KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑484/15

Ibrica Zulfikarpašić

vs

Slaven Gajer

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski sud u Novom Zagrebu (qorti muniċipali ta’ Zagreb ġdida, il-Kroazja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 805/2004 — Titolu eżekuttiv Ewropew għal debiti mhux ikkontestati — Atti li tagħhom tista’ tintalab iċ- ċertifikazzjoni — Mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar bbażat fuq dokument awtentiku”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati ( 2 ).

2. 

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Zulfikarpašić, avukat stabbilit fil-Kroazja, u S. Gajer, ukoll domiċiljat fil-Kroazja, dwar iċ-ċertifikazzjoni bħala Titolu eżekuttiv Ewropew, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar bbażat fuq dokument awtentiku.

3. 

L-Općinski sud u Novom Zagrebu (qorti muniċipali ta’ Zagreb ġdida, il-Kroazja) tistaqsi, essenzjalment, jekk nutar li, skont il-leġiżlazzjoni Kroata, jagħti digriet ta’ eżekuzzjoni definittiv u eżekuttiv ibbażat fuq dokument awtentiku huwiex kompetenti sabiex jiċċertifikah bħala Titolu eżekuttiv Ewropew meta ma jkunx ġie kkontestat u jekk, f’każ ta’ risposta negattiva, qorti nazzjonali tistax tipproċedi għal dik iċ-ċertifikazzjoni meta d-digriet ta’ eżekuzzjoni jirrigwarda dejn mhux ikkontestat.

4. 

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tapplika preċiżazzjonijiet utli għall-kunċetti ta’ “sentenza” u ta’ “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, billi tiddeċiedi, b’mod partikolari, jekk nutar li lilu d-dritt nazzjonali jagħti l-awtorità li jagħti digrieti eżekuttivi jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti”.

5. 

Madankollu, tqum qabelxejn kwistjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għaliex il-qari tad-deċiżjoni ta’ rinviju juri li l-partijiet fil-kawża prinċipali t-tnejn jirrisjedu fil-Kroazja, b’mod li s-sitwazzjoni tista’, qabelxejn, tiġi kklassifikata bħala “purament interna”, u kkunsidrata, konsegwentement, bħala li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nargumenta, fl-ewwel lok, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli anki jekk il-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija bejn rikorrent u konvenut li t-tnejn jirrisjedu fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja. Fil-fatt, jekk iċ-ċertifikazzjoni bħala Titolu eżekuttiv Ewropew b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 għandha l-għan li tippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li fih ingħatat, l-ammissibbiltà tat-talba għal ċertifikazzjoni magħmula lill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini mhijiex suġġetta għall-prova mill-kreditur tan-natura transkonfinali tat-tilwima.

7. 

Sejjer nesponi, fit-tieni lok, li Ordni ta’ Infurzar bħal digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar ibbażat fuq dokument awtentiku jikkostitwixxi sentenza fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004, sakemm in-nutar kompetenti sabiex jagħti dak il-mandat jiddeċiedi, fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni partikolari, bħala qorti, li jippreżupponi li huwa joffri garanziji f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tiegħu u l-imparzjalità tiegħu u li huwa jiddeċiedi bl-awtorità tiegħu proprja b’sentenza li, minn naħa, kienet jew tista’ tkun is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju qabel iċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala Titolu eżekuttiv Ewropew u, min-naħa l-oħra, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem awtorità ġudizzjarja. Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, jiena nsostni li n-nutar kompetenti biex joħroġ digriet ta’ eżekuzzjoni jissodisfa l-klassifikazzjoni ta’ “qorti”.

8. 

Jiena niddeduċi, fit-tielet lok, li dan in-nutar, li jikkostitwixxi l-“qorti tal-oriġni”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4, u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004, huwa kompetenti biex jiċċertifika bħala ordni Ewropea d-digriet li huwa ħareġ u li sar eżekutorju fl-assenza ta’ oppożizzjoni mid-debitur.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

9.

Skont il-premessi 5, 7 u 20 tar-Regolament Nru 805/2004:

“(5)

Il-kunċett ta’ ‘talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati’ għandu ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom kreditur, minħabba n-nuqqas verifikat ta’ xi disputa mid-debitur dwar in-natura jew il-limitu tat-talba ta’ flus, ikun kiseb jew deċiżjoni tal-qorti kontra d-debitur jew dokument ta’ infurzar li jeħtieġ il-kunsens espress tad-debitur, sew jekk ikun settlement tal-qorti jew strument awtentiku.

[…]

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi dwar talbiet [debiti] mhux [i]kontestati u għad-deċiżjonijiet mogħtija wara kontestazzjonijiet għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi ċertifikati bħala Ordnijiet Ewropej ta’ Infurzar.

[…]

(20)

L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati għandhom ikun bl-għażla għall-kreditur, li jista’ jagħżel is-sistema ta’ rikonoxximent u infurzar taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ),] jew strumenti oħra tal-Komunità.”

10.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

11.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ta’ infurzar li għandhom jiġu ċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu eżekuttiv Ewropew]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti, u strumenti awtentiċi dwar talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

a)

id-debitur ikun espressament qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement li ikun ġie approvat minn qorti jew konkluż quddiem qorti fil-kors ta’ proċeduri; jew

b)

id-debitur ma jkun oġġezzjon[a] qatt għalih, b’konformità mal-ħtiġiet relevanti proċedurali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, fil-kors tal-proċeduri tal-qorti; jew

ċ)

id-debitur ma jkunx deher jew ġie rappreżentat fis-smigħ tal-qorti fir-rigward ta’ dik it-talba wara li kien inizjalment oġġezzjon[a] għat-talba fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, kemm-il darba dak il-koportament ikun jammonta għal ammissjoni siekta tat-talba jew tal-fatti allegati mill-kreditur taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini; jew

d)

id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

12.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

‘sentenza’: kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, irrispettivament x’tissejjaħ dik is-sentenza, inkluż digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll l-istabbiliment tan-nefqiet jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti;

2.

‘talba [debitu]’: talba [dritt] għal ħlas ta’ somma speċifika ta’ flus li tkun saret dovuta jew li dwarha d-data debita tkun indikata fis-sentenza, settlement tal-qorti jew strument awtentiku;

3.

‘strument awtentiku’:

a)

dokument li jkun tħejja formalment jew reġistrat bħala strument awtentiku, u li l-awtentiċità tiegħu:

i)

tirrelata mal-firma u l-kontenut tal-istrument, u

ii)

ikun ġie stabbilit minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa għal dak il-għan mill-Istat Membru li fih joriġina;

jew

b)

arranġament li jirrelata ma’ obbligi ta’ manteniment konklużi ma’ l-awtoritajiet amministrattivi jew awtentikat minnhom;

[…]

6.

‘qorti tal-oriġini’: il-qorti jew tribunal responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien tat-twettieq tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(a), (b) jew (ċ);

7.

fl-Isvezja, il-proċeduri sommarji li jikkonċernaw ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande), l-espressjoni ‘qorti’ tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar (kronofogdemyndighet).”

B – Id-dritt Kroat

13.

Skont l-Artikolu 31 tal-Ovršni zakon (liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata) ( 4 ), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali:

“1)   Bis-saħħa ta’ din il-liġi, dokument awtentiku huwa fattura, kambjali u protest ta’ ċekk, akkumpanjati, jekk ikun il-każ, minn delivery notes sabiex ikunu jistgħu jippruvaw dejn, dokument uffiċjali, estratt minn kotba ta’ kontabbiltà, dokument privat legalizzat u kull dokument meqjus bħala dokument uffiċjali bis-saħħa ta’ liġijiet speċifiċi. Il-kalkolu tal-imgħaxijiet huwa wkoll meqjus bħala fattura.

2)   Dokument awtentiku għandu jkun eżekuttiv jekk jinkludi l-identità tal-kreditur u tad-debitur, kif ukoll is-suġġett, in-natura, il-portata u d-data tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju.

3)   B’żieda mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fattura maħruġa lil persuna fiżika li ma teżerċitax attività rreġistrata għandha tindika lid-debitur li, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu pekunjarju li sar eżegwibbli, il-kreditur ikun jista’ jitlob l-eżekuzzjoni forzata bbażat fuq dokument awtentiku.

[…]”

14.

L-Artikolu 278 tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jipprovdi li “[n]-nutara għandhom jiddeċiedu fuq it-talbiet [debiti] għal eżekuzzjoni bbażati fuq dokumenti awtentiċi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi”.

15.

L-Artikolu 357 tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jipprovdi li huma kompetenti sabiex jiċċertifikaw is-sentenzi, it-tranżazzjonijiet ġudizzjarji u l-atti awtentiċi bħala Titolui eżekuttivi Ewropej, “il-qrati, l-awtoritajiet amministrattivi, in-nutara jew il-persuni fiżiċi u ġuridiċi assoċjati mal-awtoritajiet pubbliċi li huma awtorizzati joħorġu kopja eżekuttiva ta’ [Titolu eżekuttiv Ewropew] maħruġ minn qorti nazzjonali u li jirrigwarda talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati”.

16.

L-Artikolu 358(4) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jipprovdi li, “[j]ekk in-nutar jikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati [ta’ Titolu eżekuttiv Ewropew] ma humiex issodisfatti, huwa għandu jibgħat it-talba għal ħruġ ta’ ċertifikat, flimkien ma’ kopja tal-atti jew tad-dokumenti korrispondenti, lill-qorti muniċipali li taħtha jaqa’ l-uffiċċju tiegħu sabiex tiddeċiedi fuq it-talba”.

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.

Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ rappreżentazzjoni ma’ S. Gajer, klijent tiegħu, I. Zulfikarpašić, avukat, kien ħareġ fattura li baqgħet ma tħallsitx.

18.

Fuq il-bażi ta’ dik il-fattura, ikkunsidrata bħala “dokument awtentiku”, I. Zulfikarpašić akkwista, fit-12 ta’ Frar 2014, il-ħruġ minn nutar ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni definittiv.

19.

Fit-13 ta’ Novembru 2014, I. Zulfikarpašić ressaq quddiem in-nutar talba għal ċertifikazzjoni ta’ dak il-mandat bħala Titolu eżekuttiv Ewropew, fis-sens tar-Regolament Nru 805/004, sabiex ikun jista’ jibda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li kienet tippermetti l-ħlas tal-kreditu tiegħu.

20.

Billi qies li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-ħruġ taċ-ċertifikat ma kinux sodisfatti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 358(4) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, in-nutar ressaq il-każ quddiem l-Općinski sud u Novom Zagrebu (qorti muniċipali ta’ Zagreb ġdida). Fil-fehma ta’ dik il-qorti, in-nutar kien innota, b’mod partikolari, li, jekk il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004 jipprovdi li l-espressjoni “qorti” tinkludi s-servizz Svediż ta’ infurzar, l-ebda dispożizzjoni simili ma xxebbaħ lis-servizz notarili Kroat għal qorti fis-sens ta’ dan ir-regolament.

21.

Filwaqt li tistaqsi dwar il-konformità tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata mar-Regolament Nru 805/2004, l-Općinski sud u Novom Zagrebu (qorti muniċipali ta’ Zagreb ġdida) ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-liġi […] dwar l-eżekuzzjoni forzata li huma relatati mat-titolu eżekuttiv Ewropew huma konformi mar-Regolament […] Nru 805/2004 u, b’mod iktar preċiż, […] fil-Kroazja, fil-proċeduri ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku, il-kliem ‘imħallef’, ‘tribunal’ u ‘qorti’ […] jinkludu wkoll in-nutara?

2)

In-nutara jistgħu joħorġu ċertifikati ta’ titolu eżekuttiv Ewropew relatati ma’ deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni definittivi u eżekuttivi li huma taw abbażi ta’ dokument awtentiku meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma ġietx ikkontestata u, fil-każ li huma ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, […] qorti tista’ toħroġ ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew li jirreferi għal deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni adottata minn nutar abbażi ta’ dokument awtentiku meta din id-deċiżjoni essenzjalment tirrigwarda kreditu mhux ikkontestat u, f’dan il-każ, liema formola […] għandha tintuża?”

III – Evalwazzjoni tiegħi

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

22.

Jidhirli li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqiegħed fid-dubju għall-motiv li sitwazzjoni li fiha t-talba għal ċertifikazzjoni bħala Titolu eżekuttiv Ewropew titressaq quddiem qorti li tinsab fi Stat Membru jew il-kreditur u d-debitur għandhom id-domiċilju għandha tiġi kklassifikata bħala “purament interna”.

23.

Jekk huwa veru li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali t-tnejn jirrisjedu fil-Kroazja, ma jistax jiġi argumentat minn dik iċ-ċirkustanza biss li r-Regolament Nru 805/2004 huwa inapplikabbli fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

24.

L-ewwelnett, il-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 mhuwiex limitat għat-tilwimiet transkonfinali.

25.

Fil-fatt, b’differenza mir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 5 ), tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet [debiti] Żgħar ( 6 ), jew anki tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jistabbilixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali ( 7 ), ir-Regolament Nru 805/2004 ma jiffissax kundizzjoni marbuta man-natura transkonfinali tat-tilwima, li sikwit jimplika li tal-inqas waħda mill-partijiet ikollha d-domiċilju tagħha jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-qorti indirizzata ( 8 ).

26.

Filwaqt li dawn ir-regolamenti ħolqu proċeduri Ewropej ġodda uniformi applikabbli esklużivament għat-tilwimiet transkonfinali u distinti mill-proċeduri nazzjonali li jibqgħu applikabbli kontestwalment, fil-verità r-Regolament Nru 805/2004 ma jistabbilixxix Titolu eżekuttiv Ewropew uniformi, imma jagħti lis-sentenzi nazzjonali l-kapaċità li jiċċirkulaw liberament fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew, billi jittimbra fuq dawn is-sentenzi ċertifikat li jiswa daqs “passaport Ewropew”.

27.

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta man-natura transkonfinali tat-tilwima, xejn ma jopponi li talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Titolu eżekuttiv Ewropew titressaq f’tilwima bejn żewġ partijiet li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess Stat Membru. Din l-ipoteżi hija prevista impliċitament mill-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004, li jissuġġetta ċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza dwar kreditu mhux kontestat, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) jew (c) ta’ dan ir-regolament, għall-kundizzjoni li s-sentenza tkun ingħatat fl-Istat Membru fejn id-debitur għandu d-domiċilju tiegħu, meta dan huwa l-konsumatur, mingħajr ma jeħtieġ barra minn hekk li l-kreditur ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor.

28.

Barra minn hekk, dan il-każ jikkorrispondi għal sitwazzjonijiet frekwenti fejn id-debitur huwa proprjetarju ta’ beni immobbiljari stabbiliti barra mill-pajjiż jew detentur ta’ kontijiet fil-banek stabbiliti fi Stati Membri oħra. Anki fejn id-debitur jirrisjedi fl-istess Stat Membru bħalu, il-kreditur jista’ għalhekk ikollu interess li jottjeni Titolu eżekuttiv Ewropew li tippermettilu jipproċedi għal miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-beni sitwati fi Stati Membri oħra.

29.

Issa, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tat-talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Titolu eżekuttiv Ewropew mhijiex subordinata għall-prova mill-kreditur li huwa beda azzjoni fi Stat Membru ieħor intiża sabiex tiġi rikonoxxuta jew eżegwita sentenza jew li d-debitur huwa proprjetarju ta’ beni sitwati fi Stati Membri oħra, li fuqhom tista’ tiġi eżegwita miżura ta’ eżekuzzjoni forzata.

30.

Jekk is-suġġett tar-Regolament Nru 805/2004 huwa li jippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Istati Membri kollha tas-sentenzi, tat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti awtentiċi li jirrigwardaw debiti mhux [ik]kontestati, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir rikors għall-proċedura ta’ exequatur, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma timponi lill-kreditur li jġib il-prova tal-utilità jew tan-neċessità taċ-ċertifikazzjoni.

31.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jippreċiża li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza dwar dejn mhux kontestat tista’ tintalab “f’kull żmien”, li jfisser li kreditur jista’ fil-prinċipju, fl-att introduttiv tal-kawża, iżid talba sussidjarja għall-għoti taċ-ċertifikazzjoni tas-sentenza ( 9 ), bil-kundizzjoni, madankollu, li dik is-sentenza tkun immedjatament eżekuttiva fl-Istat Membru tal-oriġini ( 10 ). Din it-talba ta’ ċertifikazzjoni mhijiex suġġetta għall-prova mill-kreditur li huwa beda fi Stat Membru ieħor azzjoni sabiex tiġi rikonoxxuta jew eżegwita s-sentenza jew li d-debitur huwa proprjetarju ta’ beni sitwati fi Stati Membri oħra, li fuqhom miżura ta’ eżekuzzjoni forzata tista’ titwettaq. Ir-rekwiżit ta’ tali prova, li ser tkun diffiċli li tinġab, sejjer barra minn hekk jikkomprometti serjament l-effikaċja tar-Regolament Nru 805/2004 li r-raġuni tiegħu hija l-iffaċilitar taċ-ċirkulazzjoni awtomatika tat-titoli eżekuttivi nazzjonali fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew. Barra minn hekk, huwa perfettament possibbli li debitur, domiċiljat fl-istess Stat Membru tal-kreditur tiegħu, jorganizza ruħu matul proċedura ta’ insolvibbiltà tiegħu billi jittrasferixxi l-beni tiegħu fl-esteru sabiex jaħrab il-kawżi.

32.

Fil-verità, it-Titolu eżekuttiv Ewropew jinvolvi min-natura tiegħu, kif jindika l-isem tiegħu, element ta’ estraneità għaliex maħsub esklużivament sabiex jippermetti l-esportazzjoni tat-titolu nazzjonali fl-Istati Membri oħra, billi jaħdem bħala “passaport ġudizzjarju Ewropew” li jista’ jiġi ottenut mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li t-titolu nazzjonali sejjer jiċċirkula fl-Istati Membri oħra. Nażżarda paragun mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Sabiex ikun jista’ jinħareġ validament mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali hija marbuta tiġġustifika li l-persuna mfittxija tinsab fi Stat Membru ieħor? Jekk dik l-awtorità ġudizzjarja ta’ ħruġ titlob interpretazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas 2002/584/JAI, tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002 ( 11 ), dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ dak il-mandat, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddikjara dik it-talba inammissibbli għall-motiv li, billi l-persuna mfittxija mhijiex misjuba fi Stat Membru ieħor, is-sitwazzjoni li tat l-oriġini għat-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tkun purament interna ( 12 )?

33.

Billi ċ-ċertifikat ta’ Titolu eżekuttiv Ewropew jieħu s-suġġett innifsu tiegħu minn dimensjoni intrinsikament Ewropea, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli għall-motiv li l-fatti fil-kawża prinċipali jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004. Barra minn hekk, huwa inutli li tintalab ġustifikazzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi ( 13 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rinviju preliminari li tirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirrinvija għall-kontenut ta’ dik id-dispożizzjoni sabiex jiddetermina r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna għal dak l-Istat ( 14 ). Barra minn hekk, il-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata ma tirrinvijax għall-kontenut tar-Regolament Nru 805/2004 sabiex tiddetermina r-regoli applikabbli f’sitwazzjonijiet purament interni għar-Repubblika tal-Kroazja, imma tillimita ruħha sabiex tiddefinixxi l-awtoritajiet kompetenti biex jiċċertifikaw bħala Titolu eżekuttiv Ewropew is-sentenzi, it-tranżazzjonijiet ġudizzjarji u l-atti awtentiċi li jirrigwardaw debiti mhux ikkontestati.

34.

Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex tiġi ddikjarata inammissibbli għall-motiv li l-eżekuzzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx mitluba minn qabel fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih tressqet it-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ Titolu eżekuttiv Ewropew.

35.

Inżid li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar kwistjoni preliminari li tinġab quddiemha minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ liġi tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli ( 15 ). Imma, f’dan il-każ, ma jirriżultax la mid-deċiżjoni ta’ rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati li t-tilwima fil-kawża prinċipali setgħet kienet frivola u artifiċjali jew li d-domanda preliminari ser tkun waħda purament ipotetika.

36.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

37.

Issa niġi għall-eżami tad-domandi.

B – Fuq l-ewwel domanda

38.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, li jagħtu kompetenza lin-nutara sabiex jiċċertifikaw bħala Titolu eżekuttiv Ewropew il-mandati ta’ eżekuzzjoni li huma joħorġu bbażati fuq dokument awtentiku, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mid-debitur, humiex kompatibbli mar-Regolament Nru 805/2004.

39.

Jekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, hija ma tistax tippronunzja ruħha la fuq kwistjonijiet li jaqgħu fid-dritt intern tal-Istati Membri lanqas fuq il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija tista’ madankollu tipprovdilha elementi ta’ interpretazzjoni li jkunu ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi t-tilwima li tinġab quddiemha ( 16 ).

40.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk titolu eżekuttiv bħalma huwa digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku skont il-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jikkostitwixxi deċiżjoni dwar dejn mhux kontestat jista’ jiġi ċċertifikat bħala Titolu eżekuttiv Ewropew.

41.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi nnotat, qabelxejn, li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jiddefinixxi tliet kategoriji ta’ “titoli eżekuttivi” li għalihom hija applikabbli l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, ir-regolament huwa applikabbli “għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi dwar talbiet [debiti] mhux [ik]kontestati”.

42.

Għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden li jitfittex jekk il-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar skont il-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata jidħolx jew le f’waħda minn dawn it-tliet kategoriji li jistgħu jiġu ċċertifikati.

43.

Il-klassifika ta’ settlement ġudizzjarju tista’ tiġi skartata mill-bidu għaliex, mill-provi, il-mandat stabbilit unilateralment min-nutar fuq il-bażi biss ta’ fattura maħruġa mill-kreditur, ikkunsidrata bħala “dokument awtentiku”, ma għandhiex in-natura ta’ kuntratt li l-kontenut tiegħu jiddependi mill-volontà tal-partijiet.

44.

Jifdal għalhekk li jiġi eżaminat jekk dak il-mandat jistax jiġi kklassifikat bħala strument awtentiku jew sentenza dwar dejn mhux ikkontestat.

1. Fuq il-klassifika ta’ strument awtentiku dwar dejn mhux ikkontestat

45.

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 805/2004 jinkludi definizzjoni preċiża tal-istrument awtentiku li tikkopja d-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank ( 17 ), għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 18 ), hija stess ispirata mir-rapport Jenard-Möller dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali magħmul f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 ( 19 ). Skont dik id-definizzjoni, strument huwa awtentiku jekk ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwelnett, l-awtentiċità tal-istrument għandha tiġi stabbilita minn awtorità pubblika, it-tieni nett, dik l-awtentiċità għandha tirrigwarda mhux biss il-firma, imma wkoll il-kontenut tal-att u, it-tielet nett, l-istrument għandu jkun eżekuttiv minnu nnifsu fl-Istat fejn huwa jkun ġie stabbilit. Jekk din l-aħħar kundizzjoni ma tissemmiex espressament fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 805/2004, hija tirriżulta mill-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li, sabiex ikun iċċertifikat bħala Titolu eżekuttiv Ewropew, l-istrument awtentiku għandu jkun “infurzabbli fi Stat Membru”.

46.

Sa fejn in-nutar għandu preċiżament il-funzjoni li jagħti l-awtentiċità lill-istrumenti li jirċievi, il-mandat ta’ eżekuzzjoni li huwa jagħti jista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jirrispondi għad-definizzjoni tal-istrument awtentiku “li jkun tħejja formalment jew reġistrat”.

47.

Madankollu, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jirrikjedi li l-istrument awtentiku, bħas-sentenza jew is-settlement tal-qorti, ikun dwar dejn mhux ikkontestat u l-punt d) ta’ dik id-dispożizzjoni jippreċiża li dejn jitqies mhux ikkontestat jekk id-debitur ikun espressament irrikonoxxieh fi strument awtentiku. Fi kliem ieħor, l-istrument awtentiku dwar dejn mhux ikkontestat, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, huwa dak li fih id-debitur ikun espressament irrikonoxxa d-dejn.

48.

Il-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar fuq il-bażi unika tal-fattura maħruġa mill-kreditur mingħajr ma d-debitur ikun ġie msejjaħ sabiex juri l-aċċettazzjoni tiegħu manifestament ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

49.

Dan il-mandat ma jistax għalhekk jirċievi l-klassifika ta’ strument awtentiku dwar dejn mhux ikkontestat. Jibqa’ għalhekk x’jiġi ddeterminat jekk dan it-titolu eżekuttiv jistax jiġi kklassifikat bħala “sentenza”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004.

2. Fuq il-klassifika ta’ sentenza dwar dejn mhux ikkontestat

50.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” bħala “kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, irrispettivament minn kif tissejjaħ is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll l-istabbiliment tan-nefqiet jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

51.

Madankollu, ir-Regolament Nru 805/2004 ma jagħti l-ebda definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, b’mod li għandha tkun il-ġurisprudenza li tippreċiża l-konvenut sabiex tiddetermina jekk nutar li lilu d-dritt nazzjonali jagħti l-awtorità li joħroġ digrieti jistax jiġi kklassifikat bħala tali fis-sens ta’ dan ir-regolament.

52.

Fil-fehma tal-Gvern Kroat, in-nutar jista’ jiġi kkunsidrat bħala qorti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni bbażat fuq dokument awtentiku.

53.

Dan il-Gvern jargumenta fis-sens li, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004 ma jindikax espressament li t-termini “imħallef”, “tribunal” u “qorti” jinkludu, fil-Kroazja, awtoritajiet oħra bħalma huma n-nutara, dan ir-regolament kien ġie adottat, imbagħad emendat f’żewġ okkażjonijiet qabel id-dħul tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea, b’mod li l-partikolaritajiet tal-leġiżlazzjoni Kroata ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

54.

Dak il-Gvern josserva, barra minn hekk, li, fil-Kroazja, kien ġie deċiż li l-attribuzzjonijiet fil-qasam ta’ eżekuzzjoni forzata jiġu diviżi bejn il-qrati u n-nutara, billi dawn kienu ingħataw kompetenza esklużiva sabiex jipproċedu għall-irkupru forzat tad-djun bbażat fuq dokumenti awtentiċi.

55.

Fil-fehma tal-Gvern Kroat, il-kelma “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, ma timplikax neċessarjament biss il-persuni u l-awtoritajiet li jorganizzaw il-proċedura formalment appartenenti lill-awtorità ġudizzjarju statali. Għandu jkun suffiċjenti li l-awtorità inkwistjoni jkollha natura indipendenti u imparzjali u li l-organizzazzjoni u l-attività tagħha jkunu rregolati b’liġijiet predefiniti. Barra minn hekk, in-nutara jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult ( 20 ), sabiex tiddefinixxi qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

56.

Dan il-Gvern iżid li n-nutara jgawdu mill-fiduċja tal-pubbliku u li l-funzjonijiet tagħhom huma rregolati b’mod ferm iddettaljat minn dispożizzjonijiet legali, u b’mod partikolari miz-Zakon o javnom bilježništvu (liġi dwar in-notarjat) ( 21 ), li tiggarantixxi l-professjonalità tagħhom, is-serjetà tagħhom u r-responsabbiltà tagħhom fl-eżerċizzju tal-poteri fdati lilhom.

57.

Dak il-Gvern jikkunsidra, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni Kroata hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 805/2004, li jaħseb sabiex jissimplifika l-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi billi jevita l-inkonvenjenti tal-proċedura ta’ exequatur.

58.

Fl-aħħarnett, il-Gvern Kroat jenfasizza li l-proċedura ta’ għoti ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni min-nutar jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-debitur għaliex in-nutar jista’ jadotta digriet ta’ eżekuzzjoni biss jekk huwa jqis li t-talba hija ammissibbli u fondata, li d-digriet għandu jkun innotifikat lid-debitur skont ir-regoli ġenerali li jirregolaw in-notifika tal-atti ta’ proċedura, bħalma huma att li jintroduċi kawża, li d-debitur għandu l-possibbiltà li jressaq kontestazzjoni, u jkun debitament informat b’dik il-fakultà kif ukoll li l-modalitajiet u t-terminu sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors u huwa biss fl-assenza ta’ kontestazzjoni u wara li jgħaddi terminu ta’ tmint ijiem li n-nutar ipoġġi l-formola eżekuttiva fuq il-mandat.

59.

Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni kuntrarja.

60.

Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jkun konformi mal-interpretazzjoni ta’ dak il-kunċett fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, billi dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili u jiffissaw regoli li huma kumplimentari għal xulxin.

61.

Filwaqt li tammetti li n-nutara jistgħu jibdew proċeduri “kważi ġudizzjarji” u jadottaw sentenzi analogi għas-sentenzi ġudizzjarji, il-Kummissjoni tqis li dawn is-sentenzi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ġudizzjarji”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, għaliex, sabiex ikunu jistgħu kkunsidrati bħala tali, dawk is-sentenzi għandhom jirrispettaw in-normi ta’ proċedura minimi kontenuti f’dan ir-regolament, li jaħsbu sabiex jiggarantixxu l-osservanza sħiħa tad-dritt għal proċess ġust.

62.

Il-Kummissjoni żżid li, meta l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija dik li japprossimizza s-sentenzi ta’ awtoritajiet oħra kompetenti għal sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati membri, dan jissemma espressament fl-istrument ġuridiku kkonċernat, kif juri l-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004, li jipprovdi li l-kliem “imħallef”, “tribunal” u “qorti” jinkludu s-servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat fil-proċeduri sommarji dwar sejħiet għall-ħlas. Għaldaqstant l-approssimazzjoni tad-digrieti ta’ eżekuzzjoni tan-nutara għal sentenzi tippresupponi emenda għar-Regolament Nru 805/2004.

63.

Sabiex tinstab dik korretta bejn iż-żewġ teżijiet opposti tal-Gvern Kroat u l-Kummissjoni, jeħtieġ studju iktar approfondit tal-kontenut tad-definizzjonijiet tas-“sentenza” u tal-“qorti” fl-istrumenti tad-dritt dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u, min-naħa l-oħra, studju tal-kontribuzzjonijiet tal-ġurisprudenza. Sejjer nagħti proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja soluzzjoni biss wara r-riżultat ta’ dan l-eżami doppju.

a) Id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “sentenza” u ta’ “qorti” fl-istrumenti tad-dritt dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili

64.

Bħalma għamel fir-Regolament Nru 44/2001, u mbagħad fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 22 ), li ssostitwih, fir-Regolament Nru 805/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni rriproduċa d-definizzjoni tas-sentenza li tidher fil-konvenzjoni ta’ Brussell.

65.

L-analiżi tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili għalhekk tirriżulta minn approċċ unitarju tal-kunċett ta’ sentenza ( 23 ), li tirċievi definizzjoni organika bbażata fuq in-natura ġudizzjarja tal-awtur tal-att. Għalhekk jikkostitwixxi sentenza kull att ta’ korp li għandu l-kwalità ta’ qorti.

66.

Madankollu, din id-definizzjoni unitarja taħbi, fil-verità, diversità qawwija għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ta definizzjonijiet sensibbilment differenti tal-kunċett, indissoċċjabbli, ta’ “qorti” li tidher li ġiet mifhuma b’mod ferm differenti. F’dan ir-rigward, jiena nemmen li jistgħu jiġu identifikati tliet tendenzi prinċipali li jikkorrispondu għal tliet kunċepimenti differenti ta’ dan il-kunċett.

67.

L-ewwel tendenza hija kkaratterizzata minn proċess ta’ approssimazzjoni puntwali ta’ ċerti awtoritajiet għal qrati. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004 jappartjeni għal din it-tendenza, li, mingħajr ma jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qorti”, jippreċiża, fis-paragrafu 7 tiegħu, li, fl-Isvezja, fil-proċeduri sommarji dwar sejħiet għall-ħlas, il-kliem “imħallef”, “tribunal” u “qorti” jinkludu s-servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat. Jaqa’ taħt din l-istess tendenza l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “qorti” tinkludi l-awtoritajiet li ġejjin sakemm dawn ikollhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

a)

fl-Ungerija, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (fizetési meghagyásos eljárás), in-nutar (közjegyző);

b)

fl-Isvezja, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande) u assistenza (handräckning), l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).”

68.

Huwa interessanti jiġi kkonstatat li, skont dik id-dispożizzjoni, in-nutara Ungeriżi huma għalhekk espressament assimilati għal qorti fl-attività tagħhom ta’ ħruġ ta’ ordni għall-ħlas. Ser naraw iktar ’il quddiem il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu minn din l-assimilazzjoni limitata għan-nutara Ungeriżi biss.

69.

It-tieni tendenza li tiddelinja ruħha fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija dik li l-kunċett ta’ “qorti” jitwessa’ għal dak ta’ “awtorità kompetenti”. Din it-tendenza hija murija b’mod partikolari bil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 24 ), li jiddefinixxi l-“qorti” bħala “l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1”, u bil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, li jiddefinixxi l-“imħallef” bħala “imħallef jew uffiċjal li għandu l-poteri ekwivalenti ghall dawk ta’ imħallef fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta’[…]r-Regolament [Nru 2201/2003]”. Jidħol ukoll f’din il-kategorija l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1896/2006, li jiddefinixxi l-“qorti” bħala “kwalunkwe awtorità f’Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta’ ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra”.

70.

Dik it-tendenza tinsab fil-konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 ( 25 ), li l-konklużjoni tagħha kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas-27 ta’ Novembru 2008 ( 26 ), għaliex l-Artikolu 62 ta’ dik il-konvenzjoni jipprovdi li “l-espressjoni ‘qorti’ għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati, minn Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, bħala li għandhom ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni”.

71.

It-tielet tendenza li turi ruħha fil-leġiżlazzjoni riċenti tal-Unjoni tikkorrispondi għal proċess ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ qorti permezz tar-rikonoxximent tal-acquis ġurisprudenzjali. Din l-evoluzzjoni interessanti hija espressa, b’mod partikolari fil-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4/2009 ( 27 ) li jipprovdi li l-kunċett ta’ “qorti” għandu jinkludi wkoll l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri b’kompetenza fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment dment li tali awtoritajiet joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom u d-dritt ta’ smigħ tal-partijiet u li d-deċiżjonijiet tagħhom jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru fejn jiġu stabbiliti:

jistgħu ikunu s-suġġett ta’ rikors jew ta’ reviżjoni quddiem awtorità ġudizzjarja, u

għandhom forza u effett ekwivalenti bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja fl-istess materja.

72.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 28 ) ukoll jidħol f’din l-istess linja billi jiddefinixxi l-“qorti” bħala “kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja” bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn kif ukoll is-sentenzi li huma jagħtu jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-awtoritajiet amministrattivi u għas-sentenzi li huma jagħtu taħt il-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tar- regolament Nru 4/2009.

73.

B’riżultat ta’ dan l-analiżi, jidher li l-kunċett ta’ “qorti” huwa mmarkat minn proliferazzjoni ikkontrollata ta’ definizzjonijiet li jidhru li jista’ jiġu aggruppati kronoloġikament bi ftit konsistenza. Filwaqt li ċerti strumenti, li jipproċedu permezz ta’ enumerazzjoni limitattiva tal-awtoritajiet amministrattivi mxebbħa għal qorti, jistgħu jistiednu interpretazzjoni ristrettiva ta’ dan il-kunċett, oħrajn jadottaw, bil-kuntrarju, kunċepiment wiesgħa, jew elastiku ferm ta’ dan il-kunċett, li tinkludi kull awtorità kompetenti taħt id-dritt nazzjonali, filwaqt li saħansitra strumenti oħra jadottaw definizzjoni kunċettwali simili, kif ser naraw, għal dik riżultanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b) Id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “sentenza” u ta’ “qorti” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

74.

Id-domandi li saru mill-qorti ta’ rinviju jinsabu f’salib it-toroq bejn żewġ linji ġurisprudenzjali.

75.

L-ewwel tirrigwarda l-kunċett ta’ “sentenza” fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fl-oqsma ċivili u kummerċjali.

76.

Din il-linja ta’ ġurisprudenza ssib l-oriġini tagħha fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li, bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004, jiddefinixxi li l-kunċett jinkludi kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, irrispettivament x’tissejjaħ dik is-sentenza.

77.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-kunċett ta’ “sentenza” definit fl-Artikolu 25 ta’ dik il-konvenzjoni, li bħala prinċipju, l-interpretazzjoni pprovduta għalih tiswa wkoll għad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 44/2001, isemmi “biss is-sentenzi ta’ ġustizzja effettivament mogħtija minn qorti ta’ Stat kontraenti” ( 29 ), filwaqt li tippreċiża, b’riferenza għar-rapport fuq il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali, ippreparat minn P. Jenard ( 30 ), li l-fissazzjoni mir-reġistratur tal-ammont tal-ispejjeż tal-proċess għandu jiġi kklassifikat bħala “sentenza” għaliex ir-reġistratur “jaġixxi bħala korp tal-qorti” li jkun jaf il-każ fid-dettall u li, “f’każ ta’ kontestazzjoni, korp ġudizzjarju fil-veru sens tal-kelma għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 31 ).

78.

Minn din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “sentenza” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, “l-att jeħtieġ li jkun ingħata minn korp ġudizzjarju ta’ Stat kontraenti u li jiddeċiedi bl-awtorità tiegħu proprja fuq il-punti tat-tilwima bejn il-partijiet” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 32 ).

79.

B’żieda mal-kriterju organiku espressament adottat mill-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja gradwalment stabbilixxiet żewġ kriterji oħra, wieħed ta’ ordni proċedurali u l-ieħor ta’ ordni materjali.

80.

Il-kriterju proċedurali jeħtieġ li l-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tas-sentenza tkun saret fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ( 33 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa suffiċjenti, sabiex sentenza tibbenefika mis-sistema ta’ rikonoxximenti u ta’ eżekuzzjoni prevista mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, qabel il-mument li fih jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat ieħor li mhuwiex l-Istat tal-oriġini, hija kienet jew setgħet tkun, fl-Istat tal-oriġini, is-suġġett, taħt kundizzjonijiet diversi, ta’ istruzzjoni kontradittorja ( 34 ). Hija kienet għalhekk ikklassifikat bħala“sentenza” digriet li jordna manteniment adottat wara l-ewwel fażi mhux kontradittorja tal-proċedura, imma li seta’ kien is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju qabel ir-rikonoxximent tiegħu u qabel l-eżekuzzjoni tiegħu ( 35 ), ordni għall-ħlas li kontra tiegħu d-debitur jista’ jirreġistra kontestazzjoni billi jibdel il-każ fi proċedura kontenzjuża ordinarja ( 36 ) jew sentenza mogħtija fil-kontumaċja fi proċedura ċivili li, fil-prinċipju, issegwi l-prinċipju tal-kontradittorju ( 37 ).

81.

Il-kriterju materjali jimplika min-naħa tal-korp awtur tal-att ċertu rwol fir-redazzjoni tiegħu. Kif fakkart, l-att għandu jinħareġ minn korp “li jiddeċiedi bl-awtorità tiegħu proprja fuq il-punti tat-tilwima” ( 38 ), li, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeskludi s-settlement tal-qorti li fih natura essenzjalment kuntrattwali, fis-sens li l-kontenut tiegħu jiddependi qabelxejn fuq il-volontà tal-partijiet ( 39 ).

82.

Il-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jimplika, fl-aħħarnett, l-intervent ta’ korp ġudizzjarju investit bil-poter ta’ evalwazzjoni u li jiddeċiedi fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

83.

Madankollu, il-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 tagħtina ftit dettalji dwar il-kontenut tal-kunċett ta’ korp ġudizzjarju. Sabiex dan jiftiehem, għalhekk, għandha ssir riferenza għall-ġurisprudenza li tindirizza din il-kwistjoni mill-perspettiva tal-Artikolu 267 TFUE.

84.

It-tieni linja ġurisprudenzjali hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

85.

Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu esposti fid-dettall l-irqaqat kollha tal-każistika ġurisprudenzjali li mhijiex eżenti minn ċerti “prova u żball” ( 40 ), sejjer nillimita ruħi biex infakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ “qorti”, il-Qorti tal-Ġustizzja, li astjeniet ruħha milli telabora definizzjoni ġenerali u astratta ta’ dan il-kunċett, tapplika metodu ta’ identifikazzjoni li jistrieħ fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ faxxa ta’ indiċi konkordanti, li jirreferu għall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-korp tar-regoli ta’ dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu.

86.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk ammettiet li awtorità amministrattiva, li quddiemha titressaq tilwima u li għalhekk teżerċita funzjoni ġudizzjarja, tista’ tiġi kkunsidrata bħala qorti awtorizzata li tressaq domanda preliminari ( 41 ). Skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti” hija kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ċ-ċirkustanza li fid-dritt nazzjonali l-korp ta’ rinviju huwa kkunsidrat bħala korp amministrattiv ma huwiex minnu nnifsu determinanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni ( 42 ).

c) Il-proposta tiegħi ta’ risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari

87.

Mill-kuntest ġuridiku li jiena sejjer nesponi, jitnisslu naturalment tliet soluzzjonijiet għad-definizzjoni ta’ “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004.

88.

L-ewwel waħda tikkonsisti fl-għażla ta’ interpretazzjoni ristrettiva tal-kunċett ta’ “qorti”, limitata għall-korpi ġudizzjarji fil-veru sens tal-kelma u li teskludi, konsegwentement, kull awtorità li mhijiex organikament marbuta mal-organizzazzjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru, ħlief sa fejn issir eċċezzjoni espressament prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

89.

It-tieni soluzzjoni hija, bil-kuntrarju, dik ta’ interpretazzjoni wiesgħa li tinkludi, fil-kunċett ta’ “qorti”, kull awtorità kompetenti skont id-dritt tal-Istat Membru.

90.

It-tielet soluzzjoni, li jiena sejjer nikklassifika bħala “intermedja” tikkonsisti fit-teħid tal-elementi karatteristiċi tal-qorti kif stabbiliti mill-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 267 TFUE u konsegwentement l-ammissjoni li n-nutara Kroati jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu kkunsidrati bħala “qrati”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004.

91.

L-ewwel minn dawn it-tliet soluzzjonijiet jidhirli li hija l-inqas waħda li tista’ titqies serjament.

92.

Għalkemm mhijiex nieqsa minn ċerta ambigwità, il-pożizzjoni proposta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet kemm bil-miktub tagħha kif ukoll orali jidher li hija marbuta ma’ din is-soluzzjoni, għaliex dik l-istituzzjoni tikkunsidra, mingħajr lanqas biss tanalizza l-kundizzjonijiet li taħthom in-nutara Kroati jintervjenu, li s-sentenzi li huma jagħtu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “sentenzi ġudizzjarji”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, biss jekk dan ir-regolament jiġi emendat sabiex jipprevedi tali assimilazzjoni.

93.

Il-ġustifikazzjoni prinċipali avvanzata insostenn ta’ din l-ewwel soluzzjoni hija dik li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ikun irid jassimila lil awtorità għal qorti, huwa jsemmi dan espressament fl-att ġuridiku kkonċernat. Issa, ir-Regolament Nru 805/2004 ma jsemmix lin-nutara Kroati, filwaqt li l-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament isemmi lis-servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat fil-proċeduri sommarji dwar l-ordnijiet għal ħlas, filwaqt li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1215/2012 jassimila espressament għall-qrati, b’żieda mal-imsemmi servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat, lin-nutara Ungeriżi fil-proċeduri sommarji dwar l-ordnijiet għall-ħlas.

94.

Din l-interpretazzjoni ristrettiva għandha ssib, barra minn hekk, rinforz supplimentari f’paragun mal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, sa fejn l-assenza fir-Regolamenti Nri 805/2004 u 1215/2012, ta’ dispożizzjoni analogu li tinkludi fil-kunċett ta’ “qorti” kull awtorità kompetenti għandha turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux il-ħsieb li jinkludi, fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, il-kunċett ta’ qorti f’sens purament funzjonali.

95.

Għalkemm tali interpretazzjoni ristrettiva tista’ tidher, prima facie, li hija bbażata fuq argument sod ta’ test, marbut mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004, kunsiderazzjonijiet oħra iktar deċiżivi jargumentaw favur interpretazzjoni iktar wiesgħa.

96.

Fl-ewwel lok, jeżisti metodu ieħor sabiex jinqraw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 805/2004 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jimponi li jitqiesu bħala “qorti” ċerti awtoritajiet amministrattivi ma jfissirx li awtoritajiet oħra ma jistgħux ukoll jitqiesu bħala tali b’applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali klassiċi. Ċertament, korp ieħor li mhuwiex is-servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat ma jistax jitqies awtomatikament, b’“determinazzjoni tal-liġi”, bħala “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma topponi li dak il-korp jirċievi l-klassifika ta’ “qorti” jekk jintwera li huwa jippreżenta, skont il-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi karatteristiċi.

97.

Fit-tieni lok, tali grad ta’ rekwiżit fil-konċepiment tal-qorti ser ikun estremament innovattiv fir-rigorożità tiegħu, għaliex xejn ma jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta tagħti kontenut awtonomu għall-kunċett ta’ “qorti” fil-kuntest tal-istrument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarju li jikkostitwixxi r-rinviju preliminari, rrikonoxxiet il-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, lil korpi amministrattivi investiti b’funzjonijiet ġudizzjarji.

98.

Fit-tielet lok, dan il-grad ta’ rekwiżit ġdid ser iċaħħad in-natura awtonoma, fid-dritt tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ qorti, għaliex ser ikun biżżejjed li l-Istat Membru tal-oriġini jikklassifika lil korp bħala “awtorità ġudizzjarja” u jorbtu, anki jekk formalment biss, mal-organizzazzjoni ġudizzjarja interna tiegħu sabiex huwa jkun ikklassifikat bħala “qorti”.

99.

Fir-raba lok, dik l-interpretazzjoni ristrettiva ma jidhirlix li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa l-fundament tal-ispirtu tar-Regolament Nru 805/2004. Dan il-prinċipju jiġġustifika li, għall-għanijiet tal-eżekuzzjoni, is-sentenza mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini u ċċertifikata bħala Titolu eżekuttiv Ewropew mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru tkun ittrattata bħallikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru li fih qed tintalab l-eżekuzzjoni. Fil-loġika ta’ sistema bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, kull awtorità li l-intervent tagħha jagħti lil att il-klassifika ta’ sentenza eżekuttiva fl-Istat Membru tal-oriġini għandha tiġi kkunsidrata bħala “qorti” li s-sentenzi tagħha għandhom ikunu jistgħu jaċċedu għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri l-oħra.

100.

Is-soluzzjoni ristrettiva għandha għalhekk tiġi skartata għal dawn l-erba’ raġunijiet.

101.

Imġebbda għall-estrem, il-loġika tar-rikonoxximent reċiproku tista’ tiġġustifika l-adozzjoni tas-soluzzjoni kuntrarja, l-iktar waħda wiesgħa, li twassal sabiex il-kunċett ta’ qorti u dak ta’ awtorità kompetenti jikkoinċidu. Dik is-soluzzjoni tkun tippermetti li n-nutar Kroat jiġi kklassifikat bħala “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, minħabba l-fatt biss li l-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata tattribwixxilu kompetenza sabiex jagħti digrieti ta’ eżekuzzjoni u jiċċertifikahom bħala titoli eżekuttivi Ewropej.

102.

Madankollu ma naħsibx li din is-soluzzjoni hija rilevanti.

103.

Hija ma hijiex konformi mal-ittra nnifisha tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004 li, b’differenza mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1896/2003 u tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, ma jistabbilixxix il-ġeneralizzazzjoni, jiġifieri t-trivjalizzazzjoni tal-kunċett ta’ “qorti”.

104.

Barra minn hekk, kieku l-kelma “qorti” kienet tinkludi kull awtorità kompetenti, ma narax għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħtieġa li jassimila espressament għal qorti s-servizz pubbliku Svediż ta’ rkupru forzat.

105.

Għalhekk, jiena nipproponi li tiġi adottata s-soluzzjoni intermedja li tikkonsisti, fil-verità, fil-metodu ta’ identifikazzjoni użat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għan tar-Regolament Nru 805/2004, li diversi dispożizzjonijiet tiegħu jidhirli li jpoġġu l-enfasi fuq l-importanza tal-osservanza tal-garanziji proċedurali.

106.

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tad-dejn “meqjus bħala mhux ikkontestat” fformulata fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament tippreżupponi, fir-rigward tas-sentenzi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-atitudni tad-debitur “fil-kors tal-proċeduri tal-qorti” ( 43 ). Dik id-dispożizzjoni timplika fiha nnifisha, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ proċedura li tosserva d-dritt tad-debitur li jinstema’ u li jikkontesta t-talba tal-kreditur.

107.

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 805/2004 jissubordina ċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza dwar dejn mhux ikkontestat mogħtija fi Stat Membru għall-osservanza tar-regoli minimi ta’ proċedura li għandhom l-għan li jiggarantixxu li d-debitur ikun informat, fi żmien utli b’mod li huwa jista’ jorganizza d-difiża tiegħu, minn naħa, kontra l-kawża miġjuba kontra tiegħu kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura bl-għan li jikkontesta d-dejn ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni fiha. Meħuda inkunsiderazzjoni l-perikoli li jitnisslu minn preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tad-dejn miġbuda mis-silenzju tad-debitur matul il-proċedura ġudizzjarja, l-osservanza ta’ garanziji minimi ta’ proċedura tesprimi rekwiżit fundamentali li l-“qorti” għandha tiżgura.

108.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kunċett ta’ “qorti” għandu jiftiehem li jinkludi, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, kull korp li joffri garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li jiddeċiedi bl-awtorità tiegħu stess permezz ta’ sentenza li, minn naħa, kienet jew setgħet tkun is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju qabel ma tkun tista’ tqum il-kwistjoni taċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala Titolu eżekuttiv Ewropew u, min-naħa l-oħra, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem awtorità ġudizzjarja.

109.

Din id-definizzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “qorti” jidhirli li tikkorrispondi għall-konċepiment tradizzjonali ta’ dan il-kunċett filwaqt li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tendenza attwali għat-tneħħija ta’ ċerti tilwim, b’mod partikolari dak tal-massa, mis-settur ġudizzjarju bl-għan li jiġu aġevolati l-awtoritajiet ġudizzjarji.

110.

L-ewwelnett, jiena nqis li n-nutara Kroati ċertament jeżerċitaw, meta huma jagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni, attività ta’ natura ġudizzjarja, għalkemm il-proċedura segwita hija waħda sommarja u tixxiebaħ, barra minn hekk, għal proċedura ta’ ordni għall-ħlas.

111.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Kroat pprovda, f’dan ir-rigward, preċiżazzjonijiet interessanti fuq il-garanziji offerti lid-debitur fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni quddiem in-nutar. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern, in-nutar jagħti digriet ta’ eżekuzzjoni biss wara li huwa stess ikun evalwa l-ammissibbiltà u l-mertu tat-talba. Huwa għandu, barra minn hekk, jinnotifika d-digriet lill-konvenut skont ir-regoli li jiggarantixxu l-possibbiltà għalih li jikkontesta d-dejn tiegħu, billi jsemmi l-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni quddiem il-qorti kif ukoll iż-żmien sabiex jagħmel dan. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern, huwa biss wara li jiskadi t-terminu ta’ tmint ijiem wara li jgħaddi ż-żmien sabiex titressaq oppożizzjoni li n-nutar ikun jista’ jpoġġi, fuq il-mandat, il-formola eżekuttiva.

112.

Waqt is-seduta, il-Gvern Kroat ressaq preċiżazzjonijiet supplimentari billi indika li l-liġi dwar in-nutar u l-kodiċi ta’ etika tan-nutar jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tan-nutar fil-konfront tar-rikorrent fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ għoti ta’ digrieti ta’ eżekuzzjoni bbażat fuq dokumenti awtentiċi. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern, minflok ma jikkostitwixxi sempliċi uffiċċju ta’ reġistrazzjoni, in-nutar għandu jeżamina t-talba u jevalwa l-ammissibbiltà tagħha u l-mertu tagħha.

113.

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan il-Gvern, in-nutar jidher għalhekk li tqiegħed, fl-eżerċizzju tal-attività partikolari tiegħu ta’ għoti tad-digrieti ta’ eżekuzzjoni, f’sitwazzjoni ta’ terza parti għall-interessi inkwistjoni u ’il fuq mill-kunflitti ta’ interessi li jistgħu jitwieldu mill-eżerċizzju tal-attivitajiet l-oħra tiegħu.

114.

Bla ħsara għall-verifiki li għandha tkun il-qorti ta’ rinviju li twettaq, jidher għalhekk li n-nutar, meta jaġixxi mhux bħala uffiċjali pubbliku, imma bħala korp inkarigat mill-għoti ta’ digrieti ta’ eżekuzzjoni, jaġixxi bħala korp indipendenti u imparzjali.

115.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li d-digriet ta’ eżekuzzjoni li joħroġ in-nutar jista’ jiġi kklassifikat bħala “sentenza” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004. Jibqa’ li jiġi stabbilit jekk in-nutar jista’ wkoll jiċċertifika din is-sentenza bħala Ordni Ewropea ta’ Infurzar.

C – Fuq it-tieni domanda

116.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-nutar li jkun ħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni, li sar eżekuttiv, bbażat fuq dokument awtentiku, fl-assenza ta’ oppożizzjoni tad-debitur, huwiex kompetenti biex jiċċertifikah bħala Titolu eżekuttiv Ewropew.

117.

Mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li t-talba għal ċertifikazzjoni bħala Titolu eżekuttiv Ewropew għandha titressaq lill-qorti tal-oriġini, li hija ddefinita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament bħala “il-qorti jew tribunal responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien tat-twettieq tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(a), (b) jew (ċ)” jiġifieri il-qorti jew tribunal li kienet responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien meta ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li jassumu n-natura mhux ikkontestata tad-debitu.

118.

Fis-sistema prevista mil-liġi fuq l-eżekuzzjoni forzata, huwa għalhekk in-nutar li għandu jiġi kklassifikat bħala “qorti tal-oriġini” meta d-debitur ma ressaqx oppożizzjoni għad-digriet ta’ eżekuzzjoni u li dan sar eżekuttiv.

119.

Il-fatt li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala Titolu eżekuttiv Ewropew ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448), bħala att ta’ natura ġudizzjarja ma jipprekludix li n-nutar jista’ jipproċedi, peress li ssodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex jiġi kklassifikat bħala “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004.

IV – Konklużjoni

120.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari li saret mill-Općinski sud u Novom Zagrebu (qorti muniċipali ta’ Zagreb ġdida, il-Kroazja) bil-mod li ġej:

1)

Il-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Titolu eżekuttiv Ewropew għal debiti mhux ikkontestati, għandu jiġi interpretat fis-sens li titolu eżekuttiv bħalma huwa digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar bbażat fuq dokument awtentiku jikkostitwixxi “sentenza’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004, sakemm in-nutar kompetenti sabiex joħroġ dan il-mandat jiddeċiedi, fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni partikolari, bħala qorti, liema fatt jippreżumi li joffri garanziji fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tiegħu u li huwa jiddeċiedi fuq l-awtorità tiegħu proprja permezz ta’ sentenza li, minn naħa, kienet jew setgħet tkun is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju qabel iċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala Titolu eżekuttiv Ewropew u, min-naħa l-oħra, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem awtorità ġudizzjarja. Hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tivverifika li n-nutar jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha, b’mod partikolari dawk dwar l-indipendenza u l-imparzjalità.

2)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti biex jiġi kklassifikat bħala “qorti” jikkostitwixxi l-“qorti ta’ oriġini” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament u huwa, għaldaqstant, kompetenti biex jiċċertifika bħala Titolu eżekuttiv Ewropew il-mandat li ħareġ u għamel eżekuttiv fl-assenza tal-oppożizzjoni tad-debitur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 4 ) Narodne novine, br. 112/12.

( 5 ) ĠU 2006, L 399, p. 1.

( 6 ) ĠU 2007, L 199, p. 1.

( 7 ) ĠU 2014, L 189, p. 59.

( 8 ) Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolamenti Nru 1896/2006 u 861/2007. Ir-Regolament Nru 655/2014 jiddefinixxi t-tilwima transkonfinali bħala wieħed fejn il-kont bankarju li għandu jiġi ppreservat jinżamm fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha jsir rikors għal digriet jew l-Istat li fih il-kreditur huwa domiċiljat [Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament].

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, il-gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, disponibbli fuq il-websajt li ġej: https://e-justice.europa.eu/content_european_enforcement_order-54-fr.do?clang=fr. Din il-gwida ssemmi li ma huwa rikjest l-ebda element internazzjonali sabiex it-talba għal ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar u li mhuwiex obbligatorju li waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew ikollha r-residenza normali tagħha fl-esteru, lanqas li jintwera li l-eżekuzzjoni tkun ser issir fl-esteru (p. 14).

( 10 ) Ara, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura eżekuttiva tas-sentenza fl-Istat Membru li joriġina, l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 805/2004.

( 11 ) Deċiżjoni-Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u dwar il-Proċeduri ta’ Maħfra bejn l-Istati Membri [Traduzzjoni mhux Uffiċjali] (ĠU 2002, L 190, p. 1).

( 12 ) Fl-istadju tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, iktar tqum kwistjoni oħra dwar l-eżistenza ta’ tilwima fil-kawża prinċipali.

( 13 ) C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360.

( 14 ) Punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza.

( 15 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Saint Louis Sucre (C‑96/15, EU:C:2016:450, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Giovanardi et (C‑79/11, EU:C:2012:448, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) C‑260/97, EU:C:1999:312.

( 18 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 19 ) ĠU 1990, C 189, p. 57.

( 20 ) C‑54/96, EU:C:1997:413.

( 21 ) Narodne novine, br. 78/93, 29/94, 162/98, 16/07 u 75/09.

( 22 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 23 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1), u l-punt 8 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 655/2014.

( 24 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

( 25 ) Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano”.

( 26 ) ĠU 2009, L 147, p. 1.

( 27 ) Il-premessa 12 ta’ dak ir-regolament tippreċiża li, “[s]abiex jittieħed kont tal-modi differenti kif jiġu riżolti l-kwistjonijiet relatati mal-obbligi ta’ manteniment fl-Istati Membri, da[k] ir-Regolament għandu japplika kemm għas-sentenzi tal-qrati kif ukoll għad-deċiżjonijiet mogħtija minn awtoritajiet amministrattivi, dment li dawn l-awtoritajiet joffru garanziji b’mod partikolari rigward l-imparzjalità tagħhom u d-dritt ta’ smigħ tal-partijiet”.

( 28 ) Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).

( 29 ) Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 15).

( 30 ) ĠU 1979, C 59, p. 1, speċjalment fl-aħħar ta’ p. 42.

( 31 ) Is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 16).

( 32 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 17).

( 33 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, EU:C:1980:13, punt 13). Ara, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 48).

( 34 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, EU:C:1980:13, punt 13).

( 35 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punti 50 sa 52).

( 36 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑474/93, EU:C:1995:243, punti 1415).

( 37 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 23 sa 25).

( 38 ) Ara, b’żieda mas-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 17), is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 45).

( 39 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 18). Sejjer ninnota, madankollu, li s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219), li rrikonoxxiet lis-sentenzi fil-kontumaċja Ingliżi (“default judgment”) il-klassifika ta’ “deċiżjoni” setgħet tiġi kkunsidrata li timmarka evoluzzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn l-imħallef Ingliż ma jidhirx li jagħmel xogħol ta’ jurisdictio f’dan it-tip ta’ proċedura (ara, b’mod partikolari, G. Cuniberti, “La reconnaissance en France des jugements par défaut anglais – À propos de l’affaire Gambazzi-Stolzenberg”, Revue critique de droit international privé, nru 4, 2009, p. 685, punti 33 u 34).

( 40 ) Ara A. Barav, “Tâtonnement préjudiciel – La notion de juridiction en droit communautaire, Études sur le renvoi préjudiciel dans le droit de l’Union européenne, Bruyant, Bruxelles, 2011, p. 37.

( 41 ) Ara, għall-Vergabeüberwachungsausschuß des Bundes (Kummissjoni federali tas-sorveljanza tal-għoti tal-kuntratti, il-Ġermanja), is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punti 3738), u, iktar riċentement, għat-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic (Qorti Katalana tal-kuntratti tas-settur pubbliku, Spanja), is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punti 17 sa 27).

( 42 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17).

( 43 ) Ara l-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ), tal-imsemmi Regolament. Enfażi hija tiegħi.