KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑460/15

Schaefer Kalk GmbH & Co. KG

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja)]

“Politika ambjentali — Direttiva 2003/87/KE — Skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Artikolu 3(b) — Definizzjoni ta’ “emissjoni” — Regolament (UE) Nru 601/2012 — Monitoraġġ u rapportar — Diossidu tal-karbonju ttrasferit minn installazzjoni għal installazzjoni oħra li tipproduċi karbonat tal-kalċju preċipitat u magħqud kimikament ma’ dak il-prodott’”

1. 

Dan ir-rinviju jirrigwarda t-tifsira ta’ “emissjonijiet” fid-Direttiva 2003/87/KE ( 2 ). Dan il-kunċett huwa ċentrali għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ skambju ta’ kwoti”) stabbilita b’din id-direttiva.

2. 

Skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, “emissjonijiet” ta’ gassijiet serra għall-finijiet ta’ din id-direttiva jeżistu biss fejn gassijiet (inkluż id-diossidu tal-karbonju) ( 3 ) koperti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti jiġu rrilaxxati “fl-atmosfera”. Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 ( 4 ), li jimplementa d-Direttiva 2003/87, bla dubju jwessgħu l-kunċett ta’ “emissjonijiet” f’dik id-direttiva. Dan huwa għaliex huma jittrattaw id-diossidu tal-karbonju ttrasferit minn installazzjoni waħda għal installazzjoni oħra li tittrasforma dan il-gass fi prodott kimiku stabbli ( 5 ) li fih jingħaqad kimikament (sabiex effettivament ma jiġix irrilaxxat fl-atmosfera) bħala “emissjoni” tal-ewwel installazzjoni. Bħala konsegwenza l-operatur tal-ewwel installazzjoni (l-installazzjoni ta’ oriġini) għandu jinkludi dan id-diossidu tal-karbonju fir-rapport annwali tiegħu lill-awtorità nazzjonali kompetenti u jċedi l-kwoti korrispondenti. Il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) għandha dubju jekk dan huwiex kompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “emissjonijiet” fid-Direttiva 2003/87 u jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 601/2012 humiex, għalhekk, invalidi.

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3.

Kif il-premessa 5 tagħha tagħmilha ċara, id-Direttiva 2003/87 hija intenzjonata li tagħti kontribuzzjoni effettiva għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha skont il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima sabiex jitnaqqsu emissjonijiet ta’ gassijiet serra antropoġeniċi (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Kyoto”) ( 6 ), permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fi kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem “kwoti”), bl-inqas tnaqqis possibbli fl-iżvilupp ekonomiku u fl-impjiegi.

4.

Id-Direttiva 2003/87 tistabbilixxi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, skema ta’ skambju ta’ kwoti fl-Unjoni Ewropea “sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 jipprovdi għal tnaqqis ikbar b’mod progressiv ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jikkontribwixxi għal-livelli ta’ tnaqqis li huma meqjusa bħala xjentifikament meħtieġa sabiex tiġi evitata bidla fil-klima.

5.

L-Artikolu 2(1) jindika li d-Direttiva 2003/87 tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II. Id-diossidu tal-karbonju (CO2) huwa fost il-gassijiet elenkati.

6.

L-Artikolu 3(b) jiddefinixxi “emissjonijiet” għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87 bħala “[i]r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ta’ emissjonijiet f’installazzoni […]”. Skont Artikolu 3(e), “‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”.

7.

L-Artikolu 10a (“Regoli tranżitorji madwar [l-Unjoni] kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”) jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 […]

[…]

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. […]

Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

[…]

2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. […]

Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante.

[…]”

8.

L-Artikolu 12 jirrigwarda “It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”. Skont l-Artikolu 12(3), “L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II ( 7 ), ekwivalenti għat- total tal-emissjonijiet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolui 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati”.

9.

Skont l-Artikolu 12(3a), “M’għandux jinħoloq obbligu biex wieħed iċedi l-kwoti rigward emissjonijiet verifikati bħala emissjonijiet maqbuda u trasportati għal ħażna permanenti lejn faċilità li għaliha jkun hemm permess fis-seħħ taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ April 2009 dwar il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju ( 8 )”.

10.

L-Artikolu 14 (“Monitoraġġ u rappurtar ta’ emissjonijiet”) jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet […] mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I […] li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti fl-Anness IV [ ( 9 ) ]u għandu jispeċifika l-potenzjal għat-tisħin globali ta’ kull gass serra fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet għal dak il-gass.

Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-[d]irettiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata bil-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

2.   Ir-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jqis l-evidenza xjentifika l-aktar preċiża u aġġornata li tkun disponibbli, b’mod partikolari mill-IPCC [ ( 10 ) ],u jista’ ukoll jispeċifika rekwiżiti biex operaturi jirrapportaw dwar emissjonijiet assoċjati mal-produzzjoni ta’ oġġetti prodotti minn industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu jkunu suġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali. Dak ir-Regolament jista’ wkoll jispeċifika r-rekwiżit li, din l-informazzjoni tiġi verifkata indipendentement.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur ta’ istallazzjoni […] jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena kalendarja, […] lill-awtorità kompetenti wara t-tmiem ta’ din is-sena konformement mar-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

11.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15 (“Verifika u Akkreditament”) jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-rapporti ppreżentati mill-operaturi […] skond l-Artikolu 14(3) jiġu vverifikati skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness V u kwalunkwe dispożizzjoni dettaljata addottata mill-Kummissjoni skond [l-Artikolu 15] u li l-awtorità kompetenti tkun infurmata b’dan.”

12.

