KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )
Kawża C‑668/15
Jyske Finans A/S
vs
Ligebehandlingsnævnet, li qed jaġixxi għal Ismar Huskic
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka)]
“(Direttiva 2000/43/KE — Artikolu 2 — Ugwaljanza fit-trattament tal-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etnika — Prassi kummerċjali ta’ stabbiliment ta’ kreditu fil-kuntest ta’ self għax-xiri ta’ vettura bil-mutur — Direttiva 2005/60/KE — Artikolu 13 — Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu — Rekwiżit li l-klijent jipprovdi identifikazzjoni addizzjonali meta l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tindika post tat-twelid li ma jkunx wieħed mill-pajjiżi Nordiċi, Stat Membru, l-Isvizzera jew il-Liechtenstein)”
1. |
X’jgħid il-post tat-twelid ta’ persuna dwar l-oriġini etnika ta’ din il-persuna? |
2. |
B’sorpriża, ftit. |
3. |
Fir-realtà, li jiġi sostnut li hemm rabta inaljenabbli bejn il-post tat-twelid ta’ persuna u l-fatt li din tkun ta’ oriġini etnika partikolari jservi biss, meta jitqies kollox, sabiex jinżammu ċerti stereotipi mnissla ħażin. |
4. |
Fil-kawża prinċipali, il-liċenzja tas-sewqan ta’ applikant għal self tindika li l-post tat-twelid tiegħu ma huwiex pajjiż Nordiku ( 2 ), Stat Membru tal-Unjoni, l-Isvizzera jew il-Liechtenstein ( 3 ). Il-fatt li l-istabbiliment ta’ kreditu li jsellef jitlob lill-klijent jipproduċi passaport maħruġ minn wieħed minn dawn il-pajjiżi jew, fin-nuqqas ta’ dan, jipproduċi passaport maħruġ minn pajjiż terz u permess ta’ residenza validu (iktar ’il quddiem il-“prassi inkwistjoni”) jammonta għal diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika? Jekk dan huwa l-każ, il-prassi inkwistjoni tista’ tkun iġġustifikata b’riferiment għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu? |
5. |
Dawn huma l-kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha fil-każ inkunsiderazzjoni. Dan il-każ għandu, b’mod partikolari, jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti gwida dwar ir-rabta bejn diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika, in-nazzjonalità u l-post tat-twelid. |
6. |
Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, prassi bħal din inkwistjoni ma tittrattax lil klijenti b’mod differenti skont l-oriġini etnika tagħhom. Konsegwentement ma naħsibx li jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis jekk tali prassi tistax tkun iġġustifikata. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2000/43/KE ( 4 )
7. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43 (“L-għan”) jipprevedi li l-għan tagħha huwa li jiġi stabbilit qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini tar-razza jew etnika, bil-għan li jiġi implementat fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
8. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43 (“Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”) jipprevedi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:
|
9. |
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43 (“Il-qasam ta’ applikazzjoni”), din id-direttiva ma tkoprix differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità u hija bla ħsara għal dispożizzjonijiet u kundizzjonijiet relatati mad-dħul u mar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju ta’ Stati Membri, u għal kull trattament li jirriżulta mill-istatus legali taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u tal-persuni mingħajr stat ikkonċernati. |
10. |
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 (“Il-piż tal-provi”) l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta persuni li jqisu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jkunx ġie applikat fir-rigward tagħhom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
2. Id-Direttiva 2005/60/KE ( 5 )
11. |
Il-Kapitolu I tad-Direttiva 2005/60 (“Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”) jinkludi l-Artikoli 1 sa 5. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2005/60 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu jkunu pprojbiti. Skont l-Artikolu 2(1)(1) tagħha, id-Direttiva 2005/60 tapplika għal stabbilimenti ta’ kreditu, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1). Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti fil-qasam kopert minn din id-direttiva sabiex jevitaw il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. |
12. |
Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60 (“Diliġenza dovuta mal-klijent”) jinkludi l-Artikoli 6 sa 19. Filwaqt li t-Taqsima I ta’ dan il-kapitolu (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) tinkludi, fl-Artikoli 6 sa 10, regoli bażiċi dwar miżuri ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, it-Taqsima 2 (“Diliġenza dovuta simplifikata mal-klijent”) tistabbilixxi regoli li jippermettu l-użu, f’ċerti okkażjonijiet speċifiċi, tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta ssimplifikata mal-klijent. |
13. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/60 (l-unika dispożizzjoni tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent”) jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jesiġu mill-istituzzjonijiet [stabbilimenti] u mill-persuni koperti minn din id-Direttiva, li japplikaw, fuq il-bażi tal-konoxxenza tar-riskju, miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, flimkien mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 7, 8 u 9(6), f’sitwazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu joħolqu riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u għallinqas fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2, 3, u 4 u f’sitwazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw riskju kbir ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jissodisfaw il-kriterji tekniċi stabbiliti skond Artikolu 40(1)(ċ). 2. Fejn il-klijent ma kienx preżenti fiżikament għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jesiġu li dawk l-istituzzjonijiet u persuni japplikaw miżuri speċifiċi u adatti sabiex jikkumpensaw għar-riskju ikbar, per eżempju billi japplikaw waħda, jew aktar, minn dawn il-miżuri li ġejjin:
[…] 4. Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet jew relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni esposti politikament li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jesiġu mill-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva li:
[…] 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe theddida ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu li tista’ tiġi minn prodotti jew tranżazzjonijiet li jistgħu jiffavorixxu l-anonimità, u jieħdu miżuri, jekk ikun meħtieġ, sabiex jevitaw l-użu tagħhom fi skemi ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu.” |
B – Il-leġiżlazzjoni Daniża
14. |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43 ġew trasposti fid-dritt Daniż permezz tal-Lov om etnisk ligebehandling (liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament etniku, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament”) ( 6 ). Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-leġiżlatur Daniż, wara kunsiderazzjoni, iddeċieda li ma jinkludix, fil-liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament, il-kriterju ta’ diskriminazzjoni minħabba l-post tat-twelid, peress li dan il-kriterju ma huwiex imsemmi f’din id-direttiva. |
