanqas fil‑ġurnata ta’ llum, marbuta, bħala membru ta’ organizzazzjoni ta’ min jimpjega, mal-BMT-G II u lanqas mat-Tarifvertrag für den öffentlichen Dienst (ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku, iktar ’il quddiem it‑”TVöD”) li ssostitwixxiha b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2005, u lanqas mat‑Tarifvertrag zur Überleitung der Beschäftigten der kommunalen Arbeitgeber in den TVöD und zur Regelung des Übergangsrechts (ftehim kollettiv rappreżentattiv miftiehem f’dan ir-rigward, iktar ’il quddiem it‑“TVÜ-VKA”).

24.

Ir-rikorrenti talbu lill-qrati sabiex jikkonstataw li d‑dispożizzjonijiet tat-TVöD u tal-ftehimiet kollettivi li kienu jissupplimentawha u dawk tat-TVÜ-VKA japplikaw għar-relazzjoni tax-xogħol fil-verżjonijiet tagħhom fis-seħħ rispettivament, jiġifieri b’mod dinamiku.

25.

Asklepios sostniet li d-Direttiva 2001/23 u l-Artikolu 16 tal-Karta jipprekludu l-effett ġuridiku, previst mid-dritt nazzjonali, ta’ applikazzjoni dinamika tar-regoli tal-ftehimiet kollettivi tas-servizz pubbliku li għalihom jagħmel riferiment il-kuntratt tax-xogħol. Dan iwassal, fl-opinjoni tagħha, wara t-trasferiment, għal applikazzjoni statika biss tal-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma fil-kuntratt tax-xogħol u bbażata fuq ftehimiet kollettivi ċċitati f’dan il-kuntratt fir-rigward tar-relazzjoni tax-xogħol.

26.

Il-qrati inferjuri laqgħu r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti.

27.

Il-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja), li huwa adit b’rikors għal Reviżjoni, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq id-domandi segwenti:

“I

1.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/23] jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà f’kuntratt ta’ xogħol individwali, bejn iċ‑ċedent u l-ħaddiem huma ttrasferiti mingħajr ebda bidla liċ-ċessjonarju bħallikieku dan tal-aħħar kien ftiehem huwa stess mal-ħaddiem f’kuntratt individwali, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi, favur iċ-ċessjonarju, possibbiltajiet ta’ adattament kemm kunsenswali kif ukoll unilaterali?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, b’mod ġenerali jew għal grupp ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħol individwali bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem:

Mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23/KE jirriżulta li ċerti kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol, miftiehma skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem, għandhom jiġu esklużi mit-trasferiment liċ-ċessjonarju mwettaq mingħajr ebda bidla u għandhom jiġu adattati sempliċiment minħabba t-trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju?

3.

Jekk, skont ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat‑tieni domanda, ma hemmx trasferiment mingħajr ebda bidla ta’ klawżola ta’ riferiment miftiehma f’kuntratt ta’ xogħol individwali, li abbażi tagħha ċerti regoli ta’ ftehim kollettiv huma inkorporati b’mod dinamiku fil-kuntratt ta’ xogħol skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal‑volontà:

a)

dan japplika wkoll fil-każ fejn la ċ-ċedent u lanqas iċ-ċessjonarju ma huma partijiet direttament jew indirettament fi ftehim kollettiv, jiġifieri jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv ma jkunux fi kwalsiasi każ ġew applikati, qabel it-trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, għar-relazzjoni ta’ xogħol maċ-ċedent fl-assenza ta’ klawżola ta’ riferiment stipulata fil-kuntratt ta’ xogħol skont il‑prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

dan japplika wkoll jekk iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma impriżi tal-istess grupp?

II.

L-Artikolu 16 [tal-Karta] jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, li timplementa d-[Direttivi 77/187] jew [2001/23], li tipprevedi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, iċ-ċessjonarju huma marbut ukoll bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol miftiehma f’kuntratt individwali bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà qabel it-trasferiment ta’ negozju, bħallikieku ċ-ċessjonarju kien ftiehem dwarhom huwa stess, meta dawn il-kundizzjonijiet jinkorporaw b’mod dinamiku fil-kuntratt ta’ xogħol dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ftehim kollettiv mhux applikabbli b’mod ieħor għar‑relazzjoni ta’ xogħol, sa fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi possibbiltajiet ta’ adattament kemm kunsenswali kif ukoll unilaterali?”

III – Analiżi tiegħi

28.

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, moqri fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ negozju, iż-żamma tad-drittijiet u obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt tax-xogħol testendi għall-klawżola ta’ tali kuntratt li jirreferi, b’mod dinamiku, għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol previsti minn ftehim kollettiv, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi, favur iċ-ċessjonarju, possibbiltajiet ta’ aġġustament kemm kunsenswali kif ukoll unilaterali. Il‑qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li minn naħa, la ċ-ċedent u lanqas iċ-ċessjonarju ma huma parti direttament jew indirettament mill‑ftehim kollettiv inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma impriżi tal-istess grupp.

A –   Osservazzjonijiet preliminari

29.

Preliminarjament, jidhirli li huwa neċessarju li jsir riferiment għaż-żewġ preċedenti li jikkostitwixxu s-sentenzi Werhof u Alemo‑Herron et.

1. Is-sentenza Werhof

30.

Din il-kawża oriġinat minn kuntratt tax-xogħol li, fir-rigward tal-iżvilupp tas-salarji, kien jirreferi għal ftehim kollettiv fis-seħħ, innegozjat u ffirmat minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li kienet tifforma parti minnha l-impriża ċedenti, iżda mhux iċ-ċessjonarju. Il‑klawżola kuntrattwali inkwistjoni f’din il-kawża kienet ta’ natura statika, li tfisser li kienet tirreferi għal ftehim kollettiv speċifiku fis-seħħ, u mhux għall-ftehimiet kollettivi li ġew warajh sussegwentement.

31.

Wara t-trasferiment tal-parti tan-negozju li fiha kien jaħdem H. Werhof, kien ġie konkluż ftehim kollettiv ieħor. Peress li dan tal-aħħar kien jipprevedi żieda fis-salarju, H. Werhof kien talab li l-persuna li timpjegah tiġi kkunsidrata bħala obbligata li tapplika fil-konfront tiegħu din iż-żieda fis-salarju.

32.

Huwa kien sostna b’hekk li, meta l-kuntratt tax-xogħol individwali jinkludi klawżola li tirreferi għall-ftehimiet kollettivi konklużi f’fergħa partikolari, din il-klawżola neċessarjament għandha natura “dinamika” u tirreferi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, li jikkorrispondi għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, għall-ftehimiet kollettivi konklużi wara d-data tat-trasferiment tal-impriża.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx dan l-argument. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li, meta l-kuntratt tax-xogħol jirreferi għal ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, iċ-ċessjonarju, li ma huwiex parti minn tali ftehim, ma jkunx marbut bi ftehimiet kollettivi sussegwenti għal dak li kien fis-seħħ fil-mument ta’ trasferiment ta’ negozju.

34.

Sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-argument segwenti.

35.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li klawżola kuntrattwali ta’ riferiment bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża hija msemmija fl‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187. Minn dan jirriżulta li, skont din id-direttiva, “id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt tax-xogħol jiġu awtomatikament ittrasferiti lill-proprjetarju l-ġdid, anki jekk […] dan ta’ l-aħħar ma jkunx parti fil-ftehim kollettiv. Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv ikomplu jorbtu lill-proprjetarju l-ġdid wara t-trasferiment ta’ l-impriża” ( 4 ).

36.

Għalhekk huwa ċar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv li għalih tirreferi klawżola li tinsab f’kuntratt tax-xogħol jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.

37.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad kellha tistabbilixxi jekk, fid-dawl tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 77/187, dan it-tip ta’ klawżoli għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċedent fil-mument tat-trasferiment jew, b’mod iktar wiesa’, għall-bidliet futuri ta’ dan il-ftehim.

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tkompli tistabbilixxi iktar regoli li, kif ser naraw, jirriżultaw kompletament rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax‑Xogħol) fil-kuntest ta’ din il-kawża.

39.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li, “[f]’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv ma jistax ikollha portata aktar wiesgħa minn dik tal-ftehim li għalih hija tirreferi. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva li jillimita l-prinċipju ta’ l‑applikabbiltà ta’ [dan] il-ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta’ impjieg” ( 5 ).

40.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi r-regola li, meta klawżola kuntrattwali li tirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol prevista fi ftehim kollettiv titqiegħed inkwistjoni, għalkemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 jikkostitwixxi tassew il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi liċ-ċessjonarju, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 3(2) ta’ din l-istess direttiva, li jikkorrispondi għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23. F’dan ir‑rigward infakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi ż-żamma temporanja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn ftehim kollettiv f’każ ta’ trasferiment ta’ negozju.

41.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta, abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, minn naħa, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol irregolati minn ftehim kollettiv “jinżammu biss sad-data tar-rexissjoni jew ta’ l-iskadenza tiegħu, jew sad-dħul fis‑seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor. Għalhekk, bl-ebda mod ma jirriżulta [minn din id-direttiva] li l-leġiżlatur [tal-Unjoni] kellu l‑intenzjoni li jorbot liċ-ċessjonarju bi ftehim kollettiv ieħor barra minn dak fis-seħħ meta sar it-trasferiment u, konsegwentement, jimponi emendi oħra għall-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg bl-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ġdid konkluż wara t-trasferiment.” ( 6 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “[t]ali kunsiderazzjoni hija wkoll konformi ma’ l-għan ta’ l-imsemmija Direttiva, li tillimita ruħha li żżomm id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-impjegati li jkunu fis-seħħ fil-ġurnata tat-trasferiment. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva [77/187] ma kinitx maħsuba sabiex tipproteġi sempliċi aspettattivi u, għaldaqstant, il‑benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv” ( 7 ).

43.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, kif issemma fit-termini stess tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, “l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu ta’ żamma tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu ma jkunx anqas minn sena” ( 8 ).

44.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “għalkemm, konformement ma’ l-għan tad-Direttiva, għandhom jiġu protetti l‑interessi ta’ l-impjegati kkonċernati mit-trasferiment, madankollu ma jistgħux jiġu mxekkla dawk taċ-ċessjonarju, li għandu jkun fil-pożizzjoni li jagħmel l-aġġustamenti u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija ta’ l‑attività tiegħu” ( 9 ).

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfrontat it-talba tar-rikorrent, intiża sabiex il-klawżola kuntrattwali tiġi interpretata b’mod dinamiku, flimkien mal-libertà ta’ assoċjazzjoni taċ-ċessjonarju.

46.

F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-interpretazzjoni ‘statika’ ta’ l-imsemmija klawżola […] tippermetti li jiġi evitat li ċ‑ċessjonarju, li ma jkunx parti fil-ftehim kollettiv, ikun marbut bit‑tibdiliet futuri ta’ dan ta’ l-aħħar. Id-dritt tiegħu li ma jisseħibx ma sindakat huwa għalhekk iggarantit” ( 10 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, “l‑applikant ma jistax isostni li klawżola li tidher f’kuntratt ta’ impjieg individwali u li tirreferi għall-ftehim kollettiv konkluż f’qasam determinat neċessarjament għandha natura ‘dinamika’ u tirreferi, bissaħħa ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, [77/187] għall-ftehim kollettiv konkluż wara d-data tat-trasferiment ta’ l-impriża” ( 11 ).

47.

Huwa abbażi ta’ dan ir-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja wasslet għas-soluzzjoni msemmija fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

48.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kuntest li fih saritilha d-domanda, ma waslitx sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 3 tad‑Direttiva 77/187 kien jipprekludi li ftehimiet kollettivi sussegwenti għat-trasferiment ta’ negozju jistgħu jiġu kkontestati miċ-ċessjonarju, ir-raġunament li hija żviluppat għandu ż-żerriegħa ta’ din is-soluzzjoni, li barra minn hekk ġie użat numru ta’ snin wara fis-sentenza Alemo‑Herron et. Madankollu, ser naraw li sabiex waslet għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja żviluppat raġunament differenti.

2. Is-sentenza Alemo‑Herron et

49.

Din il-kawża oriġinat meta wieħed mill-kunsilli muniċipali ta’ Londra ttrasferixxa d-dipartiment “divertiment” tiegħu lil impriża tas-settur privat, u l-impjegati li kienu jaħdmu f’dak id-dipartiment saru membri tal-persunal tagħha. Din l-impriża, min-naħa tagħha, ittrasferixxiet l‑imsemmi negozju lil impriża oħra fis-settur privat.

50.

Fiż-żmien meta d-dipartiment “divertiment” kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-settur pubbliku, il-ħaddiema ta’ dan is-servizz kienu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol innegozjati perjodikament fi ħdan in-NJC, li huwa organu ta’ nnegozjar kollettiv fis‑settur pubbliku lokali. L-issuġġettar għall-ftehimiet innegozjati fi ħdan in-NJC ma kienx jirriżulta mil-liġi, iżda minn klawżola kuntrattwali prevista fil-kuntratt tax-xogħol.

51.

Wara t-trasferiment tan-negozju, ġie konkluż ftehim ġdid fi ħdan in-NJC. L-impriża ċessjonarja kkunsidrat li, peress li sar wara t‑trasferiment, dan il-ftehim il-ġdid ma kienx vinkolanti fuqha u, konsegwentement, irrifjutat li tapplika fil-konfront tal-ħaddiema ż-żieda fis-salarju li kienet tirriżulta minnu, minħabba li l-ftehim kien ġie konkluż wara t-trasferiment.

52.

Adita sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fil-kuntest tal-kawża bejn il-ħaddiema u l-impriża ċessjonarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprovdi, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment huma infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju, meta dan tal-aħħar ma jkollux il-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess ta’ nnegozjar ta’ tali ftehimiet kollettivi konklużi wara t-trasferiment.

53.

Sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li mis-sentenza tagħha Werhof kien jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fejn kuntratt tax-xogħol jirreferi għal ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, iċ-ċessjonarju, li ma huwiex parti għal tali ftehim, ma jkunx marbut minn ftehimiet kollettivi konklużi wara dak li kien fis-seħħ meta sar it-trasferiment tal-impriża.

54.

Peress li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt nazzjonali jipprevedi klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv tkun biss ta’ natura statika, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ivverifikat jekk l-Artikolu 8 tad‑Direttiva 2001/23 setax jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-ħaddiema. F’dan ir-rigward, infakkar li din id-dispożizzjoni tispjega li din id-direttiva “m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati”. Din il-verifika kienet iġġustifikata, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-fatt li l-klawżoli ta’ riferiment dinamiċi jirriżultaw iktar favorevoli għall-ħaddiema mill-klawżoli statiċi.

55.

Sabiex tevalwa l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23 fiċ-ċirkustanzi stess ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat il-punti li ġejjin.

56.

L-ewwel nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2001/23 “ma tfittix biss li tissalvagwarda l-interessi tal-impjegati meta tiġi ttrasferita impriża, iżda tfittex ukoll li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-impjegati, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra. B’mod iktar partikolari, hija tispeċifika li ċ-ċessjonarju għandu jkun f’pożizzjoni li jagħmel l-aġġustament u t-tibdiliet meħtieġa għat‑tkomplija tal-attività tiegħu” ( 12 ).

57.

Dan ikun iktar u iktar neċessarju meta jkun hem trasferiment ta’ impriża mis-settur pubbliku għas-settur privat ( 13 ). Issa, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, “klawżola dinamika li tirreferi għal ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment tal-impriża kkonċernata, li huma intiżi sabiex jirregolaw l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku, tista’ tillimita b’mod kunsiderevoli l-marġni ta’ manuvra meħtieġ sabiex jittieħdu l-imsemmija miżuri ta’ aġġustament u ta’ tibdil minn ċessjonarju privat” ( 14 ). F’tali sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “tali klawżola tista’ tippreġudika l-bilanċ ġust bejn l-interessi taċ-ċessjonarju bħala persuna li timpjega, minn naħa, u dawk tal-impjegati, min-naħa l-oħra” ( 15 ).

58.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandha tkun konformi mal‑Artikolu 16 tal-Karta, li jiddikjara l-libertà ta’ intrapriża u li wieħed mill-komponenti tagħha hija l-libertà kuntrattwali ( 16 ).

59.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]id-dawl tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/23, jirriżulta li, bis-saħħa tal-libertà tal-intrapriża, iċ‑ċessjonarju għandu jkollu l-possibbiltà li jasserixxi l-interessi tiegħu b’mod effikaċi fi proċess kuntrattwali li jipparteċipa fih u li jinnegozja l‑elementi li jiddeterminaw l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal‑impjegati tiegħu fid-dawl tal-attività ekonomika futura tiegħu” ( 17 ).

60.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċ-ċessjonarju inkwistjoni f’din il-kawża ma kellu ebda possibbiltà li jipparteċipa fl-organu ta’ nnegozjar kollettiv, liema fatt kien iċaħħaddlu l-possibbiltà li jinvoka l-interessi tiegħu b’mod effikaċi ( 18 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-libertà kuntrattwali taċ-ċessjonarju kienet serjament imnaqqsa sal-punt li tali limitazzjoni setgħet tippreġudika s-sustanza nfisha tad-dritt tiegħu għal-libertà tal-intrapriża ( 19 ).

61.

Sa fejn “l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, moqri flimkien mal‑Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri li, filwaqt li huma iktar favorevoli għall-impjegati, jistgħu jippreġudikaw is-sustanza nfisha tad-dritt taċ-ċessjonarju għal-libertà tal-intrapriża” ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għas-soluzzjoni ċċitata fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

62.

Għalhekk minn din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, bħala regola, billi jirrikorru għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23, jagħżlu favur in-natura dinamika tal-klawżoli kuntrattwali li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi, l-implementazzjoni ta’ din il-possibbiltà hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, u b’mod speċifiku dak tal-libertà ta’ intrapriża taċ-ċessjonarju. Issa, il-libertà ta’ intrapriża taċ-ċessjonarju ma tiġix osservata meta dan ma jkollux il-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess ta’ negozjar ta’ ftehimiet kollettivi konklużi wara t-trasferiment.

B –   L-evalwazzjoni tiegħi

63.

Jiena tal-opinjoni li, sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibni r-raġunament tagħha abbażi ta’ dak li hija żviluppat fis-sentenza tagħha Werhof. Dan ikun iktar u iktar iġġustifikat inkwantu jinvolvi l-paragun, fiż-żewġ każijiet, bejn id-dritt Ġermaniż u r-regoli relatati maż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ intrapriża stipulati bid-Direttiva 2001/23. B’mod iktar fundamentali, jidhirli neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-okkażjoni li tagħti din il-kawża sabiex tikkjarifika l-mod kif l-Artikolu 3(1) u (3) u l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati.

1. Il-punt tat-tluq: il-klawżola kuntrattwali li tirreferi għal ftehim kollettiv taqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23

64.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, “[i]d-drittijiet u l‑obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”. Kif diġà spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni “tirreferi f’termini ġenerali u mingħajr ebda riżerva għad-drittijiet u obbligi hawn fuq imsemmija” ( 21 ). Konsegwentement, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li d-drittijiet u obbligi kollha huma ttrasferiti liċ-ċessjonarju, meta jirriżultaw minn kuntratt tax-xogħol konkluż bejn iċ-ċedent u l-ħaddiema kkonċernati bi trasferiment ta’ negozju.

65.

Hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża biex tippermettilhom jibqgħu fis-servizz tal-persuna l-ġdida li timpjega bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent ( 22 ).

66.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, iċ-ċessjonarju huwa ssurrogat f’dak li jirrigwarda d-drittijiet u obbligi taċ-ċedent li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol ( 23 ).

67.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli tad-Direttiva 2001/23 għandhom jiġu kkunsidrati bħala imperattivi, fis-sens li ma huwiex permess li jiġu dderogati b’mod li jkun ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema. Minn dan isegwi li l-kuntratti u r-relazzjonijiet ta’ xogħol li kienu jeżistu meta seħħ it-trasferiment ta’ impriża bejn iċ-ċedent u l-ħaddiema tal-impriża li ġiet ittrasferita jiġu awtomatikament mgħoddija miċ-ċedent liċ-ċessjonarju sempliċement minħabba l-fatt li kien hemm it-trasferiment tal-impriża ( 24 ).

68.

Skont il-Gvern Norveġiż, l-interpretazzjoni litterali u teleoloġika tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandha twassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn kuntratt tax-xogħol li bis-saħħa tiegħu l-ħaddiem u ċ-ċedent qablu li josservaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv fil-verżjoni dinamika tagħha applikabbli, kif inhu l-każ fil-kuntest ta’ din il-kawża, huma ttrasferiti liċ-ċessjonarju.

69.

L-argument li jiffavorixxi t-tkomplija tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet tax xogħol previsti minn ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment jistrieħ fuq l-idea li ċ-ċedent u l-ħaddiema volontarjament aċċettaw, billi inkludew klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv fil-kuntratt tax-xogħol tagħhom, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv jirregolaw ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Il-ħaddiem ikollu għalhekk dritt kuntrattwali rrikonoxxut sabiex jibbenefika minn kundizzjonijiet perjodikament miftiehma fuq livell kollettiv. Is-sors tal-obbligu jkun il-kuntratt tax-xogħol individwali u mhux il-ftehim kollettiv. Din il-konstatazzjoni timplika applikazzjoni pura u sempliċi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, favur it-tkomplija fis-seħħ tad-drittijiet u obbligi li jinsabu fil-kuntratt tax-xogħol. Peress li d-dritt għall-ħaddiem li jibbenefika mill-kundizzjonijiet tax-xogħol perjodikament miftiehma fuq livell kollettiv huwa infurzabbli kontra ċ-ċedent, huwa għandu, wara t-trasferiment, ikun jista’jiġi infurzat kontra ċ-ċessjonarju għaliex il-kuntratt huwa meqjus li ġie konkluż maċ-ċessjonarju sa mill-oriġini tiegħu.

70.

Madankollu nqis li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 ma jistax jinqara waħdu, iżda għandu jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

2. Il-limitu: fil-preżenza ta’ klawżola kuntrattwali li tirreferi għal ftehim kollettiv, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

71.

Infakkar li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23:

“Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena waħda.”

72.

L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/23 jippreżenta espressjoni ta’ żewġ regoli. Qabel kollox, ir-regola ġenerali li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt tax-xogħol li jeżistu fid-data ta’ trasferiment fis-sens ta’ din id-direttiva għandhom jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Sussegwentement, sa fejn iċ-ċessjonarju jibqa’ marbut bil-kundizzjonijiet miftiehma fil-kuntest ta’ ftehim kollettiv applikabbli għaċ-ċedent fid-data tat-trasferiment.

73.

Meta klawżola tal-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn iċ-ċedenti li timpjega u l-persunal tagħha tagħmel riferiment għal kundizzjonijiet tax-xogħol li huma perjodikament iddefiniti permezz ta’ negozjar kollettiv, is-sitwazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, irregolata bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 u bl-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar, b’mod konġunt.

74.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, il-klawżola ta’ kuntratt tax-xogħol li tirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv hija ttrasferita liċ-ċessjonarju minħabba t-trasferiment tan-negozju.

75.

Madankollu, sa fejn jirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv, l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva għandu jillimita l-portata tal-obbligi li jaqgħu fuq iċ-ċessjonarju skont din il-klawżola. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma biss il-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ fid-data tat-trasferiment li għandhom jinżammu miċ-ċessjonarju. Fil-fatt, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu li jiġu osservati dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol jibqa’ fis-seħħ għall-istess perijodu bħal dak li fih il-ftehim kollettiv jibqa’ huwa nnifsu fis-seħħ, jiġifieri “sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”.

76.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw il-perijodu taż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-kundizzjoni li dan ma jkunx inqas minn sena. Għandu jiġi spjegat li d-dritt Ġermaniż jistipula espressament tali limitazzjoni ratione temporis.

77.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jesprimi soluzzjoni ta’ kompromess intiża sabiex tirrikonċilja l-interessi taċ-ċessjonarju u dawk tal-ħaddiema li huma s-suġġett tat-trasferiment tan-negozju.

78.

Għandu jiġi enfasizzat li, fil-proposta ta’ direttiva, ippreżentata fid-29 ta’ Mejju 1974, il-Kummissjoni kienet diġà ħasbet fl-ipoteżi ta’ trasferiment ta’ negozju fil-kuntest fejn min qed jakkwista ma jkunx parti fil-ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent u dan il-ftehim ma jkunx ġie magħmul vinkolanti ( 25 ). Skont il-Kummissjoni, “ikun ukoll kontra l‑prinċipju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni li jiġi impost fuq il-persuna li takkwista li taderixxi kontra l-volontà tagħha ma’ ftehim kollettiv. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema ma jieqfux jibbenefikaw mill-protezzoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom previsti mill-ftehim, il-paragrafu 3 jfittex li jagħti soluzzjoni ta’ kompromess: mingħajr ma jkun marbut bil-ftehim kollettivi, il-persuna li takkwista xorta tkun obbligata tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fih, sakemm jiskadi fil-każ ta’ ftehim għal żmien determinat u sa sena fil-każ ta’ ftehim għal żmien mhux determinat” ( 26 ).

79.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 b’hekk jiżgura ekwilibriju bejn l-interessi kompetituri: minn naħa, l-impjegat għandu dritt sabiex jibbenefika mill-kundizzjonijiet speċifiċi preċedentement miftiehma maċ-ċedent, iżda, min-naħa l-oħra, iċ-ċessjonarju għandu dritt leġittimu li jkun jaf il-portata tal-obbligi futuri tiegħu, u għalhekk li ma jkunx marbut b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda ddefiniti fi tmiem ta’ proċess ta’ negozjar kollettiv li fih huwa ma jridx jew ma jistax jipparteċipa.

80.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 joffri wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà, fl-interess taċ-ċessjonarju, li jillimitaw it-tul tal-perijodu li matulu dan tal-aħħar ikun marbut bil-kundizzjonijiet ta’ xogħol previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu ma jkunx inqas minn sena. Din id-dispożizzjoni tirrifletti wkoll l-ekwilibriju mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn l-interessi rispettivi tal-ħaddiema u taċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment ta’ negozju.

81.

Jiena tal-opinjoni li l-klawżola ta’ riferiment dinamika ma tibqax tipproduċi l-effetti tagħha fil-każijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23: meta l-ftehim jiskadi, jispiċċa jew jiġi ssostitwit kif ukoll, meta l-Istat Membru jkun stipulaha, mal-iskadenza ta’ mill-inqas sena mit-trasferiment tan-negozju. Dawn il-klawżoli għalhekk ma jinkludux il-ftehimiet kollettivi konklużi wara d-data tat-trasferiment, sakemm jekk il-persuna ġdida li timpjega ma tesprimix xewqa differenti.

82.

Fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li l-problema li tqajjem il‑kawża prinċipali tinftiehem billi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jinqara b’mod iżolat. Tali qari jwassal, skont din id-dispożizzjoni, sabiex iċ-ċessjonarju jkun marbut bil-klawżoli kuntrattwali kollha li jorbtu liċ-ċedent, tkun xi tkun in-natura tagħhom. Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 ma jagħmel l-ebda distinzjoni skont il-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali, is-sitwazzjoni li fiha klawżola kuntrattwali tirreferi għal kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv tippreżenta natura partikolari. Fil-fatt, tali riferiment għall-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv jikkostitwixxi sitwazzjoni li tħallat, minn naħa, iż-żamma tad-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn kuntratt tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn ftehim kollettiv.

83.

Din is-sitwazzjoni mħallta twassalni sabiex inqis li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 ma jistax jiġi interpretat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3(3) ta’ din l-istess direttiva li jistabbilixxi n-natura provviżorja taż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv.

84.

F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-applikazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti minn ftehim kollettiv tirriżulta direttament mill-ftehim kollettiv, minħabba l-effett vinkolanti ta’ dan tal-aħħar għall-impriża jew is-settur inkwistjoni, jew b’mod indirett minn dan il-ftehim, minħabba riferiment magħmul minn klawżola ta’ kuntratt tax-xogħol.

85.

F’dan ir-rigward, għandha tissemma l-portata tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑328/13, EU:C:2014:2197, iktar ’il quddiem is-“sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund”). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt, spjegat li, “[l]-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 ma għandux l-għan li jżomm fis-seħħ ftehim kollettiv bħala tali iżda l-‘kundizzjonijiet ta’ xogħol’ li kienu ġew miftiehma minn tali ftehim.” ( 27 ). B’hekk, “[l]‑Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jeżiġi ż-żamma tal‑kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv, filwaqt li l-oriġini speċifika tal-applikazzjoni tagħhom ma hijiex determinanti” ( 28 ). Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li “li kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv jaqgħu, bħala prinċipju, taħt l‑Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, indipendentement mit-teknika użata sabiex dawn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol isiru applikabbli għall‑persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li tali kundizzjonijiet jkunu ġew miftiehma minn ftehim kollettiv u jorbtu liċ‑ċedent u lill-ħaddiema ttrasferiti” ( 29 ). Billi applikat dan ir-raġunament fil-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement minħabba li japplikaw għall-persuni kkonċernati minħabba regola taż-żamma tal-effetti ta’ ftehim kollettiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali” ( 30 ).

86.

Huwa minnu li din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda klawżola ta’ riferiment li kienet tinsab f’kuntratt tax-xogħol, iżda jiena naħseb li tista’ tiġi applikata b’analoġija fil-kuntest tal-kawża tagħna.

87.

Fil-fatt, ir-raġuni għalfejn teżisti klawżola ta’ riferiment hija sabiex ikun hemm l-istess riżultat bħallikieku l-ftehim kollettiv japplika direttament għall-impriża jew għas-settur inkwistjoni, pereżempju minħabba s-sħubija ta’ din l-impriża fl-organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat dan il-ftehim kollettiv jew inkella li dan il-ftehim kien suġġett għal dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, jiġifieri estensjoni mill-Istat tal-ftehim fir-rigward tal-persuni kollha li jimpjegaw u għalhekk tal-impjegati kollha tal-fergħa. Il-klawżola ta’ riferiment għalhekk timla wkoll il-lakuna li tirriżulta mill-fatt li l-persuna li timpjega ma hijiex marbuta bl-effett leġiżlattiv ta’ ftehim kollettiv.

88.

Il-klawżola ta’ riferiment tippermetti għalhekk lill-persuni li jimpjegaw li jiffurmaw parti minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u addottat ftehim kollettiv ta’ fergħa li tapplika dan tal-aħħar għall-impjegati li ma humiex parti minn sindakat.

89.

Din il-klawżola tippermetti wkoll lill-persuni li jimpjegaw li ma jiffurmawx parti minn organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat ftehim kollettiv, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, li japplikawha b’mod volontarju għall-impjegati (dawk li huma parti minn sindakat u dawk li ma humiex).

90.

Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, huwa intiż sabiex jirregola dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma tagħmilx differenza li ċ-ċedent ma kienx jagħmel parti mill-organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat il-ftehim kollettiv inkwistjoni.

91.

Huwa minnu li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jinżammu “skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli [fil-ftehim kollettiv] għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim”. Din id-dispożizzjoni tiżgura għalhekk li, minkejja t-trasferiment tan-negozju, il-kundizzjonijiet tax-xogħol irregolati mill-ftehim jibqgħu “konformi mar-rieda tal-partijiet kontraenti għall-ftehim kollettiv” ( 31 ). Kuntrarjament għal dak sostnut mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Norveġiż, madankollu ma naħsibx li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, kif interpretat mill-Qorti tal‑Ġustizzja, għall-applikazzjoni tiegħu jirrikjedi li ċ-ċedent jagħmel parti mill-organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat il-ftehim kollettiv inkwistjoni. Dak li huwa importanti huwa li ċ-ċedent ikun effettivament marbut b’dan il-ftehim kollettiv, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund. Il-ftehim kollettiv inkwistjoni jista’ għalhekk ikun infurzabbli fil-konfront taċ-ċedent b’mod dirett jew indirett. F’dawn iż-żewġ każijiet, iċ-ċedent, b’mod jew ieħor, esprima l-volontà tiegħu li jintrabat b’dan il-ftehim kollettiv.

92.

Barra minn hekk, inqis li jekk l-applikazzjoni tal‑Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 tkun tiddependi mill-pożizzjoni taċ-ċedent fil-konfront tal-ftehim kollettiv inkwistjoni dan iwassal għal differenza fit-trattament bejn l-impjegati meta jsir it-trasferiment tan-negozji, skont jekk iċ-ċedent ikunx jagħmel parti jew le mill-organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat dan il-ftehim kollettiv.

93.

Inżid li l-argumenti żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Werhof dwar il-qari konġunt tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187 saru b’mod ġenerali u ma jidhirlix li huma limitati għas-sitwazzjoni li fiha ċ-ċedent huwa membru ta’ organizzazzjoni ta’ min jimpjega li nnegozjat u adottat il-ftehim kollettiv inkwistjoni.

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nqis li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bis-saħħa ta’ qari konġunt tal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, il-ftehimiet kollettivi li ma kinux fis-seħħ fil-mument li fih seħħ it-trasferiment, iżda li ġew innegozjati u adottati wara t-trasferiment, ma jistgħux jorbtu liċ-ċessjonarju b’mod indefinit.

95.

Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza Werhof, l-għan tad-direttiva huwa li “tillimita ruħha li żżomm id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-impjegati li jkunu fis-seħħ fil-ġurnata tat-trasferiment” ( 32 ), u xejn iktar. B’hekk, id-Direttiva 2001/23 ma tiżgurax lill-ħaddiem li maċ-ċessjonarju ser igawdi l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk li huwa seta’ gawda, permezz tal-klawżola ta’ riferiment dinamika, li kieku baqa’ impjegat maċ-ċedent.

96.

Barra minn hekk, billi fl-istess sentenza indikat li d-direttiva “ma kinitx maħsuba sabiex tipproteġi sempliċi aspettattivi u, għaldaqstant, il-benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv” ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċertament sensittiva għan-natura inċerta u imprevedibbli tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw mill-bidliet futuri tal-ftehimiet kollettivi, u l-effetti negattivi li dan jista’ jkollu fuq iċ-ċessjonarju.

97.

Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil‑konklużjonijiet li ppreżenta fil-Kawża Werhof ( 34 ), “jekk il-ftehim kollettivi futuri jaffetwaw b’mod permanenti persuna li timpjega li hija estranja għan-negozjati tagħhom, […] dan ifisser […] li l-persuna li timpjega li ma hijiex firmatarja ta’ ftehim kollettiv issib ruħha suġġetta għal iktar obbligi minn dawk li hija kienet intrabtet għalihom: tibqa’ fl-inċertezza u esposta għar-riskju li jiddaħħlu obbligi oħra minn wara daharha”.

98.

Il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li aċċettat, f’ċertu stadju, li l-interessi taċ-ċessjonarju jirrikjedu li jkun hemm ċerti limiti għall-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema meta jiġi ttrasferit negozju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet b’mod espress għal-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, li, infakkar, jikkorrispondi mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23.

99.

Fil-punt 28 tas-sentenza Werhof, din id-dispożizzjoni hija ppreżentata bħala li “[t]illimita l-prinċipju ta’ l-applikabbiltà tal-ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta’ impjieg”. Waħda minn dawn il-limitazzjonijiet hija li “il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg irregolati minn dan il‑ftehim kollettiv jinżammu biss sad-data tar-rexissjoni jew ta’ l-iskadenza tiegħu, jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”, kif spjegat fil-punt 29 tas-sentenza.

100.

Ikun inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jkollu l-effett li jagħmel vinkolanti għaċ-ċessjonarju l-ftehimiet kollettivi adottati wara t-trasferiment, li għalihom tagħmel riferiment klawżola inkluża fil-kuntratt tax-xogħol, għaliex dan ikun qed imur lil hinn mil-limitazzjoni espressa prevista fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva.

101.

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn la ċ-ċedent u lanqas iċ-ċessjonarju ma huma parti għal ftehim kollettiv, klawżola li tirreferi għal dan il-ftehim tkun infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju biss fil-limiti previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23.

102.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandha tintuża soluzzjoni differenti meta jkun hemm trasferiment ta’ negozju fi ħdan l-istess grupp. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 77/187 hija intiża sabiex tirregola trasferiment ta’ żewġ kumpanniji sussidjarji tal-istess grupp ( 35 ). Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-klawżola ta’ riferiment ġiet inkluża fil-kuntratti ta’ xogħol minn KLS FM fi żmien meta din il-kumpannija kienet għadha ma ġietx integrata fil-grupp Asklepios. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-kontestazzjoni tan-natura dinamika ta’ din il-klawżola saret wara l-integrazzjoni ta’ KLS FM f’dan il-grupp u, b’mod iktar preċiż, meta sar it-trasferiment lil Asklepios tal-parti tan-negozju li fiha huma impjegati r-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli previsti fid-Direttiva 2001/23.

103.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Norveġiż enfasizza d-differenza tal-kuntest bejn il-kawża li tat lok għas-sentenza Werhof u din il-kawża.

104.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Werhof, kienu involuti klawżola ta’ riferiment redatta b’mod statiku u talba tal-ħaddiema sabiex din il-klawżola tiġi interpretata bħala li għandha natura dinamika. Sabiex tasal għall-konklużjoni li d-Direttiva 77/187 ma kinitx timponi n-natura dinamika tal-klawżola, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat raġunament li fih spjegat fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, flimkien mal-Artikolu 3(2) tagħha, kellu jiġi interpretat bħala li jagħti lil dan it-tip ta’ klawżoli natura statika. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat ir-raġunijiet li għalihom iċ-ċessjonarju ma setax ikun obbligat li japplika ż-żidiet fis-salarji li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi adottati wara t-trasferiment.

105.

Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżenta ruħha f’ottika opposta. Fil-fatt, il-klawżola ta’ riferiment hija redatta b’mod dinamiku. Adita b’talba tal-ħaddiema sabiex l-emendi magħmula għall-ftehim kollettiv imsemmi minn din il-klawżola, li saru wara t-trasferiment tan-negozju, ikunu infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk id-Direttiva 2001/23 tipprekludix natura dinamika tal-imsemmija klawżola.

106.

Din id-differenza ta’ kuntest bejn iż-żewġ kawżi ma għandhiex madankollu taħbi l-fatt li kull darba jkun hemm l-istess problema ġuridika, jiġifieri l-kompatibbiltà tan-natura dinamika ta’ klawżola ta’ riferiment mar-regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam tat-trasferiment tan-negozju.

107.

B’hekk, minkejja d-differenza ta’ kuntest bejn iż-żewġ kawżi, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Werhof sabiex tispjega għalfejn klawżola statika ma setgħetx, fir-rigward ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tagħha, tiġi interpretata bħala li għandha natura dinamika huma l-istess bħal dawk li għandhom, fl-opinjoni tiegħi, iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, jipprekludi, f’każ ta’ trasferiment ta’ negozju, ir-rikonoxximent tan-natura dinamika ta’ klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv.

3. Il-fakultà offruta lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema: l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23

108.

Infakkar li, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23, din “m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall- impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati”.

109.

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Alemo‑Herron et, l-interpretazzjoni li l-klawżoli kuntrattwali li jirreferu għal ftehim kollettiv għandhom natura dinamika tista’ tirriżulta li tkun iktar favorevoli għall-ħaddiema, jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-bidliet futuri tal-ftehim kollettiv għandhom jinkludu titjib għad-drittijiet tal-ħaddiema.

110.

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, madankollu ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi aċċettat li, taħt il-pretest li tiġi adottata soluzzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema abbażi tal-Artikolu 8 tad‑Direttiva 2001/23, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, billi jużaw l-interpretazzjoni li l-klawżoli ta’ riferiment għandhom natura dinamika, jevitaw ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/23, li ġew trasposti bl-Artikolu 613a tal-BGB.

111.

Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet b’mod ċar, meta ttrasponiet id-Direttiva 2001/23, iż-żamma provviżorja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mill-ftehimiet kollettivi, b’mod partikolari billi għażlet li tillimita l-perijodu taż-żamma ta’ dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal sena. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma jidhirlix li jippermetti lill-qrati nazzjonali jadottaw soluzzjoni li tmur kontra din l-għażla hekk magħmula mil-leġiżlatur Ġermaniż.

112.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza Alemo-Herron et, l-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23 għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta.

113.

Madankollu, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li tiġi ttrattata l-problema li tqum minn din il-kawża mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, sa fejn din il-problema tista’ tiġi riżolta billi jiġi applikat biss l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/23. F’dan ir-rigward, nispjega, li, billi jiġi evitat li ċ-ċessjonarju jitgħabba b’mod illimitat u inċert bl-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet kollettivi futuri li fuqhom huwa ma jistax ikollu influwenza, is-soluzzjoni li qed nipproponi hija tali li tista’ tkopri l-ħsieb li tiġi ggarantita l-libertà ta’ intrapriża taċ-ċessjonarju espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alemo-Herron et.

114.

Barra minn hekk, sa fejn, skont l-analiżi tiegħi, ir-regola li l-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mill-ftehim kollettiv għandhom, f’każ ta’ trasferiment, jinżammu miċ-ċessjonarju biss b’mod provviżorju, inkluż fis-sitwazzjoni fejn kuntratt tax-xogħol jirreferi għal dan il-ftehim kollettiv, tirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/23, kif trasposti bl-Artikolu 613a tal-BGB, ma hemmx lok, fl-opinjoni tiegħi, li jsiru domandi dwar ir-realtà, ikkontestata minn Asklepios, tal-possibbiltajiet li fihom iċ-ċessjonarju jista’, skont id-dritt tal-kuntratti Ġermaniż, jemenda, b’mod unilaterali jew kunsenswali, il-klawżola ta’ riferiment inkluża fil-kuntratt tax-xogħol.

IV – Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jagħti s-segwenti risposta lill-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja):

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn iċ-ċedent u l-ħaddiema jinkludi klawżola li tirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti fi ftehim kollettiv, u fejn la ċ-ċedent u lanqas iċ-ċessjonarju ma jistgħu jipparteċipaw fil-proċess ta’ negozjar ta’ dan il-ftehim kollettiv, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal‑Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tali klawżola tippreżenta, wara t-trasferiment ta’ negozju, natura dinamika, jiġifieri li tiġi interpretata bħala li tirreferi wkoll għal emendi futuri li jista’ jkollu l-imsemmi ftehim kollettiv. Għall-kuntrarju, l-artikolazzjoni bejn il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 tirrikjedi li r-riferiment li jinsab fil-klawżola inkluża fil-kuntratt tax-xogħol jiġi ssuġġettat għal limitazzjonijiet ratione temporis imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma permezz ta’ ftehim kollettiv.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal‑Istati Membri relatati mas‑salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26).

( 4 ) Punt 27 tas-sentenza Werhof.

( 5 ) Punt 28 tas-sentenza Werhof.

( 6 ) Punt 29 tas-sentenza Werhof.

( 7 ) Punt 29 tas-sentenza Werhof.

( 8 ) Punt 30 tas-sentenza Werhof.

( 9 ) Punt 31 tas-sentenza Werhof.

( 10 ) Punt 35 tas-sentenza Werhof.

( 11 ) Punt 36 tas-sentenza Werhof.

( 12 ) Punt 25 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 13 ) Punti 26 u 27 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 14 ) Punt 28 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 15 ) Punt 29 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 16 ) Punti 31 u 32 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 17 ) Punt 33 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 18 ) Punt 34 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 19 ) Punt 35 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 20 ) Punt 36 tas-sentenza Alemo-Herron et.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punt 36).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 Novembru 2008, Juuri (C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C‑343/98, EU:C:2000:441, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Werhof (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara l-proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal‑Istati Membri fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati u l-vantaġġi fil-każ ta’ għaqdiet, teħid ta’ impriżi u amalgamazzjonijiet [COM(74) 351 final].

( 26 ) Ara p. 6 ta’ din il-proposta ta’ direttiva.

( 27 ) Punt 23 tas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund.

( 28 ) Punt 24 tas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund.

( 29 ) Punt 25 tas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund. Korsiv miżjud minni.

( 30 ) Punt 26 tas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund.

( 31 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri (C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 33).

( 32 ) Korsiv miżjud minni.

( 33 ) Punt 29 tas-sentenza Werhof.

( 34 ) C‑499/04, EU:C:2005:686, punt 52.

( 35 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).