KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-28 ta’ April 2016 ( 1 )
Kawża C‑379/15
Association France Nature Environnement
vs
Premier ministre
u
Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’Etat (kunsill tal-Istat) (Franza)]
“Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Żamma provviżorja tal-effetti ta’ tali leġiżlazzjoni — Effett ratione temporis — Obbligu li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Protezzjoni tal-ambjent — Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Ksur ta’ regoli proċedurali tad-dritt tal-Unjoni”
I – Introduzzjoni
1. |
Qorti nazzjonali għandha tirrevoka b’mod retroattiv it-traspożizzjoni żbaljata ta’ direttiva jew għandha tordna ż-żamma provviżorja tar-regoli żbaljati sakemm il-leġiżlatur ikun ikkorreġa l-iżball (għall-futur)? Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’din il-kwistjoni. |
2. |
Il-punt tal-bidu tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija proċedura ta’ stħarriġ ta’ legalità quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) Franċiż dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni Franċiża mad-Direttiva dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”, ESA għal evalwazzjoni strateġika ambjentali). F’din il-proċedura, il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) ikkonstata li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva dwar l-awtonomija tal-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati fir-rigward tal-istima ambjentali, ma ġewx trasposti korrettament. Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) issa jixtieq jevita li tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tal-pjanijiet u tal-programmi li ġew adottati b’applikazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni legali nazzjonali li tikser id-Direttiva. |
3. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) f’dan ir-rigward jibbaża fuq is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ( 3 ), li bħat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna d-Direttiva ESA, u tippermetti ż-żamma ta’ tali pjanijiet u programmi taħt ċerti kundizzjonijiet. Iżda meta ssir analiżi iktar mill-qrib, jirriżultaw differenzi sinjifikattivi. |
4. |
Fil-każ tas-sentenza msemmija, hija tirrigwarda b’mod partikolari l-effettività ta’ miżuri għall-implementazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati ( 4 ), li ġew adottati bi ksur tar-regoli proċedurali tad-Direttiva ESA. Il-proċedura preżenti għall-kuntrarju hija dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva ESA stess. Għalhekk, ma hemmx lok għas-sempliċi applikazzjoni tas-sentenza preċedenti. Għall-kuntrarju, il-proċedura preżenti tqajjem kwistjonijiet iktar ġenerali dwar l-effett ta’ direttivi. |
5. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija l-punt tal-bidu għal eżerċizzju impressjonanti tal-firxa sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fuq diversi livelli, li tfakkar il-motivi magħrufa ta’ supremazija, tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-konsegwenzi ta’ difetti proċedurali. Minkejja dan, ma huwiex mistenni li l-eżitu li jirriżulta minn dan l-eżerċizzju ser jintlaqa’ mill-Conseil d’État (kunsill tal-Istat). |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
6. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan ewlieni tad-Direttiva ESA jikkonsisti f’li (ċerti) pjanijiet u programmi li x’akarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal stima ambjentali waqt l-ippjanar tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom. Din tistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw ir-redazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali, l-implementazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-istima ambjentali kif ukoll il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni adottata wara l-evalwazzjoni. |
7. |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA jikkonċerna l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati: “L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.” |
B – Id-dritt Franċiż
8. |
L-Artikolu L. 122-7 tal-Kodiċi tal-Ambjent, fil-verżjoni li tirriżulta wara d-Digriet Nru 2012-616 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar l-istima ta’ ċerti pjanijiet u dokumenti li għandhom effetti fuq l-ambjent, jipprovdi: “Il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li hija kompetenti għat-tħejjija ta’ pjan jew ta’ dokument għandha tibgħat lil awtorità amministrattiva Statali kompetenti għal kwistjonijiet ambjentali l-abbozz ta’ pjan jew ta’ dokument imfassal skont l-Artikolu L.122-4 flimkien ma’ rapport ambjentali għal opinjoni […]”. |
III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
9. |
L-Association France Nature Environnement titlob lill-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) tal-Istat Franċiż l-annullament tad-Digriet Nru 2012-616. |
10. |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità, il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) diġà kkonstata li d-digriet ikkontestat ma ssodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva ESA kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, għal ċerti pjanijiet u programmi hija l-istess awtorità li jkollha kompetenza sabiex tħejji u tapprova l-pjanijiet u d-dokumenti u li hija fdata bil-konsultazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Madankollu, ma hemm ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi li l-kompetenza għall-konsultazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali fi ħdan din l-awtorità tiġi eżerċitata minn entità waħda, li għandha awtonomija effettiva. |
11. |
Din is-sitwazzjoni legali fil-fehma tal-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
12. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jassumi li l-effett retroattiv tal-annullament parzjali tad-digriet ikkontestat jippreżenta riskju li tiġi kkontestata l-legalità ta’ diversi pjanijiet u programmi li saru sabiex jimplementaw dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi sostnut li teżisti invalidità, mingħajr kundizzjoni ta’ terminu, ta’ atti regolatorji taħt id-dritt amministrattiv Franċiż, tal-atti kollha adottati abbażi ta’ dawn il-pjanijiet u programmi. |
13. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jixtieq jevita li dan iseħħ u għaldaqstant jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
14. |
Fil-proċedura preżenti, l-Association France Nature Environnement, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2016. |
IV – Evalwazzjoni
15. |
L-ewwel nett, il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jistaqsi dwar il-possibbiltà li provviżorjament, dispożizzjonijiet li jkunu nstabu li jiksru d-dritt tal-Unjoni ma jiġux annullati, iżda fir-realtà ma huwiex interessat fid-dispożizzjonijiet bħala tali, iżda dwar jekk għandhomx jinżammu fis-seħħ l-effetti tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli bi prijorità. It-tieni domanda hija intiża espressament għal dan. |
16. |
Għaldaqstant, l-ewwel nett ser neżamina liema effetti huma inkwistjoni (ara t-Taqsima A hawn taħt), qabel nuri li ż-żamma fis-seħħ ta’ dawn l-effetti ma tkunx kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara t-Taqsima B hawn taħt). Finalment ser niddiskuti kif għandha tiġi indirizzata b’mod prattiku l-problema li l-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) qajjem fit-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu. Huwa biss f’dan il-kuntest li tassew tqum il-mistoqsija magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) dwar jekk għandhiex titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara t-Taqsima Ċ hawn taħt). |
A – Fuq l-effetti tad-dispożizzjoni inkwistjoni
17. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jixtieq iżomm fis-seħħ provviżorjament l-effetti tal-Artikolu L.122-7 tal-Kodiċi tal-Ambjent, li jipprevedi li l-awtorità kompetenti għat-tfassil ta’ pjan jew ta’ dokument għandha tibgħat l-abbozz ta’ pjan jew ta’ dokument imħejji skont l-Artikolu L.122-4 flimkien mar-rapport ambjentali għal opinjoni lill-awtorità amministrattiva Statali kompetenti fil-qasam ambjentali. Din id-dispożizzjoni essenzjalment tikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA. |
18. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa ċertament permissibbli li awtorità li tħejji jew tadotta pjan jew programm tiġi wkoll ikkonsultata (hija stess) dwar dawn il-miżuri skont l-Artikolu 6(3). Iżda fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata li twettaq konsultazzjoni fil-qasam ambjentali u indikata bħala tali, mill-inqas irid ikun hemm separazzjoni funzjonali, li tkun organizzata b’tali mod li entità amministrattiva interna tagħha (li għandha tiġi kkonsultata) jkollha awtonomija reali ( 5 ). |
19. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) għalhekk wasal għall-konklużjoni li l-Artikolu L. 122-7 tal-Kodiċi tal-Ambjent huwa inkompatibbli mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix awtonomija suffiċjenti tal-organi li jiġu kkonsultati internament fil-kuntest tal-istima ambjentali tal-effetti ta’ pjanijiet jew programmi. Minkejja dan, huwa jixtieq iżomm fis-seħħ l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni sal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni alternattiva li tkun kompatibbli mad-Direttiva ESA. |
20. |
F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ulterjuri provviżorja ta’ dawn ir-regoli proċedurali fl-evalwazzjoni ta’ pjanijiet jew programmi ġodda hija ċertament konċepibbli, iżda ta’ ftit interess fil-prattika. Jista’ saħansitra jkun probabbli li dawn l-evalwazzjonijiet jiġu posposti sakemm tiġi żgurata b’mod suffiċjenti l-awtonomija tal-organi inkwistjoni. |
21. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) għall-kuntrarju jindirizza bi prijorità il-pjanijiet u l-programmi li diġà ġew adottati li l-istima ambjentali tagħhom tinkludi l-konsultazzjoni ta’ organi li ma humiex awtonomi biżżejjed. Huwa jibża’ li l-eżistenza ta’ tali pjanijiet jew programmi tiġi mhedda minħabba nuqqas ta’ awtonomija. |
22. |
Dan il-perikolu jista’ jseħħ kemm f’rikorsi diretti kontra l-pjan jew il-programm inkwistjoni kif ukoll f’talbiet inċidentali partikolari. Dawn tal-aħħar jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ rikorsi kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet, li jkunu bbażati fuq il-pjan jew il-programm inkwistjoni. Skont l-informazzjoni tal-Conseil d’État (kunsill tal-Istat), tali talbiet inċidentali ma huma suġġetti għal ebda limitazzjoni ratione temporis taħt id-dritt Franċiż, biex b’hekk in-natura definittiva ( 6 ) tal-pjanijiet jew tal-programmi ma tkunx f’kunflitt magħhom. |
23. |
Ikun konċepibbli pereżempju li pjan jipprojbixxi l-bini f’ċerti żoni għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. Meta tiġi rrifjutata applikazzjoni għall-permess tal-bini għal din ir-raġuni, l-applikant jista’ joġġezzjona fil-kuntest ta’ rikors sussegwenti, li l-pjan huwa vvizzjat b’difett proċedurali, minħabba li l-organi interni tal-awtorità li ġew ikkonsultati qabel l-approvazzjoni tiegħu ma kinux suffiċjentement awtonomi. Jekk il-pjan ikun sar l-uniku ostakolu għall-permess tal-bini, għaldaqstant ikun konċepibbli li l-proġett tal-bini kellu jiġi approvat. |
24. |
Madankollu huwa possibbli wkoll, pereżempju, li assoċjazzjonijiet ambjentali joġġezzjonaw għal proġetti li jissodisfaw tali pjan jew programm, u f’dan ir-rigward jissottomettu li kieku l-organi interni tal-awtorità li ġew ikkonsultati kellhom awtonomija suffiċjenti, kienu jiġu inklużi dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni iktar stretti fil-pjan jew fil-programm. |
25. |
Is-suċċess li effettivament ikollu tali argument fir-realtà l-ewwel nett jiddependi mid-dritt nazzjonali, peress li d-Direttiva ESA ċertament tirrikjedi l-awtonomija tal-organi li għandhom jiġu kkonsultati ( 7 ), iżda ma tirregolax b’mod espliċitu l-konsegwenzi ta’ awtonomija insuffiċjenti ( 8 ). |
26. |
Il-modalitajiet biex tiġi invokata l-awtonomija mitluba taħt id-dritt tal-Unjoni tal-organi kkonsultati madankollu ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li jrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 9 ). Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-qrati aditi f’dan ir-rigward għandhom jadottaw, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament ta’ “pjan” jew “programm” adottat bi ksur tal-obbligu li ssir stima ambjentali ( 10 ). |
27. |
Madankollu, wieħed jista’ jirrifletti jekk ġurisprudenza dwar id-difetti proċedurali fl-applikazzjoni tad-Direttiva ESA ( 11 ) tistax tiġi trasposta għal dan il-każ. |
28. |
Skont din il-ġurisprudenza, difett proċedurali ma jirrikjedix l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk il-qorti tkun f’pożizzjoni li tikkonstata - mingħajr bl-ebda mod ma timponi l-oneru tal-prova fuq l-applikant, iżda possibbilment fid-dawl tal-provi prodotti mill-iżviluppatur tal-proġett jew mill-awtoritajiet kontraenti, u b’mod iktar ġenerali mill-atti kollha tal-proċess sottomessi lilha -, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat mill-applikant ( 12 ). Barra minn hekk, f’din l-evalwazzjoni, huwa kompitu tal-qorti kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, il-grad ta’ gravità tad-difett invokat ( 13 ). |
29. |
Madankollu, jeħtieġ li jsir eżami ulterjuri dwar jekk dawn l-ideat dwar awtorizzazzjonijiet individwali fis-sens tad-Direttiva ESA humiex applikabbli għal pjanijiet u programmi li neċessarjament huma stabbiliti b’mod ġenerali, fejn fir-rigward tagħhom naturalment jeżistu setgħat diskrezzjonali iktar wesgħin, li jistgħu jiġu influwenzati minn konsultazzjonijiet. Dan ma għandux jiġi diskuss b’mod astratt fil-proċedura preżenti, iżda abbażi ta’ proċeduri konkreti dwar pjanijiet jew programmi individwali, li jispjegaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet li jirriżultaw attwalment. |
30. |
Konsegwentement, il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) ġustament jibża’ li l-awtonomija insuffiċjenti tal-organi kkonsultati fil-kuntest tal-istima ambjentali skont id-Direttiva ESA tista’ tqiegħed f’dubju l-eżistenza tal-pjanijiet u tal-programmi kkonċernati. |
B – Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effett ta ’ dispożizzjonijiet bi ksur tad-dritt tal-Unjoni
31. |
Dan jispjega l-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li jinkiseb għarfien dwar jekk il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jistax iżomm fis-seħħ l-effetti tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni Franċiża li hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA. B’dan il-mod għandu jiġi eskluż li l-pjanijiet u l-programmi adottati bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni jiġu kkontestati minħabba n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. |
32. |
Iżda l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-effetti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni diġà hija ċċarata b’mod wiesa’. Għalhekk, huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li twassal lil dik il-qorti li tagħti deċiżjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 14 ). Dan jesprimi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
33. |
Id-domanda tal-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) b’hekk hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk l-effett tar-rekwiżit applikabbli bi prijorità, li tiġi ggarantita awtonomija suffiċjenti tal-organi li għandhom jiġu kkonsultati, jistax jiġi sospiż provviżorjament favur id-dispożizzjonijiet Franċiżi li ma jipprevedux din l-awtonomija. |
34. |
F’dan ir-rigward huwa rilevanti li huwa biss ( 16 ) b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide ( 17 ). Jekk għall-kuntrarju l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni, anki jekk provviżorjament biss, tiġi ppreġudikata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. |
35. |
Barra minn hekk, anki l-Qorti tal-Ġustizzja stess tista’ twettaq limitazzjoni bħal din biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba ( 18 ). Dan il-prinċipju jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra fid-dawl ta’ dan id-dritt u fl-istess ħin jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 19 ). |
36. |
Għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) hija ta’ interess, mil-lat ta’ kontenut, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Seaport (NI) et. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-effetti ta’ din is-sentenza. Għalhekk issa ma tistax tiġi iktar irrettifikata. |
37. |
Is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallone ma tiġġustifika ebda eċċezzjoni addizzjonali mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li din is-sentenza hija dwar iż-żamma ta’ ċerti effetti ta’ att ġuridiku nazzjonali li ġie annullat ( 20 ), iżda din id-dikjarazzjoni ma hijiex ibbażata fuq att ġuridiku li l-kontenut tiegħu huwa kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda fuq att ġuridiku li ġie adottat għall-finijiet tal-proċedura bi ksur tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ). |
38. |
Konsegwentement ma huwiex possibbli li l-effetti ta’ dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali jinżammu fis-seħħ b’tali mod li jkun eskluż li jista’ jiġi invokat l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Seaport (NI) et, fir-rigward ta’ pjanijiet jew programmi li ġew adottati bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
C – Fuq iż-żamma fis-seħħ ta ’ pjanijiet u ta ’ programmi adottati b’applikazzjoni ta ’ dispożizzjonijiet li jiksru d-dritt tal-Unjoni
39. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari minkejja dan tista’ tinftiehem ukoll b’tali mod li hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat), b’rabta mad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet Franċiżi dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva ESA mad-dritt tal-Unjoni, jistax jiddeċiedi diġà mil-lum dwar iż-żamma fis-seħħ tal-pjanijiet u tal-programmi kkonċernati jew inkella jridx iressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
40. |
Il-bażi għal dan tista’ tinstab fis-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne. Skont din is-sentenza, b’mod eċċezzjonali qorti tista’ jkollha s-setgħa li tapplika dispożizzjoni nazzjonali li tippermettilha li żżomm fis-seħħ ċerti effetti ta’ pjan jew ta’ programm li ġie annullat, sakemm
|
41. |
F’dan ir-rigward, iqumu żewġ mistoqsijiet. Minn naħa għandu jiġi ċċarat jekk jistax jiġi deċiż b’mod astratt li dawn l-effetti jinżammu fis-seħħ fir-rigward tal-pjanijiet u tal-programmi kollha jew – bħalma tissuġġerixxi Franza – mill-inqas għal ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew programmi (ara l-punt 2 hawn taħt). Min-naħa l-oħra għandu jiġi diskuss, sa liema punt hija meħtieġa talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biex isir dan (ara l-punt 3 hawn taħt). Minkejja dan, qabel għandha tiġi diskussa l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mifhuma b’dan il-mod. |
1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mifhuma b’dan il-mod
42. |
Jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tinftiehem b’dan il-mod, l-ewwel nett tqum il-kwistjoni dwar jekk ikunx meħtieġ li tingħata risposta għaliha għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, jiġifieri jekk tkunx ammissibbli jekk tiġi interpretata b’dan il-mod. Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) b’mod partikolari ma għandux quddiemu proċedura li għandha bħala s-suġġett dirett tagħha l-validità ta’ pjanijiet jew programmi li ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA. |
43. |
Il-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) minkejja dan issottometta li l-konstatazzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni Franċiża mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ESA tista’ tikkontesta l-validità ta’ ċerti pjanijiet u programmi. Għaldaqstant ma huwiex manifestament eskluż li, fid-deċiżjoni tiegħu, huwa jkun jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni għall-pjanijiet u l-programmi kkonċernati. |
44. |
Konsegwentement, anki f’dan il-każ tapplika l-preżunzjoni tar-rilevanza tad-domandi preliminari magħmula ( 23 ) u ż-żewġ domandi parzjali magħmula hawn fuq huma ammissibbli. |
2. Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-pjanijiet u tal-programmi kollha kkonċernati jew ta’ ċerti kategoriji.
45. |
Bħalma l-Kummissjoni tissottometti ġustament, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’rabta mad-Direttiva ESA, diġà ċaħdet li jiġu rrimedjati b’mod ġenerali l-awtorizzazzjonijiet li ngħataw bi ksur tar-regoli proċedurali ta’ din id-direttiva ( 24 ). Il-kriterji żviluppati fis-sentenza Inter- Environnement Wallonie u Terre wallonne għall-pjanijiet u programmi jikkorrispondu ma’ dan. Dan għaliex skont dawn il-kriterji, iż-żamma fis-seħħ tal-effetti ta’ atti individwali hija ammissibbli biss b’mod eċċezzjonali ( 25 ). U mill-inqas tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fiha huma intiżi sabiex jirrikonoxxu dan l-att ġuridiku u l-konsegwenzi tal-annullament tiegħu. |
46. |
B’hekk, skont it-tieni kundizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk hijiex meħtieġa żamma fis-seħħ permezz tal-qorti jew jekk att adottat sussegwentement skont proċedura korretta jinkludix diġà miżuri suffiċjenti ( 26 ). F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li korrezzjoni sussegwenti tal-iżball fit-traspożizzjoni legali tad-Direttiva ESA ma tkunx xierqa sabiex tirrimedja d-difett proċedurali fl-adozzjoni ta’ pjanijiet jew programmi. L-awtonomija suffiċjenti tal-organi kkonsultati ma tistax tinħoloq sussegwentement. Huma biss il-pjanijiet jew il-programmi adottati sussegwentement skont proċedura xierqa, li jissostitwixxu l-miżuri adottati bi ksur ta’ regoli proċedurali, li huma sinjifikattivi għal din il-kundizzjoni. |
47. |
It-tielet kundizzjoni tikkonċerna l-iżvantaġġi speċifiċi għall-ambjent, li jirriżultaw mill-annullament tal-att ( 27 ). U biex tiġi ssodisfatta r-raba’ kundizzjoni għandu jiġi stmat kemm se tieħu żmien l-adozzjoni ta’ miżura alternattiva skont proċedura xierqa ( 28 ). Iż-żewġ kwistjonijiet jistgħu jiġu evalwati biss b’rabta ma’ pjanijiet jew programmi individwali. |
48. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk pjanijiet jew programmi li ġew adottati bi ksur tar-regoli proċedurali tad-Direttiva ESA jistgħux jinżammu fis-seħħ provviżorjament tista’ tiġi deċiża biss għal kull każ individwali. |
3. Fuq in-neċessità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari
49. |
It-tliet kundizzjonijiet diskussi preċedentement tas-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ma jiddependux mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda essenzjalment jiddependu mill-elementi fattwali u mill-kontenut tal-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant normalment jistgħu jiġu mistħarrġa mill-qrati nazzjonali mingħajr ma tkun meħtieġa talba għal deċiżjoni preliminari. |
50. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-att ikkonċernat irid jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva dwar in-nitrati ( 29 ), din tapplika iktar u iktar mal-ewwel daqqa t’għajn. |
51. |
Minkejja dan jirriżultaw diffikultajiet minħabba l-fatt li l-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) jieħu inkunsiderazzjoni wkoll pjanijiet u programmi li ma jittrasponux id-Direttiva dwar in-nitrati. Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk il-qrati nazzjonali jistgħux iżommu fis-seħħ ukoll miżuri li għandhom għanijiet oħrajn. |
52. |
Bħalma diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi li ppreżentajt fil-kawża Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, irrispettivament mit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati, jista’ jkun hemm raġunijiet tajbin sabiex jinżamm fis-seħħ pjan jew programm, minkejja l-fatt li din il-miżura tkun ġiet adottata bi ksur tad-Direttiva ESA. Dan minħabba li n-nuqqas ta’ tali miżuri jista’ joħloq lakuna fil-protezzjoni tal-ambjent ( 30 ). Dan japplika kemm għal miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni kif ukoll għal sempliċi miżuri promossi fuq livell nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent. |
53. |
Minkejja dan, inqis li ma huwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar dan fil-proċedura preżenti. |
54. |
L-ewwel nett, ma huwiex evidenti li l-Conseil d’État (kunsill tal-Istat) qiegħed tassew jittratta ż-żamma fis-seħħ ta’ pjanijiet u programmi individwali fil-kawża prinċipali. Għalhekk konstatazzjoni korrispondenti mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx meħtieġa għad-deċiżjoni tiegħu. |
55. |
It-tieni nett, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ngħatat mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis bħala utli li l-possibbiltà taż-żamma fis-seħħ ta’ pjanijiet jew programmi tiġi ristretta partikolarment għall-każ speċifiku li għandu jiġi deċiż, b’mod partikolari għaż-żamma fis-seħħ ta’ miżura ta’ traspożizzjoni irregolari tad-Direttiva dwar in-nitrati. Għalhekk l-ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħmel ħafna dikjarazzjonijiet ta’ portata wiesgħa mingħajr bżonn. |
56. |
It-tielet nett, inqis li l-prudenza tal-Awla Manja hija ġġustifikata. Dikjarazzjonijiet ta’ portata wiesgħa dwar iż-żamma fis-seħħ ta’ pjanijiet u programmi fil-proċedura preżenti jridu jsiru mingħajr ebda għarfien tal-interessi opposti fil-każ individwali. Flimkien dawn jistgħu jdgħajfu l-effettività prattika tad-Direttiva ESA u possibbilment ukoll regoli proċedurali oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
57. |
Konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni għadu ma huwiex ċar jekk għandhomx jinżammu fis-seħħ ukoll il-miżuri adottati b’mod irregolari, li ma jservux għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati. Qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali b’hekk hija obbligata, skont l-Artikolu 267(3) TFUE, li tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta din tikkontempla ż-żamma fis-seħħ ta’ tali miżuri. |
V – Konklużjoni
58. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
( 3 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2012 (C‑41/11, EU:C:2012:103).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
( 5 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et (C‑474/10, EU:C:2011:681, punt 43).
( 6 ) Dwar l-ammissibbiltà tat-termini ta’ dekadenza, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C‑228/96, EU:C:1998:544, punt 19), tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C‑262/09, EU:C:2011:438, punt 56) u tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28).
( 7 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et (C‑474/10, EU:C:2011:681, punt 43).
( 8 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 42).
( 9 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 45).
( 10 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 46).
( 11 ) Issa d-Direttiva 2011/92/UE, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1) fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2014/52/UE, tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, p. 1).
( 12 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et. (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 53) u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 60).
( 13 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 54).
( 14 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 23), tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 45) u tat-18 ta’ April 2013, L (C‑463/11, EU:C:2013:247, punt 44).
( 15 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 17), tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Slg, EU:C:2010:503, punt 53) u tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, Slg, EU:C:2016:72, punt 52).
( 16 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Slg, EU:C:2010:503, punt 67).
( 17 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punti 71 sa 75), tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 35) u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 89).
( 18 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Barra et (309/85, EU:C:1988:42, punt 142), tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463), tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36) u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 90).
( 19 ) Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 37) u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 91).
( 20 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 58).
( 21 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 44 sa 48).
( 22 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 63).
( 23 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 30) u tas-26 ta’Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, Slg, EU:C:2013:105, punt 40).
( 24 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57).
( 25 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 58).
( 26 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 60).
( 27 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 61).
( 28 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 62).
( 29 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 59).
( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2011:822, punti 42 u 43).