15. |
Il-Lov om forebyggende foranstaltninger mod hvidvask af udbytte og finansiering af terrorisme (liġi dwar miżuri preventivi kontra l-ħasil ta’ profitti u l-finanzjament tat-terroriżmu, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-ħasil tal-flus) ( 7 ) tinkludi dispożizzjonijiet li jimplementaw id-Direttiva 2005/60. B’mod partikolari, filwaqt li t-Taqsima 12 tal-liġi dwar il-ħasil tal-flus tipprevedi regoli ġenerali dwar diliġenza dovuta mal-klijent, it-Taqsima 19, li b’mod ġenerali tikkorrispondi għall-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, tipprevedi, fis-sottotaqsima 1 tagħha, li, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju, il-persuni u l-impriżi koperti minn din il-liġi għandhom jistabbilixxu rekwiżiti ulterjuri dwar l-identifikazzjoni ta’ klijenti minn dawk imsemmija fit-Taqsima 12 tal-liġi f’sitwazzjonijiet li jinvolvu, fihom u minnhom infushom, riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Bħala minimu, huma għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sottotaqsimiet 2 sa 4 ta’ din id-dispożizzjoni. |
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u d-domandi preliminari
16. |
Ismar Huskic (iktar ’il quddiem il-“persuna li għamlet l-ilment”) twieled fil-Bosnja-Ħerzegovina fl-1975. Huwa u familtu marru joqogħdu d-Danimarka fl-1993, fejn għex minn dak iż-żmien ’l hawn. Sar ċittadin Daniż f’Diċembru 2000. Huwa jgħix mas-sieħba tiegħu, li hija wkoll ċittadina Daniża. |
17. |
Jyske Finans A/S (iktar ’il quddiem “Jyske Finans”), sussidjarja tal-istabbiliment finanzjarju Jyske Bank A/S, toffri self għal karozzi u arranġamenti għal leasing ta’ karozzi lil individwi u negozji, b’kooperazzjoni ma’ konċessjonarji ta’ vetturi bil-mutur. |
18. |
F’Ġunju 2009 il-persuna li għamlet l-ilment u s-sieħba tagħha kkonkludew kuntratt ma’ konċessjonarju ta’ vetturi bil-mutur għax-xiri ta’ karozza użata. Ix-xiri tal-karozza kien iffinanzjat parzjalment b’self għal karozza kkuntrattat b’mod konġut mill-persuna li għamlet l-ilment u s-sieħba tagħha ma’ Jyske Finans. B’rabta mal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal self, Jyske Finans talbet li l-persuna li għamlet l-ilment tipprovdi dokumentazzjoni addizzjonali, minħabba li l-liċenzja tas-sewqan tagħha kienet tindika li hija kienet twieldet fil-Bosnja-Ħerzegovina. Ma kien impost ebda rekwiżit ekwivalenti ta’ dokumentazzjoni addizzjonali fir-rigward tas-sieħba tagħha, li, skont l-informazzjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħha, kienet twieldet f’Odense, fid-Danimarka. |
19. |
Il-persuna li għamlet l-ilment qieset it-talba ta’ Jyske Finans bħala diskriminatorja u ressqet ilment quddiem il-Ligebehandlingsnævnet (bord għall-ugwaljanza fit-trattament) li, inter alia, jittratta lmenti dwar diskriminazzjoni minħabba l-oriġini tar-razza jew etnika . Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010, il-bord għall-ugwaljanza fit-trattament ikkonstata li Jyske Finans kienet iddiskriminat b’mod indirett kontra l-persuna li għamlet l-ilment u kkundannat lil Jyske Finans tħallas DKK10 000 (madwar EUR 1340) bħala kumpens. |
20. |
Jyske Finans kienet tal-fehma li d-deċiżjoni tal-bord għall-ugwaljanza fit-trattament kienet tmur kontra l-liġi dwar il-ħasil tal-flus u ma kellhiex il-bażi legali meħtieġa mil-liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament. Jyske Finans, għalhekk, għażlet li ma tkunx konformi mad-deċiżjoni tal-bord għall-ugwaljanza fit-trattament. Dan wassal lill-bord għall-ugwaljanza fit-trattament jiftaħ kawża quddiem ir-Retten i Viborg (qorti distrettwali, Viborg, id-Danimarka) f’isem il-persuna li għamlet l-ilment. |
21. |
Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Frar 2013, ir-Retten i Viborg (qorti distrettwali, Viborg) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-bord għall-ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, hija ddeċidiet li d-diskriminazzjoni ta’ Jyske Finans kontra l-persuna li għamlet l-ilment abbażi tal-post tat-twelid tagħha kienet diskriminazzjoni diretta minħabba l-oriġini etnika. |
22. |
Jyske Finans appellat mis-sentenza tar-Retten i Viborg (qorti distrettwali, Viborg) quddiem il-qorti tar-rinviju. |
23. |
Matul il-proċeduri, Jyske Finans qalet li, meta ttrattat l-applikazzjoni għal self tal-persuna li għamlet l-ilment, hija applikat regola interna, jiġifieri l-prassi inkwistjoni. Jyske Finans qalet li l-prassi inkwistjoni kienet ġiet stabbilita fid-dawl tal-obbligu ta’ Jyske Finans li tkun konformi mal-liġi dwar il-ħasil tal-flus. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis bħala stabbilit li r-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni addizzjonali li Jyske Finans imponiet fuq il-persuna li għamlet l-ilment huwa bbażat unikament fuq il-fatt li l-liċenzja tas-sewqan Daniża tagħha tindika li hija kienet twieldet fil-Bosnja-Ħerzegovina u, għalhekk, f’pajjiż terz. |
24. |
Minħabba li kellha dubji dwar jekk il-prassi inkwistjoni tagħtix lok għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba l-oriġini etnika u dwar jekk tistax tkun permissibbli fid-dawl tal-obbligi imposti fuq, inter alia, stabbilimenti finanzjarji bil-għan tal-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
25. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Jyske Finans, mir-Renju tad-Danimarka u mill-Kummissjoni. Fit-12 ta’ Ottubru 2016 ġew mismugħa l-osservazzjonijiet orali ta’ dawn il-partijiet. |
III – Analiżi
26. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prassi inkwistjoni tammontax għal diskriminazzjoni diretta skont id-Direttiva 2000/43. Jekk dan ma jkunx il-każ, allura, permezz tat-tieni domanda tagħha, dik il-qorti tfittex li taċċerta jekk din il-prassi tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata. Fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat ġustifikazzjoni possibbli għall-prassi inkwistjoni fil-każ li din ikollha titqies prima facie bħala indirettament diskriminatorja. |
27. |
Ser inqis l-aspett tad-diskriminazzjoni u dak tal-ġustifikazzjoni wara xulxin fit-taqsimiet A u B ta’ din l-analiżi. |
A – L-ewwel u t-tieni domanda preliminari
28. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li ser nirrispondi flimkien, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk il-prassi inkwistjoni, li tittratta klijenti b’mod differenti minħabba l-post tat-twelid tagħhom, tammontax għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta skont id-Direttiva 2000/43. |
29. |
L-ewwelnett ser nagħmel xi osservazzjonijiet dwar għaliex id-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika kif użata fid-Direttiva 2000/43 ma tistax tkun stabbilita unikament abbażi tal-post tat-twelid ta’ persuna. Dawn il-kunsiderazzjonijiet imbagħad jiggwidaw ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-prassi inkwistjoni tammontax għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq din il-bażi. |
