KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑348/15

Stadt Wiener Neustadt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof [l-Awstrija])

“Politika ambjentali — Direttiva 85/337/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirregolarizza awtorizzazzjoni definittiva minkejja n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Ċertezza legali u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

I – Introduzzjoni

1.

Diversi proċeduri li jikkonċernaw l-Awstrija wrew li, mill-inqas fil-passat ( 2 ), dan l-Istat Membru kellu diffikultajiet kbar fl-applikazzjoni tad-Direttiva EEA ( 3 ). Hemm riskju li diversi proġetti li kienu jirrikjedu evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont id-Direttiva twettqu mingħajr tali evalwazzjoni.

2.

It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna dispożizzjoni li għandha bħala suġġett il-konsegwenzi ta’ tali ksur tad-Direttiva EEA. Skont din, proġett jitqies li ġie awtorizzat konformement mar-regoli ta’ implementazzjoni Awstrijaċi jekk ikunu ddekorrew tliet snin mill-għoti tal-awtorizzazzjoni li tkun inħarġet bi ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fl-istess waqt, dan it-terminu jillimita s-setgħa tal-korpi kompetenti li jirrevokaw awtorizzazzjoni mogħtija bi ksur tar-regoli Awstrijaċi.

3.

Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat kemm tali fictio ta’ awtorizzazzjoni leġittima hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha impatti prattiċi sinjifikattivi fl-Awstrija, iżda wkoll fi Stati Membri oħrajn.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda eċċezzjoni tal-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li inizjalment kienet ipprovduta fl-Artikolu 1(4) ( 4 ), u sussegwentement fl-Artikolu 1(5) ( 5 ) tad-Direttiva EEA:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv”.

5.

Din id-dispożizzjoni issa hija stabbilita fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva EEA, bi ftit modifiki.

6.

Addizzjonalment, għandu jsir riferiment għall-obbligu fundamentali tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, li ma kienx affettwat mill-imsemmija verżjonijiet tad-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima [evalwazzjoni] rigward l-effetti tagħhom. […]”

B – Id-dritt Awstrijak

7.

Għall-proċedura preżenti, huma rilevanti żewġ dispożizzjonijiet tal-Liġi Awstrijaka dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz) (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”) fil-verżjoni tal-2009 applikabbli għall-kawża ineżami. L-Artikolu 3(6) jinkludi terminu perentorju għar-revoka ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija mingħajr l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent neċessarja:

“Awtorizzazzjonijiet għal proġetti suġġetti għal evalwazzjoni kif ipprovdut fil-paragrafi (1), (2) jew (4) ma għandhomx jinħarġu qabel il-konklużjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew ta’ evalwazzjoni każ b’każ, u notifiki maħruġa skont dispożizzjonijiet amministrattivi ma għandhom ebda effett legali qabel il-konklużjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Awtorizzazzjonijiet maħruġa bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu annullati f’terminu ta’ tliet snin mill-awtorità kompetenti konformement mal-Artikolu 39(3)”.

8.

Il-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000 jipprevedi awtorizzazzjoni fictio għal proġetti eqdem, li huwa relatat mal-Artikolu 3(6):

“Proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma għadhiex suġġetta għar-riskju ta’ nullità skont l-Artikolu 3(6) fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-liġi federali ppubblikata fil-BGB1. I Nru 87/2009, huma meqjusa li ngħataw awtorizzazzjoni konformement ma din il-liġi federali.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

9.

Mill-fajl jirriżulta li A.S.A. Abfall Service AG (iktar ’il quddiem l-“ASA Abfall”) topera, fil-belt ta’ Wiener Neustadt, l-impjant ta’ trattament fiżikokimiku għal skart perikoluż, stazzjon għat-trasferiment ta’ skart kif ukoll impjant għat-trattament ta’ karburant alternattiv, dan tal-aħħar huwa l-uniku suġġett tal-kawża preżenti.

