KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-4 ta’ April 2017 ( 1 )
Kawża C‑612/15
Proċeduri kriminali
kontra
Nikolay Kolev,
Milko Hristov,
Stefan Kostadinov
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat – Frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Reati kriminali – Sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Terminu ffissat minn qabel – Għeluq tal-proċeduri kriminali mingħajr eżami fil-mertu tal-akkużi – Dritt għal smigħ xieraq – Dritt tad-difiża – Terminu raġonevoli”
1. |
Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar kunċetti fundamentali tad-dritt kriminali. Hija mitluba wkoll mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il‑Bulgarija) tiddeċiedi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill‑qorti, adita f’dan is-sens mill-persuna interessata, tagħlaq il-proċeduri kriminali mibdija kontra din tal-aħħar, meta jgħaddi terminu ta’ iktar minn sentejn mill-ftuħ tal-fażi preliminari, tkun xi tkun il-gravità tal‑kawża u mingħajr ma jkun possibbli li jingħeleb it-tfixkil intenzjonali mill-persuni suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina liema huma, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi ta’ eventwali inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. |
2. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel diversi domandi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mument li fih il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għandha tkun informata bl-akkuża kontriha u dwar il-mument, fejn hija, jew l-avukat tagħha, għandu jkollu aċċess għall-atti tal-proċess. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-avukat li jirrappreżenta akkużati li għandhom interessi kuntrarji fil-kuntest ta’ kawża waħda għandu jiġi eskluż u ssostitwit minn avukat maħtur ex officio tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-dritt primarju
3. |
L-Artikolu 325 TFUE jipprovdi: “1. L-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l‑attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni [Ewropea] permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess. […] 4. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, wara li jikkonsultaw l-Qorti ta’ l-Awdituri, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bl-għan li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni. […]” |
2. Id-dritt sekondarju
a) Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008
4. |
Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) ( 2 ), “[k]ull Stat Membru għandu jaħseb għal penali [sanzjonijiet] għal nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”. |
b) Il-Konvenzjoni PIF u l-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni PIF
5. |
Il-preambolu tal-Konvenzjoni li saret abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis‑26 ta’ Lulju 1995 ( 3 ), tindika li l-partijiet kontraenti għolja għal din il‑konvenzjoni, Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, huma konvinti “li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej issejjaħ għal prosekuzzjoni kriminali ta’ kondotta frawdolenta li tagħmel ħsara lil dawk l-interessi” ( 4 ) u “mill-ħtieġa li tagħmel din il-kondotta punita b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, mingħajr preġudizzju għal possibbilità li tapplika penalitajiet oħra f’każi xierqa, u tal-bżonn, għal inqas f’każi serji, li tagħmel din il-kondotta punita b’deprivazzjoni ta’ libertà” ( 5 ). |
6. |
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1 (2) tal-Konvenzjoni PIF jipprovdi dan li ġej: “Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-: […]
[…] 2. [K]ull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jittrasponu […] [l-paragrafu 1] fil-liġi kriminali tagħhom b’dak il-mod li l-kondotta msemmija hemm tikkostitiwxxi reati kriminali”. |
7. |
Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni: “Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax jiġi stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR] 50000”. |
8. |
L-Artikolu 2 tal-Protokoll imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat‑Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 6 ), intitolat “Korruzzjoni passiva”, huwa fformulat kif ġej: “1. Ghall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, il-korruzzjoni passiva hija dik l-azzjoni ta’ uffiċjal magħmula bi ħsieb, minnu nnifsu jew permezz ta’ terza persuna, fejn jitlob, jirċievi jew jaċċetta ghaliħ jew għal ħaddiehor xi vantaġġ ta’ kull tip, jew wegħda ta’ xi vantaġġ, sabiex l-uffiċjal jagħmel jew jonqos li jagħmel dak li hu fid-dmir tiegħu li jagħmel jew fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu u li għalhekk ikun qiegħed jikser id-dmirijiet uffiċjali tiegħu li jwasslu jew x’aktarx iwasslu għal danni versu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu il-miżuri meħtiega sabiex jassikura li kull imġieba bħal dik imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha ssir reat kriminali.” |
9. |
L-Artikolu 3 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni PIF, intitolat “Korruzzjoni attiva”, jistabbilixxi: “1. Ghall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, il-korruzzjoni attiva hija dik l-azzjoni magħmula minn persuna jew permezz ta’ terzi bi ħsieb li twiegħed jew tagħti xi vantaġġ ta’ kull tip lill-uffiċjal jew terza persuna sabiex tali uffiċjal jew terza persuna jagħmel jew jonqos milli jagħmel dak li hu fid-dmir tiegħu li jagħmel jew fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu bi ksur għad-dmirijiet uffiċjali tiegħu u li jwasslu jew x’aktarx iwasslu għal danni versu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu il-miżuri meħtieġa sabiex jassikura li kull imġieba bhal dik imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha ssir reat kriminali.” |
c) Id-Direttiva 2012/13/UE
10. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall‑informazzjoni fi proċeduri kriminali ( 7 ), għandha l-għan li “tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom”. |
11. |
Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal‑proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.” |
12. |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Meta persuna tiġi arrestata u detenuta fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dokumenti relatati mal-każ speċifiku fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti u li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont il-liġi nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għall-persuni arrestati jew lill-avukati tagħhom. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess tal-anqas għall-materjal kollu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur jew kontra s-suspettati jew il-persuni akkużati, lil dawk il-persuni jew lill-avukat tagħhom sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u bi tħejjija għad-difiża tagħhom. 3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-aċċess għall-materjal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti. Fejn l‑awtoritajiet kompetenti jiġu fil-pussess ta’ aktar provi materjali, għandu jingħata aċċess għalihom fi żmien debitu biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat. […]” |
d) Id-Direttiva 2013/48/UE
13. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi informata parti terza dwar iċ-ċaħda tal‑libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal‑awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà ( 8 ), jipprovdi dan li ġej: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA […] li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-dritt li tiġi infurmata parti terza biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.” |
14. |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l‑persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.” |
B – Il-proċedura kriminali Bulgara
15. |
Fil-kuntest tal-fażi preliminari, il-prosekutur pubbliku jgawdi rwol determinanti. Fil-fatt, huwa jmexxi l-investigazzjoni fdata lill-korpi ta’ investigazzjoni u jiddeċiedi waħdu dwar id-direzzjoni li għandhom jieħdu l-proċeduri. |
16. |
Fir-rigward tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 234 tan‑Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), il-prosekutur pubbliku għandu xahrejn sabiex jinvestiga, terminu li jista’ jiġi estiż darba biss b’erba’ xhur mill-kap amministrattiv tal-prosekutur pubbliku kkonċernat u li jista’ wkoll jiġi estiż, f’każijiet eċċezzjonali, numru illimitat ta’ drabi, għal perijodu ta’ żmien illimitat, mill-kap amministrattiv tal‑uffiċċju tal-prosekutur ġenerali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li normalment din l-aħħar estensjoni tintuża f’każijiet kumplessi, bħal dak fil-kawża prinċipali. |
17. |
Skont l-Artikoli 219, 221 u 246 tan-NPK, meta jinġabru provi suffiċjenti kontra l-persuna ssuspettata li wettqet reat, il-korp ta’ investigazzjoni joħroġ u jiffirma att ta’ akkuża. Dan l-att huwa att bil‑miktub li għandu jissodisfa rekwiżiti speċifiċi. B’mod partikolari, huwa għandu jinkludi espożizzjoni tal-fatti prinċipali tar-reat u l‑klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti. Huwa f’dan il-mument li l‑persuna ssuspettata li wettqet reat kif ukoll l-avukat tagħha jiġu informati bl-akkuża permezz tal-preżentazzjoni tal-imsemmi att. Wara huma għandhom jeżaminaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża u jiffirmawh. Sussegwentement, l-akkużat jiġi interrogat u jista’ jew jagħti spjegazzjonijiet, jew jibqa’ sieket u, bħall-avukat tiegħu, jista’ wkoll jagħmel mistoqsijiet. |
18. |
Il-komunikazzjoni tal-fajl tal-investigazzjoni hija rregolata mill-Artikoli 226 sa 230 tan-NPK. Għal dan il-għan, il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali u l-avukat tagħha jingħataw, fuq talba tagħhom, aċċess għall-atti li jikkostitwixxu l-proċedura. Jekk isiru xi talbiet, il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi dwar is-segwitu tagħhom. |
19. |
Meta titressaq it-talba għal komunikazzjoni tal-fajl tal‑investigazzjoni, l-akkużat u l-avukat tiegħu jiġu msejħa tal-inqas tlett ijiem qabel din il-komunikazzjoni. Jekk ma jidhrux fil-jum tas-sejħa mingħajr raġunijiet validi, l-obbligu ta’ komunikazzjoni jispiċċa. Waqt il-komunikazzjoni, il‑persuna li tmexxi l-investigazzjoni tagħti terminu xieraq lill-akkużat u lill-avukat tiegħu sabiex jeżaminaw l-elementi kollha li jirrigwardaw din l-investigazzjoni. |
20. |
Meta titwettaq il-komunikazzjoni tal-fajl tal‑investigazzjoni, u, jekk ikun il-każ, meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet tal-akkużat jew tal-avukat tiegħu, l-investigazzjoni tingħalaq. |
21. |
Wara tibda fażi oħra permezz tal-preżentata tal-att ta’ akkuża finali mill‑prosekutur pubbliku, jiġifieri il-fażi ġudizzjarja. L-att ta’ akkuża finali – li skont il-qorti tar-rinviju huwa “l-att ta’ akkuża ddettaljat u definittiv” – jifformula b’mod sħiħ l-akkuża fir-rigward tal-fatti u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Fil-fatt, dan jikkonsisti f’żewġ partijiet, waħda ċirkustanzjali, li fiha jinsabu l-fatti, u l-oħra konklużiva, li fiha tissemma l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. L-att ta’ akkuża finali, li kopja tiegħu tintbagħat sussegwentement lill-akkużat u lill-avukat tiegħu, jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li għandha, fi żmien ħmistax-il jum, tivverifika jekk twettaqx ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. |
22. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 348(3)(1) tan-NPK jindika li ksur tar‑rekwiżiti formali għandu natura essenzjali meta jippreġudika b’mod sinjifikattiv dritt proċedurali mogħti mil-liġi. Dan l-artikolu jippreċiża li n-natura “essenzjali” tal-ksur tar-rekwiżiti formali mwettaq ma tispiċċax ħlief jekk il-ksur jiġi rrimedjat. |
23. |
Il-kontenut tal-att ta’ akkuża finali huwa suġġett għal rekwiżiti formali stretti. B’hekk, kontradizzjonijiet bejn l-att ta’ akkuża finali u l-aħħar att ta’ akkuża kkomunikat lill-akkużat mill-korp ta’ investigazzjoni jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Kontradizzjoni fl-att ta’ akkuża finali nnifsu tikkostitwixxi wkoll ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, ġie meqjus li l-fatt li l-prosekutur pubbliku jikkonstata fil-motivazzjoni tal-att ta’ akkuża finali tiegħu li żewġ akkużati fil-kawża prinċipali esprimew bl-espressjoni fuq wiċċhom id-diżappunt tagħhom dwar is-somma żgħira ta’ flus proposta bħala tixħim fi flus, filwaqt li, fil-parti konklużiva ta’ dan l-att ta’ akkuża finali, il‑prosekutur pubbliku jindika li dawn l-akkużati esprimew dan id‑diżappunt permezz ta’ kliem, jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. |
24. |
Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dan l-att ta’ akkuża maħruġ mill-korp ta’ investigazzjoni jitqies bħala ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, irrispettivament, f’dan ir-rigward, mir-raġunijiet ta’ dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, anki jekk dan jirriżulta pereżempju minn intenzjoni deliberata tal-akkużati li jirċevuh. Infakkar li din il-komunikazzjoni għandha ssir b’mod obbligatorju mill-korp ta’ investigazzjoni direttament u personalment lill-akkużat jew lill-avukat tiegħu. |
25. |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-kawżi kriminali kollha fil-Bulgarija, id-difiża teżamina l-kontenut tal-att ta’ akkuża finali u, għalhekk, l-informazzjoni dwar l-akkuża, wara l-preżentata tiegħu quddiem il-qorti, iżda qabel l-eżami dwar l-akkuża nnifisha. |
26. |
B’mod parallel għal dan, l-Artikoli 368 u 369 tan-NPK jipprovdu li, jekk il-fażi preliminari ma tingħalaqx fi żmien sentejn, l-akkużat jew akkużati jkollhom id-dritt li jressqu talba quddiem il-qorti intiża li din tordna lill-prosekutur pubbliku sabiex, f’terminu ta’ tliet xhur, jikkonkludi l-proċedura preliminari bl-għeluq tagħha jew billi jibgħat il-kawża quddiem il-qorti. Il-prosekutur pubbliku għandu ħmistax-il jum supplimentari sabiex jistabbilixxi l-att ta’ akkuża finali. Jekk dan tal-aħħar ma jagħlaqx il‑fażi preliminari fit-terminu mogħti, il-qorti tiġi adita bil-kawża u tagħlaq il-proċeduri kriminali. |
27. |
Min-naħa l-oħra, jekk il-prosekutur pubbliku jippreżenta att ta’ akkuża finali quddiem il-qorti, din tal-aħħar teżaminah u tistħarreġ jekk il-proċedura saritx b’mod regolari. Fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, il‑qorti tibgħat lura l-kawża lill-prosekutur pubbliku li għandu terminu ta’ xahar sabiex jirrimedja dan il-ksur. Jekk il-prosekutur pubbliku ma jressaqx il-kawża quddiem il-qorti f’dan it-terminu jew jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti iżda din tikkonstata, mill-ġdid, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, il-proċeduri kriminali jingħalqu. |
28. |
L-għeluq tal-proċeduri kriminali huwa att definittiv, li ma huwiex suġġett għal appell u li l-legalità tiegħu tista’ tiġi vverifikata biss f’każijiet eċċezzjonali. L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jitlef għalhekk kull dritt li jieħu azzjoni kriminali kontra l-persuna ssuspettata li wettqet ksur. |
29. |
Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, l-Artikolu 91(3) u l‑Artikolu 92 tan-NPK jipprovdu li l-qorti għandha teskludi l-avukat ta’ akkużat li huwa jew li kien l-avukat ta’ akkużat ieħor jekk id-difiża ta’ wieħed mill-akkużati tkun kunfliġġenti ma’ dik tal-ieħor. Skont ġurisprudenza Bulgara stabbilita, ikun hemm kontradizzjoni bejn l-interessi meta wieħed mill-akkużati jagħti spjegazzjonijiet li jikkostitwixxu prova kontra akkużat ieħor li, min-naħa tiegħu, ma jagħti ebda spjegazzjoni. F’dak il-każ, dawn il-persuni ma jistgħux ikollhom l-istess avukat. L-avukat huwa għalhekk obbligat li jirtira fuq inizjattiva tiegħu stess u jekk jonqos milli jagħmel dan, il-prosekutur pubbliku jew il-qorti għandhom jeskluduh. Fil-każ kuntrarju, huma jkunu qed iwettqu ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li jwassal għall-annullament tal-att tal‑prosekutur pubbliku jew tal-qorti. |
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
30. |
Nikolay Kolev u Stefan Kostadinov (iktar ’il quddiem l-“akkużati fil-kawża prinċipali”) huma akkużati li pparteċipaw, meta huma kienu aġenti doganali fi Svilengrad (il-Bulgarija) fil-fruntiera mar-Repubblika tat-Turkija, f’organizzazzjoni kriminali matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2011 u t-2 ta’ Mejju 2012. Fil-fatt, dawn talbu tixħim fi flus lix-xufiera ta’ vetturi kummerċjali kif ukoll lix-xufiera ta’ vetturi partikolari li kienu qed jaqsmu l-fruntiera tat-Turkija lejn il-Bulgarija sabiex ma jwettqux kontrolli doganali u ma jsemmux fid-dokumenti uffiċjali l-irregolaritajiet ikkonstatati. Fl-aħħar tax-xift tagħhom, l-akkużati fil-kawża prinċipali qasmu l-ammonti hekk miġbura. |
31. |
Il-persuni kollha involuti f’din l-organizzazzjoni kriminali, li jinkludu l-akkużati fil-kawża prinċipali, ġew arrestati fil-lejl bejn it-2 u t‑3 ta’ Mejju 2012. Immedjatament wara t-tfittxija waqt l-arrest, dawn il‑persuni ġew akkużati b’parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali u tlieta minnhom, fosthom wieħed mill-akkużati fil-kawża prinċipali, ġew akkużati li ħbew is-somma ta’ flus misjuba kemm fil-post tax-xogħol kif ukoll fuq il-persuna ta’ wieħed mill-akkużati. |
32. |
Fix-xhur ta’ Frar u Marzu 2013, il-kapijiet ta’ akkuża kontra t-tmien persuni involuti fl-imsemmija organizzazzjoni kriminali ġew stabbiliti u dawn il-persuni ġew kollha informati b’dawn il-kapijiet ta’ akkuża. B’mod iktar preċiż, fil-21 ta’ Marzu 2013, l-akkużati fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom, ġew informati b’dawn il-kapijiet ta’ akkuża, bil-provi miġbura u bl-atti l-oħra kollha tal-proċess. Sussegwentement, l-akkuża kontra N. Kolev ġiet stabbilita mill-ġdid u dan tal-aħħar ġie informat b’dan fis-17 ta’ Lulju 2013. |
33. |
Erba’ mit-tmien persuni involuti fl-organizzazzjoni kriminali kkonkludew ftehim mal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku sabiex jiġi jingħalqu l-proċeduri kriminali fir-rigward tal-kap ta’ akkuża ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali. Dan il-ftehim ġie ppreżentat darbtejn quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) sabiex jiġi approvat u fiż-żewġ istanzi din tal-aħħar ċaħdet din it-talba, għar‑raġuni li l-atti ta’ akkużi ma kinux ġew adottati mill-korp kompetenti u minħabba ksur tar-rekwiżiti formali. Għalhekk, il-qorti ordnat li l-kawża tintbagħat lura lill-prosekutur pubbliku kompetenti sabiex jistabbilixxi kapijiet ta’ akkuża ġodda. |
34. |
Għaldaqstant, fis-7 ta’ Novembru 2013, il-kawża ġiet assenjata lill-uffiċċju tal-prosekutur speċjalizzat. It-termini stabbiliti għall-investigazzjoni ġew estiżi diversi drabi. B’hekk, il-prosekutur pubbliku wettaq atti ex officio, bħall-fatt li bagħat lura l-kawża quddiem is-servizzi ta’ investigazzjoni flimkien ma’ istruzzjonijiet jew talbiet għall-estensjoni tat-termini għall‑investigazzjoni u talbiet għal informazzjoni. |
35. |
Peress li l-akkużati fil-kawża prinċipali jqisu li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 368(1) tan-NPK kien skada, huma bdew proċedura skont l-Artikolu 369 tan-NPK. Il-qorti kkonstatat li t-terminu ta’ sentejn mill‑bidu tal-fażi preliminari kien fil-fatt skada u għalhekk bagħtet lura l‑kawża lill-prosekutur pubbliku bl-obbligu li jagħlaqha fi żmien tliet xhur, skont l-Artikolu 369 tan-NPK, u li jikkomunika kemm il-kapijiet ta’ akkuża kif ukoll il-fajl tal-investigazzjoni lill-akkużati fil-kawża prinċipali. Dan it-terminu beda jiddekorri fid-29 ta’ Ottubru 2014 u skada fid-29 ta’ Jannar 2015. Huwa għalhekk f’din id‑data li kellhom ikunu konklużi l-atti kollha tal-investigazzjoni, inkluż l-istabbiliment tal-kapijiet tal-akkuża u l-komunikazzjoni tagħhom lill-akkużati fil‑kawża prinċipali. Sussegwentement, il-prosekutur pubbliku kellu ħmistax-il jum sabiex joħroġ att ta’ akkuża finali u jippreżentah quddiem il-qorti. |
36. |
Kien impossibbli li tiġi żgurata l-komunikazzjoni, lill-akkużati u lill-avukati tagħhom personalment, tal-atti ta’ akkuża ġodda stabbiliti wara d-deċiżjoni tal-qorti. Fil-fatt, N. Kolev irċieva sejħa fit-13 ta’ Jannar 2015 sabiex jidher fid-19 ta’ Jannar 2015. L-avukat tiegħu indika, fl-istess ġurnata, permezz ta’ faks, li N. Kolev ma setgħax jiċċaqlaq għal raġunijiet ta’ saħħa. N. Kolev reġa’ ġie msejjaħ mill-ġdid, permezz tat-telefon, sabiex jidher fit-22 ta’ Jannar 2015. Madankollu, la huwa u lanqas l-avukat tiegħu ma kienu preżenti, peress li dan tal-aħħar indika li l-klijent tiegħu kien l-isptar u li huwa kien jinsab maqbud fuq impenji professjonali. N. Kolev ġie msejjaħ mill‑ġdid sabiex jidher fis-27 u fit-28 ta’ Jannar 2015, mingħajr suċċess, peress li l-avukat tiegħu ndika li kien jinsab irrikoverat fl-isptar. Mill-ġdid kienu msejħa sabiex jidhru fid-29 ta’ Jannar 2015, iżda ma kinux preżenti, peress li l-avukat ta’ N. Kolev sostna li huwa kien impenjat professjonalment f’kawża oħra. Għalhekk N. Kolev ma kienx informat bil-kapijiet ta’ akkuża kontrih. |
37. |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda S. Kostadinov, dan tal-aħħar ma nstabx fl-indirizz indikat. L-avukat tiegħu indika li ma kellux kuntatt miegħu. Għalhekk ġie deċiż li jitressaq taħt arrest. Madankollu, l-avukat ta’ S. Kostadinov ipproduċa ċertifikat medika li jispjega li dan kien ġie rrikoverat fl-isptar. Għalhekk, lanqas huwa ma ġie informat bil-kapijiet ta’ akkuża kontrih. |
38. |
Għaldaqstant, il-fażi preliminari ġiet konkluża fit-terminu ffissat mill-qorti u l-prosekutur pubbliku ħareġ att ta’ akkuża finali. |
39. |
B’digriet tal-20 ta’ Frar 2015, din il-qorti qieset li kien twettaq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali matul il-fażi preliminari. Fil-fatt, minn naħa, kien hemm ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali sa fejn l‑aħħar att ta’ akkuża ma kienx ġie kkomunikat lill-akkużati u lill-avukati tagħhom. Min-naħa l-oħra, kienet teżisti kontradizzjoni bejn l-att ta’ akkuża u l-att ta’ akkuża finali sa fejn, billi l-aħħar att ta’ akkuża ma kienx ġie kkomunikat lill-akkużati fil-kawża prinċipali, l-att ta’ akkuża finali ma setax jirriproduċi dan l-aħħar att ta’ akkuża. L-att ta’ akkuża finali kellu jinkludi biss l-att ta’ akkuża li kien ġie kkomunikat lill-partijiet. |
40. |
Barra minn hekk, il-qorti qieset li l-ostakoli għall-komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża l-ġodda lil N. Kolev u S. Kostadinov ma jiġġustifikawx il-ksur tad‑drittijiet proċedurali tagħhom. |
41. |
Għalhekk, din il-qorti imponiet terminu ta’ xahar fuq il-prosekutur pubbliku sabiex jirrimedja dan il-ksur, u fin-nuqqas il-proċedura kriminali kontra l-akkużati fil-kawża prinċipali kellha tingħalaq. Għalhekk il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-prosekutur pubbliku fis-7 ta’ April 2015 u dan it‑terminu skada fis-7 ta’ Mejju 2015. |
42. |
Madankollu, ma kienx possibbli għall-prosekutur pubbliku li jikkomunika l-kapijiet ta’ akkuża l-ġodda u l-fajl tal-investigazzjoni lill‑akkużati fil-kawża prinċipali u lill-avukati tagħhom, peress li dawn tal-aħħar invokaw, b’mod partikolari, raġunijiet mediċi u professjonali sabiex jirrifjutaw li jirċievu din il-komunikazzjoni. |
43. |
Għaldaqstant, b’digriet tat-22 ta’ Mejju 2015, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata), ikkonstatat li l-prosekutur pubbliku ma kienx irrimedja l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u li kien wettaq ksur ġdid, billi qieset li d-drittijiet proċedurali tal-akkużati fil-kawża prinċipali kienu ġew miksura u li l-kontradizzjonijiet fl-att ta’ akkuża finali ma kinux tneħħew. |
44. |
Għalkemm din il-qorti qieset li kien probabbli li ż-żewġ akkużati fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-avukati tagħhom, kienu abbużaw mid-drittijiet tagħhom bl-għan li jipprovokaw l-iskadenza tat-termini sabiex iwasslu għall-għeluq tal‑proċeduri kriminali mibdija kontrihom, hija xorta kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-għeluq ta’ din il-proċedura kienu ssodisfatti. Madankollu, hija ma ddeċidietx li tagħlaq il-proċeduri kriminali, iżda li tiddikjaraha kawża mingħajr segwitu. |
45. |
Billi qies li ma kien twettaq ebda ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, il-prosekutur pubbliku appella mid-digriet tat-22 ta’ Mejju 2015. |
46. |
B’digriet tat-12 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tal-appell bagħtet lura l‑kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata), għar-raġuni li din tal-aħħar kellha tagħlaq il-proċeduri kriminali miftuħa kontra l-akkużati fil-kawża prinċipali, skont l-Artikoli 368 u 369 tan-NPK. |
47. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju waslet sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja billi tagħmel id-domandi preliminari esposti fil-punt segwenti. |
III – Id-domandi preliminari
48. |
Fil-kawża prinċipali, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tkun qiegħda tiżgura d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jekk, wara li tkun ippermettiet il-parteċipazzjoni fil-[fażi] ġudizzjarja ta’ avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta fl-istess ħin żewġ akkużati b’interessi kunfliġġenti, taħtar, għal kull wieħed mill-akkużati, avukati maħtura ex officio ġodda u differenti sabiex jirrappreżentawhom?” |
IV – L-analiżi tiegħi
49. |
Qabel ma nipproponi riformulazzjoni tad-domandi preliminari, nixtieq nagħmel iż-żewġ osservazzjonijiet li ġejjin. |
50. |
Fl-ewwel lok, sabiex jitneħħa kull dubju dwar jekk id-dritt tal‑Unjoni japplikax fil-kawża prinċipali, infakkar li l‑Artikolu 325 TFUE jindika li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiġġieldu l‑frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal‑Unjoni ( 9 ). |
51. |
F’dan ir-rigward, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1)(b) tal‑Konvenzjoni PIF jipprovdi din il-frodi hija kkostitwita, fil-qasam tad-dħul, minn kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali dwar l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew ta’ dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompleti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew mill-baġits amministrati minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni, dan l-aġir għandu jitqies bħala reat kriminali fid-dritt intern. |
52. |
L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija konvenzjoni jippreċiża li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-aġir previst fl-Artikolu 1 tal-istess konvenzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni, l-instigazzjoni jew l-attentat ta’ dan l-aġir previst fl-imsemmi Artikolu 1(1), ikunu puniti b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, skont l-Ewwel Protokoll tal‑Konvenzjoni PIF, il-korruzzjoni passiva, kif ukoll il-korruzzjoni attiva ( 10 ) għandhom jitqiesu wkoll bħala reati kriminali fid-dritt intern ta’ kull Stat Membru. |
53. |
F’din il-kawża, l-akkużati fil-kawża prinċipali huma akkużati li wettqu reati ta’ korruzzjoni, billi talbu tixħim fi flus lix-xufiera ta’ vetturi kummerċjali u partikolari li kienu qed jaqsmu l-fruntiera esterna tal‑Unjoni, jiġifieri bejn il-Bulgarija u t-Turkija, u dan sabiex dawn ix-xufiera ma jkunux suġġetti għall-kontrolli doganali. Skont l‑Artikolu 301 tan-NPK, dan ir-reat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin u b’multa ta’ 5000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 2500). Tali aġir min-naħa tal-akkużati seta’ jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jċaħħadha minn parti mir-riżorsi proprji tagħha. Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju li d-dritt tal-Unjoni japplika fil-kawża prinċipali. |
54. |
Fit-tieni lok, ninnota li, b’digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2016, il-qorti tar-rinviju sostniet li M. Hristov, wieħed mill-akkużati fil-kawża prinċipali, kien miet fid-9 ta’ Settembru 2016, u b’hekk ingħalqu il‑proċeduri kriminali mibdija kontrih. Għalhekk, inqis li d‑domandi li jirreferu għas-sitwazzjoni ta’ M. Hristov ma humiex rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
A – Osservazzjonijiet preliminari
55. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja xi għoxrin domanda dwar kwistjonijiet li, fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jiġu eżaminati f’żewġ sensiliet ta’ domandi. |
56. |
Fil-fatt, l-ewwel mistoqsija tal-qorti tar-rinviju hija direttament marbuta mal-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali, li l-formaliżmu żejjed tagħha jista’, fil-fehma tagħha, imur kontra d-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l‑istabbiliment tal-proċedura prevista fl-Artikoli 368 u 369 tan-NPK flimkien mal-formaliżmu strett tad-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża u tal-komunikazzjoni tal-atti tal-proċess jistgħu jwasslu għall‑għeluq tal-proċeduri kriminali mingħajr ma l‑persuni ssuspettati li ppreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali. |
57. |
Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet kollha jwassluni sabiex fl-ewwel lok neżamina jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, bħall-Artikoli 368 u 369 tan-NPK, li jipprovdu li fin‑nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ffissat minn qabel, il-qorti nazzjonali għandha ttemm il-proċeduri kriminali, u dan anki jekk il-kawża tad‑dewmien tkun it-tfixkil intenzjonali mill-persuna akkużata. Jekk dan huwa l-każ, għandhom jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ta’ tali inkompatibbiltà. |
58. |
Fit-tieni lok, permezz tal-paragrafu (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 jipprekludix prattika nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għandha tingħata informazzjoni dwar l-akkuża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tal‑aħħar tibda l-eżami tal-akkuża. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprekludix din l-istess prattika nazzjonali li tipprovdi li l-att ta’ akkuża finali definittiv jintbagħat lill-qorti kompetenti minkejja li d-difiża, li kellha l-possibbiltà teżamina l-atti tal‑proċess, ma għamlitx użu minn dan id-dritt minħabba impenji professjonali jew minħabba raġunijiet ta’ saħħa tal-akkużat. |
59. |
Is-sensiela l-oħra ta’ domandi tirrigwarda preċiżament id‑Direttiva 2013/48. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha teskludi mill‑fażi ġudizzjarja l-avukat ta’ akkużat li huwa jew li kien l‑avukat ta’ akkużat ieħor jekk id-difiża ta’ wieħed mill-akkużati tkun kunfliġġenti ma’ dik tal-ieħor. Jekk dan huwa l-każ, l-Artikolu 3(1) tal‑imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa ggarantit sa fejn din il-qorti taħtar avukati ġodda maħtura ex officio sabiex jirrappreżentaw lil dawn l-akkużati? |
60. |
Għaldaqstant, fl-analiżi segwenti ser neżamina dawn il-kwistjonijiet suċċessivament. |
B – Fuq id-domandi preliminari
1. Dwar il-konformità tal-proċeduri kriminali previsti fl‑Artikoli 368 u 369 tan-NPK mad-dritt tal-Unjoni u l-konsegwenzi tal‑inkompatibbiltà eventwali tagħhom
61. |
Permezz tal-ewwel u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-realtà, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall‑Artikoli 368 u 369 tan-NPK, li, fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ffissat minn qabel, il-qorti nazzjonali għandha ttemm il-proċeduri kriminali, u dan anki jekk il-kawża tad-dewmien tkun it-tfixkil intenzjonali mill-persuna akkużata. |
62. |
Terminu ffissat minn qabel huwa ddefinit bħala “it-terminu għal azzjoni stabbilit mil-liġi li l-mogħdija tiegħu, għad-differenza tal-preskrizzjoni, ma tistax tkun sospiża jew interrotta” ( 11 ). |
63. |
Il-każ proċedurali, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkorrispondi eżattament għal din id-definizzjoni. Il-fatti tal-kawża juru li jeżisti riskju sistematiku li reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jiġux issanzjonati. |
64. |
Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet differenti bil-miktub u orali pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-adozzjoni mir-Repubblika tal-Bulgarija ta’ din il-leġiżlazzjoni hija l-konsegwenza tal-intenzjoni li jiġi miġġieled id‑dewmien proċedurali li wassal lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem tikkundanna diversi drabi lil dan l-Istat Membru għal ksur tat-terminu raġonevoli ( 12 ). |
65. |
Il-kwistjoni mressqa f’din il-kawża hija inversa, jiġifieri huwa minnu li l-adozzjoni ta’ termini ffissati minn qabel fiċ-ċirkustanzi proċedurali deskritti mill-qorti tar-rinviju twassal għall-istabbiliment ta’ terminu għall-għoti ta’ sentenza li wkoll ma huwiex raġonevoli għaliex huwa qasir wisq u intanġibbli, liema fatt iwassal għas-sitwazzjoni fejn reat ma jiġix issanzjonat? |
66. |
Fil-fatt, il-ksur ta’ terminu raġonevoli huwa tradizzjonalment invokat fil-kuntest tar-rispett tad-drittijiet ta’ difiża fil-każ ta’ terminu mhux raġonevoli għaliex huwa twil wisq. Dan il-każ jirrigwarda pjuttost li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ terminu mhux raġonevoli għaliex huwa qasir wisq, b’mod li ma jippermettix li l-atti mwettqa jingħataw is-sanzjoni normali li tapplika għalihom. |
67. |
Kif osservajt fil-punti 50 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ninsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-kwistjoni hawnhekk tirrigwarda, fil-fatt, l-effettività ta’ dan id-dritt u hija biss kwistjoni tad‑dritt primarju. |
68. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni li għandha titqajjem b’mod leġittimu hija dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex adegwata għal dan l-obbligu li jirriżulta mit-Trattati u li jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi, u billi jieħdu l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika dawn l‑interessi bħal dawk li huma jieħdu sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess ( 13 ). |
69. |
Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tanalizza d-dritt nazzjonali sa fejn, fis-sitwazzjoni ppreżentata lilha, l‑istess dispożizzjonijiet japplikaw kemm fil-kuntest tad-dritt nazzjonali kif ukoll f’dak tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa perfettament issodisfatt u huwa proprju minn din l-ekwivalenza li tirriżulta l-ineffettività. |
70. |
Ir-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma kollha, min-natura tagħhom, kumplessi u għalhekk diffiċli li jiġu stabbiliti. Anki jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jidhru relattivament sempliċi, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jikkonċernaw diversi koawturi u kompliċi, li huwa dejjem element ta’ diffikultà li jeħtieġ seduti multipli u konfrontazzjonijiet. |
71. |
Barra minn hekk, ma jagħmilx sens li l-investigazzjonijiet ma jistabbilixxux is-serjetà tal-attività illeċita fir-rigward kemm tat-tul tagħha kif ukoll tal‑profitti li hija ġġenerat. L-investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus sussegwenti fir-rigward tal-ammont miżapproprijat tidher neċessarja wkoll sa fejn is-sekwestru tal-beni akkwistati bil-profitti mir-reat huwa, b’mod ġenerali, l-uniku mezz sabiex jitnaqqas il‑preġudizzju kkawżat. |
72. |
F’kawża ta’ dan it-tip, jirriżulta li t-termini imposti għall‑investigazzjoni huma notorjament insuffiċjenti. Fil-fatt, it‑terminu bażiku huwa ta’ xahrejn b’estensjonijiet possibbli, iżda b’terminu massimu ta’ sentejn, li huwa t-terminu finali. |
73. |
Għalhekk, kif jista’ jiġi immaġinat pereżempju li tiġi konkluża investigazzjoni f’kawża ta’ frodi karusell tal-VAT li tinvolvi kumpanniji mqassma f’diversi pajjiżi u li teħtieġ investigazzjonijiet tekniċi, bħal rapporti minn esperti tal‑kontabbiltà u l-użu ta’ miżuri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u mill‑pulizija internazzjonali? |
74. |
Jekk ma dan jiżdied il-fatt li l-mala fide evidenti tal-persuni suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali u t-tfixkil mill-avukati – li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi bħala intenzjonali – huma suffiċjenti sabiex jwaqqfu totalment il-proċeduri u jwasslu sabiex tintemm l-azzjoni kriminali, inqis li n-natura sistematika tad‑dgħjufija kkonstatata tidher b’mod ċar. Dan huwa iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li d‑deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-istadji differenti ta’ dawn il‑proċeduri turi li ma jeżistux mezzi kif dawn it-termini imperattivi jistgħu jiġu evitati u t-tentattiv li din il-qorti sabiex tagħmel dan wassal malajr għal falliment, issanzjonat mill-qorti tal-appell ( 14 ). |
75. |
Għalhekk ma hemmx soluzzjoni oħra għajr li jiġi konkluż li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jwasslu għal din is-sitwazzjoni, għaliex f’dan il-każ ma tistax tintlaħaq interpretazzjoni konformi, kif tirrikonoxxi din il-qorti stess. |
76. |
Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija imposta minn prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
77. |
Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dan huwa espress illum fl-Artikolu 5(1) u (4) TUE fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit‑Trattat ta’ Lisbona. |
78. |
L-Artikolu 5(1) TUE jagħtih, flimkien mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, rwol fundamentali li jikkonsisti f’li jiġi rregolat l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni li d-delimitazzjoni tagħhom hija stabbilita, b’applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni, mill-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi. |
79. |
L-azzjoni tal-Unjoni tittieħed biss, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati. |
80. |
Skont l-Artikolu 5(4) TUE, din l-azzjoni għandha tittieħed fl‑osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jimponi li l-imsemmija azzjoni ma teċċedix, la fil-kontenut u lanqas fil-forma, dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet inkwistjoni. |
81. |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma għandux l‑għan li jdgħajjef jew jipparalizza l-azzjoni tal-Unjoni minkejja li ħafna drabi dan jiġi invokat sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ regola jew ta’ strument tal-Unjoni meqjus li jikser id-dritt nazzjonali. |
82. |
Dan il-prinċipju jipprojbixxi, ċertament, aġir eżaġerat meta mqabbel ma’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mill‑Unjoni, iżda, f’dan il-limitu, ma jistax iwaqqaf li jsir dak kollu li huwa neċessarju. |
83. |
B’hekk, pereżempju, għalkemm il-premessa 11 tad‑Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali ( 15 ) tagħti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà li jissostitwixxi l‑miżura mitluba b’miżura oħra li tirriżulta mid-dritt nazzjonali tiegħu li hija inqas intrusiva, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-miżura nazzjonali inkwistjoni jkollha l-istess effettività. |
84. |
Dan il-paragun jidhirli li jwassal għal rimarka oħra, jiġifieri li hawnhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw, fit-territorju kollu tal-Unjoni fil‑kuntest tar-Regolament Nru 450/2008 u fit-territorju tal-Istati Membri firmatarji tal-Konvenzjoni PIF, piena uniformi għal atti li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
85. |
Barra minn hekk, dawn it-testi – u speċjalment ir-Regolament Nru 450/2008 – jimponu fuq l-Istati Membri kkonċernati l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet kriminali proporzjonati, dissważivi u effettivi. Għalhekk, l-obbligu ta’ effettività ma jistax jiġi ssodisfatt jekk fir-realtà dispożizzjonijiet proċedurali ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet. |
86. |
Kif urejt preċedentement, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, minħabba n-natura stabbilita minn qabel tagħha, evidentement ma hijiex adegwata għall-għan li jrid jintlaħaq mit-testi tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Bl-istess mod kif il-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali jiġġustifika u, jekk ikun neċessarju, joffri bażi legali għad-deċiżjoni li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 16 ), huwa jindika wkoll biex għandhom jiġu ssostitwiti. |
87. |
Fil-fatt, dan ma jistax iwassal għal eżaġerazzjoni f’sens ieħor. Prinċipju ġenerali tad-dritt, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa wkoll libertà fundamentali li għandha tiġi applikata, hawnhekk, minn din il-perspettiva komplementari. |
88. |
Għalhekk, il-qorti nazzjonali ssib ruħha marbuta bin-neċessità ta’ osservanza tar-regoli tat-terminu raġonevoli, li barra minn hekk huma biss waħda mid-diversi varjazzjonijiet tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda din id-darba, fid-dimensjoni konkreta ta’ azzjoni proċedurali. |
89. |
In-natura raġonevoli tat-terminu għall-għoti ta’ sentenza għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħal ma huma l-kumplessità tal‑kawża u l-aġir tal-partijiet ( 17 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll repetittivament li “n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċeduri kriminali għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża u fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari l‑kumplessità tal-kawża u l-aġir tar-rikorrrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti” ( 18 ). |
90. |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ terminu ffissat minn qabel li jirriżulta mill‑esklużjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-fażi preliminari tal‑proċeduri kriminali tkun twettqet f’osservanza ta’ terminu raġonevoli. Kif rajna preċedentement, hija għandha twettaq eżami ta’ proporzjonalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, bħall‑kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet u dak tal-awtoritajiet ġudizzjarji. |
91. |
F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kumplessità tal-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l‑investigazzjoni tikkonċerna tmien akkużati, suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fejn il-fatti li jikkostitwixxu r-reat damu għaddejjin ftit iktar minn sena. Għalhekk, il-korpi ta’ investigazzjoni għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn żmien suffiċjenti sabiex jiġbru l-provi neċessarji, ix-xhieda jew kull element ieħor utli. Barra minn hekk, l-aġir tal-akkużati fil-kawża prinċipali jista’ jkun ukoll element li jimmilita favur terminu addizzjonali, peress li ma hemmx dubju li dawn ikkontribwixxew b’mod volontarju sabiex il‑prosekutur pubbliku ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu fil‑kuntest tal-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, b’mod partikolari l-komunikazzjoni tal-att ta’ akkuża u tal-fajl tal-investigazzjoni. |
92. |
Inżid li terminu eċċessivament qasir jista’ jirriskja li jkollu l‑konsegwenza li l-investigazzjoni tkun iffokata fuq elementi ta’ kundanna għad-detriment ta’ dawk kollha li jistgħu jkunu elementi li jiskaġunaw jew ta’ natura, permezz tal-ispjegazzjoni tar-raġunijiet jew tal-aġir, li jnaqqsu s-severità tal-piena, u jevitaw għalhekk li s-severità tal-piena tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat, kif previst mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l‑Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kif ukoll l‑Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(2) tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni PIF għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikoli 368 u 369 tan-NPK, li, fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ffissat minn qabel, jimponu fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ttemm il-proċeduri kriminali, u dan anki jekk il-kawża tad-dewmien hija dovuta għat-tfixkil intenzjonali mill-persuna akkużata. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni billi, f’każ ta’ bżonn, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li jwaqqfu lill-Istat Membru kkonċernat milli josserva l-obbligi imposti fuqu mill-imsemmija dispożizzjonijiet. |
2. Fuq id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża u d-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess
94. |
Fil-kuntest tal-paragrafu (b) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 6(3) tad‑Direttiva 2012/13 jipprekludix prattika nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għandha tingħata informazzjoni dwar l-akkuża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tal-aħħar tibda l-eżami tal-akkuża. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprekludix din l-istess prattika nazzjonali li tipprovdi li l-att ta’ akkuża finali definittiv jintbagħat lill-qorti kompetenti minkejja li d-difiża, li kellha l-possibbiltà teżamina l-atti tal proċess, ma għamlitx użu minn dan id-dritt minħabba impenji professjonali jew minħabba raġunijiet ta’ saħħa tal-akkużat. |
95. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tkun biss fin-negattiv. X’ikun il-punt li jiġi eskluż terminu ffissat minn qabel u li jingħataw termini addizzjonali, anki twal ħafna, jekk il-prosekutur pubbliku ma jkollux il-possibbiltà li jevita t-tfixkil mill-akkużati? |
96. |
Jidhirli li huwa ġustament sabiex jingħeleb dan it-tfixkil li jwaqqaf it-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti li ġiet stabbilita, tal-inqas parzjalment, il-prattika deskritta mill-qorti tar-rinviju, liema prattika għandha tiġi vvalidata, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. |
97. |
Barra minn hekk, jidhirli li din il-prattika tiżgura l-osservanza tad‑drittijiet tad-difiża, kif imsemmija b’mod partikolari mid‑Direttiva 2012/13. |
98. |
L-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva ma jindikawx f’liema mument preċiż tal-proċeduri dawn l-elementi, jiġifieri l-informazzjoni dwar l-akkuża u l-aċċess għall-atti tal-proċess, għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna ssuspettata li wettqet reat. Fil-fatt, huma jindikaw biss, rispettivament, li l-informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża għandha tingħata “mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il‑qorti” u li l-aċċess għall-atti tal-proċess “għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti”. |
99. |
L-att ta’ akkuża, bħall-aċċess għall-atti tal-proċess, hija intiża sabiex tinforma preċiżament lill-persuna ssuspettata dwar l-akkużi kontriha u tippermettilha li tipprepara u li teżerċita b’mod effettiv id‑difiża tagħha, li huma kundizzjonijiet għal smigħ xieraq ( 19 ). |
100. |
Għandu jiġi ppreċiżat li l-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/14, hija, fl-opinjoni tiegħi, ambigwa. Strettament, huwa fil-mument tad-deliberazzjoni tagħha li l-qorti tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-akkuża. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem f’sens li hija timponi l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża, tal-klassifikazzjonijiet legali, tal-provi u tal-atti mhux iktar tard minn meta tibda l-fażi orali quddiem il-qorti. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tidher li hija kkorroborata mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-direttiva ( 20 ). |
101. |
Sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati r-regoli ta’ smigħ xieraq, huwa evidenti li l-komunikazzjoni għandha ssir flimkien mal-għoti ta’ terminu suffiċjenti sabiex l-akkużat ikun jista’ jipprepara difiża effikaċi, fejn dan ir-rekwiżit jista’ jimponi, jekk ikun il-każ, li l-kawża tintbagħat lura għal dan il-għan. |
102. |
B’hekk, pereżempju, fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-atti tal‑proċess, infakkar li din tal-aħħar tippermetti, b’mod partikolari, lill‑persuna akkużata u lill-avukat tagħha jagħmlu talbiet preċiżi ferm dwar il-provi jew anki jitolbu investigazzjoni addizzjonali. L-aċċess għal dawn l-atti għandu għalhekk isir f’mument li jippermetti lill-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali jew lill-avukat tagħha jipprepara b’mod utli u effettiv id-difiża tagħha u, fi kwalunkwe każ, dan l-aċċess ma jistax iseħħ matul il-fażi tad‑deliberazzjoni. Jekk il-qorti tikkonstata li l-aċċess ikun intalab iżda li għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali jew tal-avukat tagħha, dawn tal-aħħar ma setgħux jeżaminaw l-atti tal-proċess, inqis li l-qorti għandha, anki f’dan il-każ, tissospendi l-proċeduri u tippermetti dan l-aċċess billi tagħti biżżejjed żmien lil din il-persuna u lill-avukat tagħha sabiex jeżaminaw l-atti tal-proċess u jifformulaw, jekk ikun il‑każ, it-talbiet kollha li huma għandhom dritt iressqu. |
103. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l‑persuna akkużata tingħata informazzjoni dwar l-akkuża wara l‑preżentata tal-att ta’ akkuża finali quddiem il-qorti, sa fejn l‑iżvolġiment tal-proċeduri matul il-fażi orali jippermetti lill-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali li tkun taf u tifhem l-akkuża kontriha u jagħtiha żmien raġonevoli sabiex tiddiskuti l-provi miġjuba kontriha. |
104. |
Barra minn hekk, inqis li l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l-aċċess għall-atti tal-proċess isir, fuq talba tal-partijiet, waqt il-fażi preliminari qabel l-istabbiliment tal-att ta’ akkuża finali definittiv. Hija sempliċi kunsiderazzjoni ta’ natura prattika li twassal għal din ir-risposta. Soluzzjoni oħra tippreżumi li l-atti tal-proċess jintbagħtu lill-persuna akkużata jew lill-avukat tagħha bir-riskji ta’ telf jew ta’ distruzzjoni involuti. Barra minn hekk, peress li dawn huma atti tal-proċess, jistgħu jkunu voluminużi ħafna u, pereżempju f’din it-tip ta’ kriminalità, jinkludu s-sekwestru ta’ provi ta’ kontabbiltà. |
105. |
Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward huwa importanti li l-qorti nazzjonali tiżgura li l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali jew l-avukat tagħha jkunu jistgħu jkollhom aċċess effettiv għal dawn l-atti sabiex ikunu jistgħu jippreparaw difiża effikaċi għal din il-persuna. |
3. Fuq id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat
106. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha teskludi mill-fażi ġudizzjarja l-avukat ta’ akkużat li huwa jew li kien l-avukat ta’ akkużat ieħor jekk id-difiża ta’ wieħed mill-akkużati tkun kunfliġġenti ma’ dik tal-ieħor u li tipprovdi li din il-qorti għandha taħtar avukati ġodda maħtura ex officio sabiex jirrappreżentaw lil dawn l-akkużati. |
107. |
Qabel xejn, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 15 ta’ din id‑direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva mhux iktar tard mis-27 ta’ Novembru 2016. Fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan it-terminu kien għadu ma skadiex. Madankollu, jekk regola tad-dritt ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li jkunu tnisslu u li saru definittivi taħt is‑sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda ( 21 ). Barra minn hekk, id‑Direttiva 2013/48 ma tinkludi ebda dispożizzjoni partikolari li tiddetermina speċjalment dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis. Minn dan jirriżulta li din id-direttiva hija, fil-fehma tiegħi, applikabbli għas-sitwazzjonijiet taż-żewġ akkużati fil-kawża prinċipali. |
108. |
Infakkar li l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l‑persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv”. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat huwa għalhekk elementi essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq ( 22 ). |
109. |
Fil-fatt, id-Direttiva 2013/48 hija intiża li tistabilixxi biss regoli minimi dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċeduri kriminali ( 23 ). Sa fejn hija tibqa’ siekta dwar il-possibbiltà, għal qorti, li teskludi mill-proċeduri kriminali l-avukat li jiddefendi klijenti li għandhom interessi kunfliġġenti fil‑kuntest tal-istess kawża, huwa sempliċement id-dritt fundamentali ta’ kull persuna li tibbenefika minn difiża oġġettiva u mingħajr konċessjonijiet jew ekwivoċi dwar l-interessi tagħha li jiddetta hawnhekk ir-risposta li għandha tingħata. |
110. |
Peress li dan il-prinċipju huwa evidenti fih innifsu, lanqas ma hemm il-bżonn li jiġi espress f’test. F’dan il-każ, inqis li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-esklużjoni mill-proċeduri kriminali l-avukat li jiddefendi akkużati li għandhom interessi kunfliġġenti fil‑kuntest tal-istess kawża hija ġustament adegwata sabiex tiżgura dan id-dritt, sa fejn ma narax kif l-istess avukat jista’ jiddefendi kompletament u b’mod effikaċi żewġ akkużati li għandhom interessi diverġenti, u dan iktar u iktar peress li, f’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet ta’ wieħed mill-akkużati jikkontestaw dawk tal-ieħor. Fir-realtà, dan iwassal sabiex wieħed mill-persuni kkonċernati, jekk mhux it-tnejn, tiġi purament u sempliċement imċaħħda mid-dritt fundamentali li tiġi assistita minn avukat u sabiex jiġu mċaħħda mill‑eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv ( 24 ). |
111. |
Għal dak li jirrigwarda l-ħatra ex officio ta’ avukat meta l-qorti teskludi l-avukat minħabba kunflitt ta’ interess, inqis li din hija wkoll adegwata sabiex tiżgura d-dritt ta’ aċċess għas-servizz ta’ avukat, kif deskritt iktar ’il fuq. |
112. |
Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-avukat maħtura ex officio jkollu żmien biżżejjed sabiex jeżamina l‑proċess u jiddefendi l-klijent tiegħu b’mod effikaċi. F’dan ir-rigward, hija għandha, jekk ikun neċessarju, tissospendi l-proċeduri sabiex l‑avukat maħtur ex officio jkun jista’, jekk ikun il-każ, jitlob kull att proċedurali – bħall-komunikazzjoni tal-fajl tal-investigazzjoni jew anki talba għal perizja – talba espressament prevista mid-dritt nazzjonali sabiex jipprepara bl-aħjar mod id-difiża għall-klijent tiegħu. |
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha teskludi mill‑fażi ġudizzjarja l-avukat ta’ akkużat li huwa jew li kien l-avukat ta’ akkużat ieħor jekk id-difiża ta’ wieħed mill-akkużati tkun kunfliġġenti ma’ dik tal-ieħor u li tipprovdi li din il-qorti għandha taħtar avukati ġodda maħtura ex officio sabiex jirrappreżentaw lil dawn l-akkużati. |
V – Konklużjoni
114. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2008, L 145, p. 1.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”.
( 4 ) Paragrafu 5 ta’ dan il-preambolu.
( 5 ) Paragrafu 6 tal-imsemmi preambolu.
( 6 ) ĠU 1996, C 313, p. 2; iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni PIF”.
( 7 ) ĠU 2012, L 142, p. 1.
( 8 ) ĠU 2013, L 294, p. 1.
( 9 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 37)
( 10 ) Għal definizzjoni ta’ dawn iż-żewġ kunċetti, nirreferi għall-punti 8 u 9 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
( 11 ) Ara Cornu, G., Vocabulaire juridique, Presses universitaires de France, Paris, 2011.
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 10 ta’ Mejju 2011, Dimitrov u Hamanov vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2011:0510JUD004805906, kif ukoll il-punti 34.1 u 37 tat‑talba għal deċiżjoni preliminari.
( 13 ) Ara l-Artikolu 325 TFUE u s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 37).
( 14 ) Ara l-punti 44 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) ĠU 2014, L 130, p. 1.
( 16 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapplika, fuq awtorità tagħha stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħhom b’mezzi leġiżlattivi jew b’xi proċedura kostituzzjonali oħra. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 181).
( 18 ) Ara Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2012, D.M.T. u D.K.I. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2012:0724JUD002947606, § 93).
( 19 ) Ara l-premessi 27 u 28 tal-imsemmija direttiva.
( 20 ) Bit-Taljan, pereżempju, din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej: “Gli Stati membri garantiscono che, al più tardi al momento in cui il merito dell’accusa è sottoposto all’esame di un’autorità giudiziaria, siano fornite informazioni dettagliate sull’accusa, inclusa la natura e la qualificazione giuridica del reato, nonché la natura della partecipazione allo stesso dell’accusato”. Bl-Ingliż, hija tipprevedi li: “Member States shall ensure that, at the latest on submission of the merits of the accusation to a court, detailed information is provided on the accusation, including the nature and legal classification of the criminal offence, as well as the nature of participation by the accused person”.
( 21 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22).
( 22 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2013/48.
( 23 ) Ara l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.
( 24 ) Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48. Ara wkoll l-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar.