KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2017 ( 1 )

Kawża C-678/15

Mohammad Zadeh Khorassani

vs

Kathrin Pflanz

talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja)

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Swieq ta’ strumenti finanzjarji — Kunċett ta’ “servizzi u attivitajiet ta’ investiment” — Servizz ta’ “riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar” — Inklużjoni eventwali tal-intermedjazzjoni fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll”

1. 

Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fuq wieħed mill-metodi ta’ provvediment ta’ servizzi finanzjarji rregolati mid-Direttiva 2004/39/KE ( 2 ). Hija tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-azzjonijiet ta’ persuna fiżika li sservi ta’ intermedjatur fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll (iffirmat bejn terz u kumpannija ta’ investiment residenti f’Liechtenstein) jistgħux jaqgħu fost is-servizzi li għalihom tapplika d-Direttiva.

2. 

Il-kawża hija rilevanti, minn naħa waħda, mill-perspettiva ġenerali tal-protezzjoni tal-investitur. Id-diskrepanza fl-informazzjoni bejn l-utenti ta’ dawn is-servizzi u d-ditti li jipprovduhom, il-kumplessità li dejjem tiżdied tal-prodotti offruti u n-nuqqas ta’ kultura finanzjarja ta’ segmenti kbar tal-popolazzjoni, flimkien ma’ fatturi oħra, jikkawżaw li l-individwi jistgħu jitħeġġu biex jieħdu deċiżjonijiet żbaljati (u jkunu ta’ dannu serju għall-interessi tagħhom) fil-qasam tat-tfaddil, l-investimenti jew id-dejn. Sabiex dawn il-fenomeni jitwaqqfu, li kienu parti minn xi kriżijiet riċenti, minkejja l-liberalizzazzjoni tas-swieq u l-livell għoli ta’ kompetizzjoni globali tagħhom, il-leġiżlaturi għaddew regolamenti li jiddefendu l-pożizzjoni tal-konsumaturi, biex jippruvaw jiksbu bilanċ ( 3 ) bejn l-interessi tagħhom u dawk tal-operaturi tas-suq. Dan il-mudell ta’ intervent huwa l-bażi preċiża tad-Direttiva MiFID I.

3. 

Min-naħa l-oħra, minn perspettiva iktar iffokata fuq is-sistema legali unika ta’ din id-direttiva, qiegħed jiġi kkontestat il-qafas regolatorju ta’ ċerti suppożizzjonijiet ta’ intermedjazzjoni bħal dak li jinsab fil-bidu tal-kawża prinċipali. Huma suġġetti għad-Direttiva MiFID I, li jirriżulta f’iktar protezzjoni tal-investituri jew, għall-kuntrarju, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha? Il-kontroversja hija llimitata, b’mod partikolari, biex tanalizza jekk is-servizzi finanzjarji għandhomx jinkludu biss dawk id-ditti tal-investiment li jirċievu u jittrażmettu ordnijiet mill-investituri dwar strumenti finanzjarji partikolari. Sar dibattitu twil fuq dan l-aġġettiv tal-aħħar.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/39

4.

B’mod konformi mal-premessa 2:

“[…] huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti tal-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post..[…]”

5.

Il-premessa 20 tipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-kummerċ tar-riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet għandu jinkludi wkoll li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar biex b’hekk tinġieb tranżazzjoni bejn dawn l-investituri.”

6.

Skont l-Artikolu 1(1):

“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment u s-swieq regolati.”

7.

L-Artikolu 3(1) jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva rigward kull persuna li għaliha huma l-Istat Membru tal-post li:

ma jkollhiex il-permess li żżomm il-fondi jew it-titoli tal-klijenti u li għal din ir-raġuni ma titħalla fl-ebda ħin li tqiegħed lilha nfisha f’debitu mal-klijenti tagħha, u

ma jkollha l-permess li tipprovdi l-ebda servizz ta’ investiment għajr li tirċievi u tittrasmetti l-ordnijiet fit-titoli trasferibbli u l-unitajiet fl-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-provvediment ta’ pariri dwar l-investimenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn l-istrumenti finanzjarji, u

fil-kors tal-provvediment tas-servizz, titħalla tittrasmetti ordnijiet biss lil:

i)

id-ditti ta’ l-investiment awtorizzati skond din id-Direttiva;

[…]”.

8.

L-Artikolu 4(1), fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

“1)

‘Ditti ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali.

[…]

2)

‘Servizzi u attivitajiet ta’ investimenti’ ifissru kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I;

[…]

4)

‘Parir/i dwar l-investiment/i’ ifissru l-provvediment ta’ rakkommandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ l-investiment, rigward transazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-istrumenti finanzjarji.

5)

‘It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti’ ifisser ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti.

[…]

9)

‘Il-ġestjoni tal-portafoll’ tfisser il-maniġġjar tal-portafolli skond il-mandati mogħtija mill-klijenti fuq bażi diskrezzjonali, klijent bi klijent, meta dawn il-portafolli jinkludu strument finanzjarju jew iktar.

[…]”

9.

Fl-Anness 1 Taqsima A jissemmew bħala servizzi u attivitajiet ta’ investiment:

“(1)

Ir-riċeviment u t-trasmissjoni tal-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar.

(2)

It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti

(3)

Il-kummerċ akkont tiegħu inifsu

(4)

Il-ġestjoni tal-portafoll

(5)

Il-pariri dwar l-investiment

2. Direttiva 2006/73/KE ( 4 )

10.

Skont il-premessa 81:

“Konsulenza ġenerika dwar tip ta’ strument finanzjarju mhijiex konsulenza dwar l-investiment għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39/KE, minħabba li din id-Direttiva tispeċifika li, għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39/KE, konsulenza dwar l-investiment hija ristretta għal konsulenza dwar strumenti finanzjarji partikolari. Madankollu, jekk kumpanija tal-investiment tipprovdi konsulenza ġenerika lil klijent dwar tip ta’ strument finanzjarju li hi tippreżenta bħala addattata għal, jew ibbażata fuq konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’, dak il-klijent, u dik il-konsulenza mhijiex infatti addattata għall-klijent, jew mhijiex ibbażata fuq konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tiegħu, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari, il-kumpanija x’aktarx tkun qiegħda taġixxi f’kontravenzjoni tal-Artikolu 19(1) jew (2) tad-Direttiva 2004/39/KE. B’mod partikolari, kumpanija li tagħti lil klijent din it-tip ta’ konsulenza x’aktarx li tkun qiegħda tikkontravjeni r-rekwiżit tal-Artikolu 19(1) li taġixxi b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijenti tagħha. Bl-istess mod jew alternattivament, din il-konsulenza x’aktarx li tkun tikkontravjeni r-rekwiżit tal-Artikolu 19(2) li informazzjoni indirizzata minn kumpanija lil klijent għandha tkun ġusta, ċara u ma tqarraqx.”

11.

L-Artikolu 52 jipprovdi:

“Għall-finijiet tad-definizzjoni ‘konsulenza dwar l-investiment’ fl-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2004/39/KE, rakkomandazzjoni personali hija rakkomandazzjoni li ssir lil persuna fil-kapaċità tagħha bħala investitur jew investitur potenzjali, jew fil-kapaċità tagħha bħala aġent għal investitur jew investitur potenzjali.

Dik ir-rakkomandazzjoni għandha tkun ippreżentata bħala addattata għal dik il-persuna, jew għandha tkun ibbażata fuq konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’ dik il-persuna, u għandha tikkostitwixxi rakkomandazzjoni biex jittieħdu l-passi li ġejjin

a)

ix-xiri, il-bejgħ, l-abbonament, l-iskambju, ir-rimbors, iż-żamma jew is-sottoskrizzjoni ta’ strument finanzjarju partikolari

b)

l-eżerċizzju jew in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ xi dritt mogħti minn strument finanzjarju partikolari għal xiri, bejgħ, abbonament, skambju, jew rimbors ta’ strument finanzjarju

Rakkomandazzjoni mhijiex rakkomandazzjoni personali jekk toħroġ esklussivament permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni jew tkun destinata għall-pubbliku”

B – Id-dritt Ġermaniż

12.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża jinsabu fil-Kreditwesengesetz (liġi dwar is-settur finanzjarju, iktar ’il quddiem, “KWG”) ( 5 ).

13.

L-Artikolu 1 jipprevedi

“1a.   […] Għandhom jiġu kkunsidrati bħala servizzi finanzjarji:

1)

l-intermedjazzjoni fix-xiri u l-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji (intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment);

1a)

parir personali lill-klijenti jew lir-rappreżentanti tagħhom, rigward tranżazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, sakemm ir-rakkomandazzjonijiet ikunu jieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-investitur jew jitqiesu bħala adattati għalih u ma jingħatawx biss permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew ikunu diretti lejn il-pubbliku ġenerali (parir dwar investiment);

[…]”.

14.

L-Artikolu 32(1) jipprovdi:

“1.   Kull min jixtieq jipprovdi servizzi finanzjarji fit-territorju nazzjonali ta’ natura professjonali jew f’volum li jeħtieġ stabbiliment kummerċjali […] għandu jikseb l-awtorizzazzjoni bil-miktub mill-Bundesanstalt [für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju Federali tal-kontroll tas-servizzi finanzjarji […]”.

15.

L-Artikolu 823(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi kif ġej:

“L-obbligu [li jingħata kumpens għal ħsara kkawżata] jaqa’ fuq kull persuna li tikser dispożizzjoni intiża sabiex tipproteġi persuna oħra.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.

F’Novembru 2007, M. Z. Khorassani kkuntattja lil K. Pflanz, li rrakkomandatlu, kif jidher, li l-investiment “Grand-Slam”. K. Pflanz ma kellhiex awtorizzazzjoni mill-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju Finanzjarju ta’ Sorveljanza Federali, il-Ġermanja; iktar ’il quddiem, “BaFin”) sabiex tipprovdi servizzi finanzjarji skont l-Artikolu 32(1) tal-KWG.

17.

Fid-19 ta’ Novembru 2007, K. Pflanz tat parir lil M. Z. Khorassani sabiex jiffirma kuntratt ta’ servizzi mal-kumpannija G.S.S. AG, kif ukoll kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portafoll mal-kumpannija D. AG, it-tnejn li huma stabbiliti f’Liechtenstein.

18.

M. Z. Khorassani ffirma dawk il-kuntratti, u ntrabat li jagħmel ħlas inizjali, għall-ammont ta’ EUR 20000, u ħlasijiet suċċessivi ta’ EUR 1000 kull xahar, flimkien ma’ 5 % bħala primjum azzjonanarju. F’Diċembru 2007, kien diġà ħallas total ta’ EUR 27000, li minnhom ġew imnaqqsa EUR 19731.60, bħala ħlas ta’ amministrazzjoni bil-quddiem u EUR 1285.71, bħala primjum azzjonarju.

19.

M. Z. Khorassani rrevoka l-kuntratti u talab, kemm liż-żewġ kumpanniji ta’ Liechtenstein kif ukoll lil K. Pflanz, il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa, flimkien ma’ kumpens. Il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ċivili u kriminali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba kontra ż-żewġ kumpanniji, minħabba li tqis li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali, u kkunsidrat dik ippreżentata kontra K. Pflanz bħala infondata.

20.

Wara li kiseb ħlas lura ta’ EUR 6803.03, M. Z. Khorassani qies li t-talba tiegħu għal dan l-ammont ġiet issodisfatta, iżda ppreżenta appell quddiem il-Kammergericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), fejn insista fuq it-talba tiegħu (il-ħlas ta’ EUR 20196.97 flimkien mal-interessi u dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt) kontra K. Pflanz.

21.

Il-Kammergericht (qorti superjuri reġjonali ċivili u kriminali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell. Fil-fehma tagħha, M. Z. Khorassani ma kellux dritt għal kumpens skont l-Artikolu 823(2) tal-BGB, flimkien mal-Artikolu 32(1) tal-KWG, peress li K. Pflanz ma kienet offriet ebda servizz suġġett għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 1(1a) tal KWG.

22.

Il-qorti tal-appell iddikjarat li ma kienx biss ingħata parir dwar investiment, iżda kienet saret ukoll intermedjazzjoni fil-qasam ta’ investiment (għall-finijiet ta’ dawk l-istandards nazzjonali), peress li, wara l-parir, K. Pflanz wasslet lil M. Z. Khorassani biex jiffirma ( 6 ) d-dokumenti korrispondenti. Madankollu, ebda waħda mill-attivitajiet imsemmija ma kienu jirreferu għal tranżazzjoni (speċifika) ta’ xiri u bejgħ ta’ strumenti finanzjarji. Għall-qorti tal-appell kien importanti li M. Z. Khorassani kien ingħata kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll li, sussegwentement, kellu jservi bħala bażi għall-akkwist, il-bejgħ u l-amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, iżda li, fih innifsu, ma kienx jikkostitwixxi strument finanzjarju.

23.

M. Z. Khorassani appella din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali). Fid-digriet tar-rinviju tagħha, din il-qorti temmen li l-qorti tal-appell ikkonkludiet ġustament li K. Pflanz ma kienet ipprovdiet lil M. Z. Khorassani ebda servizz ta’ parir dwar investiment, skont l-Artikolu 1(1a) tal-KWG. Għal din ir-raġuni, hija żiedet, li ma kienx sar ksur tal-Artikolu 32(1) tal-KWG.

24.

Skont il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali), meta tingħata rakkomandazzjoni ta’ amministrazzjoni ta’ portafoll ( 7 ) mingħajr ma jsir riferiment għall-istrumenti finanzjarji speċifiċi, ma jingħatax parir rigward investiment. K. Pflanz ma kinitx twettaq attività ta’ għoti ta’ parir, minħabba li l-kuntratti li kienet tirrakkomanda kienu mmirati lejn l-amministrazzjoni ta’ portafolli finanzjarji u ma ġiex stabbilit li, minbarra dan, tat rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar investimenti ta’ kapital speċifiċi.

25.

Għall-kuntrarju, l-aġir ta’ K. Pflanz li wassal lil M. Z. Khorassani jikkonkludi kuntratt ta’ ġestjoni tal-assi jqajjem dubji għall-qorti tar-rinviju. Għall-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali), ir-riżoluzzjoni tat-tilwima tiddependi fuq il-fatt li l-intermedjazzjoni f’kuntratti ta’ amministrazzjoni ta’ portafolli hija koperta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(2), flimkien mal-Anness I, it-taqsima A, il-punt 1, tad-Direttiva MiFID I, li l-kontenut tagħhom huwa inkorporat fir-regoli Ġermaniżi.

26.

Skont il-liġi Ġermaniża ( 8 ), intermedjazzjoni fir-rigward ta’ investiment tfisser dik li sseħħ f’kuntratti ta’ xiri u bejgħ ta’ strumenti finanzjarji, li teħtieġ attività diretta, finalment, lejn il-fatt li l-klijent jikkonkludi negozju.

27.

Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) tqis is-sejbiet tal-qorti tal-appell, skont liema K. Pflanz ipprovdiet medjazzjoni fil-kuntratt ta’ ġestjoni tal-assi li sar mill-applikant mal-kumpannija D. AG. Għandu jiġi ċċarat, għalhekk, jekk dan il-kuntratt huwiex fih innifsu “operazzjoni ta’ xiri u bejgħ ta’ strumenti finanzjarji” skont it-tieni sentenza, punt 1 tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG.

28.

Il-qorti tar-rinviju tipprovdi li għadha ma ġietx solvuta din il-kwistjoni u li, fil-Ġermanja, il-BaFin jagħti interpretazzjoni li kuntratt ta’ ġestjoni tal-assi huwa tranżazzjoni li tinvolvi x-xiri u l-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji, minħabba li jinvolvi t-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet f’isem l-investitur ( 9 ). Għall-kuntrarju, l-opinjoni prevalenti fil-ġurisprudenza dwar it-tieni sentenza, punt 1 tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG u l-ewwel sentenza, punt 4 tal-Artikolu 2(3) identiku, tal-Wertpapierhandelsgesetz (liġi dwar il-kummerċ ta’ titoli) hija li l-intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment ma tistax tinvolvi passi intermedji biss, iżda għandha tiġi estiża għal tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji speċifiċi, b’tali mod li l-intermedjazzjoni għall-amministrazzjoni ta’ portafolli ma hijiex inkluża f’dik il-kategorija.

29.

Quddiem id-dubju dwar jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni stretta jew interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-ewwel sentenza, punt 2 tal-Artikolu 4(1), flimkien mal-Anness I, taqsima A, punt 1 tad-Direttiva MiFID I, il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) ikkunsidrat li kien meħtieġ li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordni li għandha bħala suġġett attività ta’ ġestjoni tal-portafoll (Artikolu 4(1)(9) tad-Direttiva 2004/39) huma servizzi ta’ investiment fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(2) u tal-Anness I, Taqsima A, punt 1 tad-Direttiva 2004/39/KE?”

30.

L-ebda waħda miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali ma ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub matul il-proċedura preliminari, u lanqas ma attendew is-seduta li saret fis-16 ta’ Novembru 2016, li fiha ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll il-Kummissjoni.

III – Analiżi tad-domanda preliminari

31.

Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) illimitat b’mod preċiż id-domanda preliminari tagħha, wara li ddeċidiet li l-intervent ta’ K. Pflanz ( 10 ), meta ssuġġeriet li M. Z. Khorassani jiffirma kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll mal-kumpanniji ta’ investiment ta’ Liechtenstein, jista’ jiġi deskritt bħala “pariri dwar l-investiment” fis-sens tal-Anness I, Taqsima A, punt 5, tad-Direttiva MiFID I. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li dawn ma kinux rakkomandazzjonijiet personalizzati dwar strumenti finanzjarji speċifiċi, ma setgħux jiġu kklassifikati bħala servizz ta’ dak it-tip.

32.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita r-risposta tagħha għall-qorti tar-rinviju, u tillimita ruħha skont l-interpretazzjoni tad-Direttiva MiFID I dwar jekk ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordni li għandha bħala suġġett attività ta’ ġestjoni tal-portafoll humiex servizz ta’ investiment, mingħajr ma tkun meħtieġa l-opinjoni tagħha rigward il-kunċett ta’ pariri dwar l-investiment.

33.

Fil-fehma tiegħi, huwa rilevanti li fid-dibattitu ntużaw dawn it-termini. Jekk, bħala riżultat tal-avvenimenti sussegwenti, l-għażla tal-kumpanniji ta’ ġestjoni tal-portafoll issuġġeriti ( 11 ) minn K. Pflanz irriżultat mhux adegwata, l-aġir tagħha fl-għoti ta’ din ir-rakkomandazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, huwa iktar importanti mill-firma, sussegwenti, u kważi dderivata, tal-kuntratt “indott” li ffirma M. Z. Khorassani. Ikun paradossali li jiġi eskluż l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva (u, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ir-responsabbiltà konsegwenti) għall-aġir iktar serju, jiġifieri, għall-parir li parti mill-assi jiġu fdati għand żewġ kumpanniji speċifiċi sabiex jimmaniġġjawhom u, fl-istess ħin, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni (u tiġi ġġenerata r-responsabbiltà sussegwenti, jekk tkun nieqsa) minħabba l-fatt, kważi strumentali, li dak il-kuntratt ikun intbagħat lill-kumpanniji tal-ġestjoni tal-portafoll.

34.

Finalment, għandu jiġi ċċarat jekk aġir bħal dak ta’ K. Pflanz jirrappreżentax servizz ta’ investiment suġġett għar-regoli tad-Direttiva MiFID I, b’mod speċifiku, servizz tar-“riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar”.

35.

Ir-raġunamenti fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet, bil-miktub u orali, juru li hemm żewġ interpretazzjonijiet possibbli ta’ dak il-kunċett. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tar-Renju Unit u tal-Portugall jiddefendu interpretazzjoni wiesgħa jew estensiva, filwaqt li l-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk jiffavorixxu interpretazzjoni stretta jew restrittiva. Diġà nista’ ngħid li jien nippreferi din tal-aħħar, jiġifieri, li tingħata risposta negattiva għad-domanda tal-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali).

36.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħhom iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha. ( 12 ) Għalhekk, ser napplika dawn l-istess kriterji ermenewtiċi (dak litterali, dak sistematiku, u dak teleoloġiku) għar-regola kkontestata.

37.

Ser nibda bl-interpretazzjoni litterali. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva MiFID I, huma servizzi u attivitajiet tal-investiment “kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I”. Dawn is-servizzi jinkludu r-“riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar” ( 13 ).

38.

Il-verżjoni Ġermaniża ( 14 ) ta’ dan l-artikolu tidher li hija iktar restrittiva minn oħrajn, bħall-Ispanjola, il-Franċiża, l-Ingliża, it-Taljana jew il-Portugiża ( 15 ). Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż josserva li l-espressjoni “f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar” (jew l-ekwivalenti tagħha fil-maġġor parti tal-verżjonijiet lingwistiċi) tista’ ma tkunx teħtieġ rabta diretta bejn il-kuntratt tal-ġestjoni tal-portafoll u l-istrumenti finanzjarji speċifiċi. Minn din il-perspettiva, huwa biżżejjed li jkun hemm intermedjazzjoni finanzjarja indiretta sabiex l-attività tkun inkluża fil-kunċett: hekk jiġri fl-aġir li jwassal biex jiġi konkluż kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll, li, konsegwentement, jiġi kklassifikat, bħala servizz finanzjarju skont id-Direttiva MiFID I li t-twettiq tiegħu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni amministrattiva rilevanti.

39.

Għalkemm l-argument fih punti rilevanti, ma jikkonvinċinix għalkollox. Bħall-Kummissjoni, jiena nemmen, pjuttost, li l-element ewlieni għall-interpretazzjoni tal-Anness I, Taqsima A, punt 1, tad-Direttiva MiFID I huwa l-kelma “ordnijiet”, irripetuta invarjabbilment fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti “ordres”, “orders”, “Auftrag”, “ordini”, “ordens”. Ir-regola titkellem dwar servizzi finanzjarji li jikkonsistu fir-“riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet” u dawn, fil-fehma tiegħi, għandhom jirreferu għal tranżazzjonijiet dwar strumenti finanzjarji partikolari jew speċifiċi.

40.

Fil-fehma tiegħi, diffiċli li wieħed jirċievi u jittrażmetti “ordni” li ma tikkonċernax it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi, peress li dak it-terminu, fit-terminoloġija tas-soltu użata f’dawn is-swieq, jinkludi l-idea ta’ speċifiċità. Għalkemm id-Direttiva, f’dan il-paragrafu tal-anness, ma tużax il-formula magħżula mil-leġiżlatur Ġermaniż fl-Artikolu 1 tal-KWG (“tranżazzjonijiet ta’ xiri u bejgħ”), jiena nikkunsidra li l-kunċett ta’ “ordnijiet” huwa marbut b’mod inseparabbli mal-istrumenti finanzjarji speċifiċi li fuqhom jiġi “ordnat” akkwist, bejgħ jew tranżazzjoni oħra simili. L-inkoraġġiment biex jingħata investiment rigward ċerti tipi ta’ assi finanzjarji, ġeneralment, ikun pjuttost rakkomandazzjoni jew parir, iżda mhux “ordni” kapaċi li twassal għal “riċeviment u trasmissjoni”.

41.

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bil-fatt li t-“twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti”, mod ta’ servizz finanzjarju fl-Anness I, Taqsima A, punt 2, tad-Direttiva MiFID I, jiġi ddefinit fl-Artikolu 4(1)(5) tal-imsemmija direttiva bħala “ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti” ( 16 ).

42.

Hemm rabta mill-qrib bejn is-servizz ta’ “riċeviment u trasmissjoni ta’ ordnijiet” u t-“twettiq ta’ ordnijiet f’isem il-klijenti”. Jekk il-kumpannija li tipprovdi t-tnejn li huma jkollha l-infrastruttura u l-possibbiltajiet adegwati, ir-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordni dwar prodott speċifiku (strument jew iktar) tkun marbuta, bilfors, mat-twettiq tagħha. Ma kienx ikun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi finanzjarji f’ċirkustanzi bħal dawn, iżda d-Direttiva MiFID I għamlet din id-distinzjoni minħabba li hemm kumpanniji tas-servizzi finanzjarji li, mingħajr il-kapaċità li jwettqu l-ordnijiet li jirċievu, għandhom jittrażmettuhom lil impriżi oħrajn li kapaċi jagħmlu dan. F’dawn il-każijiet, ir-“riċeviment u t-trasmissjoni” huma differenti mit-“twettiq”, iżda l-ordnijiet jibqgħu l-istess.

43.

Madankollu, kemm ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet kif ukoll it-twettiq tagħhom għandhom jirreferu għal strumenti finanzjarji speċifiċi: ma huwiex possibbli li jiġu mwettqa, f’dawn it-tipi ta’ swieq, ordnijiet ġenerali u lanqas ma għandhom jiġu rċevuti jew trażmessi meta t-twettiq iktar tard tagħhom ma jkunx fattibbli. Fid-Direttiva MiFID I, l-ordnijiet ma jistgħux jiġu assimilati fil-kompiti ġeneriċi, u lanqas ma għandha tiġi inkluża fosthom l-attività mmirata għall-iffirmar ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll, li ma tinvolvi ebda ordni eżegwibbli fir-rigward ta’ kwalunkwe strument finanzjarju speċifiku.

44.

Kuntrarjament għal dak li jipprovdi r-Renju Unit, ma naħsibx li din l-interpretazzjoni hija kkontestata mill-premessa 20 tad-Direttiva MiFID ( 17 ). Fil-fehma tiegħi, l-attività li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar, bħala eżempju ipotetiku ta’ riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet, għandu jkollha l-għan, sabiex tkun inkluża fis-servizzi finanzjarji, ta’ tranżazzjoni speċifika bejniethom dwar “strument jew iktar” ta’ dan it-tip.

45.

Fil-fehma tiegħi, tintlaħaq l-istess konklużjoni, fuq il-bażi tal-konnessjoni sistematika tal-kunċett ma’ oħrajn li huma qrib bejn wieħed u ieħor.

46.

Sabiex jiddefendu l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Anness I, Taqsima A, punt 1, tad-Direttiva MiFID I, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Ġermanja invokaw ir-regolamentazzjoni diverġenti tas-servizzi ta’ pariri dwar l-investiment, minn naħa waħda, u r-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet tal-klijenti fuq strumenti finanzjarji, mill-oħra:

Skont il-premessa 81 u l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73, parir ġeneriku dwar tip ta’ strument finanzjarju, għall-finijiet tad-Direttiva MiFID I, ma jikkostitwixxix parir dwar l-investiment, peress li dan huwa ristrett għal dak li jsir dwar strumenti finanzjarji partikolari.

Għall-kuntrarju, id-Direttiva MiFID I u d-Direttiva 2006/73 ma fihomx limitazzjoni simili fuq is-servizzi ta’ riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet.

47.

Għandu jiġi mifhum, għalhekk, skont il-Gvern tal-Ġermanja u l-Gvern Brittaniku, li l-ordnijiet ma għandhomx neċessarjament ikunu relatati ma’ strumenti finanzjarji speċifiċi. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni restrittiva tal-Anness I, Taqsima A, punt 1, tad-Direttiva MiFID I, peress li, kieku l-leġiżlatur ried jintroduċi din il-limitazzjoni, kien jagħmel dan.

48.

Dan l-argument a contrario lanqas ma jikkonvinċini. Ir-riferimenti tal-premessa 81 u l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73 għal strumenti finanzjarji speċifiċi, fir-rigward ta’ pariri dwar investiment, huma spjegati sabiex jiġi deċiż li dan tal-aħħar ma jinkludix il-pariri ġenerali dwar tip ta’ strument finanzjarju ( 18 ). L-idea li (f’dan l-istadju tar-regolament) ( 19 ) il-parir ġeneriku ma jiġix suġġett għall-ħtiġijiet tad-Direttiva MiFID I hija spjegata mill-fatt li ġie introdott, b’mod espliċitu, ir-riferiment għal “strumenti finanzjarji partikolari”, sabiex jiġu ddefiniti l-limiti, pożittivi u negattivi, ta’ dan il-kunċett.

49.

Madankollu, ma kinitx essenzjali din l-istess speċifikazzjoni għas-servizzi finanzjarji ta’ riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet, minħabba li dawn diġà kienu (u huma) fihom infushom marbutin mal-“ordnijiet” ta’ azzjoni li, skont id-definizzjoni tagħhom, jinkorporaw mandat dwar strumenti finanzjarji partikolari. Kien ikun superfluwu li tiġi rripetuta din in-nota fid-Direttiva 2006/73, rigward dawk is-servizzi.

50.

Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, speċifikazzjoni inserita f’direttiva tal-iżvilupp (f’dan il-każ, id-Direttiva 2006/73 dwar is-servizzi ta’ konsulenza dwar l-investiment ma tistax isservi bħala bażi għall-interpretazzjoni a contrario ta’ dispożizzjoni tad-direttiva bażika (id-Direttiva MiFID I), rigward is-servizzi finanzjarji ta’ riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet.

51.

Fir-realtà, wieħed jista’ jgħid li s-servizzi u l-attivitajiet kollha ta’ investiment ipprovduti fl-Anness I, Taqsima A, tad-Direttiva 2004/39 jikkonċernaw tranżazzjonijiet fuq strumenti finanzjarji speċifiċi. Il-parir dwar l-investiment kien l-uniku wieħed li seta’ joħloq dubji u, biex tneħħihom, id-Direttiva ta’ implementazzjoni (id-Direttiva 2006/73) żiedet, b’mod espliċitu, li l-pariri kienu jaqgħu biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-każ ta’ “strumenti finanzjarji partikolari”.

52.

Fil-qosor, meta persuna tintervjeni bħala intermedjatur bejn il-klijent u l-kumpannija ta’ investiment, fejn tissuġġerixxi lill-ewwel wieħed iqabbad lit-tieni waħda għall-ġestjoni tal-assi tiegħu, ma taġixxix u lanqas taħdem, fil-prinċipju, bi kwalunkwe strument finanzjarju partikolari. Sussegwentement ikunu l-kumpanniji tal-ġestjoni tal-portafoll tal-klijent dawk li, bil-qbil tiegħu jew taħt il-mandat tiegħu, għandhom jispeċifikaw f’liema strumenti finanzjarji ser isir l-investiment.

53.

L-applikazzjoni tal-kriterji ta’ interpretazzjoni teleoloġiċi jew finalisti, twassalni nwieġeb b’mod negattiv ukoll għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

54.

Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ), kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 5 u 44 tad-Direttiva MiFID I, l-għanijiet ta’ dawn tal-aħħar jinkludu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-investituri, il-preservazzjoni tal-integrità u l-effikaċja globali tas-sistema finanzjarja kif ukoll it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet.

55.

Il-Gvern Ġermaniż, dak Britanniku u dak Portugiż invokaw il-protezzjoni tal-investituri, stipulata b’mod estensiv fid-Direttiva 2004/39, sabiex jiġġustifikaw l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Anness I, Taqsima A, paragrafu 1, tad-Direttiva MiFID I. L-intermedjazzjoni sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll, minn dik il-perspettiva, kienet ekwivalenti għar-“riċeviment u t-trasmissjoni ta’ ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar”.

56.

Dawk l-istess gvernijiet isostnu li l-interpretazzjoni li jipproponu hija l-iktar waħda koerenti mal-għan li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-investituri, peress li tippermetti li dawn is-suppożizzjonijiet ta’ intermedjazzjoni finanzjarja indiretta jiġu suġġetti għad-Direttiva MiFID I. L-operaturi bħal K. Pflanz, konsegwentement, ikunu obbligati fil-Ġermanja li jkollhom l-awtorità amministrattiva ta’ BaFin, u taħt is-sorveljanza tiegħu.

57.

Ċertament, il-protezzjoni tal-investituri hija għan kruċjali tad-Direttiva MiFID I ( 21 ), li huwa rifless fir-rekwiżiti imposti fuq l-impriżi tal-investiment fir-relazzjonijiet tagħhom mal-utenti tas-servizzi tagħhom: huma għandhom jaġixxu, f’konformità mal-Artikolu 19(1) u (2), b’mod onest, ġust u professjonali, skont l-aħjar interess ta’ dawk il-klijenti, li għandhom jipprovdu informazzjoni ġusta, ċara u li ma tqarraqx.

58.

Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tal-investitur ma tistax twassal għal riżultati sproporzjonati, bħalma tkun l-estensjoni tal-kontrolli tad-Direttiva MiFID I għal kwalunkwe operatur u għal kull tip ta’ servizzi finanzjarji ( 22 ). Għan tajjeb, li bla dubju huwa dak li jispira t-teorija tal-gvernijiet li jippruvaw jimmassimizzaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva sabiex jipproteġu lill-investituri kontra aġir bħal dak fil-kawża prinċipali, ma tistax issir interpretazzjoni ta’ dritt fis-seħħ li tibdel is-sens tagħha stess.

59.

Id-Direttiva MiFID I tinkorpora ċerti limiti, li fihom għandu jiġi applikat l-għan tal-protezzjoni tal-investitur, mingħajr ma jinqabżu. Minn naħa waħda, l-Artikolu 4(1)(1) jinkludi biss fid-definizzjoni ta’ ditta ta’ investiment lill-persuni legali ddedikati sabiex jipprovdu fuq bażi regolari u professjonali servizzi finanzjarji lil terzi, għalkemm jawtorizza lill-Istati Membri jintegraw f’din id-definizzjoni lil persuni fiżiċi, taħt ċerti kundizzjonijiet.

60.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(1) tad-Direttva MiFID I jippermetti wkoll lill-Istati Membri li jirregolaw permezz tar-regoli nazzjonali u li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attività ta’ kwalunkwe persuna mhux awtorizzata sabiex iżżomm fondi jew valuri ta’ klijenti u li tista’ biss tirċievi jew tittrażmetti ordnijiet fuq titoli trasferibbli u azzjonijiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv, meta dik il-persuna tkun awtorizzata li tittrażmetti dawk l-ordnijiet għat-twettiq tagħhom mid-ditti tal-investiment.

61.

Qed insemmi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex nenfasizza li l-protezzjoni tal-utent tas-servizzi finanzjarji, bħala l-iktar parti “dgħajfa” fl-ekwazzjoni, ma tiġġustifikax it-tneħħija tar-rekwiżiti inerenti għall-interpretazzjoni korretta tar-regoli, speċjalment jekk dawn tal-aħħar jiftħu forom oħra ta’ ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-investitur, kif jiġri hawn.

62.

F’dan is-sens, sabiex jinkiseb il-bilanċ tal-assi li jaspira għalih M. Z. Khorassani meta jitlob li jiġi rritornat l-investiment tiegħu, ma huwiex indispensabbli li l-kunċett ta’ “riċeviment u t-trasmissjoni ta’ ordnijiet tal-klijenti f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar”, ma għandux jiġi mgħawweġ b’tali mod li jinkludi aġir preċedenti (f’dan il-każ, dak tal-intermedjazzjoni sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll) separat fih innifsu mit-termini li fihom finalment issir il-ġestjoni effettiva tal-assi.

63.

Għalhekk, il-protezzjoni tal-investitur hija żgurata biżżejjed mid-Direttiva MiFID I, peress li l-kumpannija ta’ ġestjoni tal-portafoll, li toffri lill-investitur it-twettiq tal-ordnijiet (f’dan il-każ) li jikkonċernaw strumenti finanzjarji partikolari, terfa’ r-responsabbiltajiet inerenti għall-pożizzjoni legali tagħha.

64.

Fil-każ ta’ M. Z. Khorassani (li, madankollu, ma setax jinjora l-fatt li kien qed jinvesti permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti fil-Ġermanja), jista’ jitlob lill-kumpanniji ta’ Liechtenstein skont il-klawżoli li fih il-kuntratt tal-ġestjoni tal-portafoll tiegħu mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Kieku dan kien tal-Liechtenstein, il-protezzjoni legali tiegħu bħala klijent kienet tkun iggarantita, peress li d-Direttiva MiFID I tapplika fiż-Żona Ekonomika Ewropea, li l-Liechtenstein huwa parti minnha, mingħajr kunsiderazzjoni ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ din id-direttiva. ( 23 )

65.

Peress li l-klijent għandu l-possibbiltà ta’ litigazzjoni kontra l-kumpannija ta’ ġestjoni tal-portafoll, ma narax il-ħtieġa li tiġi estiża s-sistema tad-Direttiva MiFID I għal min kien intermedjatur biss għall-iffirmar tal-kuntratt tal-ġestjoni tal-portafoll. L-għan li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-investitur, meta dawn ikunu diġà debitament issalvagwardjati minn dispożizzjonijiet oħra f’dik id-direttiva, nirrepeti, ma jeħtieġx interpretazzjoni sfurzata, f’termini legali, tal-kunċetti suġġetti għat-tilwima.

66.

Fl-aħħar nett, nixtieq inżid kumment wieħed, b’mod konformi mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk. Permezz tal-informazzjoni fid-digriet tar-rinviju ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk K. Pflanz kinitx jew le aġent marbut maż-żewġ ditti tal-investiment ta’ Liechtenstein, li għandu jiġi ċċarat mill-qrati nazzjonali ( 24 ).

67.

Fil-każ li hija aġent marbut, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 23 tad-Direttiva MiFID I, li jimponi serje ta’ obbligi u kontrolli fuq il-kumpanniji finanzjarji li jaħtru aġenti marbuta “għall-għanijiet li jippromwovu s-servizzi tad-ditta ta’ l-investiment, li jitolbu għall-kummerċ bil-ħerqa jew jirċievu ordnijiet minn għand il-klijenti jew klijenti potenzali u jittrasmettuhom, jagħtu post lil strumenti finanzjarji u jipprovdu pariri rigward dawn l-istrumenti u servizzi finanzjarji offruti mid-ditta tal-investiment”.

68.

F’din l-ipotesi, peress li l-intermedjazzjoni biex jiġi konkluż kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll tkun attività oħra minn dawk li aġent marbut jista’ jwettaq favur il-kumpannija li tqabbdu, għandhom jiġu rrispettati wkoll ir-regoli tal-aġir għall-forniment ta’ servizzi stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva MiFID I. B’mod partikolari, il-paragrafu 1, tiegħu, jinkludi l-obbligu li l-aġent marbut “jaġixxi b’mod onest, ġust u professjonali skond l-aħjar interessi tal-klijenti tiegħu u jikkonforma, b’mod partikolari, mal-prinċipji ddikjarati fil-paragrafi minn 2 sa 8”. Nirrepeti li hija l-qorti tar-rinviju (jew, fejn xieraq, il-qrati inferjuri) li għandha tiddeċiedi jekk fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu applikati dawn il-kunċetti u jirriżultaw il-konsegwenzi legali neċessarji.

IV – Konklużjoni

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-intermedjazzjoni fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix servizz ta’ investiment fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(2), u tal-Anness I, Taqsima A, punt 1 tad-Direttiva 2004/39KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU 2004, L 145, p. 1) Ġeneralment, hija magħrufa bħala “Direttiva MiFID I”.

( 3 ) Fl-isfond tal-problema, hemm kunċetti differenti dwar il-pożizzjoni legali tal-utenti tas-servizzi finanzjarji. Għal xi wħud, l-ammont żejjed ta’ protezzjoni kważi jwassal biex, fil-prattika, iġibhom eqwivalenti għal persuni li ma humiex kapaċi jagħtu l-kunsens tagħhom. Għal oħrajn, għall-kuntrarju, peress li huma tranżazzjonijiet kumplessi li jinvolvu t-teħid ta’ riskji (fil-każ tad-deċiżjonijiet finanzjarji), l-obbligi ta’ informazzjoni minn qabel ma jidhrux li huma biżżejjed u ġie magħżul li jiġu ssupplimentati b’kundizzjonijiet serji u garanziji ex ante.

( 4 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Awwissu 2006, li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU 2006, L 241, p. 26).

( 5 ) Liġi tad-9 ta’ Settembru 1998 (BGB1. 1998 I, p. 2776), emendata bil-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2007 (BGB1. 2007 I, p. 1330).

( 6 ) Id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar wisq fid-deskrizzjoni ta’ din il-parti tal-fatti.

( 7 ) Hija tinvoka, għal dan il-għan, it-tieni sentenza, punt 3 tal-Artikolu 1(1a), tal-KWG u l-Artikolu 4(1)(9) tad-Direttiva 2004/39.

( 8 ) It-tieni sentenza, punt 1a tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG.

( 9 ) Hija żżid li din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata minn żewġ qrati kontenzjużi-amministrattivi f’sentenzi prudenzjali mogħtija fl-ewwel istanza, li rrispettaw il-kliem tal-liġi (“Geschäfte über”, “tranżazzjonijiet f’relazzjoni ma’”), li minn dan wieħed ma jistax jiddeduċi li l-intermedjazzjoni biss hija inkorporata taħt tranżazzjonijiet legali li fihom isir direttament l-akkwist legali tal-istrument finanzjarju.

( 10 ) Ma huwiex ċar fid-digriet tar-rinviju jekk din il-mara aġixxietx b’titolu professjonali jew biss personali, u lanqas jekk għamlitx dan darba biss jew b’mod regolari. Kif irrikonoxxa matul is-seduta l-Gvern Ġermaniż, id-Direttiva 2004/39, kif ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali, hija tapplika biss f’dan il-pajjiż għall-persuni fiżiċi meta jipprovdu s-servizzi tagħhom professjonalment.

( 11 ) Skont kif indika l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, K. Pflanz aġixxiet bħala “ambaxxatriċi”, meta pproponiet il-kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll lil M. Z. Khorassanil, li dan iffirma u hi bagħtet, sussegwentement, lill-kumpannija ta’ ġestjoni. Hija kkunsidrat, għalhekk, li l-problema mqajma f’din il-kawża kienet idderivata iktar mir-rakkomandazzjoni li jsir kuntratt (aġir li kienet ħatja tiegħu) milli mit-trażmissjoni tal-kuntratt diġà ffirmat.

( 12 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474), punt 35; u tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835), punt 31.

( 13 ) Anness I, Taqsima A, punt 1

( 14 )

( 15 ) Skont il-verżjoni Spanjola, “recepción y transmisión de órdenes de clientes en relación con uno o más instrumentos financieros”; skont dik Franċiża, “réception et transmission d’ordres portant sur un ou plusieurs instruments financiers”; skont dik Ingliża, “reception and transmission of orders in relation to one or more financial instruments”; skont dik Taljana, “ricezione e trasmissione di ordini riguardanti uno o più strumenti finanziari”; skont dik Portugiża, “recepção e transmissão de ordens relativas a um ou mais instrumentos financeiros”.

( 16 ) Ma hemmx korsiv fil-verżjoni oriġinali.

( 17 ) Nixtieq infakkar li, skont din il-premessa, “[g]ħall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-kummerċ tar-riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet għandu jinkludi wkoll li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar biex b’hekk tinġieb transżazzjoni bejn dawn l-investituri.”.

( 18 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344), punti 5152.

( 19 ) Għandu jitfakkar li l-parir dwar l-investiment ġie kklassifikat bħala tip ta’ servizz finanzjarju, għall-ewwel darba, fid-Direttiva MiFID I, peress li d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43), ma kinitx tirrikonoxxiha. Ikun illoġiku kieku d-Direttiva 93/22 inkludiet bħala servizz finanzjarju ta’ riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet il-medjazzjoni sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ ġestjoni tal-portafoll u ma applikatx din għas-servizzi ta’ parir dwar l-investiment.

( 20 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Nilaş et (C‑248/11, EU:C:2012:166), punt 48.

( 21 ) Għandu jiġi nnotat li din id-direttiva ma tarmonizzax kompletament il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji u hija limitata biex twettaq armonizzazzjoni parzjali, kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha, li tgħid li “huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ l-investiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post.”

( 22 ) F’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank (C‑312/14, EU:C:2015:794) ikkonkludiet li ma humiex servizz jew attività ta’ investiment għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39 ċerti tranżazzjonijiet ta’ kambju, magħmula minn istituzzjoni ta’ kreditu skont klawżoli ta’ kuntratt ta’ self f’muniti barranin, li għandhom jiddeterminaw l-ammont tas-self skont it-tip ta’ xiri tal-munita barranija applikabbli fiż-żmien tal-ħlas tal-fondi u fid-determinazzjoni tal-ammonti tal-pagamenti mensili skont dan it-tip ta’ bejgħ ta’ din il-munita barranija applikabbli fiż-żmien tal-kalkolu ta’ kull pagament mensili.

( 23 ) Id-Direttiva MiFID II (Artikoli 39 sa 42) u r-Regolament MiFIR (Artikoli 46 sa 49), li ser jissostitwixxu d-Direttiva MiFID I mit-3 ta’ Jannar 2018, jipprovdu sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ ditti ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jipproponu s-servizzi finanzjarji tagħhom fl-Unjoni mingħajr il-bżonn li jistabbilixxu fergħa, bil-kundizzjoni li s-sistema ta’ sorveljanza tal-Istat ta’ oriġini tagħhom tkun ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala ekwivalenti għal dik tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 600/2014, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84) u d-Direttiva 2014/65/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349).

( 24 ) Meta ġie mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li ma kellux biżżejjed informazzjoni addizzjonali dwar il-fatti.