10.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, fl-impjant tal-aħħar, l-iskart tal-plastik essenzjalment jitgħaffeġ fi proċess ta’ diversi stadji sabiex jinkiseb karburant alternattiv sostitwibbli li jintuża għal finijiet industrijali u li huwa kkummerċjalizzat prinċipalment fl-industrija tas-siment; għaldaqstant, fl-impjant isir trattament fiżiku ta’ skart mhux perikoluż.

11.

Għall-impjant, hemm diversi awtorizzazzjonijiet sostantivi individwali, fil-każ ineżami, awtorizzazzjonijiet għal impjanti operazzjonali kummerċjali mogħtija mis-sindku tal-belt ta’ Wiener Neustadt fis-snin 1986 u 1993; dak iż-żmien kien ġie awtorizzat it-trattament ta’ kapaċità ta’ 9990 tunnellata fis-sena. Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Gvernatur ta’ Niederösterreich ħareġ awtorizzazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart għall-estensjoni tal-impjant għal massimu ta’ 34000 tunnellata fis-sena. Madankollu, f’din id-deċiżjoni ma hemmx indikat il-kwantità massima li għandha tkun ipproċessata kuljum. Dan l-impjant ma jibbenefikax minn awtorizzazzjoni skont l-UVP-G 2000, li fl-Awstrija tirregola l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

12.

Skont il-konstatazzjonijiet fil-proċedura nazzjonali, iż-żieda fil-kapaċità kellha tintlaħaq permezz ta’ espansjoni tal-linja eżistenti kif ukoll ta’ kostruzzjoni ta’ linja addizzjonali ta’ pproċessar. Fil-preżent, qiegħda tiġi prodotta madwar 17000 sa 21000 tunnellata fis-sena, u għaldaqstant il-kapaċità awtorizzata ma hijiex sfruttata. Ir-raġuni għal dan hija li t-tieni linja ta’ pproċessar awotrizzata b’din id-deċiżjoni għadha ma ġietx kostrutta.

13.

Fid-19 ta’ Awwissu 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-2009 tal-UVP-G, id-deċiżjoni finali tal-10 ta’ Diċembru 2002 ma kinitx għadha suġġetta għar-risku ta’ annullament skont l-Artikolu 3(6) tal-UVP-G 2000. Skont din id-dispożizzjoni, awtorizzazzjonijiet għal proġetti suġġetti għal obbligu ta’ evalwazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent, li jkunu ngħataw fuq il-bażi ta’ liġijiet speċjali, minflok awtorizzazzjoni skont l-UVP-G 2000, jistgħu jiġu ddikjarati nulli f’terminu ta’ tliet snin.

14.

B’ittra tat-30 ta’ April 2014, l-Umweltanwalt [medjatur għall-ambjent] ta’ Niederösterreich inkariga lill-Gvern tal-Land ta’ Niederösterreich sabiex jiddetermina jekk l-impjanti, l-attivitajiet u l-miżuri ta’ ASA Abfall fis-sit ta’ Wiener Neustadt jissodisfawx, separatament jew konġuntament, wieħed mill-kriterji tal-UVP-G 2000 u għalhekk jekk hemmx obbligu għat-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

15.

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-Gvern tal-Land ta’ Niederösterreich ikkonstata li l-impjant għat-trattament ta’ karburant sostitwibbli ma kienx suġġett għall-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata, inter alia, fuq l-Artikolu 46(20)(4) tal-UVP-G 2000, li jipprovdi li l-impjanti antiki jitqiesu li huma awtorizzati skont l-UVP-G 2000 wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin stabbilit fl-Artikolu 3(6) tal-UVP-G 2000.

16.

Il-belt ta’ Wiener Neustadt ressqet ilment kontra dan id-digriet. Wara li, fl-ewwel istanza, dan kien irrifjutat, il-Qorti Amministrattiva Suprema [Verwaltungsgerichtshof] issa hija adita bl-appell tal-belt ta’ Wiener Neustadt. Din qiegħda tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domanda li ġejja:

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva EEA riveduta, b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tagħha jew il-verżjoni preċedenti tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 1(5) tagħha, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proġetti suġġetti għal obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, iżda li ma kellhomx awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, iżda unikament awtorizzazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ liġijiet settorjali differenti, li, fid-19 ta’ Awwissu 2009 (data tad-dħul fis-seħħ tal-verżjoni l-ġdida tal-UVP-G 2009), minħabba skadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fid-dritt nazzjonali (Artikolu 6(3) tal-UVP-G 2000) ma setgħux iktar jiġu ddikjarati nulli, huma kkunsidrati bħala awtorizzati skont il-UVP-G 2000 jew tali regola hija konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni?

17.

Il-belt ta’ Wiener Neustadt, A.S.A. Abfall Service AG kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Analiżi legali

18.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna d-domanda dwar kemm huwa kompatibbli mad-Direttiva EEA li n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mitluba jiġi rrimedjat permezz ta’ fictio iuris li l-proġett kien ġie awtorizzat konformement mar-regoli dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva EEA.

19.

Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk l-impjant għall-ipproċessar tal-iskart inkwistjoni kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 6 ) jew jekk ir-rekwiżiti kollha ta’ tali evalwazzjoni kinux diġà ssodisfatti fi proċedura oħra ( 7 ).

20.

Sabiex tingħata risposta, l-ewwel nett għandha tiġi identifikata l-verżjoni applikabbli tad-Direttiva EEA (ara, f’dan ir-rigward, il-punt A), wara għandu jiġi indirizzat l-obbligu fundamentali għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan ir-rigward, il-punt B), imbagħad id-dispożizzjoni msemmija b’mod espliċitu fid-domanda, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti permezz ta’ atti leġiżlattivi, preċedentement l-Artikolu 1(4) jew (5), illum l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva EEA (ara, f’dan ir-rigward, il-punt C) u fl-aħħar nett il-prinċipju ta’ effettività li jiggwida l-implementazzjoni prattika tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt D).

A – Fuq il-verżjoni deċiżiva tad-Direttiva EEA

21.

Huwa minnu li l-azzjoni għall-konstatazzjoni inkwistjoni tressqet fis-sena 2014 u ma jidhirx li ser tittieħed deċiżjoni konklużiva qabel is-sena 2017. Madankollu, l-obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jiġi evalwat abbażi tad-dispożizzjonijiet li kienu applikabbli għall-awtorizzazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-awtorizzazzjoni għall-estensjoni tal-kapaċità tal-10 ta’ Diċembru 2002, peress li l-awtorizzazzjonijiet l-oħra ngħataw qabel ma l-Awstrija ssieħbet fl-Unjoni.

22.

Fl-10 ta’ Diċembru 2002, id-Direttiva 85/337 kienet applikabbli fil-verżjoni kif emendata fid-Direttiva 97/11. Skont l-Artikolu 3(2) tal-aħħar direttiva, l-emendi tagħha kienu applikabbli għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni sottomessi mill-14 ta’ Marzu 1999.

23.

Billi ASA Abfall applikat għall-awtorizzazzjoni fis-17 ta’ Ġunju 2002 li ngħatat fl-10 ta’ Diċembru 2002 ( 8 ), il-leġiżlazzjoni applikabbli hija d-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 97/11.

B – Fuq l-obbligu ta ’ evalwazzjoni

24.

Il-punt ta’ tluq sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari għandu jkun l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma tingħata awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba, b’mod partikolari, in-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom.

25.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, ġenerali jew speċjali, sabiex jiżguraw li l-proġetti jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, jekk ikun il-każ, li jiżguraw li dawn ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Dawn il-miżuri jinkludu, bla ħsara għal-limiti stabbiliti mill-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ir-revoka jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni li diġà nħarġet, sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni fis-sens tad-Direttiva EEA ( 9 ).

26.

Il-fictio ta’ awtorizzazzjoni prevista fid-dritt Awstrijak jista’ jkollha l-effett li proġetti awtorizzati bi ksur tad-Direttiva EEA ma jiġux evalwati. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-fictio iuris tistax tkun ibbażata fuq eċċezzjonijiet tal-obbligu ta’ evalwazzjoni.

C – Fuq l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta ’ evalwazzjoni

27.

Kif diġà tevoka t-talba għal deċiżjoni preliminari, u kif jenfasizzaw il-belt ta’ Wiener Neustadt u l-Kummissjoni, il-fictio iuris ta’ awtorizzazzjoni ta’ ammont indeterminat ta’ proġetti li jirrikjedu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma tistax tkun ibbażata fuq l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti permezz ta’ att leġiżlattiv, li qabel kien previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva EEA (sussegwentement l-Artikolu 1(5), u llum, wara emenda, l-Artikolu 2(5)).

28.

Fil-fatt, għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, il-proġett, minn naħa, irid jiġi awtorizzat individwalment permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku; min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-għanijiet tad-Direttiva, inkluż dak tal-provvista ta’ informazzjoni, iridu jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ( 10 ). Huwa minnu li din l-aħħar kundizzjoni kienet diġà stabbilita fl-Artikolu 1(4) jew (5) tal-verżjonijiet qodma tad-Direttiva, iżda din kienet espressa iktar ċara fil-verżjoni l-iktar reċenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni, l-Artikolu 2(5) tal-verżjoni attwali tad-Direttiva EEA.

29.

Min-naħa l-oħra, il-fictio tal-awtorizzazzjoni ta’ proġetti kif prevista bil-liġi fl-Awstrija kienet adottata mingħajr ma l-proġetti kkonċernati jew l-effetti ambjentali tagħhom kienu ser jiġu kkonfermati, u wisq inqas eżaminati. Għaldaqstant, la hemm inkwistjoni att leġiżlattiv speċifiku li awtorizza ċerti proġetti, u lanqas ma ntlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva EEA fil-proċedura leġiżlattiva.

30.

Madankollu, dan ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti permezz ta’ atti leġiżlattivi tipprekludi awtorizzazzjoni fictio iuris. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni sempliċement ma jipprovdux regoli dwar fictio iuris għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li kieku kienu jirrikjedu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

31.

Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jsir riferiment għall-fatt li dan japplikaw ukoll għall-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fid-Direttiva EEA: għalkemm ma humiex rilevanti, dawn ukoll ma jipprovdu ebda fictio iuris ta’ awtorizzazzjoni.

D – Fuq il-prinċipju ta ’ effettività

32.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu msemmi iktar ’il fuq ( 11 ), ta’ revoka jew ta’ sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni mogħtija fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija limitata bil-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 12 ).

33.

Skont dan il-prinċipju, sakemm ma jkunux irregolati bid-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali applikabbli jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Madankollu, dawn ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhomx irendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 13 ).

34.

Fil-każ preżenti ma hemm xejn li jindika ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

1. Fuq ir-regolarizzazzjoni (rettifika) a posteriori ta’ ksur

35.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jipprekludi li l-liġi nazzjonali, f’ċerti ċirkustanzi, tippermetti r-regolarizzazzjoni ta’ operazzjonijiet jew ta’ atti irregolari fid-dawl ta’ dan tal-ewwel. Tali possibbiltà għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ma toffrix lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevadu r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li ma jkunux marbuta japplikawhom, u li din tibqa’ eċċezzjoni ( 14 ).

36.

Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat iktar fid-dettall liema ċirkustanzi partikolari jistgħu jiġġustifikaw regolarizzazzjoni, jew jekk jeżistix riskju ta’ evażjoni, jista’ jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-fictio ta’ awtorizzazzjoni prevista fid-dritt Awstrijak ma hijiex eċċezzjonali.

37.

Huwa minnu li, fil-prinċipju, in-natura fittizja tikkonċerna grupp determinat ta’ proġetti, jiġifieri proġetti li ġew awtorizzati iktar minn tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-fictio. Madankollu, ma huwiex ċar liema proġetti effettivament jibbenefikaw minn din il-leġiżlazzjoni, minħabba li ġew awtorizzati mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, minkejja li din l-evalwazzjoni kienet neċessarja. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu eżaminati l-proġetti kollha li ġew awtorizzati matul il-perijodu inkwistjoni fl-Awstrija, u li setgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EEA, iżda li ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

38.

Barra minn hekk, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għad-Direttiva dwar l-istima tal-effetti ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi ( 15 ), li għandha ħafna elementi simili għad-Direttiva EEA, enfasizzat li saħansitra anki ż-żamma temporanja ta’ pjanijiet u programmi li kienu adottati bi ksur tad-direttiva tal-ewwel, dejjem tirrikjedi eżami każ b’każ u hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti addizzjonali ( 16 ). Madankollu, minħabba l-istruttura ta’ leġiżlazzjoni ta’ fictio iuris ta’ awtorizzazzjoni, tali awtorizzazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal eżami każ b’każ.

2. Fuq l-ammissibbiltà ta’ termini perentorji

39.

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li awtorizzazzjonijiet mogħtija mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhom jiġu rtirati jew sospiżi mingħajr eċċezzjoni sabiex tkun possibbli l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti kkonċernati. Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita, l-iffissar ta’ termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali, li tipproteġi lill-individwu u lill-awtorità, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-prinċipju, tali termini ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 17 ); għaldaqstant huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

40.

It-terminu ta’ tliet snin għar-revoka ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mingħajr l-evalwazzjoni mitluba tal-effetti fuq l-ambjent, jidher li huwa adatt, u saħansitra ġeneruż, fil-każ li l-partijiet ikkonċernati – kif hija fil-kawża preżenti l-belt ta’ Wiener Neustadt – kellhom jew kellu jkollhom għarfien dwar l-awtorizzazzjoni ( 18 ).

41.

Għalhekk, id-Direttiva EEA u l-prinċipju ta’ effettività, fl-interess taċ-ċertezza legali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li l-awtoritajiet kompetenti jannullaw awtorizzazzjoni ta’ proġett mogħtija bi ksur ta’ din id-direttiva, jekk ikunu ddekorrew tliet snin mill-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.

3. Fuq l-obbligi l-oħra taħt id-Direttiva EEA

42.

Madankollu, terminu perentorju raġonevoli sabiex tiġi kkontestata awtorizzazzjoni ma jfissirx li jista’ jiġi preżunt li din l-awtorizzazzjoni ngħatat konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva EEA. Dan huwa attestat mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn ir-regolarizzazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ammissibbli biss eċċezzjonalment u termini perentorji raġonevoli li ma humiex eċċezzjonali. Din id-distinzjoni għandha wkoll konsegwenzi prattiċi sa fejn il-proġett inkwistjoni, minkejja t-terminu perentorju, jista’ jkun suġġett għal obbligi oħra skont id-Direttiva EEA.

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat l-eżisitenza ta’ tali obbligi fil-każ li jirriżulta li, b’effett mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva EEA, ikunu saru xogħlijiet jew interventi fiżiċi, fir-rigward ta’ proġett, li għandhom jitqiesu bħala proġett fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħajr ma tkun ġiet evalwata s-sostenibbiltà ambjentali tagħhom fi stadju preċedenti tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni. Sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti jridu jieħdu inkunsiderazzjoni dan in-nuqqas fl-istadju tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti u jiżguraw l-effettività prattika ta’ din id-direttiva billi jieħdu ħsieb li ssir tali evalwazzjoni għall-inqas f’dan l-istadju tal-proċedura ( 19 ).

44.

Fil-każ tal-impjant inkwistjoni, pereżempju, ma jidhirx li huwa eskluż li l-kostruzzjoni tat-tieni linja ta’ pproċessar, li fir-rigward tagħha diġà ngħatat awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, tista’ teħtieġ ukoll awtorizzazzjoni għall-bini. Tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni jkollha tinkludi l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk din ma tkunx twettqet fil-bidu.

45.

La ċ-ċertezza legali u lanqas l-aspettattivi fir-rigward tal-eżistenza tal-awtorizzazzjoni ma jipprekludu l-obbligu li jiġi rrettifikat in-nuqqas li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

46.

Fil-fatt, fiha nfisha, l-evalwazzjoni ma timplika ebda konsegwenza ġuridika sostantiva, marbuta mal-ibbilanċjar tal-effetti fuq l-ambjent ma’ fatturi oħra u lanqas ma tipprekludi t-twettiq tal-proġetti li jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq l-ambjent ( 20 ). Huwa minnu li għandu jkun hemm tama li l-identifikazzjoni ta’ ħsara kunsiderevoli għall-ambjent twassal għal miżuri kawtelatorji jew għall-irtirar tal-proġett. Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent xorta jibqa’ jkollha l-funzjoni li tiġbor, tiddokumenta u tittrażmetti informazzjoni dwar l-effetti ambjentali ( 21 ).

47.

Għalkemm l-iżvantaġġi għall-kuntrattur tal-proġett prinċipalment jikkonċernaw l-ispejjeż tal-evalwazzjoni, dan huwa piż li l-kuntrattur kien ikollu jsostni li kieku l-evalwazzjoni saret fi żmien xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-aspettattivi leġittimi li jiġi evitat dan l-iżvantaġġ ma jisbqux l-interess tal-pubbliku affettwat bil-proġett, li jirċievi informazzjoni komprensiva dwar l-effetti ambjentali tiegħu u li jesprimi ruħu dwaru.

48.

Il-konstatazzjoni mitluba fil-kawża prinċipali, li l-proġett jirrikjedi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kienet tkun adatta sabiex teżiġi regolarizzazzjoni li titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li ma saritx. Fil-fatt, wara tali konstatazzjoni, ma jibqax neċessarju li jiġi diskuss, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti, jekk ix-xogħlijiet li twettqu fil-passat kinux jirrikjedu evalwazzjoni li n-nuqqas tagħha għadu jrid jiġi rrettifikat.

49.

Min-naħa l-oħra, hemm ir-riskju li l-fictio iuris ta’ awtorizzazzjoni konformement mad-Direttiva EEA tkun tinftiehem b’tali mod li l-awtorizzazzjoni inkwistjoni mhux biss hija definittiva iżda tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva.

50.

Konsegwentement, fictio iuris li tipprovdi li proġett għandu jitqies li ngħata awtorizzazzjoni konformement mad-Direttiva EEA jekk ikunu ddekorrew tliet snin mill-għoti tal-awtorizzazzjoni li tkun ngħatat bi ksur tad-Direttiva hija inkompatibbli mad-Direttiva u mal-prinċipju ta’ effettività.

V – Konklużjoni

51.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, id-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent fil-verżjoni tad-Direttiva 97/11/KE u l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li l-awtoritajiet kompetenti jiddikjaraw bħala nulla l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, li tkun ngħatat bi ksur ta’ din id-direttiva, fil-każ li jkunu ddekorrew tliet snin mill-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.

2)

Fictio iuris li tipprovdi li proġett għandu jitqies li ngħata awtorizzazzjoni konformement mad-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 97/11 jekk ikunu ddekorrew tliet snin mill-għoti tal-awtorizzazzjoni li tkun ngħatat bi ksur tad-Direttiva hija inkompatibbli ma’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ effettività.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166); tal-21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203); tal-11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79); u tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231).

( 3 ) Issa d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011 L 26, p. 1), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014 L 124, p. 1)

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151).

( 5 ) Verżjoni oriġinali tad-Direttiva 2011/92.

( 6 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑486/04 [Massafra], EU:C:2006:732, punt 40 et seq).

( 7 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gruber (C‑570/13, EU:C:2014:2374, punti 55 sa 59).

( 8 ) Paġna 12 tad-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2002 (anness mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ ASA Abfall).

( 9 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65).

( 10 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 26 u 27).

( 14 ) Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57), kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 87).

( 15 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 16 ) Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environment (C‑379/15, EU:C:2016:603, partikolarment il-punt 43).

( 17 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C‑228/96, EU:C:1998:544, punt 19), tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C‑262/09, EU:C:2011:438, punt 56), u tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28).

( 18 ) Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:491, punt 108).

( 19 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37).

( 20 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C-420/11, EU:C:2013:166, punt 46).

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C-420/11, EU:C:2012:701, punt 49 et seq).