L-Artikolu 16 (“Il-Penali”) jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravvenzjonijiet kontra d-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur […] li ma jċedux kwoti suffiċjenti sat-30 ta’ April ta’ kull sena biex ikopri l-emissjonijiet tiegħu ta’ matul is-sena preċedenti għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Il-penali ta’ emissjonijiet żejda għandha tkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata tad-dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mitfugħa u li għalihom l-operatur […] ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta’ emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-operatur […] mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti ekwivalenti għaldawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta’ wara.”

Ir-Regolament Nru 601/2012

13.

Kif jirriżulta mit-tieni riferiment tiegħu għal bażi legali, ir-Regolament Nru 601/2012 jimplementa, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 601/2012 jgħid li r-regolament jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-attivitajiet skont id-Direttiva 2003/87/KE fil-perijodu ta’ negozjar tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u perijodi sussegwenti ta’ negozjar.

14.

L-Artikolu 5 jeżiġi li l-monitoraġġ u r-rapportar “għandhom ikunu kompluti u jkopru […] l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE […] u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju” ( 11 ).

15.

L-Artikolu 11(1) jgħid li “kull operatur […] għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra, fuq bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni […] li japplika [għaliha]” ( 12 ).

16.

Skont l-Artikolu 20(2), “[m]eta jkun qed jiddefinixxi l-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar, l-operatur għandu jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi għas-settur stabbiliti fl-Anness IV”. Ir-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012 jindika li “fejn CO2 jintuża fl-impjant jew jiġi ttrasferit f’impjant ieħor għall-produzzjoni ta’ PCC […], għandu jiġi kkunsidrat bħala rilaxxat mill-installazzjoni li tkun qiegħda tipproduċi d-CO2”.

17.

L-Artikolu 49(1) jipprovdi:

“L-operatur għandu jnaqqas mill-emissjonijiet tal-installazzjoni kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn karbonju fossili f’attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, li ma jiġix rilaxxat mill-installazzjoni, iżda jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

installazzjoni għall-qbid għall-fini ta’ trasport u ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(b)

netwerk tat-trasport bil-fini ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(c)

post ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE għall-fini ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil.

Għal kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ CO2 ’l barra mill-installazzjoni, ma għandu jiġi permess l-ebda tnaqqis ta’ CO2 mill-emissjonijiet tal-installazzjoni.” ( 13 )

Il-liġi Ġermaniża

18.

Il-Liġi dwar skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen) tal-21 ta’ Lulju 2011 tittrasponi d-Direttiva 2003/87 fil-Ġermanja. L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjoni”. Jagħmel riferiment għar-rilaxx fl-atmosfera ta’ gassijiet serra li jkollhom is-sors tagħhom f’attivitajiet iddefiniti fl-Anness I ta’ din il-liġi. Skont l-Artikolu 5(1), l-operatur għandu jikkalkola l- emissjonijiet tal-installazzjoni tiegħu għal kull sena kalendarja u jirrapporta dwar dan l-ammont lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. L-Artikolu 6 jeżiġi li l-operatur jissottometti lill-awtorità kompetenti, għall-approvazzjoni, pjan ta’ monitoraġġ relatat għal kull perijodu ta’ negozjar.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

19.

Schaefer Kalk GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Schaefer Kalk”) topera installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir f’Hahnstätten (il-Ġermanja). Din l-attività hija suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ( 14 ). Schaefer Kalk tittrasferixxi parti mid-diossidu tal-karbonju li hija tipproduċi b’riżultat ta’ din l-attività lil installazzjoni fejn id-diossidu tal-karbonju jintuża għall-produzzjoni ta’ PCC.

20.

Fil-31 ta’ Lulju 2012, Schaefer Kalk applikat għand id-Deutsche Emissionsthandelsstelle (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet”) għall-approvazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ tagħha. Talbet speċifikament li ma jkunx jeħtiġilha tirrapporta dwar id-diossidu tal-karbonju ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC (u b’hekk iċċedi kwoti ta’ skambju ta’ emissjonijiet ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju ttrasferit). Schaefer Kalk essenzjalment tissottometti li dan id-diossidu tal-karbonju jkun magħqud kimikament mal-PCC u, għalhekk, ma jiġix irrilaxxat fl-atmosfera.

21.

L-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet approvat il-pjan ta’ monitoraġġ ta’ Schaefer Kalk fl-10 ta’ Jannar 2013, mingħajr ma indirizzat il-kwistjoni tad-diossidu tal-karbonju ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC. B’deċiżjoni sussegwenti tad-29 ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Awwissu 2013”), din l-awtorità ċaħdet it-talba ta’ Schaefer Kalk sabiex tnaqqas mill-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju ttrasferit, u dan minħabba li l-Artikolu 49 u l-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012 ma jipprevedux din il-possibbiltà.

22.

Schaefer Kalk ikkontestat id-deċiżjoni ta’ Awwissu 2013 quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija essenzjalment issottomettiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u r-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness I tar-Regolament Nru 601/2012 huma inkompatibbli mal-Artikoli 3(b) u 14(1) tad-Direttiva 2003/87 sa fejn jinkludu f’“emissjonijiet” ta’ installazzjoni diossidu tal-karbonju li ma jiġix irrilaxxat fl-atmosfera iżda li jiġi ttrasferit għal installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ PCC li fih dan id-diossidu tal-karbonju jkun magħqud kimikament. Il-piż finanzjarju li jirriżulta (jiġifieri ċ-ċediment annwali ta’ għadd ta’ kwoti ugwali għal dan id-diossidu tal-karbonju) jista’ jiskoraġġixxi operaturi milli jagħmlu tali trasferimenti, u b’hekk jidgħajjef l-għan ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet segwit mid-Direttiva 2003/87.

23.

Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri u talbet għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 huwa invalidu u jikser l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn jistipula fit-tieni [subparagrafu] tal-Artikolu 49(1) [ta’ dan ir-Regolament], li l-CO2 li ma huwiex ittrasferit fis-sens tal-ewwel [subparagrafu] tal-Artikolu 49(1), huwa kkunsidrat bħala emissjoni mill-installazzjoni li pproduċiet is-CO2?

2.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 huwa invalidu u jikser l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn jistipula fil-punt 10 tal-Anness IV li s-CO2 li huwa ttrasferit lejn installazzjoni oħra, għall-produzzjoni ta’ [PCC], huwa kkunsidrat bħala emissjoni mill-installazzjoni li pproduċiet is-CO2?”

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn Schaefer Kalk, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet u l-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2016.

Analiżi

Ammissibbiltà tal-kontestazzjoni ta ’ Schaefer Kalk tal-validità tar-Regolament Nru 601/2012

25.

Il-Gvern Ġermaniż isaqsi jekk Schaefer Kalk għadhiex tista’ tinvoka, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-invalidità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u tar-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012, minħabba li kienet naqset titlob annullament ta’ dan ir-regolament quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Gvern Ġermaniż jagħmel riferiment hawn għall-aċċess usa’ għal qrati tal-Unjoni li llum individwi jgawdu bis-saħħa tat-tielet inċiż tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tistitwixxi proċeduri kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni

26.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà li litigant jiddikjara l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet f’atti tal-Unjoni quddiem il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża tiegħu tippresupponi li l-parti inkwistjoni ma kellhiex dritt ta’ azzjoni diretta skont l-Artikolu 263 TFUE li biha hija setgħet tikkontesta dawk id-dispożizzjonijiet ( 15 ). Madankollu, persuna biss li bla dubju kienet tkun intitolata tapplika għall-annullament tal-att inkwistjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu ma titħalliex tiddikjara quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni li l-att huwa invalidu ( 16 ). Band’ oħra spjegajt għaliex din il-ġurisprudenza għandha tapplika wkoll għat-tielet inċiż tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 17 ).

27.

F’din il-kawża, Schaefer Kalk kienet iġġustifikata li kellha dubji jekk setgħetx, abbażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iġġib azzjoni diretta quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 601/2012 li issa hija tikkontesta.

28.

Huwa minnu li dak ir-regolament huwa “att regolatorju” skont it-tifsira tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri, att ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kienx adottat skont proċedura leġiżlattiva u li, għalhekk, ma huwiex leġiżlattiv min-natura tiegħu ( 18 ). Madankollu, li wieħed jistrieħ fuq it-tielet inċiż jiddependi wkoll minn, inter alia, l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ dawk li jkunu jridu jikkontestaw l-att. Kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u r-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012 jeżiġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni applikabbli għal Schaefer Kalk ( 19 ), bħad-deċiżjoni li l-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet adottat fl-10 ta’ Jannar 2013 fuq talba ta’ din il-kumpannija għall-approvazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ tagħha ( 20 ).

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Schaefer Kalk għandha tkun intitolata tikkontesta l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 601/2012 quddiem il-qorti tar-rinviju u titlobha tirrinvija din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

Osservazzjonijiet preliminari

30.

Huwa paċifiku li l-kalċinazzjoni tal-ġir hija attività li għaliha tapplika d-Direttiva 2003/87. B’kuntrast, il-produzzjoni ta’ PCC ma hijiex elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva u, għalhekk, ma hijiex suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti.

31.

Kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll l-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet jissottomettu li t-trasformazzjoni kimika tad-diossidu tal-karbonju użat għall-produzzjoni ta’ PCC ma tkunx kompluta, fis-sens li mill-inqas 20 % tal-gassijiet input fl-aħħar mill-aħħar jiġu rrilaxxati fl-atmosfera bħala skart ta’ gass ( 21 ). Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni tispjega li l-proċess kimiku għall-produzzjoni ta’ PCC fih innifsu ma jirriżultax f’emissjonijiet. Madankollu, hija ssottomettiet fis-seduta, b’risposta għal domanda magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, li parti mid-diossidu tal-karbonju “input” jista’ fl-aħħar mill-aħħar jintilef u, għalhekk, jiġi rrilaxxat fl-atmosfera. Barra minn dan, il-Gvern Ġermaniż jikkontendi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ titqies il-possibbiltà ta’ telf ta’ diossidu tal-karbonju matul it-trasport jew tnixxija mill-impjant. Fis-seduta Schaefer Kalk ikkontestat dawn is-sottomissjonijiet ta’ fatt u spjegat li ma kinux issemmew fil-proċeduri nazzjonali.

32.

Fil-kuntest tal-proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni abbażi biss tal-fatti li l-qorti nazzjonali tqiegħed quddiemha ( 22 ). Ma huwiex, għalhekk, għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tanalizza jekk parti mid-diossidu tal-karbonju ttrasferit mill-installazzjoni ta’ Schaefer Kalk għal installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ PCC intilifx (jew setax plawsibbilment jintilef) matul it-trasport jew kienx tabilħaqq irrilaxxat fl-atmosfera bħala riżultat ta’ din il-produzzjoni. F’kull każ, huwa paċifiku li mill-inqas il-parti l-kbira tad-diossidu tal-karbonju użat fil-proċess kimiku għall-produzzjoni ta’ PCC ikun magħqud kimikament ma’ dan il-prodott. Huwa f’dan il-kuntest li jiena ser nindirizza d-domandi preliminari magħmula. Ikun għall-qorti tar-rinviju, fejn ikun jixraq, li tagħmel il-verifiki meħtieġa dwar il-fatti.

33.