1. Osservazzjonijiet ġenerali
30. |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq “l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”. Dawn huma ż-żewġ kriterji li abbażi tagħhom din id-direttiva rrendiet illegali t-trattament differenti ta’ persuni. |
31. |
Mill-bidu nett, għall-prevenzjoni u għall-ikkumbattar tar-razziżmu, jeħtieġ li l-ewwel ikun iddefinit il-kunċett ta’ “razza” nnifsu. Madankollu, dan l-eżerċizzju sar iktar inaċċettabbli f’soċjetajiet moderni ( 8 ). Għaldaqstant, tul iż-żmien il-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini tar-razza forsi ċediet il-preeminenza tagħha favur il-kunċett inqas evidenti u tanġibbli ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika li, kif imsemmi iktar ’il quddiem, fil-punt 35, hija forma ta’ diskriminazzjoni razzjali. |
32. |
Id-Direttiva 2000/43 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “oriġini etnika” u, għalhekk, ma tagħtix risposta għad-domanda dwar jekk hemmx rabta bejn iż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq fil-punt 30 u l-post tat-twelid ta’ persuna ( 9 ). |
33. |
Dan ma huwiex ta’ sorpriża. Il-formulazzjoni tal-kriterji li jiddefinixxu l-qofol ta’ oriġini etnika u d-deskrizzjoni ta’ x’jagħmilha differenti minn oriġinijiet etniċi oħra jistgħu jkunu ta’ sfida wisq kbira għal persuna waħda biss. Kif saqsiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, x’jagħmel, pereżempju, lil persuna tkun ta’ “oriġini etnika Daniża”, u tali persuna kif hija etnikament differenti minn oħrajn, bħal persuna ta’ oriġini etnika “Svediża” jew “Norveġiża” — sal-punt li dawn l- oriġinijiet etniċi fil-fatt ikunu jeżistu? Ma huwiex għalija li nipprova nirrispondi din id-domanda diffiċli. |
34. |
Madankollu, quddiem dan is-skiet leġiżlattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, u din ma qagħditx lura f’dan ir-rigward, tagħti interpretazzjoni awtoritattiva. Fil-kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “oriġini etnika”, jew ta’ etniċità, “jirriżulta mill-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni” ( 10 ). |
35. |
Meta tat din id-definizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), li kienet affermat li “l-etniċità u r-razza huma kunċetti relatati […] L-etniċità tirriżulta mill-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa komuni, jew oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni. Diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika ta’ persuna hija forma ta’ diskriminazzjoni razzjali” ( 11 ). |
36. |
Il-karatteristiċi ta’ “oriġini etnika”, kif intqal iktar ’il fuq fil-punti 34 u 35, ma jagħmlux riferiment għal post tat-twelid ta’ persuna. Madankollu, l-użu tal-kliem “b’mod partikolari” jindika n-natura mhux eżawrjenti ta’ dawk il-fatturi. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li post tat-twelid ta’ persuna jista’ jikkostitwixxi tali fattur, jew għall-inqas jista’ jkun fattur kontributorju. |
37. |
Madankollu, irrid nenfasizza li, fil-kaz inkunsiderazzjoni, il-post tat-twelid tal-persuna li għamlet l-ilment huwa l-uniku kriterju li wassal lill-bord għall-ugwaljanza fit-trattament u, sussegwentement, lir-Retten i Viborg (qorti distrettwali, Viborg) sabiex jikkonstataw li l-prassi inkwistjoni tammonta għal diskriminazzjoni minħabba oriġini etnika, kemm jekk diretta kif ukoll jekk indiretta. Meta jsir hekk, l-implikazzjoni hija li post tat-twelid ta’ persuna jikkundizzjona l-oriġini etnika tal-persuna kif użata fid-Direttiva 2000/43. |
38. |
Madankollu, din l-idea ma hijiex sostnuta mid-Direttiva 2000/43. |
39. |
Diskriminazzjoni abbażi tal-post tat-twelid hija kriterju awtonomu ta’ diskriminazzjoni distint minn kriterji oħra ta’ diskriminazzjoni bħall-oriġini etnika jew in-nazzjonalità. Dawn il-kriterji ma għandhomx jingħaqdu. Id-Direttiva 2000/43 ma tipproteġix kontra sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni li ma jkunux ibbażati fuq il-karatteristiċi personali elenkati fiha ( 12 ). |
40. |
Pereżempju, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43, il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, li tapplika bl-istess mod għas-settur privat u għal dak pubbliku f’firxa wiesgħa ta’ oqsma elenkati fl-Artikolu 3(1) tagħha, ma testendix għad-differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità ( 13 ). Dan huwa konformi mal-idea li l-pussess ta’ nazzjonalità partikolari jgħid ftit dwar l-oriġini etnika ta’ persuna. Kif indikat fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punti 34 u 35, “nazzjonalità komuni”— jiġifieri nazzjonalità fis-sens “etniku” tal-kelma ( 14 ) — hija biss fattur wieħed li jiddistingwi etniċità partikolari. |
41. |
Fil-fehma tiegħi, din l-istess loġika tapplika għall-kwistjoni dwar jekk diskriminazzjoni abbażi tal-post tat-twelid ta’ persuna tammontax għal diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika. Post tat-twelid huwa biss fattur speċifiku wieħed li bih wieħed jista’ jislet il-konklużjoni li persuna tista’ tkun tappartjeni għal grupp etniku partikolari, iżda bl-ebda mod ma jiddetermina dan. Pereżempju, xi tkun l-oriġini etnika ta’ persuni adottati minn pajjiżi terzi u mdaħħla fl-Unjoni jew fl-EFTA? Dan ma jistax jiġi previst b’mod ġenerali. Barra minn dan, jekk grupp soċjali jista’ jitqies li huwa komunità etnika distinta l-iktar minħabba l-fidi reliġjuża tiegħu, id-drawwiet tiegħu u l-mod ta’ ħajja tiegħu ( 15 ), allura l-post tat-twelid ta’ persuna li tkun tappartjeni lil tali komunità x’jgħid dwar l-etniċità ta’ din il-persuna? |
42. |
Għandi ninnota, barra minn dan, li l-kunċett ta’ “post tat-twelid” fih innifsu huwa ambigwu. Fil-każ inkunsiderazzjoni, dan il-kunċett, kif użat fil-liċenzja tas-sewqan tal-persuna li għamlet l-ilment, ġie assimilat mal-pajjiż tat-twelid tagħha — b’mod kuntrarju għal dak tas-sieħba tagħha. Użu mal-pajjiż kollu tal-kriterju ta’ “post tat-twelid” jippermetti b’mod iktar faċli l-inferenza li l-persuna inkwistjoni tappartjeni lil “nazzjonalità komuni”, li hija waħda mill-karatteristiċi li jindikaw oriġini etnika skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punti 34 u 35. Madankollu, ma hemmx bażi fil-liġi għall-idea li għal kull Stat sovran, teżisti oriġini etnika korrispondenti waħda — u waħda biss. |
43. |
Fl-aħħar nett, huwa minnu li, kif intqal mir-Renju tad-Danimarka, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni minħabba r-razza jew l-oriġini etnika, iżda wkoll minħabba t-twelid. Madankollu, dik l-enumerazzjoni separata sempliċement issaħħaħ l-idea li l-kunċetti ta’ “oriġini etnika” u “twelid” huma differenti. |
44. |
Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li, kif ir-Renju tad-Danimarka jirrikonoxxi, il-kriterji ta’ oriġini etnika u ta’ post tat-twelid ma għandhomx rabta awtomatika u meħtieġa bejniethom. Il-post tat-twelid ta’ persuna jista’ jkun fattur rilevanti meta jitqies jekk dik il-persuna tappartjenix għal grupp etniku. Madankollu, diskriminazzjoni minħabba oriġini etnika ma tistax tiġi stabbilita biss b’riferiment għall-post tat-twelid ta’ persuna. |
2. Il-prassi inkwistjoni tammonta għal diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43?
45. |
Konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 teżiġi li l-oriġini etnika tkun iddeterminat id-deċiżjoni li jiġi impost it-trattament, jew, fi kliem ieħor, li t-trattament inkwistjoni juri bil-provi li kien introdott u/jew inżamm għal raġunijiet relatati mal-oriġini etnika ( 16 ). |
46. |
Sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha ta’ diskriminazzjoni diretta, ir-Retten i Viborg (qorti distrettwali, Viborg) ikkonstatat, l-ewwel nett, li kważi n-nies kollha li japplikaw għal self jew għal finanzjament mingħand Jyske Finans għandhom ir-residenza tagħhom fid-Danimarka u huma Daniżi etniċi u, it-tieni nett, li l-prassi inkwistjoni, għalhekk, timplika li persuni mwielda f’pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn persuni mwielda fid-Danimarka. Hija ikkonstatat ukoll li tali differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata fuq in-nazzjonalità ta’ dawk l-applikanti, “iżda fuq l-oriġini ġeografika tagħhom u, għaldaqstant, fuq l-oriġini etnika tagħhom” (enfasi miżjuda). |
47. |
Din il-loġika hija difettuża għal diversi raġunijiet. |
48. |
L-ewwel nett, kif ġie konkluż fil-punt 44, differenza fit-trattament minħabba l-oriġini etnika ma hijiex konsegwenza awtomatika ta’ differenza fit-trattament abbażi tal-oriġini ġeografika jew tal-post tat-twelid. |
49. |
It-tieni nett, id-dikjarazzjoni li kważi l-persuni kollha mwielda barra mid-Danimarka ma humiex “Daniżi etniċi” — kieku oriġini etnika bħal din kellha teżisti — ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit każ ta’ diskriminazzjoni diretta. Jekk xejn, dan pjuttost jindika il-preżenza ta’ diskriminazzjoni indiretta. |
50. |
Fl-aħħar nett, ma huwiex korrett li l-paragun li għandu jsir ikun ristrett għas-sitwazzjoni relatata ma’ persuni mwielda fid-Danimarka, minn naħa, ma’ dik ta’ persuni mwielda f’pajjiż terz, min-naħa l-oħra. Il-prassi inkwistjoni sempliċement ma hijiex ristretta għal dan. Anzi, it-test tajjeb għal diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/43 jitlob li ssir analiżi dwar jekk il-prassi inkwistjoni tinvolvix differenza fit-trattament minħabba l-oriġini etnika bejn, minn naħa, persuna mwielda fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat tal-EFTA u, min-naħa l-oħra, persuna mwielda f’pajjiż terz. |
51. |
Issa d-digriet tar-rinviju ma jindikax li hemm provi li juru li l-prassi inkwistjoni nħolqot għal raġunijiet relatati mal-oriġini etnika partikolari ta’ applikanti għal self. |
52. |
Madankollu, waqt is-seduta b’mod partikolari, ir-Renju tad-Danimarka ssottometta li kien possibbli li l-prassi inkwistjoni tkun ipperċepita bħala waħda direttament diskriminatorja, minħabba li l-effett prattiku tagħha ġeneralment huwa li jinxteħet suspett fuq ċittadini Daniżi mwielda f’pajjiżi terzi li, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, ġeneralment ma jkunux ta’ “oriġini etnika Daniża”. |
53. |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa irrilevanti, skont id-Direttiva 2000/43 li l-prassi inkwistjoni tittratta lil ċittadini Daniżi mwielda f’pajjiżi terzi b’mod inqas favorevoli minn ċittadini Daniżi mwielda fl-Unjoni jew fl-Istati tal-EFTA. La ċ-ċittadinanza tagħhom u lanqas il-post tat-twelid tagħhom ma huma karatteristiċi personali protetti minn din id-direttiva. |
54. |
It-tieni nett, dan it-tip ta’ argument huwa bbażat fuq l-illużjoni li l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u l-etniċità jimxu id f’id. Għar-raġuni msemmija iktar ’il fuq fil-punt 3, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
55. |
Fl-aħħar nett, l-effett prammatiku tal-prassi inkwistjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit każ ta’ diskriminazzjoni diretta ( 17 ). |
56. |
Abbażi ta’ dan, ma nqisx li l-prassi inkwistjoni tammonta għal diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43. Issa ser ngħaddi sabiex inqis jekk il-prassi inkwistjoni timplikax diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha. |
3. Il-prassi inkwistjoni tammonta għal diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43?
57. |
Sabiex miżura tkun tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, huwa biżżejjed li, għalkemm tuża kriterji newtrali li ma jkunux ibbażati fuq l-etniċità, dik il-miżura jkollha l-effett li b’mod partikolari tqiegħed persuni ta’ “[ċerta] oriġini [...] etnik[a]” fi żvantaġġ ( 18 ). Diskriminazzjoni indiretta ma jeħtiġilhiex neċessarjament intenzjoni diskriminatorja ( 19 ). Din tista’ tkun stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ provi mill-istatistika ( 20 ). |
58. |
Meta jitqies jekk l-użu minn Jyske Finans tal-kriterju newtrali tal-post tat-twelid jimplikax diskriminazzjoni indiretta, jista’ jiġi sostnut li l-fatt li jiġu mmirati persuni mwielda barra mill-Unjoni jew mill-Istati tal-EFTA, jista’ iktar, b’mod ġenerali, jaffettwa ħażin lil persuni ta’ “ċerta oriġini [...] etnik[a]”. Tabilħaqq, din hija essenzjalment il-fehma tar-Renju tad-Danimarka, li tqis li r-rekwiżit addizzjonali impost mill-prassi inkwistjoni jaffettwa lil persuni mwielda f’pajjiżi terzi u, konsegwentement, l-iktar lil persuni ta’ “oriġini etnika mhux Daniża”. |
59. |
Madankollu, fehma bħal din ma hijiex sostenibbli. |
60. |
Jekk wieħed jassumi għas-saħħa tal-argument li r-Renju tad-Danimarka huwa korrett meta jsostni li persuni mhux imwielda f’dan l-Istat Membru ġeneralment ma jkunux ta’ “oriġini etnika Daniża”, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43. Tabilħaqq, sabiex ikun operattiv, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta skont dik id-dispożizzjoni jeżiġi li l-allegata miżura diskriminatorja jkollha l-effett li tqiegħed oriġini etnika partikolari fi żvantaġġ. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni teżiġi li tiġi identifikata l-oriġini etnika partikolari (jew l-oriġinijiet, f’każ li prassi taffettwa lil diversi komunitajiet etniċi distinti) li għaliha tkun tapplika l-protezzjoni skont din id-direttiva u li tkun ġarrbet trattament inqas vantaġġuż. Għall-kuntrarju tal-fehma espressa mir-Renju tad-Danimarka fil-punt 58 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala li tagħti protezzjoni (negattiva) kontra miżuri li argumentabbilment iqiegħdu lil oriġini etnika partikolari f’vantaġġ, mingħajr ma tiġi identifikata wkoll oriġini etnika speċifika li hija mqiegħda fi żvantaġġ. F’dan is-sens, għalkemm il-kliem tal-verżjoni Ingliża u Ġermaniża tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jista’ jitqies bħala inkonklussiv f’dan ir-rigward, verżjonijiet uffiċjali oħra lingwistiċi jużaw kliem iktar preċiż li jiċċara t-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni ( 21 ) u li huwa sostnut mill-għan u mill-iskema ġenerali tad-direttiva ( 22 ). Dan l-għan huwa, skont il-premessa 17 tagħha, “sabiex [tipprevjieni jew tikkompensa] għall-iżvantaġġi sofferti minn gruppi ta’ persuni ta’ oriġini ta’ razza jew etnika partikolari” (enfasi miżjuda). Ikun kuntrarju għall-iskema ġenerali tad-Direttiva 2000/43 li sempliċement jiġi applikat l-Artikolu 2(2)(b) tagħha fl-astratt, minħabba li kull esseri uman meqjus separatament għandu oriġini etnika, anki jekk din l-oriġini tkun għad jonqosha ssir magħrufa sewwa. |
61. |