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-konsegwenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tar-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament hija li d-diossidu tal-karbonju kollu ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC jitqies bħala “emissjonijiet” tal-installazzjoni minn fejn ikun ġie prodott, anki għalkemm (mill-inqas) huwa kważi kollu ma jiġix irrilaxxat fl-atmosfera, u li l-operatur ta’ dik l-installazzjoni jkun jeħtieġlu, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, jirrapporta dawk il-kwantitajiet ta’ diossidu tal-karbonju bħala emissjonijiet u, għaldaqstant, iċedi kwoti kif jixraq. Id-domanda hija jekk il-Kummissjoni setgħetx tintroduċi regola bħal din mingħajr ma tonqos milli tqis id-definizzjoni ta’ “emissjonijiet” fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. Iż-żewġ domandi rrinvijati t-tnejn jirrigwardaw din il-kwistjoni u għandhom, għalhekk, jiġu indirizzati flimkien.

Jista ’ d-diossidu tal-karbonju ttrasferit għal installazzjoni għall-produzzjoni ta ’ PCC jitqies bħala “emissjonijiet ” għall-finijiet tas-sistema ta ’ skambju ta ’ emissjonijiet?

34.

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87 tispjega li d-direttiva tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti sabiex din tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha skont il-Protokoll ta’ Kyoto, li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi ndħil antropoġeniku perikoluż fis-sistema tal-klima, bl-għan aħħari li jiġi protett l-ambjent ( 23 ).

35.

Il-loġika ekonomika tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti hija li jkun żgurat li t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel iseħħ bl-inqas spejjeż. Billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, l-iskema hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-iskema jirrilaxxa kwantitajiet ta’ gassijiet serra li jkunu inqas mill-kwoti li jkunu ngħataw inizjalment lilu, sabiex ibiegħ il-bqija lil parteċipant ieħor li jkun irrilaxxa iktar mill-kwota tiegħu ( 24 ). Dan jista’ jinkiseb essenzjalment b’żewġ modi: jew billi jitnaqqsu gassijiet serra prodotti (tipikament billi jintużaw metodi ta’ produzzjoni iktar effiċjenti) jew billi jiġi evitat ir-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera (pereżempju billi dawk il-gassijiet jinbidlu fi prodott li fih huma jkunu magħquda kimikament).

36.

Għaldaqstant, wieħed mill-pilastri li fuqhom hija mibnija l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti huwa l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, li abbażi tiegħu kull operatur għandu jċedi sat-30 ta’ April tas-sena kurrenti, sabiex jikkanċellahom, għadd ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra daqs l-emissjonijiet tiegħu matul is-sena kalendarja ta’ qabel ( 25 ).

37.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, li huwa vitali sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, jiddependi qabel kollox mit-tifsira ta’ “emissjonijiet” kif iddefiniti fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ser ninterpreta din id-dispożizzjoni billi nqis mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li fih tirrikorri u l-għanijiet segwiti mir-regoli li minnhom tagħmel parti ( 26 ).

38.

Il-kliem tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87 jagħmilha ċara li ma jistax ikun hemm “emissjonijiet” jekk ma jiġux irrilaxxati gassijiet serra “fl-atmosfera”, jiġifieri fil-faxxa ta’ gassijiet li jdawru d-dinja. B’mod konsistenti mal-għan tad-direttiva li jitnaqqsu l-emissjonijiet sabiex tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima ( 27 ), il-produzzjoni biss ta’ gassijiet serra, għalhekk, ma tirriżultax f’“emissjonijiet” meta dawn il-gassijiet ma jiġux irrilaxxati fl-atmosfera ( 28 ). L-Anness IV tad-Direttiva 2003/87, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għal monitoraġġ u rapportar, ma jindikax konklużjoni differenti: jeżiġi li l-operatur jinkludi fir-rapport dwar l-installazzjoni “l-emissjonijiet totali” kkalkolati jew imkejla għal kull attività koperta mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ( 29 ).

39.

Madankollu, kif korrettement jissottomettu l-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, id-definizzjoni fl-Artikolu 3(b) ma hijiex limitata għal rilaxx “dirett u immedjat” ta’ gassijiet serra fl-atmosfera. Għalhekk, meta gassijiet serra jiġu rrilaxxati fl-atmosfera ftit ħin biss wara li jkunu ġew prodotti u possibbilment barra mill-installazzjoni minn fejn joriġinaw, dan ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “emissjonijiet”. B’interpretazzjoni kuntrarja operaturi jkunu jistgħu jevitaw l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti billi jaqbdu gassijiet serra prodotti f’installazzjoni u jittrasferuhom għal installazzjoni oħra sabiex jipposponu r-rilaxx tagħhom fl-atmosfera.

40.

Għalhekk naqbel li jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, parti mid-diossidu tal-karbonju ttrasferit għal installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ PCC tiġi effettivament irrilaxxata fl-atmosfera bħala riżultat ta’ telf jew tnixxija matul it-trasport, jew tal-proċess tal-produzzjoni nnifsu ( 30 ), fir-rigward ta’ dik il-parti tad-diossidu tal-karbonju ttrasferit bħala “emissjonijiet” tal-installazzjoni ta’ oriġini, hija tkun kompatibbli mad-definizzjoni tad-Direttiva 2003/87. Din l-interpretazzjoni hija konformi kemm mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), kif ukoll mad-definizzjoni ta’ “emissjonijiet” fl-Artikolu 3(b): li diossidu tal-karbonju jiġi fl-aħħar mill-aħħar (għalkemm b’mod indirett) “irrilaxxat fl-atmosfera” u jkun jirriżulta minn attività suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti (fil-kawża prinċipali, il-kalċinazzjoni tal-ġir).

41.