Ċertament, sabiex tiġi applikata l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika la jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun attwalment tappartjeni lil komunità etnika li tkun il-mira ta’ trattament inqas favorevoli (fil-każ ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”) ( 23 ), lanqas li vittma tkun identifikata pożittivament ( 24 ). Madankollu dan ma jbiddilx il-fatt li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jeżiġi l-identifikazzjoni ta’ oriġini etnika partikolari fil-mira ta’ miżura diskriminatorja. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma dan. |
62. |
Tabilħaqq, fl-ewwel lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx qiegħda tirrimarka deliberatament dwar din il-kwistjoni, hija konsistentement għamlet riferiment għal “ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali”, “persuni ta’ oriġini etnika partikolari” u “persuni li għandhom tali oriġini etnika” (enfasi miżjuda) ( 25 ). |
63. |
Fit-tieni lok, il-kawżi ewlenin li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat li kienu jikkonċernaw id-Direttiva 2000/43 kollha kellhom x’jaqsmu ma’ gruppi identifikati ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ma kienx ikkontestat li tapplika l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/43 ( 26 ). |
64. |
Fit-tielet lok, essenzjalment kif qalet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-paragun għandu jitwettaq mhux b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fid-dawl tat-trattament favorevoli inkwistjoni ( 27 ). |
65. |
Din il-fehma ma hijiex mqiegħda f’dubju mill-argument, li fuqu bbaża ruħu r-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta, li l-QEDB reċentement iddeċidiet, b’maġġoranza, li regoli nazzjonali dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li ġeneralment jolqtu sfavorevolment lil persuni ta’ “oriġini etnika barranija” jiksru l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tagħha ( 28 ). Dik il-kawża kienet dwar differenza fit-trattament ta’ ċittadini tal-istess Stat ibbażata fuq it-tul taż-żmien taċ-ċittadinanza tagħhom, u, għalhekk, kwistjoni li fir-rigward tagħha d-Direttiva 2000/43 ma tagħtix protezzjoni ikbar milli tagħti fir-rigward tal-post tat-twelid ta’ persuna. Barra minn dan, għalkemm il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni — b’mod partikolari l-Artikolu 14 — ma jimplikax li jkun jeħtieġ tiġi identifikata oriġini etnika partikolari fil-mira ta’ miżura diskriminatorja, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43. |
66. |
Filwaqt li nerġa’ ngħaddi għall-kwistjoni inkunsiderazzjoni, ninnota li l-unika biċċa informazzjoni ċara li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha hija li l-persuna li għamlet l-ilment twieldet fil-Bosnja-Ħerzegovina. Kien x’kien, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni ma huwiex deċiżiv: il-fatt dwar jekk il-prassi inkwistjoni tammontax għal diskriminazzjoni indiretta għandu jitqies speċifikament abbażi ta’ din il-prassi nfisha. |
67. |
Fil-fatt, il-prassi inkwistjoni tidher li taffettwa lill-oriġinijiet etniċi kollha bl-istess mod, minħabba li l-pajjiżi terzi potenzjalment għandhom kull oriġini etnika fuq wiċċ id-dinja. Huwa, għalhekk, eskluż li l-prassi inkwistjoni tista’ taffettwa lil persuni ta’ oriġini etnika partikolari fi “proporzjonijiet kunsiderevolment ikbar” meta mqabbla ma’ persuni oħra ( 29 ). |
68. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ma nqisx li l-prassi inkwistjoni timplika diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43. |
4. Konklużjoni intermedja
69. |
Minn dak espost iktar ’il fuq isegwi li l-prassi inkwistjoni ma tinqabadx la mill-Artikolu 2(2)(a) u lanqas minn (b) tad-Direttiva 2000/43. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li titqies it-tielet domanda preliminari. Madankollu, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis il-prassi inkwistjoni bħala li tammonta għal diskriminazzjoni indiretta, jiena ser nirrispondi dik id-domanda iktar ’il quddiem fil-punt 72 et seq. |
70. |
Barra minn dan, inqis ukoll li ma huwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar l-argument magħmul mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-prassi inkwistjoni setgħet tiddiskrimina illegalment bejn ċittadini tal-Unjoni abbażi ta’ meta huma jkunu kisbu ċ-ċittadinanza tagħhom ( 30 ). L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju ma saqsietx domanda dwar dan. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar dan l-argument u l-partijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma kellhom l-opportunità jissottomettu osservazzjonijiet dwar dan l-argument ġdid, kif huwa d-dritt tagħhom. Fl-aħħar nett, u f’kull każ, għandi diffikultà nara r-rilevanza ta’ dan l-argument minħabba li, fl-ewwel lok, is-sottomissjoni orali tal-Kummissjoni speċifikament kellha f’moħħha diskriminazzjoni possibbli bejn ċittadini Daniżi. Madankollu, għal darba oħra, din tinterpreta ħażin l-ambitu tal-prassi inkwistjoni, li ma hijiex limitata għal dawn iċ-ċittadini. Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza li fuqha toqgħod il-Kummissjoni insostenn tal-fehma tagħha tikkonċerna ċittadini tal-Unjoni li, wara li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, ikunu marru joqogħdu fi Stat Membru ieħor u jkunu saru ċittadini naturalizzati tiegħu. Ma ġejtx informat li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali. |
71. |
Għalkemm l-esperjenza diretta, fir-rigward tad-differenza fit-trattament ikkawżata mill-prassi inkwistjoni, li kellha l-persuna li għamlet l-ilment setgħet kienet il-kaġun ta’ rabja, din ma kinitx prekluża skont id-Direttiva 2000/43. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, għalhekk, tipprova tipprojbixxi permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja din id-differenza fit-trattament, minħabba li dan huwa kompitu li proprjament għandu jitwettaq mil-leġiżlatura tal-Unjoni billi testendi l-lista ta’ kriterji protetti minn din id-direttiva. |
B – Fuq it-tielet domanda preliminari
72. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk prassi bħal dik inkwistjoni tistax titqies legali minħabba l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/60 li jistabbilixxi regoli dwar diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent. Din id-domanda għandha rabta mat-tieni domanda preliminari, minħabba li tagħmel parti mid-domanda dwar jekk il-prassi inkwistjoni hijiex indirettament diskriminatorja. Kuntrarjament għal każijiet ta’ diskriminazzjoni diretta ( 31 ), taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, każ prima facie ta’ diskriminazzjoni indiretta jista’ ma jinqabadx minn din il-klassifikazzjoni jekk ikun “[ġġustifikati] oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa”. |
73. |
Jyske Finans, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tissottometti li konformità mar-regoli dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu hija għan leġittimu li jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika l-prassi inkwistjoni. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-prassi inkwistjoni hijiex xierqa u meħtieġa. |
74. |
Jyske Finans hija tal-opinjoni li dan huwa l-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjoni ġenerali tar-riskju b’rabta mal-pajjiż ikkonċernat (il-Bosnja-Ħerzegovina) u l-assenza ta’ kuntatt fiżiku bejn Jyske Finans u l-persuna li għamlet l-ilment meta kien miftiehem is-self. Hija tikkontendi, ulterjorment, li l-prassi inkwistjoni hija xierqa sabiex tiġi żgurata traċċabbiltà ikbar u identifikazzjoni korretta tal-klijenti. Din hija wkoll xierqa minħabba li turi x-xewqa tal-applikanti għal self li joħolqu rabtiet mal-Istat Membru tal-Unjoni jew ma’ Stat tal-EFTA milli mal-pajjiż tat-twelid tagħhom, sabiex b’hekk fl-aħħar nett jiġi żgurat li l-finanzjament mogħti ma jsirx flus permezz ta’ bejgħ immedjat tal-vettura u użat għal għanijiet li d-Direttiva 2005/60 tipprova tipprevjeni. Jyske Finans tissottometti wkoll li l-prassi inkwistjoni ma tistigmattizzax il-klijent, minħabba li l-informazzjoni li l-klijent kien twieled f’pajjiż terz hija pprivileġġata, u t-talba li jinġieb passaport, għalhekk, ma ssirx pubblika. |
75. |
Ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-prassi inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. B’mod partikolari r-Renju tad-Danimarka jissottometti li d-Direttiva 2005/60 ma tistabbilixxix rabta bejn il-post tat-twelid ta’ persuna u riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Kieku tagħmel hekk tkun qiegħda tikkontribwixxi għas-suspett u għall-istigmatizzazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni jew tal-Istati tal-EFTA mhux imwielda fihom. |
76. |
Mill-bidu nett inqis li l-objettiv tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika miżura indirettament diskriminatorja: fil-kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbuż tikkostitwixxi għan leġittimu għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 ( 32 ). Il-ħasil tal-flus huwa tip wieħed ta’ frodi u ta’ abbuż. Barra minn dan, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma għanijiet leġittimi li jistgħu, bħala prinċipju, jiġġustifikaw deroga mir-regoli dwar il-libertà tal-moviment ( 33 ), u li konsegwentement wieħed jista’ jistrieħ fuqhom ukoll għall-finijiet tad-Direttiva 2000/43. |
77. |
Dak li jibqa’ x’jitqies huwa jekk il-prassi inkwistjoni hijiex iġġustifikata oġġettivament b’dan il-għan, u jekk il-mezzi tagħha għall-kisba ta’ dan l-għan humiex xierqa u meħtieġa. |
78. |
F’dan l-istadju rrid infakkar li, fil-kawża Safe Interenvios ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tat gwida dwar is-setgħat ta’ stabbiliment ta’ kreditu li japplika miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa mal-klijenti tiegħu skont id-Direttiva 2005/60 u, iktar importanti, dwar il-limiti ta’ dawn is-setgħat. |
79. |
L-ewwel nett, mill-kelma “għallinqas” li hemm fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/60 isegwi li s-sitwazzjonijiet ikkontemplati fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu ma humiex eżawrjenti, u li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet oħra, minbarra dawk, li fihom jista’ jkun meħtieġ li jiġu applikati, abbażi ta’ riskju sensittiv, miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent ( 35 ). |
80. |
It-tieni nett, id-Direttiva 2005/60 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima. Anki meta Stat Membru jkun implementa korrettament l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 5 tagħha jippermettilu jadotta jew iżomm fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi sabiex isaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 36 ). |
81. |
It-tielet nett, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżerċita s-setgħa li japplika miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa skont id-Direttiva 2005/60 f’konformità mad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun iddelegat dawn is-setgħat lill-istabbilimenti u lill-persuni koperti mid-Direttiva 2005/60, dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal dawn il-partijiet. |
82. |
Ir-raba’ nett, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw il-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu applikati f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi jew jagħtu lill-istabbilimenti u lill-persuni koperti mid-Direttiva 2005/60 diskrezzjoni li japplikaw, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa tar-riskju, il-miżura meqjusa li tkun proporzjonat mar-riskju inkwistjoni f’sitwazzjoni speċifika. L-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-livell ta’ riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ klijent, relazzjoni ta’ negozju, kont, prodott jew tranżazzjoni (skont il-każ), hija vitali. Meta ma jkunx jeżisti riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, ma tista’ tittieħed ebda azzjoni preventiva abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet. Barra minn dan, mingħajr tali evalwazzjoni, ma jkunx possibbli għall-Istat Membru kkonċernat jew, skont il-każ, għall-istabbiliment jew għall-persuna koperti mid-direttiva jiddeċiedu f’każ individwali liema miżuri japplikaw ( 38 ). |
83. |
Lura għal dan il-każ, ninnota li mill-kliem tat-tielet domanda preliminari jsegwi li l-kontroversja hija iktar dwar il-legalità tal-prassi inkwistjoni, milli dwar l-applikazzjoni speċifika tagħha fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, kif intqal qabel, ma hijiex kundizzjoni neċessarja minn qabel għal dik l-evalwazzjoni li vittma tkun identifikata pożittivament ( 39 ). Għalhekk, il-fatt li seta’ kien legali li tintalab informazzjoni addizzjonali mingħand il-persuna li għamlet l-ilment minħabba allegat riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu b’konnessjoni mal-pajjiż tat-twelid tagħha, jiġifieri l-Bosnja-Ħerzegovina, huwa purament fortuwitu. F’kull każ, Jyske Finans ma ssostnix li kienet wettqet evalwazzjoni speċifika ta’ dan ir-riskju b’rabta mal-kawża prinċipali. |
84. |
L-argument ewlieni ta’ Jyske Finans bażikament huwa li hija talbet dokumentazzjoni addizzjonali mingħand il-persuna li għamlet l-ilment sabiex tkun konformi mar-regoli dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, Jyske Finans ma tindikax liema waħda mis-sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta diliġenza dovuta msaħħa kkontemplati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/60 ġegħlitha sabiex speċifikament tagħmel hekk. Barra minn dan, mingħajr ma jkun hemm bżonn tingħata interpretazzjoni awtoritattiva dwar jekk it-Taqsima 19 tal-liġi dwar il-ħasil tal-flus tmurx lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2005/60, ma nkunx qiegħed inġebbed jekk inqis li — bla ħsara għal konferma mill-qorti tar-rinviju — barra mis-sitwazzjonijiet stabbiliti fis-sottotaqsimiet 2 sa 4 tagħha, din id-dispożizzjoni fiha nfisha ma teħtieġx, iżda iktar tippermetti lill-persuni u lill-impriżi koperti minn din il-liġi japplikaw tali miżuri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu, fihom u minnhom infushom, riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, jidhirli li l-kwistjoni ma hijiex jekk Jyske Finans kinitx obbligata timponi r-rekwiżit addizzjonali skont il-prassi inkwistjoni, iżda pjuttost jekk kienx possibbli għaliha tagħmel hekk. |
85. |
F’dan il-kuntest, il-prassi inkwistjoni tista’ fil-fehma tiegħi titqies li tkun oġġettivament iġġustifikata, xierqa u meħtieġa skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 biss jekk tkun konformi mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza fil-kawża Safe Interenvios ( 40 ), kif miġbura fil-qosor iktar ’il fuq fil-punti 79 sa 82. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdiha bi gwida sabiex tgħinha tirriżolvi t-tilwima quddiemha ( 41 ). |
86. |
Għandi nisħaq li stabbiliment ta’ kreditu qiegħed sewwa fid-drittijiet tiegħu u jista’ anki jkun obbligat, japplika miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa meta jinkixef riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament ibbażat fuq, inter alia, it-tip ta’ klijent, pajjiż, prodott jew tranżazzjoni. Ma neskludix kompletament li jista’ jkun anki possibbli, kultant, li wieħed jinferixxi tali riskju unikament minħabba l-post tat-twelid tal-klijent, b’mod partikolari meta jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet applikabbli tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (“FATF”) f’dan ir-rigward ( 42 ). |
87. |
Madankollu, irrid infakkar li meta jkun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba raġunijiet ta’ oriġini tar-razza jew tal-etnika, il-kunċett ta’ “ġustifikazzjoni oġġettiva” għandu jingħata interpretazzjoni stretta ( 43 ). |
88. |
L-affermazzjoni ta’ Jyske Finans fis-sens li l-prassi inkwistjoni hija xierqa, minħabba li klijenti mwielda f’pajjiżi terz huma iktar suxxettibbli li jużaw l-assi li għalihom ikun ingħata finanzjament sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet li d-Direttiva 2005/60 tfittex li tipprevjeni, sempliċement ma hijiex sostnuta minn provi. Almenu, Jyske Finans għandha tistabbilixxi b’mod oġġettiv l-eżistenza u l-firxa attwali tal-imġiba li tagħti lok għall-prassi inkwistjoni u r-raġunijiet preċiżi li għalihom din l-imġiba tista’ tkompli fl-assenza tagħha. B’mod partikolari, Jyske Finans ma tistax tibbaża l-ġustifikazzjoni tagħha fuq allegazzjonijiet ġenerali jew affermazzjonijiet li ma humiex iddokumentati ( 44 ). Dwar dan, anki jekk jista’ jingħad li l-Artikolu 13(2) sa (6) ta’ din id-direttiva jopera indirettament abbażi ta’ stereotipi fir-rigward ta’ ċerti persuni jew tranżazzjonijiet (“tfassil ta’ profili”), kuntrarjament għall-prassi inkwistjoni, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tabilħaqq teħtieġ evalwazzjoni individwali. |
89. |
Barra minn dan, il-prassi inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan li wieħed jgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, minħabba li din tapplika b’mod ġenerali għal kull persuna mwielda f’pajjiż terz. Dan jammonta għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fis-sitwazzjonijiet li ma humiex ikkontemplati fl-Artikolu 13(2) sa (6) tad-Direttiva 2005/60 b’ebda evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-istabbilimenti u lill-persuni koperti mid-Direttiva 2005/60 sabiex japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunux meħtieġa jagħmlu hekk ma tistax tiġi eżerċitata b’mod li jirrendi inutli l-protezzjoni mogħtija skont id-Direttiva 2000/43. |
90. |
Dwar il-ħtieġa li l-prassi inkwistjoni tibqa’ fis-seħħ minħabba l-assenza ta’ kuntatt fiżiku bejn Jyske Finans u l-klijenti tagħha, jirriżulta mill-fajl iddepożitat għand il-Qorti tal-Ġustizzja li Jyske Finans infisha qieset, f’dokument online li kien fih deskrizzjoni ġenerali tal-mod li bih hija tikkonforma mal-liġi dwar il-ħasil tal-flus, li r-riskju ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu huwa ġeneralment relattivament limitat fir-rigward ta’ din it-tip ta’ tranżazzjoni. Ir-raġunijiet mogħtija kienu, inter alia, li l-finanzjament inkwistjoni huwa limitat għal oġġetti mobbli, u li kien stabbilit minn qabel kuntatt bejn il-klijent u l-konċessjonarju tal-vettura bil-mutur (dan tal-aħħar sikwit ikun huwa stess klijent ta’ Jyske Finans). F’dan il-kuntest, l-allegazzjoni ta’ Jyske Finans ta’ riskju minħabba l-assenza ta’ kuntatt fiżiku tidher li hija inkonsistenti. |
91. |
Fl-aħħar nett, dwar l-argument li Jyske Finans ma tagħmilhiex pubblika meta titlob lil klijent jipproduċi passaport skont il-prassi inkwistjoni u li, għaldaqstant, tali rekwiżit ma jkollux effett ta’ stigmatizzazzjoni, dan l-argument pjuttost jitratta l-kwistjoni dwar jekk il-prassi inkwistjoni timplikax diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, kif issottomettiet il-Kummissjoni, id-Direttiva 2000/43 la tiddefinixxi limitu de minimis li inqas minnu l-protezzjoni li hija tagħti ma tqumx ( 45 ), lanqas ma teżiġi li trattament sfavorevoli jsir pubbliku sabiex dan jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju ( 46 ). |
92. |
Għaldaqstant, inqis li l-prassi inkwistjoni la hija ġġustifikata oġġettivament mill-għan tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, u lanqas ma hija meħtieġa għall-kisba ta’ dan l-għan. Madankollu, meta jitqies kollox, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u b’kunsiderazzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova. |
93. |
Madankollu, dan il-kompitu jkun tal-qorti tar-rinviju biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-prassi inkwistjoni timplika diskriminazzjoni indiretta abbażi tal-oriġini etnika, li jiena ma nqishiex. |
IV – Konklużjoni
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka) fis-sens li, b’interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika kif użat f’din id-direttiva ma jinkludix il-prassi ta’ stabbiliment ta’ kreditu li, fil-każ li l-liċenzja tas-sewqan ta’ klijent tindika post tat-twelid li ma jkunx parti ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat parti għall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles, teżiġi li klijent jippoduċi passaport maħruġ minn wieħed minn dawn il-pajjiżi jew, fin-nuqqas ta’ dan, jipproduċi passaport u permess ta’ residenza validu.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Jiġifieri d-Danimarka, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvezja u l-Finlandja.
( 3 ) Meħuda flimkien, dawn il-pajjiżi kollha jifformaw l-Istati Membri tal-UE u l-Istati partijiet għall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (iktar ’il quddiem l-“EFTA”). Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel riferiment għal pajjiżi li la huma Stati Membri tal-UE u lanqas Stati tal-EFTA bħala “pajjiżi terzi” u għaċ-ċittadini tagħhom bħala “ċittadini ta’ pajjiż terz”.
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).
( 5 ) Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15), kif emendata.
( 6 ) Lovbekendtgørelse nr. 438 af 16. Maj 2012, Lovtidende 2012 A, med senere ændringer (Att ikkonsolidat Nru 438 tas-16 ta’ Mejju 2012, kif emendat).
( 7 ) Lovbekendtgørelse nr. 806 af 6. August 2009, Lovtidende 2009 A (Att ikkonsolidat Nru 806 tas-6 ta’ Awwissu 2009).
( 8 ) Mill-premessa 6 tad-Direttiva 2000/43 isegwi li l-Unjoni tiċħad teoriji li jippruvaw jistabbilixxu l-eżistenza ta’ razez umani separati u l-użu tal-espressjoni “oriġini ta’ razza” f’din id-direttiva ma jimplikax l-aċċettazzjoni ta’ dawn it-teoriji.
( 9 ) Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni anness mal-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1999 għal direttiva tal-Kunsill li timplementa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn persuni indipendentement mill-oriġini tar-razza jew etnika (COM(1999) 566 finali), ma jipprovdi ebda għajnuna dwar dan.
( 10 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 46.