Iżda t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u r-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012 għandhom effett ħafna usa’. Mhux biss dik il-parti tad-diossidu tal-karbonju ttrasferit li tkun tista’ tiġi rrilaxxata fl-atmosfera, iżda d-diossidu tal-karbonju kollu ttrasferit għal installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ PCC jitqies bħala “emissjonijiet” tal-installazzjoni ta’ oriġini u, għalhekk, ikun suġġett għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Fi kliem ieħor, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu preżunzjoni iuris et de iure li d-diossidu tal-karbonju kollu ttrasferit ikun ser jiġi rrilaxxat fl-atmosfera.

42.

Din il-konsegwenza mhux biss hija inkonsistenti mal-kliem tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87: iġġib ir-riskju wkoll li ddgħajjef l-għan ta’ din id-direttiva li jiġi protett l-ambjent permezz tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ( 31 ).

43.

Kif Schaefer Kalk korrettement issottomettiet fis-seduta, l-inċentiv ekonomiku li huwa l-bażi tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti jidgħajjef jekk kwoti jkollhom jiġu ċeduti għad-diossidu tal-karbonju kollu ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC. Minħabba li l-kwoti korrispondenti ma jkunux jistgħu jinbiegħu iktar bħala “żejda”, ir-riżultat ikun li l-operatur jiġi ttrattat bl-istess mod daqs li kieku kien irrilaxxa dan id-diossidu tal-karbonju kollu fl-atmosfera.

44.

Il-Gvern Ġermaniż, madankollu, jissottometti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 601/2012 huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-punt ta’ riferiment ex-ante tal-prodott għall-produzzjoni tal-ġir stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE ( 32 ). Skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, dan il-punt ta’ riferiment iservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kwoti bla ħlas mogħtija għal din l-attività matul il-perijodi tranżizzjonali stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Skont il-punt 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278, dan il-punt ta’ riferiment jiġi kkalkolat billi jitqiesu “[i]l-proċessi kollha relatati direttament jew indirettament mal-produzzjoni tal-ġir”. Isegwi li kwoti bla ħlas jingħataw għal diossidu tal-karbonju li jirriżulta mill-kalċinazzjoni tal-ġir u ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC, irrispettivament minn jekk dan id-diossidu tal-karbonju jkunx fl-aħħar mill-aħħar irrilaxxat fl-atmosfera jew le. Il-Gvern Ġermaniż jissottometti essenzjalment li, meqjus l-għan ta’ armonizzazzjoni rifless fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(2), il-Kummissjoni kellha tiżgura li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-operatur ikun suġġett għall-obbligu li jċedi kwoti korrispondenti ma’ dan id-diossidu tal-karbonju. Il-Kummissjoni tressaq argument simili.

45.

Ma naċċettax dan l-argument.

46.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 jeżiġi li regolamenti adottati skont, inter alia, l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, bħar-Regolament Nru 601/2012, jipprovdu għal regoli armonizzati dwar monitoraġġ, rapportar u verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment ex-ante. Ma nara xejn f’din id-dispożizzjoni li tissuġġerixxi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, emissjonijiet annwali ta’ operatur għandhom jew ikunu jinkludu diossidu tal-karbonju ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC u mhux irrilaxxat fl-atmosfera. Huwa minnu li l-punt ta’ riferiment ex-ante tal-prodott għall-produzzjoni tal-ġir li l-Kummissjoni kkalkolat fid-Deċiżjoni 2011/278 ħa inkunsiderazzjoni, inter alia, id-diossidu tal-karbonju ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC u mhux irrilaxxat fl-atmosfera. Tali trasferiment ta’ diossidu tal-karbonju tabilħaqq jagħmel parti mill-“proċessi kollha relatati direttament jew indirettament mal-produzzjoni tal-ġir”. Fil-kawża prinċipali, dan irriżulta fl-għoti lil Schaefer Kalk ta’ iktar kwoti bla ħlas milli kieku d-diossidu tal-karbonju ttrasferit ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni ( 33 ). Madankollu, dan ma jkollux impatt fuq il-kamp ta’ applikazzjoni, minn naħa, tal-obbligu ta’ ċediment ta’ kwoti skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 u, min-naħa l-oħra, tar-regolament dwar il-monitoraġġ u r-rapportar li l-Kummissjoni kellha tadotta skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. Iż-żewġ dispożizzjonijiet ikopru biss “emissjonijiet” kif iddefiniti fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87.

47.

Għall-istess raġuni, ma naqbilx mas-sottomissjoni tal-Kummissjoni fis-seduta li, minħabba li l-produzzjoni ta’ PCC bid-diossidu tal-karbonju ttrasferit ma hijiex innovattiva u ma toffrix garanzija kontra l-possibbiltà ta’ rilaxx ta’ dan il-gass fl-atmosfera, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/87 jeżiġi li din l-istituzzjoni tqis id-diossidu tal-karbonju ttrasferit għall-produzzjoni ta’ PCC bħala “emissjonijiet”. L-uniku għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li l-Kummissjoni jkun jeħtiġilha, meta tadotta regolament skont l-Artikolu 14(1), tqis “l-evidenza xjentifika l-aktar preċiża u aġġornata li tkun disponibbli, b’mod partikolari mill-IPCC”. Konsegwentement ma tistax tiġi interpretata bħala li twessa’ d-definizzjoni ta’ “emissjonijiet” tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87 sabiex tkopri d-diossidu tal-karbonju mhux irrilaxxat fl-atmosfera. Jekk tali rilaxx jiġix evitat jew le bħala riżultat ta’ proċess innovattiv huwa irrilevanti f’dan il-kuntest.

48.

Kuntrarju għas-sottomissjoni magħmula mill-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, operatur, barra minn dan, ma jibbenefikax minn vantaġġ kompetittiv mhux dovut jekk ikun jista’ jkollu kwoti bla ħlas “żejda” korrispondenti mad-diossidu tal-karbonju li huwa jittrasferixxi għal installazzjoni għall-produzzjoni ta’ PCC, mhux bħal operaturi li ma jagħmlux trasferimenti bħal dawn.

49.

Huwa minnu li l-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti hija fost l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/87 ( 34 ). Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, “il-vantaġġ” li wieħed ikollu kwoti “żejda” ma jistax jitqies li ma jkunx dovut u, għalhekk jiddistortja l-kompetizzjoni. Dan il-vantaġġ sempliċement jirriżulta minflok mid-differenza oġġettiva bejn operatur li jirrilaxxa gassijiet serra fl-atmosfera u operatur li jevita tali emissjonijiet billi jittrasforma kimikament parti mid-diossidu tal-karbonju li jiġi prodott f’sustanza kimika ġdida u stabbli li fiha jkun magħqud. Dan il-vantaġġ huwa, għalhekk, kompletament konformi mal-loġika ekonomika tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ( 35 ).

50.

Barra minn dan, m’iniex konvint bl-argument (imressaq mill-Gvern Ġermaniż, mill-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet u mill-Kummissjoni) li, essenzjalment, operaturi jkunu jistgħu jevitaw l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti (b’mod partikolari, l-obbligu li jċedu kwoti) mingħajr ħafna diffikultà kieku jkunu intitolati jnaqqsu mill-emissjonijiet totali tagħhom gassijiet serra ttrasferiti lil unitajiet oħra ta’ produzzjoni. B’risposta għal domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, il-Kummissjoni spjegat li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi inkluż id-diossidu tal-karbonju ttrasferit f’emissjonijiet ta’ installazzjoni minħabba li l-produzzjoni ta’ PCC ma hijiex waħda mill-attivitajiet koperti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. F’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ ma jkunx possibbli li jsiru spezzjonijiet fl-installazzjoni li għaliha jkun ġie ttrasferit diossidu tal-karbonju għall-produzzjoni ta’ PCC.

51.

Ċertament huwa għan leġittimu li jkunu evitati lakuni potenzjali konnessi mat-trasferiment ta’ diossidu tal-karbonju ( 36 ). Madankollu, dan l-argument, fil-fehma tiegħi, ma jqisx biżżejjed is-salvagwardji kollha li jirriżultaw mis-sistema ta’ rapportar u monitoraġġ stabbilita mid-Direttiva 2003/87 u mir-regolamenti li jimplementawha.

52.

Mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87 isegwi li l-obbligu li operaturi jċedu kwoti, li huwa wieħed mill-pilastri li fuqhom hija mibnija l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, huwa bbażat fuq ir-rapporti li operaturi jagħmlu skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 601/2012 għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ( 37 ). Dawn ir-regoli jeżiġu mill-operatur, inter alia, kompletezza (Artikolu 5), preċiżjoni (Artikolu 7) u integrità tal-metodoloġija użata (Artikolu 8) meta jimmonitorja u jirrapporta emissjonijiet. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 601/2012, data dwar emissjonijiet irrapportati u żvelar relatat għandhom ikunu “ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali, għandhom jevitaw il-preġudizzju fl-għażla u fil-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, u għandhom jipprovdu rendikont kredibbli u bbilanċjat tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni”.

53.

Skont ir-rekwiżit għal kontabbiltà stretta tal-kwoti maħruġa, u skont l-Artikoli 6(2)(e) u 12(3) tad-Direttiva 2003/87, dawn ir-rapporti, qabel ma jiġu sottomessi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ikunu suġġetti għal proċess ta’ verifika previst, inter alia, mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva ( 38 ). Mill-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Anness V tad-Direttiva 2003/87, isegwi li l-verifika ta’ rapporti dwar emissjonijiet minn verifikatur indipendenti hija kundizzjoni essenzjali għaċ-ċediment ta’ kwoti. Operatur ma għandux jittrasferixxi kwoti sakemm ir-rapport li huwa jkun ipproduċa jkun ġie vverifikat u ddikjarat li kien sodisfaċenti ( 39 ).

54.

Wieħed mix-xogħlijiet ewlenin tal-verifikatur huwa preċiżament li jivverifika “b’garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur […] huwa ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali” ( 40 ). Dikjarazzjonijiet skorretti materjali jistgħu jkunu rrelatati ma’ emissjonijiet li operatur “jaħbi” bħala trasferimenti ta’ gassijiet serra għal installazzjoni oħra. Kull dikjarazzjoni skorretta materjali li ma tkunx ġiet ikkoreġuta qabel ma r-rapport ikun inħareġ għandha tiġi inkluża fir-rapport tal-verifika magħmul mill-verifikatur ( 41 ). U sakemm ir-rapport tiegħu ma jkunx ġie vverifikat, l-operatur ikkonċernat ma jkunx jista’ jċedi kwoti korrispondenti mal-emissjonijiet totali mill-installazzjoni tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti, kif rikjest mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87. Dan l-operatur ikun, għalhekk, suġġett għal penali ta’ somma f’daqqa msemmija fl-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva ( 42 ).

55.

Id-Direttiva 2003/87 ma tipprevedix mekkaniżmi oħra ta’ kontroll u ma tissuġġetta ċ-ċediment ta’ kwoti għal ebda kundizzjoni għajr li r-rapport dwar emissjonijiet jiġi aċċettat bħala sodisfaċenti ( 43 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha jsegwi li d-direttiva ma tipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri milli jwettqu kontrolli jew verifiki addizzjonali, anki meta rapport ta’ operatur ikun ġie vverifikat u ddikjarat li jkun sodisfaċenti. Sa fejn tali verifiki jistgħu jiżvelaw irregolaritajiet jew tentattivi ta’ frodi, huma jikkontribwixxu wkoll għall-funzjonament tajjeb tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ( 44 ).

56.

Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ dawn is-setgħat ta’ investigazzjoni huwa notevolment iġġustifikat fejn id-diossidu tal-karbonju jiġi ttrasferit minn installazzjoni waħda għal oħra: din is-sitwazzjoni tinvolvi riskju ċar li l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tiġi evitata. Għalhekk, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, tkun intitolata tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tivverifika li d-diossidu tal-karbonju ttrasferit ikun tabilħaqq użat għall-produzzjoni ta’ PCC u li ma jiġix irrilaxxat fl-atmosfera. Ma nara xejn li jipprekludi tali spezzjonijiet milli jsiru fl-installazzjoni li fiha d-diossidu tal-karbonju jiġi ttrasferit. Jekk din l-awtorità tikkonkludi li rapport ivverifikat dwar emissjonijiet ma jkunx jinkludi l-emissjonijiet kollha suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, l-operatur ikkonċernat ikun suġġett għal penalitajiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi” stabbiliti mil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/87, meqjusa l-imġiba tal-operatur, il-bona fide tiegħu jew l-intenzjonijiet frawdolenti tiegħu ( 45 ).

57.

Għalhekk nikkonkludi, kuntrarju għas-sottomissjoni magħmula mill-Awtorità Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, li regola li teżiġi li operatur iċedi kwoti korrispondenti għall-kwantità kollha tad-diossidu tal-karbonju ttrasferit għal installazzjoni għall-produzzjoni ta’ PCC, indipendentement minn jekk dan id-diossidu tal-karbonju jiġix irrilaxxat fl-atmosfera, ma hijiex meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tkun effettiva.

58.

Il-Kummissjoni essenzjalment tissottometti li mill-Artikolu 12(3a) tad-Direttiva 2003/87, li jirrigwarda l-qbid u t-trasport ta’ gassijiet serra għal ħażna ġeoloġikament permanenti, isegwi li l-leġiżlatura tal-Unjoni ma kellha l-intenzjoni tistabbilixxi ebda eċċezzjoni oħra għaċ-ċediment obbligatorju ta’ kwoti għal diossidu tal-karbonju li ma jiġix irrilaxxat direttament u immedjatament fl-atmosfera.

59.

Madankollu, l-Artikolu 12(3a) tad-Direttiva 2003/87 ma jiddubitax mir-raġunament li għamilt iktar ’il fuq dwar il-kunċett ta’ “emissjonijiet” tad-Direttiva 2003/87.

60.

L-Artikolu 12(3a) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom emissjonijiet ivverifikati bħala maqbuda u ttrasportati għal ħażna ġeoloġikament permanenti ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ ċediment ta’ kwoti stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87. L-obbligu kien introdott f’din id-direttiva sabiex joħloq inċentiv għal operaturi sabiex jużaw din it-teknoloġija ( 46 ), fl-istess waqt li l-leġiżlatura tal-Unjoni kienet iddeċidiet li ddaħħal fil-lista ta’ attivitajiet koperti mid-Direttiva 2003/87 (Anness I) il-“[ġ]abra ta’ gassijiet serra minn istallazzjonijiet koperta minn din id-Direttiva għal finijiet ta’ trasport u ħażna ġeoloġika f’sit tal-ħżin permess taħt id-Direttiva 2009/31/KE”, it-“[t]rasport ta’ gassijiet serra permezz ta’ linji ta’ pajpijiet għal finijiet ta’ trasport u ħażna ġeoloġika f’sit tal-ħżin permess taħt id-Direttiva 2009/31/KE” u l-“[ħ]ażna ġeoloġika ta’ gassijiet serra f’sit ta’ ħażna permezz taħt id-Direttiva 2009/31/KE” ( 47 ). Il-leġiżlatura tal-Unjoni b’hekk irrikonoxxiet li, għalkemm l-għanijiet primarji ta’ dawn l-attivitajiet huma li jiġu evitati emissjonijiet [billi jiġġustifikaw l-eżenzjoni kundizzjonali fl-Artikolu 12(3a)], l-għan tagħhom ma huwiex li jiġu eliminati gassijiet serra: jibqa’, għalhekk, riskju ċar li tali gassijiet jispiċċaw jiġu rrilaxxati fl-atmosfera ( 48 ). B’kuntrast, il-leġiżlatura tal-Unjoni ma ssuġġettatx it-trasferimenti ta’ diossidu tal-karbonju għall-produzzjoni ta’ PCC, bħala tali, għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Dan huwa loġiku minħabba li d-diossidu tal-karbonju (kważi kollu) huwa magħqud kimikament fil-PCC u, għalhekk, ma jistax jispiċċa jiġi rrilaxxat fl-atmosfera. Meqjus l-għan speċifiku tagħha, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 12(3a) tad-Direttiva 2003/87, għalhekk ma tipprovdi ebda gwida ġenerali dwar il-kunċett ta’ “emissjoni” fl-Artikolu 3(b) ta’ din id-direttiva.

61.

Fl-aħħar nett, jistgħu d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 601/2012 jitqiesu bħala li jemendaw biss “element mhux essenzjali” tad-Direttiva 2003/87 “billi jissupplementawha” u, b’hekk, jibqgħu fil-limiti stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva?

62.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta hija manifestament fin-negattiv.

63.

L-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, kif spjegajt, li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “emissjoni” tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. Dan il-kunċett bla dubju jagħmel parti mill-qofol tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti li d-Direttiva 2003/87 stabbiliet u, għalhekk, jaqdi rwol ewlieni sabiex jinkiseb l-għan ta’ din id-direttiva li jiġi protett l-ambjent. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx, permezz tal-adozzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni, tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett mingħajr ma tidħol f’għażliet politiċi li huwa biss għal-leġiżlatura tal-Unjoni li tagħmel ( 49 ).

Konklużjoni

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jogħġobha tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja) f’dan is-sens:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u r-raba’ subparagrafu tal-punt 10.B tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma invalidi sa fejn jinkludu f’‘emissjonijiet’ ta’ installazzjoni, għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, diossidu tal-karbonju li jirriżulta minn kalċinazzjoni tal-ġir u ttrasferit għal installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat, irrispettivament minn jekk dak id-diossidu tal-karbonju jiġix irrilaxxat fl-atmosfera jew le.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631). Il-verżjoni ta’ din id-direttiva rilevanti għall-kawża prinċipali hija dik l-aħħar emendata mid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63).

( 3 ) Fis-segwenti nuża “diossidu tal-karbonju” u “CO2” b’mod li t-tnejn ifissru l-istess.

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 181, p. 30).

( 5 ) Karbonat tal-kalċju preċipitat (“PCC”). Din is-sustanza tintuża fil-manifattura ta’ varjetà ta’ prodotti industrijali bħal kolla, żebgħa, karta, eċċ.

( 6 ) Il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti kien adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Protokoll ta’ Kyoto bid-Deċiżjoni 2002/358/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).

( 7 ) Dan il-Kapitolu jirrigwarda l-“avjazzjoni” u, għalhekk, ma huwiex rilevanti fil-kawża prinċipali.

( 8 ) ĠU L 140, p. 114.

( 9 ) Il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar stabbiliti f’dan l-anness jeżiġu li l-operatur jinkludi fir-rapport dwar l-installazzjoni, b’mod partikolari, l-emissjonijiet totali ta’ dik l-installazzjoni kkalkolati jew imkelja għal kull attivita’ msemmija fl-Anness I. Ara l-punti B u C tal-Anness IV tat-Taqsima A “Rappurtaġġ ta’ Emissjonijiet”.

( 10 ) Bord Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima.

( 11 ) Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.

( 12 ) Il-pjan ta’ monitoraġġ jikkonsisti f’dokumentazzjoni ddettaljata, kompluta u trasparenti tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni speċifika, inkluża informazzjoni ġenerali dwar l-installazzjoni, deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġiji applikati bbażati fuq kalkolu jew kejl u deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ f’każ ta’ trasferiment ta’ CO2 skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 601/2012. Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), u l-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 601/2012.

( 13 ) Il-loġika bażika tal-Artikolu 49 tidher fil-premessa 13, li tispjega li, sabiex “jiġu koperti lakuni marbuta mat-trasferiment ta’ CO2 inerenti jew pur”, tali trasferiment “għandu jsir biss għall-finijiet ta’ ħżin f’post ta’ ħżin ġeoloġiku skont l-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li fil-preżent hija l-unika forma ta’ ħżin permanenti ta’ CO2 aċċettata taħt l-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra”.

( 14 ) L-Anness I isemmi, fost l-attivitajiet koperti bl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, “[i]l-produzzjoni ta’ ġir jew ta’ kalċinazzjoni tad-dolomit jew tal-manjeżit fi fran li jduru jew fi fran oħra b’kapaċità ta’ produzzjoni li taqbeż il-50 tunnellata kuljum”.

( 15 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group, C‑232/14, EU:C:2016:180, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi A et, C-158/14, EU:C:2016:734, punti 67 sa 72.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60.

( 19 ) Jekk att regolatorju jimplikax miżuri ta’ implementazzjoni għandu jiġi analizzat b’riferiment għall-persuna li tiddikjara d-dritt li tibda proċeduri skont it-tielet inċiż tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti li l-att inkwistjoni jkun jimplika miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra. Ara, inter alia, is-sentenza tat-28 April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Din l-approvazzjoni hija meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 601/2012.

( 21 ) L-Awtorita Ġermaniża għal Skambju ta’ Emissjonijiet ssottomettiet fis-seduta li, filwaqt li livell iktar baxx ta’ diossidu tal-karbonju “żejjed” huwa konċepibbli, l-aħjar ġabra ta’ PCC tinvolvi mill-inqas 20 % ta’ skart ta’ gass.

( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, Traum, C‑492/13, EU:C:2014:2267, punt 19, u tal-21 ta’ Lulju 2016, Argos Supply Trading, C‑4/15, EU:C:2016:580, punt 29.

( 23 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 29.

( 24 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 32. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Holcim (ir-Rumanija) vs Il‑Kummissjoni, C‑556/14 P, EU:C:2016:207, punti 6465.

( 25 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29.

( 26 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Hassan, C‑163/15, EU:C:2016:71, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87.

( 28 ) Sfumatura għal dak il-prinċipju tirriżulta mill-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 tal-ġabra, it-trasport u l-ħażna ġeoloġika ta’ gassijiet serra f’sit ta’ ħażna permess skont id-Direttiva 2009/31. Ara l-punti 59 u 60 iktar ’il quddiem.

( 29 ) Punti B u C tat-Taqsima A, “Ir-Rappurtaġġ ta’ l- Emissjonijiet”, tal-Anness IV.

( 30 ) Kif diġà indikajt, ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dawn il-materji fattwali.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31.

( 32 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).

( 33 ) Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.

( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Polanja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 77, u tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punti 4950.

( 35 ) Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.

( 36 ) Ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 601/2012.

( 37 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 31.

( 38 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 31.

( 39 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 32.

( 40 ) Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, p. 1).

( 41 ) Punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 600/2012.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 35.

( 43 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 34.

( 44 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 37.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 39.

( 46 ) Ara l-premessa 20 tad-Direttiva 2009/29, li daħħlet l-Artikolu 12(3a) fid-Direttiva 2003/87.

( 47 ) Enfasi miżjuda.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 39 tad-Direttiva 2009/29.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.