( 11 ) Ara s-sentenza tal-QEDB tat-22 ta’ Diċembru 2009, Sejdić u Finci vs Il-Bosnja-Ħerzegovina, CE:ECHR:2009:1222JUD002799606, punt 43. Fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, Timishev vs Ir-Russja CE:ECHR:2005:1213JUD005576200, punt 55, il-QEDB inkludiet ukoll “l-affiljazzjoni tribali” bħala karatteristika tal-etniċità ta’ grupp soċjali.
( 12 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 32, li tikkonċerna diskriminazzjoni minħabba “kategorija soċjoprofessjonali” ta’ persuna. Barra minn dan, id-Direttiva 2000/43 ma tkoprix sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 47, li tikkonċerna regoli nazzjonali dwar il-mod li bih il-kunjomijiet u l-ismijiet jiddaħħlu f’ċertifikati tal-istat ċivili.
( 13 ) Sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 49. Għaldaqstant, il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/43 tgħid li “[kull] diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq -oriġini tar-razza jew l-etniċità rigward l-oqsma koperti minn din id-Direttiva għandha tkun ipprojbita [fl-Unjoni] kollha. Din il-projbizzjoni dwar id-diskriminazzjoni għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbazat fuq in-nazzjonalità u hi mingħajr preġudiżżju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għax-xogħol u għal mestier.”
( 14 ) F’termini lingwistiċi, il-kunċett ta’ “ċittadinanza”, jiġifieri, l-istatus li jkollha persuna rrikonoxxuta skont id-drawwa jew il-liġi bħala li tkun is-suġġett ta’ Stat sovran jew commonwealth, ma għandux l-istess tifsira bħal dak ta’ “nazzjonalità”.
( 15 ) F’ċerti ġurisdizzjonijiet, dan jidher li huwa l-każ għal, inter alia, il-poplu Lhudi jew il-komunità Sikh. Ara Bell, M., Racism and Equality in the European Union, Oxford Studies in European Law, Oxford, 2008, p. 16.
( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 76, 91 u 95. Għal kritika tar-rekwiżit ta’ intenzjoni, ara Cahn, C., “Court of Justice of the EU Rules Collective and Inaccessible Electrical Metres Discriminate against Roma: CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD v. Komisia za zashita ot diskiminatsia (C-83/14)”, European Journal of Migration and Law, Vol. 18, Ħarġa Nru 1, Koninklijke Brill NV, Leiden, 2016, p. 123 u 124.
( 17 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:170, punt 87.
( 18 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 96.
( 19 ) Sentenza tal-QEDB tat-13 ta’ Novembru 2007, D.H. et vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2007:1113JUD005732500, punt 184, b’riferiment għad-Direttiva 2000/43.
( 20 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister, C‑415/10, EU:C:2012:217, punt 43.
( 21 ) Dan huwa l-każ, inter alia, għall-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin: id-Daniża (“[…] personer af en bestemt race eller etnisk oprindelse […]”); l-Ispanjola (“[…] personas de un origen racial o étnico concreto […]”); il-Franċiża (“[…] des personnes d’une race ou d’une origine ethnique donnée […]”); it-Taljana (“[…] persone di una determinata razza od origine etnica […]”); l-Olandiża (“[…] personen van een bepaald ras of een bepaalde etnische afstamming […]”); il-Portugiża (“[…] pessoas de umadada origem racial ou étnica […]”); ir-Rumena (“[…] persoană, de o anumită rasă sau origine etnică […]”); il-Finlandiża (“[…] tiettyä rotua tai etnistä alkuperää olevat henkilöt […]”) u l-Isvediża (“[…] personer av en viss ras eller ettvisst etniskt ursprung […]”) (enfasi miżjuda). Il-frażi tal-verżjoni Ġermaniża hija “[…] Personen, die einer Rasse oder ethnischen Gruppe angehören […]”, filwaqt li, hekk kif intqal qabel, il-verżjoni Ingliża tuża l-kliem “persons of a racial or ethnic origin”.
( 22 ) Fir-rigward tad-differenzi lingwistiċi fid-dritt sekondarju tal-Unjoni, ara s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 23 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 56.
( 24 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C-54/07, EU:C:2008:397, punti 23 u 25.
( 25 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 31; u tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 100 u 107, rispettivament.
( 26 ) Il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, kienet dwar persuna li kienet tagħmel parti mill-minoranza Pollakka fir-Repubblika tal-Litwanja (ara l-punt 15). Il-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, kienet dwar diskriminazzjoni kontra persuni li kienu jappartjenu lill-komunità Roma (ara l-punti 30 u 46). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu diretti lejn persuni ta’ oriġini Marokkina; ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:155, punti 1, 3 u 4. Għalkemm il-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister, C‑415/10, EU:C:2012:217, kienet dwar “ċittadina Russa” (li l-Avukat Ġenerali Mengozzi ddeskriva, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Meister, C‑415/10, EU:C:2012:8, punt 9, bħala li kienet ta’ oriġini Russa) il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta r-regoli dwar il-provi stabbiliti fid-Direttiva 2000/43 u mhux jekk din il-persuna ġarrbitx diskriminazzjoni kontriha minħabba l-oriġini etnika tagħha.
( 27 ) Ara, fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 42.
( 28 ) Sentenza tal-QEDB tal-24 ta’ Mejju 2016, Biao vs Id-Danimarka, CE:ECHR:2016:0524JUD003859010, ara l-punti 112 u 114.
( 29 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 107.
( 30 ) Insostenn ta’ dan l-argument il-Kummissjoni ċċitat is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1983, Auer, 271/82, EU:C:1983:243; tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz, C‑419/92, EU:C:1994:62; u tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssottomettiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni japplika f’sitwazzjonijiet purament interni.
( 31 ) Diskriminazzjoni diretta tista’ tkun iġġustifikata biss taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/43; ara wkoll il-premessa 18 tagħha. F’dan ir-rigward il-QEDB ikkonstatat li “ebda differenza fit-trattament li tkun ibbażata b’mod esklużiv jew sa ċertu punt b’mod deċiżiv fuq l-oriġini etnika ta’ persuna ma tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament f’soċjetà demokratika kontemporanja mibnija fuq il-prinċipji ta’ pluraliżmu u ta’ rispett għal kulturi differenti”; ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2009, Sejdić u Finci vs Bosnja-Ħerzegovina, CE:ECHR:2009:1222JUD002799606, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 32 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 113 u 114.
( 33 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 34 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154.
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punti 72 u 73.
( 36 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punti 96 u 100.
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154, punti 106 sa 108.
( 39 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 23 u 25.
( 40 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios, C‑235/14, EU:C:2016:154.
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, Maya Marinovar, C‑576/15, EU:C:2016:740, punt 46.
( 42 ) Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2005/60, “[l]-azzjoni [tal-Unjoni] għandha tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tat-[FATF], li jikkostitwixxi l-korp internazzjonali ewlieni attiv fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu”.
( 43 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 112.
( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 115 sa 118.
( 45 ) Pereżempju, l-espressjoni “żvantaġġ partikolari” użata fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 sempliċement tfisser żvantaġġ; ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 96 u 99.
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister, C-415/10, EU:C:2012:217, li tikkonċerna n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tar-raġunijiet li ma tiġix irreklutata persuna li tkun qiegħda tfittex xogħol għalkemm, kif imsemmi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx intalbet tikkunsidra jekk dak il-każ kienx jagħti lok għal diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika.