KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑316/15

Timothy Martin Hemming, li jaġixxi taħt l-isem kummerċjali “Simply Pleasure Ltd”,

James Alan Poulton,

Harmony Ltd,

Gatisle Ltd, li taġixxi taħt l-isem “Janus”,

Winart Publications Ltd,

Darker Enterprises Ltd,

Swish Publications Ltd

vs

Westminster City Council

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni — Kunċett ta’ ‘spiża li [jistgħu] jeħlu’”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-ewwel opportunità li tinterpreta l-Artikolu 13(2) tad‑Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”). Hija tirrigwarda l-ħlas ta’ tariffa għall-għoti jew it-tiġdid ta’ liċenzja ta’ “stabbiliment tas-sess” ( 3 ) fit-territorju tas-City of Westminster f’Londra (Ir-Renju Unit), liema tariffa hija maqsuma f’żewġ partijiet, waħda konnessa mal-amministrazzjoni tal‑applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda u l-oħra (ferm iktar importanti) konnessa mal-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u li tista’ tinġabar lura jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

2.

Il-kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża hija essenzjalment dwar jekk ir-rekwiżit ta’ ħlas tat-tieni parti ta’ din it-tariffa huwiex konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi. F’dan is-sens, il‑kawża taqbeż il-limiti stretti tal-għoti u tat-tiġdid ta’ liċenzji ta’ operat ta’ sex-shops, li joħroġ mill-fatt li diversi assoċjazzjonijiet professjonali, bħal pereżempju dik tal-avukati u tal-periti, intervjenew fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Fil-Kapitolu I tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, id‑Direttiva dwar is-servizzi tipprovdi:

“Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l‑moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas‑servizzi.

[…]

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill‑fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

[…]

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall‑eżerċizzju tagħha;

7)

‘rekwiżit’ tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id‑dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; regoli stabbiliti fil-ftehim kollettivi negozjati mill-imsieħba soċjali ma għandhomx jidhru bħala rekwiżiti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

8)

‘ir-raġunijiet l-aktar importanti dwar l-interess pubbliku’ tfisser ir-raġunijiet irrikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal‑Ġustizzja, inklużi dawn is-suġġetti li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal‑konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il‑protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l‑annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l‑objettivi tal-politika kulturali;

[…]”

4.

It-Taqsima 1, intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, tal-Kapitolu III, intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, tad-Direttiva dwar is‑servizzi tipprovdi:

“Artikolu 9

Skemi ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv[a].

[…]

Artikolu 11

Perjodu ta’ awtorizzazzjoni

1.   Awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat, ħlief fejn:

(a)

l-awtorizzazzjoni tiġġedded awtomatikament jew hi soġġetta biss għat-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti;

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

jew

(ċ)

perjodu limitat ta’ awtorizzazzjoni jista’ jkun ġustifikat minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku.

[…]

Artikolu 13

Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni

1.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jkunu ċari, ikunu disponibbli għall-pubbliku minn qabel u jkunu tali li jipprovdu lill-applikanti b’garanzija li l-applikazzjoni tagħhom tkun indirizzata b’mod oġġettiv u imparzjali.

2.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni m’għandhomx ikunu dissważivi u m’għandhomx jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewwmu il-provvista tas-servizz. Huma għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u kwalunkwe spiża li l-applikanti jeħlu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal‑proċeduri ta’ awtorizzazzjoni konċernati u m’għandhiex taqbeż n‑nefqa tal-proċeduri.

[…]”

5.

It-Taqsima 1, intitolata “Libertà tal-provvista ta’ servizzi [Libertà li jiġu pprovduti servizzi] u derogi relatati”, tal-Kapitolu IV, intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi”, tad-Direttiva dwar is-servizzi tipprovdi:

“Artikolu 16

Libertà tal-provvista ta’ servizzi [Libertà li jiġu pprovduti servizzi]

1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il‑protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

[…]

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il‑paragrafu 1. Dak l-Istat Membru lanqas m’għandu jkun imxekkel milli japplika, bi qbil mal-liġi [tal-Unjoni], ir-regoli tiegħu dwar il‑kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk stabbiliti fi ftehim kollettiv.

[…]”

B – Id-dritt tar-Renju Unit

6.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ittraspona d-Direttiva dwar is-servizzi fid-dritt intern tiegħu permezz tal-Provision of Services Regulations 2009 (SI 2009/2999) [Regolament dwar il-provvista ta’ servizzi tal‑2009, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2009)”].

7.

Ir-Regola 4 ta’ dan ir-regolament tiddefinixxi l-frażi “skema ta’ awtorizzazzjoni” bħala “kull arranġament li għandu l-effett li jobbliga l-fornitur jew id-destinatarju ta’ servizz jikseb l‑awtorizzazzjoni ta’ awtorità kompetenti jew li jinnotifika awtorità kompetenti sabiex ikollu aċċess għal attività ta’ servizz jew sabiex jeżerċitaha”.

8.

Ir-Regola 18(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“(2)

Il-proċeduri u l-formalitajiet previsti minn awtorità kompetenti skont skema ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx

(a)

ikunu dissważivi, u

(b)

jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewmu l-provvista tas-servizz.

(3)

Il-proċeduri u formalitajiet previsti minn awtorità kompetenti skont skema ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibbli.

(4)

Kwalunkwe spiża prevista minn awtorità kompetenti li tista’ tirriżulta minn skema ta’ applikazzjoni fuq l-applikanti għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni skont l-iskema u m’għandhiex taqbeż in-nefqa tal‑proċeduri u formalitajiet.”

9.

Ir-Regolament tal-2009 ma għamel ebda emenda materjali lil‑Local Government (Miscellaneous Provisions) Act 1982 [liġi tal-1982 dwar l-amministrazzjoni lokali (dispożizzjonijiet diversi), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1982”], li l-Anness 3 tagħha, intitolat “Kontroll tal-istabbilimenti tas-sess”, jipprovdi dan li ġej fil‑paragrafi 6, 8, 9, 12, 17, 19 u 23 tiegħu:

“Rekwiżit ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess

6

(1)

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness, ħadd ma jista’ juża, f’żona li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-anness, bini, vettura, dgħajsa jew stand bħala stabbiliment tas-sess, jekk mhux permezz ta’ liċenzja mogħtija skont dan l‑anness mill-awtorità kompetenti.

[…]

Għoti, tiġdid u trasferiment ta’ liċenzji ta’ stabbiliment tas-sess

8

Mingħajr ħsara għall-paragrafu 12(1) iktar ’il quddiem, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti lil kull applikant, u ġġedded perjodikament, liċenzja skont dan l-anness sabiex bini, vettura, dgħajsa jew stand li hija ssemmi jintużaw għall-finijiet ta’ stabbiliment tas-sess, skont il‑modalitajiet u mingħajr ħsara għar-restizzjonijiet eventwalment ippreċiżati.

9

(1)

Mingħajr ħsara għall-paragrafi 11 u 27 iktar ’il quddiem, kull liċenzja maħruġa skont dan l-anness hija valida għal sena jew għal perijodu iqsar ippreċiżat fil-liċenzja jekk l-awtorità kompetenti jidhirlha xieraq, sa fejn din ma tkunx ġiet preċedentement annullata skont il-paragrafu 16 jew irtirata skont il-paragrafu 17(1) iktar ’il quddiem.

(2)

Meta liċenzja tingħata lil persuna skont dan l-anness, l‑awtorità kompetenti tista’, jekk jidhirlha xieraq, tittrasferixxi din il-liċenzja fuq kull persuna oħra fuq talba ta’ din il-persuna l‑oħra.

[…]

Rifjut ta’ liċenzji

12

(1)

Liċenzja skont dan l-anness ma għandhiex tingħata

(a)

lil persuna ta’ taħt it-18-il sena, jew

(b)

lil persuna li, fil-mument ikkonċernat, hija eskluża skont il‑paragrafu 17(3) iktar ’il quddiem; jew

(c)

lil persuna, minbarra persuna ġuridika, li ma hijiex residenti fir-Renju Unit jew li ma kinitx residenti fir-Renju Unit matul il-perijodu kollu ta’ sitt xhur immedjatament preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni; jew

(d)

lil persuna ġuridika li ma hijiex ikkostitwita fir-Renju Unit; jew

(e)

lil persuna li fit-tnax-il xahar immedjatament preċedenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, kienet ġiet irrifjutatha l‑għoti jew it-tiġdid ta’ liċenzja għal bini, vettura, dgħajsa jew stand, sa fejn ir-rifjut ma kienx varjat minn appell.

(2)

Mingħajr ħsara għall-paragrafu 27 iktar ’il quddiem, l‑awtorità kompetenti tista’ tiċħad:

(a)

applikazzjoni għall-għoti jew tiġdid ta’ liċenzja, għal wieħed jew iktar mir-raġunijiet previsti fil-punt (3) iktar ’il quddiem

[…]

(3)

Ir-raġunijiet imsemmija fil-punt (2) iktar ’il fuq huma s‑segwenti:

(a)

l-applikant ma huwiex adegwat sabiex ikollu liċenzja għaliex huwa suġġett ta’ kundanna kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra;

(b)

jekk il-liċenzja għandha tingħata, tiġġedded jew tkun ittrasferita, l-attività inkwistjoni għandha tkun amministrata u eżerċitata għall-benefiċċju ta’ persuna oħra li ma hijiex l-applikant, li lilha l-għoti, it-tiġdid jew it-trasferiment ta’ din il-liċenzja jkun irrifjutat kieku tapplika hija stess;

(c)

in-numru ta’ stabbilimenti tas-sess fil-lokalità kkonċernata, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, huwa ugwali għal jew jaqbeż in-numru li l-awtorità jidhirlha li huwa adegwat għal dik il-lokalità;

(d)

l-għoti jew it-tiġdid tal-liċenzja ma jkunx xieraq, fid-dawl

(i)

tan-natura partikolari tal-lokalità kkonċernata; jew

(ii)

tal-użu li għalih huwa intiż il-bini li jinsab fil-viċin; jew

(iii)

tat-tqassim, tan-natura jew tal-istat tal-bini, vettura, dgħajsa jew stand previsti mill-applikazzjoni.

(4)

In-numru adegwat imsemmi fil-punt 3(c) jista’ jkun żero.

[…]

Irtirar ta’ liċenzji

17

(1)

L-awtorità kompetenti tista’, f’kull ħin, wara li toffri lid‑detentur ta’ liċenzja prevista minn dan l-anness l‑opportunità li jidher quddiemha u jinstema’, tirtira l‑liċenzja

(a)

għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 1 tal-paragrafu 12 iktar ’il fuq, jew

(b)

għal waħda mir-raġunijiet mogħtija fil-punt 3(a) u (b) ta’ dan il-paragrafu

[…]

Tariffi

19

Applikant għal għoti, tiġdid jew trasferiment ta’ liċenzja prevista minn dan l-anness għandu jħallas tariffa raġonevoli, stabbilita mill-awtorità kompetenti.

[…]

Ksur li jikkonċerna persuni ta’ inqas minn 18-il sena

23

(1)

Persuna li hija detentriċi ta’ liċenzja għal stabbiliment tas‑sess, li

(a)

konxjament tawtorizza persuna ta’ taħt it-18-il sena tidħol fl-istabbiliment, jew

(b)

timpjega, għall-bżonnijiet tal-istabbiliment, persuna li tirrikonoxxi li għandha inqas minn 18-il sena,

hija ħatja ta’ ksur.

[…]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Skont l-Anness 3 tal-Liġi tal-1982, il-Westminster City Council hija l-awtorità tal-għoti tal-liċenzja għall-operat ta’ sex-shops fis-City of Westminster. Timothy Martin Hemming u James Alan Poulton, Harmony Ltd, Gatisle Ltd, Winart Publications Ltd, Darker Enterprises Ltd kif ukoll Swish Publications Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Hemming et”) kienu, matul il-perijodu inkwistjoni kollu, detenturi ta’ liċenzji għall-operat, f’din il-lokalità, ta’ diversi stabbilimenti tali.

11.

Skont l-Anness 3, paragrafu 19 tal-Liġi tal-1982, persuna li tapplika għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja għall-operat ta’ sex‑shop għandha tħallas lill-awtorità kompetenti tariffa, li f’dan il-każ hija maqsuma f’żewġ partijiet, waħda konnessa mal-amministrazzjoni tal‑applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda u l-oħra (ferm iktar importanti) konnessa mal-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar ( 4 ) u li tista’ tinġabar lura jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

12.

Fix-xahar ta’ Settembru 2004, il-Westminster City Council iffissa l-ammont totali tat-tariffa inkwistjoni għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Frar 2005 u l‑31 ta’ Jannar 2006 għal 29102 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 43435), li minnhom GBP 2667 (EUR 3980) huma għall-amministrazzjoni tal-liċenzja u ma humiex rimborsabbli, filwaqt li r-rimanenti GBP 26435 (madwar EUR 39455) kienu għall-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u jistgħu jinġabru lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Huwa ddeċieda li l‑ammont totali tat-tariffa jiġi rivedut kull sena.

13.

Sussegwentement, il-Westminster City Council la rreveda u lanqas varja dan l-ammont, b’tali mod li t-tariffa totali għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja għall-operat ta’ sex-shop baqgħet ta’ GBP 29102 għall-perijodu kollu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2012.

14.

Permezz tar-rikors tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju, Hemming et jikkontestaw il-legalità tat-tariffi imposti fuqhom mill-Westminster City Council matul il-perijodu mis-sena 2006 sas-sena 2012.

15.

Għal dak li jirrigwarda dan il-perijodu kollu, Hemming et isostnu li, peress li l-Westminster City Council ma kienx stabbilixxa l-ammont tat‑tariffa annwalment, it-talbiet għal ħlas tat-tariffa inkwistjoni kienu ultra vires. Huma jallegaw ukoll li, matul dan il-perijodu, il‑Westminster City Council naqas milli jaġġusta l-ammont tat-tariffa skont id-defiċit jew il-profitt ġġenerat kull sena mill-ħlas tat-tariffa inkwistjoni meta mqabbel mal-ispiża tal-operat tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni.

16.

Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-snin 2011 u 2012, Hemming et jallegaw li l-Westminster City Council ma setax, mingħajr ma jikkontradixxi d-Direttiva dwar is-servizzi u r-Regolament tal-2009 li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2009 ( 5 ), jinkludi fl-ammont tat‑tariffa dovuta sabiex tinkiseb jew tiġġedded liċenzja, l-ispiża tal‑ġestjoni u tal-infurzar tas-sistema ta’ liċenzjar, b’mod partikolari l‑ispiża tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja.

17.

Fis-16 ta’ Mejju 2012, l-Imħallef Keith iddeċieda li l‑Westminster City Council ma kien stabbilixxa t-tariffa għal ebda sena tal-perijodu mis-sena 2006 sas-sena 2012, li sabiex jistabbilixxi l-ammont tat-tariffa inkwistjoni, il-Westminster City Council kellu jieħu inkunsiderazzjoni kull sena d-defiċit jew il-profitt, skont il-każ, tad-dħul mit-tariffi meta mqabbla mal-ispiża tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, u li sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-2009, il-Westminster City Council ma setax jinkludi iktar fit-tariffi dovuti għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja ta’ operat ta’ sex-shops, l-ispiża tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw tali stabbilimenti mingħajr liċenzja ( 6 ).

18.

Fit-12 ta’ Ġunju 2012, l-Imħallef Keith ordna wkoll lill‑Westminster City Council jistabbilixxi tariffa raġonevoli għal kull sena tal-perijodu kkonċernat u jħallas lura lil Hemming et id-differenza bejn it-tariffa mħallsa u din it-tariffa raġonevoli ( 7 ).

19.

Il-Westminster City Council appella mis-sentenzi tal-Imħallef Keith quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] li parzjalment ċaħdet l-appell (għal dak li kien jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is‑servizzi) u parzjalment laqgħetu (għal dak li kien jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi li għandhom jitħallsu lura) ( 8 ).

20.

Fil-21 ta’ Frar 2014, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) awtorizzat lill‑Westminster City Council jappella minn din is-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales)].

21.

L-appell quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) jirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk il-prattika tal-Westminster City Council li jinkludi fit-tariffi dovuti għall-operat jew għat-tkomplija tal-operat ta’ sex-shop, u dan sa mill‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għoti, jew għat-tiġdid ta’ liċenzja, l-ispiża tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja hijiex konformi mar‑Regola 18(4) tar-Regolament tal-2009 u mal-Artikolu 13(2) tad‑Direttiva dwar is-servizzi.

22.

Il-Westminster City Council ippreżenta l-argument tiegħu taħt il‑forma ta’ alternattiva ( 9 ). Jew il-kunċett ta’ “[i]l-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is‑servizzi (u fir-Regola 18 tar-Regolament tal-2009), jista’ jiġi interpretat b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex ikopri l-aspetti kollha tas-sistema ta’ liċenzjar, inkluż l-ispiża tal-applikazzjoni tagħha kontra operaturi u li ma humiex detenturi ta’ liċenzja. Jew inkella l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (u għalhekk l-imsemmija regola 18) jipprevedu biss l-ispejjeż relattivi għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-ispiża tagħhom, li l-ispiża tal‑investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw sex‑shops mingħajr liċenzja ma tifformax parti minnha. F’dak il-każ, it‑tariffa korrispondenti għal din l-ispiża ma tmurx kontra l‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi peress li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

23.

Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2015, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) qabel xejn ikkonfermat, mill-perspettiva tad-dritt intern, il-prinċipju stabbilit mis‑sentenza R v Westminster City Council, ex parte Hutton (1985) 83 LGR 516, li t-tariffi imposti skont l‑Anness 3, paragrafu 19 tal-Liġi tal-1982 jistgħu jirriflettu mhux biss l-ispiża tal‑amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess, iżda wkoll l-ispiża tal‑investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni tal-persuni li joperaw tali stabbilimenti mingħajr liċenzja ( 10 ).

24.

Imbagħad, hija kellha tiddeċiedi jekk din il-pożizzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) ċaħdet l-ewwel parti tal-alternattiva li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi (u tal-imsemmija regola 18) proposta mill-Westminster City Council billi ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw biss il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni imposti fuq l‑applikant fil-mument fejn dan jitlob permess sabiex ikollu aċċess għal attività ta’ servizz jew sabiex jeżerċitaha ( 11 ).

25.

Skont din il-qorti, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi jirrigwarda mhux tariffi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-pussess, il‑konservazzjoni jew it-tiġdid ta’ liċenzja, ladarba l-istadju tal‑awtorizzazzjoni jkun intemm b’suċċess, iżda biss it-tariffi dwar il‑proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-ispiża tagħhom ( 12 ). Għall-kuntrarju, xejn f’din id-direttiva ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ammont tat‑tariffa ma jistax jiġi stabbilit f’livell li jippermetti lill-awtorità tirkupra mingħand l-operaturi detenturi ta’ liċenzja l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-funzjonament u mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzjar, inkluż in-nefqa tal-proċeduri mibdija kontra persuni li joperaw stabbilimenti tas-sess mingħajr liċenzja ( 13 ). Madankollu, din it-tariffa għandha tosserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 sa 18 tal‑imsemmija direttiva, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 14 ).

26.

Fuq din il-bażi, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni. Skont it-tip A, l-applikant għandu jħallas, mal‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-ispejjeż tal-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni u meta l-applikazzjoni tintlaqa’, tariffa addizzjonali sabiex tkopri l-ispiża tal-funzjonament u tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzjar ( 15 ).

27.

Skont it-tip B, l-applikant għandu jħallas, mal-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni, in-nefqa tal-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni, kif ukoll tariffa addizzjonali sabiex tkopri l-ispiża tal‑funzjonament u tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzjar b’għarfien tal-fatt li din tista’ tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda ( 16 ).

28.

Għal dak li jirrigwarda t-tip A, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li jekk l‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ma jipprojbixxix li awtorità kompetenti, għall-għoti ta’ liċenzji bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tiġbor mingħand l-applikant li jingħata liċenzja simili, spejjeż li jippermettu lill-awtorità tirkupra l-ispiża kollha tal‑funzjonament u tal-applikazzjoni tas-sistema, allura l-impożizzjoni ta’ dawn l-ispejjeż wara li tintlaqa’ l-applikazzjoni ma tistax tkun ipprojbita minn din id-dispożizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, l-impożizzjoni ta’ tariffa għall-pussess jew il-konservazzjoni ta’ liċenzja jekk l‑applikazzjoni tirnexxi, ma għandhiex l-effett li din it-tariffa ssir proċedura jew formalità ta’ awtorizzazzjoni jew spiża li tirriżulta mill‑applikazzjoni ( 17 ).

29.

Is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar‑Renju Unit) ikkunsidrat għalhekk li proċedura ta’ awtorizzazzjoni tat-tip A kienet konformi mar-Regola 18 tar-Regolament tal-2009 u mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ( 18 ).

30.

Madankollu, peress li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni operata mill‑Westminster City Council hija tat-tip B, l-imsemmija qorti kkunsidrat żewġ argumenti magħmula minn Hemming et.

31.

L-ewwel argument tagħhom kien li r-rekwiżit ta’ tariffa li tikkorrispondi għall-ispiża tal-ġestjoni u tal-infurzar tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, anki jekk tista’ tinġabar lura fil-każ ta’ rifjut tal-għoti jew tat‑tiġdid tal-liċenzja, seta’ jkollu effett dissważiv li jmur kontra l‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Il-qorti tar-rinviju skartat dan l-argument billi ddeċidiet li l-proċess ma kien jinkludi ebda element fattwali jew ta’ prova li jippermetti li jiġi konkluż li dan ir-rekwiżit jista’ jiddiswadi lil Hemming et jew lil applikanti oħra milli japplikaw għal liċenzja għall-operat ta’ sex-shops ( 19 ).

32.

It-tieni argument ta’ Hemming et kien li anki tariffa li tista’ tinġabar lura kienet tikkostitwixxi spiża u kienet tikser l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi peress li kienet ogħla min-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni sostnuta mill-Westminster City Council.

33.

Skont is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk ir-rekwiżit ta’ tariffa li tinkludi parti korrispondenti għall-ispiża tal-ġestjoni u l‑infurzar tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u li tista’ tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda huwiex “spiża” li tmur kontra l‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, sa fejn tkun ogħla mill‑ispiża tal-amministrazzjoni tal-applikazzjoni. Huwa dwar dan il‑punt li hija s-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Meta applikant għall-għoti jew tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas‑sess ikollu jħallas tariffa maqsuma f’żewġ partijiet, waħda konnessa mal-amministrazzjoni tal-applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli, l‑oħra għall-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda:

(1)

Ir-rekwiżit li titħallas tariffa, inkluża t-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura], ifisser, bħala kwistjoni ta’ dritt Ewropew u xejn iktar, li l-intimati sostnew spiża għall-applikazzjonijiet tagħhom li tmur kontra l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva [dwar] is-servizzi fis-Suq Intern sa fejn din taqbeż l-ispiża sostnuta mill‑Westminster City Council għall-ipproċessar tal‑applikazzjoni;

(2)

Il-konklużjoni li tali rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat li jinvolvi spiża – jew, jekk għandu jitqies bħala tali, spiża li taqbeż l-ispiża sostnuta mill-Westminster City Council għall-ipproċessar tal-applikazzjoni – tiddependi fuq l-effett ta’ ċirkustanzi ulterjuri (u jekk iva, liema), per eżempju:

(a)

provi li jistabbilixxu li l-ħlas tat-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] kien jinvolvi jew x’aktarx jinvolvi lil applikant f’xi spejjeż jew telf,

(b)

id-daqs tat-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] u t-tul ta’ żmien li tinżamm qabel ma jsir ir-rimbors, jew

(ċ)

kull iffrankar fl-ispejjeż għal Westminster City Council fl‑ipproċessar tal-applikazzjonijiet (u għalhekk fl-ispiża mhux rimborsabbli tagħhom) li tirriżulta mir-rekwiżit tal‑ħlas bil-quddiem taż-żewġ partijiet tat-tariffa li għandhom jitħallsu mill-applikanti kollha?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2015. Hemming et, il-Westminster City Council, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

35.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja, il-Westminster City Council kien mistieden iwieġeb bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa wieġeb fid-29 ta’ April 2016.

36.

Fl-1 ta’ Ġunju 2016 inżammet seduta, li matulha Hemming et, il‑Westminster City Council u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

37.

Kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 7 tad-Direttiva dwar is-servizzi, l-għan tagħha huwa li telimina l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tas-servizzi li minnhom jibbenefikaw il-fornituri u d-destinatarji ta’ servizzi.

38.

Skont ir-regola stabbilita mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar is‑servizzi, “[l]-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni” ħlief taħt tliet kundizzjonijiet kumulattivi ppreċiżati fil-punti (a) sa (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, fosthom “il-ħtieġa [li l-] skema ta’ awtorizzazzjoni [tkun] ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku”.

39.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-perijodu tal-awtorizzazzjonijiet, l‑Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi jipprovdi li “[l‑]awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat”, bl-eċċezzjoni ta’ tliet każijiet previsti fil-punti (a) sa (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, fosthom fil-każ li “in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli [għandu jkun] limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku”.

40.

Għalhekk, bħala regola ma għandhiex tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex ikun hemm aċċess għall-provvista ta’ servizz u fi kwalunkwe każ, din l-awtorizzazzjoni ma għandhiex ikollha tul limitat. Iżda f’dan il‑każ l-Anness 3 tal-Liġi tal-1982 jissuġġetta l-ftuħ ta’ sex-shop fis‑City of Westminster għal kisba ta’ awtorizzazzjoni annwali.

41.

F’dan is-sens, hija tidderoga mill-prinċipji stabbiliti fl‑Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, mingħajr madankollu ma l‑Westminster City Council invoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika din id-deroga mir-regola.

42.

L-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex tiġi ġġustifikata skema ta’ awtorizzazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 9 u 11 tad‑Direttiva dwar is-servizzi ma tistax tkun preżunta, kif sostna l‑Westminster City Council quddiem il-qorti tar-rinviju ( 20 ), iżda għandha tkun espressament invokata u sostnuta mill-awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat.

43.

Madankollu, f’dan ir-rigward nirrileva li l‑Anness 3, paragrafu 23 tal-Liġi tal-1982 jikklassifika bħala reat kriminali l-fatt li detentur ta’ awtorizzazzjoni sabiex jopera sex-shop jippermetti d-dħul ta’ persuni ta’ taħt it-18-il sena. Barra minn hekk, kundanna għal ksur ta’ din il-projbizzjoni hija suffiċjenti, skont il-kliem tal-Anness 3, paragrafu 12(3)(a) tal-Liġi tal-1982, sabiex jiġi miċħud it-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

44.

Għalhekk jista’ jinftiehem li l-protezzjoni tal-minuri tikkostitwixxi r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tal‑Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi, iżda din ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-fatt li l-Anness 3, paragrafu 9(1) tal‑Liġi tal-1982 jillimita l-perijodu tal-awtorizzazzjoni għal sena.

45.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, il‑perijodu ta’ awtorizzazzjoni ma jistax ikun limitat ħlief jekk “l‑awtorizzazzjoni tiġġedded awtomatikament jew hi soġġetta biss għat‑twettiq kontinwu tar-rekwiżiti”, jekk “in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku” ( 21 ) jew jekk “perjodu limitat ta’ awtorizzazzjoni jista’ jkun ġustifikat minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku”.

46.

Waqt is-seduta tat-13 ta’ Jannar 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Westminster City Council invoka l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi sabiex jiġġustifika l-eżistenza tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi qal li “kif applikata f’Westminster, l-iskema prevista mil-Liġi tal-1982 hija bbażata fuq kwota ta’ awtorizzazzjonijiet […] għas-sex-shops, hemm kwota” ( 22 ).

47.

Jekk huwa minnu li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ sex-shops għall-perijodu ta’ mis-sena 2003 sas-sena 2012 kien suġġett għal kwota li matul dan il-perijodu tvarja bejn 14 u 20 ( 23 ), jiena ma narax għaliex il-perijodu ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet għandu jkun limitat għal sena, u dan iktar u iktar meta l-awtorità kompetenti dejjem għandha l-possibbiltà, skont l-Anness 3, paragrafu 17(1)(b) tal-Liġi tal-1982, li tirtira l-awtorizzazzjoni fil-każ ta’ reat kriminali mwettaq mid-detentur tagħha, inkluż ksur tal-Anness 3, paragrafu 23 tal-Liġi tal-1982.

48.

F’din l-okkażjoni nirrileva wkoll li l-Anness 3, paragrafu 12(1) tal-Liġi tal-1982 dwar ir-raġunijiet għal rifjut ta’ awtorizzazzjoni, fil-punti (c) u (d) tiegħu rekwiżiti ta’ residenza u nazzjonalità pprojbiti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

49.

Anki jekk dawn l-elementi ma jaqgħux fid-domandi preliminari, huma juru li l-Anness 3 tal-Liġi tal-1982, adottat iktar minn 20 sena qabel id-Direttiva dwar is-servizzi mingħajr l-aġġornament magħmul mir-Regolament tal-2009, iqajjem kwistjonijiet oħra ta’ kompatibbiltà mad-Direttiva dwar is-servizzi li huma espressament imqajma fil-kawża prinċipali.

B – Fuq l-ewwel domanda preliminari

1. Introduzzjoni

50.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tariffa għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ sex-shop, maqsuma f’żewġ partijiet, waħda konnessa mal-amministrazzjoni tal‑applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda u l-oħra konnessa mal-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u li hija rimborsabbli jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda, tikkostitwixxix spiża li tmur kontra l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ( 24 ).

51.

Fl-ewwel lok għandu jiġi nnotat li tariffa li tikkorrispondi għall‑ispiża tal-amministrazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda, hija b’mod evidenti ħafna, konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Ħadd mill-partijiet jew mill-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkontesta dan il-punt.

52.

Nirrimarka li, kif esponejt fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju għamlet distinzjoni bejn żewġ sistemi li jipprovdu li t-tieni parti tat-tariffa, intiża sabiex tiffinanzja l‑ġestjoni u l-infurzar tas-sistema ta’ liċenzjar għandha titħallas biss meta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tintlaqa’ (tip A) jew għandha titħallas fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, bir-rimbors fil-każ li din tiġi miċħuda (tip B).

53.

Fil-punt 26 tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 25 ), il-qorti tar‑rinviju ddeċidiet li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tat-tip A kienu inkompatibbli mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi. B’hekk id-domandi preliminari tagħha jipprevedu biss skema ta’ awtorizzazzjoni tat-tip B li fil-fatt hija dik użata mill-Westminster City Council.

54.

Huwa evidenti li din id-distinzjoni bejn l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tat-tip A u B hija rilevanti biss jekk, fl-iskema tat-tip A, it-tariffa korrispondenti għall-ispiża tal-ġestjoni u l-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma hijiex kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni sabiex jiġi pprovdut is-servizz ikkonċernat. Jekk, għall-kuntrarju, l-awtorità kompetenti għandha d-dritt li tipposponi l-għoti tal-liċenzja u, konsegwentement, li tipprekludi l-provvista tas-servizz ikkonċernat sal‑mument li fih isir il-ħlas ta’ din it-tariffa, din tkun nettament u b’mod ċar skema ta’ awtorizzazzjoni tat-tip B, anki jekk it-tariffa ma hijiex rikjesta fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

55.

Skont id-deskrizzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni tat-tip A mogħtija mill-qorti tar-rinviju, it-tieni parti tat-tariffa tkun dovuta biss ladarba l-applikazzjoni “tintlaqa’”, li jimmilita favur li jiġi kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni tal-operat ma hijiex ikkundizzjonata mill-ħlas minn qabel. Tali rekwiżit ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-servizzi u ma jistax, jekk ikun il‑każ, ikun impost ħlief taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar is-servizzi ( 26 ).

56.

Dan jimplika li għandu jiġi eżaminat jekk tali rekwiżit jistax jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “rekwiżit”, iddefinit fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi, u l-Artikolu 16(1) tagħha jipprovdi li l‑Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għal xi “rekwiżiti”.

57.

L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi jiddefinixxi dan il‑kunċett ta’ “rekwiżit” bħala “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id‑dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l‑awtonomija legali tagħhom”.

58.

Li kieku r-risposta kienet pożittiva, madankollu, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, din it-tariffa jkollha tkun nondiskriminatorja fir-rigward tan-nazzjonalità jew tar-residenza tal‑fornitur, li huwa neċessarju sabiex jinżamm l-ordni pubbliku u s‑sigurtà pubblika jew sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika jew l‑ambjent u jkollha tkun proprozjonata fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq.

59.

Mingħajr ma nippreġudika risposta definittiva dwar dan il-punt, jiena ser nikkummenta dwar dan il-punt u b’mod iktar partikolari dwar il-loġika wara l-punt 12 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdi li l-ispiża ta’ investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja għandha tkun sostnuta mid‑detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, peress li huma jibbenefikaw mill‑fatt li l-aċċess għas-servizz huwa ristrett minn kwota ta’ awtorizzazzjonijiet.

60.

Din il-loġika tipperċepixxi l-iskema ta’ awtorizzazzjoni bħala mezz li jiżgura “monopolju” favur ċerti operaturi li jagħmlu parti minn “klabb”, li għalih l-aċċess huwa ristrett u suġġett għal ħlas ta’ tariffa li tippermetti lill-membri li jibbenefikaw mill-garanzija li dan il-“klabb” jibqa’ ristrett. Dan jidher li jmur kontra l-għan tad-Direttiva dwar is‑servizzi li tistabbilixxi “suq kompettivi fis-servizzi” billi tiffaċilita “l‑aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz” ( 27 ).

2. Kompatibbiltà tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni tat-tip B mal‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi

61.

Is-segwitu tar-raġunament tiegħi ser jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-tieni parti tat-tariffa imposta fuq Hemming et mill-Westminster City Council, dovuta mal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjoni u li tikkorrispondi għall-ispiża tal-ġestjoni u tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni tikkostitwixxix “spiża”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad‑Direttiva dwar is-servizzi, fatt li l-qorti tar-rinviju donnha għandha dubji dwar din il-kwistjoni, peress li l-ispiża hija rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda ( 28 ).

62.

Nirrileva li l-Anness 3, paragrafu 19 tal-Liġi tal-1982 jimponi l-obbligu tal-ħlas tat-tariffa fuq l-“applikant għal għoti, tiġdid jew trasferiment ta’ liċenzja” (enfasi magħmula minni) u mhux fuq il‑“liċenzjat”. Fi kliem ieħor, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma hijiex ser tkun eżaminata mingħajr il-ħlas ta’ din it-tariffa mal‑preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, kif jirrikonoxxi l‑Westminster City Council fil-punt 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ( 29 ). F’dan ir-rigward, il-fatt li dan il-ħlas jikkostitwixxix (bħal ma jsostni l-Westminster City Council) kawzjoni jew le jew jekk dan isirx proprjetarju ta’ din is-somma b’mod irriversabbli huwa mingħajr effett.

63.

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Westminster City Council, it-tariffa inkwistjoni tikkostitwixxi spiża (jiġifieri l-ħlas obbligatorju ta’ xi somma) li fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, “tirriżulta” mill-proċeduri u mill-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni.

64.

Sabiex spiża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, hija għandha tkun “raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni konċernati u m’għandhiex taqbeż n-nefqa tal‑proċeduri”.

i) Spiża “proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u [li] ma [taqbiżx] n-nefqa tal-proċeduri”

65.

Sabiex ikun jista’ jiġi deċiż dan il-punt, għandu qabel xejn jiġi mistoqsi jekk l-ispiża tal-ġestjoni u tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni hijiex inkluża fil-kunċett ta’ “nefqa tal-proċeduri” ta’ awtorizzazzjoni.

66.

Skont il-Gvern Olandiż, il-kunċett ta’ “nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni” jipprevedi kemm l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal‑applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif ukoll l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni.

67.

F’dan ir-rigward, huwa jibbaża ruħu fuq dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Mejju 2006 li n-nefqa tal-proċeduri tinkludi l‑“ispejjeż li jirriżultaw mill-ġestjoni, mill-istħarriġ jew mill‑infurzar” ( 30 ) tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni.

68.

Din id-dikjarazzjoni tmur kontra l-argument difiż mill‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jipprovdi li tariffa għall-ispiża tal-prosekuzzjoni ta’ persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li taqa’ taħt il‑proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, tal-amministrazzjoni tal‑applikazzjonijiet u tal-ispejjeż konnessi.

69.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ċaħdet l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjoni tagħha tal-2006 u l‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, billi sostniet li awtorità kompetenti għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tista’ titlob lill-applikanti jħallsu l-ispejjeż ta’ ġestjoni, ta’ stħarriġ u ta’ infurzar ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ħsara li dawn jirrigwardaw spejjeż ċerti u reali iżda li, f’dan il-każ, l-ispiża ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjoni tal-persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja ma tikkostitwixxix “spejjeż realment sostnuti” (“costs actually incurred”).

70.

Fl-opinjoni tiegħi, it-termini “nefqa tal-proċeduri” użati fl-aħħar tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi tirreferi għat-termini “nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni” diġà użati f’din is-sentenza u li, min-naħa tagħha, tirreferi għall-“proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni” imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

71.

F’dan ir-rigward, nirrileva li għalkemm it-termini “proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni” ma humiex iddefiniti mid-Direttiva dwar is-servizzi, huma għandhom jiġu distinti mill-“iskema ta’ awtorizzazzjoni” iddefinita fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva.

72.

Waqt is-seduta, il-Westminster City Council sostna li t-tieni parti tat-tariffa inkwistjoni tkopri l-ispiża tal-investigazzjonijiet u tal‑prosekuzzjoni kemm tal-persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja kif ukoll tad-detenturi ta’ liċenzja, fil-każ ta’ ksur tal‑kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tagħhom.

73.

Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-ispiża tal‑investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni tad-detenturi ta’ liċenzja tista’ tifforma parti mill-ispiża tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ( 31 ), dan ma jistax ikun il-każ tal-ispiża tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni ta’ terzi li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja, peress li dawn l‑attivitajiet ma jagħmlux parti mill-iskema ta’ awtorizzazzjoni.

74.

Barra minn hekk, huwa impossibbli li l-ġestjoni u l-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni jiġu pperċepiti, anki jekk jipprevedu r‑reati mwettqa mid-detenturi ta’ awtorizzazzjoni, bħala parti mill‑“proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni”, għaliex jirrigwardaw mhux attivitajiet li jwasslu għall-awtorizzazzjoni, iżda attivitajiet li jsegwuha. Dwar il-projbizzjoni tar-reati mill-operaturi li joperaw sex-shop mingħajr liċenzja, din hija ferm inqas marbuta mal‑“proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni” u tipprevedi l-aġir ta’ terzi fir-rigward tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet.

75.

Għalhekk, mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi jirriżulta li l-ispejjeż tal-amministrazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma jistgħux jinkludu spejjeż oħra ħlief dawk iġġenerati mill-awtorità kompetenti għall‑amministrazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Għalhekk dawn ma jistgħux jaqbżu dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż reali tal-proċedura li twassal għal din l-awtorizzazzjoni.

76.

Is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172), issostni bis-sħiħ l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Fil-fatt, it-taxxi li kienu inkwistjoni f’dik is-sentenza kienu kkalkolati abbażi tal-ispiża globali tal-amministrazzjoni għas-snin 1994 u 1995 tal-applikazzjonijiet għall‑awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut maqsuma skont in-numru ta’ metri kwadri koperti minn kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

77.

Huwa ċar li dawk it-taxxi ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ wara l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, bħal pereżempju, l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 129 tas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172), li l-ammont tat-tariffa kien “raġonevoli mingħajr ma jwarrab b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż reali f’kull każ individwali”.

78.

Hemming et ibbażaw ruħhom fuq din is-sentenza quddiem il‑Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales)] ( 32 ) li abbażi ta’ din is-sentenza ddeċidiet, fl-opinjoni tiegħi b’mod korrett, li l-Istati Membri ma setgħux jimponu spejjeż li jmorru lil hinn min-nefqa tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ( 33 ).

79.

F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-ammont totali tat-tariffa inkwistjoni mhux biss huwa ferm ogħla mill-ispiża tal-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja għall-operat ta’ sex-shop, iżda li huwa iktar importanti hu li dan jinkludi wkoll spejjeż li ma humiex inkorsi mill-Westminster City Council fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri l-ispiża tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni tal-persuni li joperaw sex-shops mingħajr liċenzja.

ii) Spiża “raġonevoli”

80.

Huwa biss b’mod sussidjarju li ser neżamina dan il-punt peress li r-rekwiżit li l-ispiża tkun “raġonevoli” jiżdied ma’ dak li hija tkun “proporzjonata […] u ma [taqbiżx] in-nefqa tal-proċeduri”, li jiena nikkunsidra li ma ġiex issodisfatt.

81.

Anki jekk huwa minnu, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, li l‑Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ( 34 ), hija kellha l-okkażjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172), li teżamina l-kompatibbiltà mal-libertà ta’ stabbiliment tat-taxxi introdotti minn liġi Spanjola qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar is-servizzi u dovuti għall-amministrazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut fil-Katalonja (Spanja).

82.

Peress li l-ammont ta’ dawn it-taxxi kien ġie kkalkolat fil-bidu billi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri li saru fl-1994 u fl-1995 inqasmu bejn in-numru ta’ metri kwadri koperti fl-applikazzjonijiet ikkonċernati u minn dakinhar ’il quddiem kien ġie adattat skont l-inflazzjoni, il‑Kummissjoni sostniet li dawn it-taxxi, peress li ma humiex relatati mal-ispiża tal-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni kummerċjali, kienu sproporzjonati ( 35 ).

83.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument, billi ddeċidiet li “dan il-metodu ta’ stabbiliment tal‑ammont tal-miżati dovuti jirrefletti t‑totalità tal-imsemmija spejjeż b’mod raġonevoli mingħajr ma jwarrab b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż reali f’kull każ individwali. Barra minn hekk, il-metodu tal-iffissar tiegħu, li jikkorrispondi għal ammont stabbilit għal kull metru kwadru, joffri l-vantaġġ li jippermetti li tiġi kkalkulata bil-quddiem l-ispiża tal-proċedura b’mod trasparenti” ( 36 ).

84.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx kriterji speċifiċi li jippermettu l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ spiża jew ta’ taxxa, u l-imsemmija sentenza tikkonċentra pjuttost fuq il-proporzjonalità tat-tariffa li ma għandhiex teċċedi l-ispiża reali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

85.

Fl-opinjoni tiegħi, sabiex spiża tkun “raġonevoli”, fis-sens tal‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, l-elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tariffa kif ukoll il-metodu ta’ dan il-kalkolu għandhom ikunu spjegabbli b’mod loġiku ( 37 ).

86.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-Westminster City Council jispjega fid-dettall u bil-miktub il-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex wasal għat-tariffi ta’ GBP 2667 u GBP 26435 kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu użat. Il-Westminster City Council wieġeb għal din il-mistoqsija billi pproduċa ż-żewġ xhieda tas-service manager – noise and licensing tiegħu li huwa kien ippreżenta lill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales)], sezzjoni tal-bank tar-Reġina (awla amministrattiva)], kif ukoll id‑dokumenti annessi magħhom.

87.

Il-Westminster City Council spjega li, skont din ix-xhieda, l‑ispejjeż tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kienu maqsuma fi tliet kategoriji, jiġifieri l-ispejjeż diretti (bħal pereżempju dawk tal-istampar u tal-pubbliċità), l-ispejjeż marbuta mal-awtorizzazzjonijiet, iżda li jaqgħu taħt dipartimenti oħra tal-Westminster City Council li ma humiex id-dipartiment tal-liċenzji (bħal pereżempju r-riżorsi umani u d-dipartiment legali) u l-ispejjeż tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni.

88.

Madankollu, fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsija li saret lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Westminster City Council ma spjegax kif jasal mill-ammont totali tal-baġit iddedikat għall-iskema ta’ awtorizzazzjoni ta’ sex-shops għat-tariffi ta’ GBP 2667 u GBP 26435 mitluba mingħand l-applikant għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja għall‑operat ta’ sex-shops.

89.

Waqt is-seduta, il-Westminster City Council ma setax jiġġustifika l-fatt li t-tariffa inkwistjoni baqgħet ma nbidlitx matul il‑perijodu kkonċernat mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni, kif jidher, sensiela ta’ elementi, bħal pereżempju, id-dħul totali riżultanti mit‑tariffi kif ukoll id-defiċit jew il-profitt fir-rigward tal-ispiża reali tal‑ġestjoni u tal-infurzar tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni li, skont il‑Westminster City Council, kienet tvarja madankollu minn sena għall-oħra. Il‑Westminster City Council lanqas ma jidher li ħa inkunsiderazzjoni d-dħul mill-multi u sanzjonijiet finanzjarji oħra imposti fuq il-persuni li joperaw sex-shops li għandhom jew ma għandhomx awtorizzazzjoni ( 38 ).

90.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni parti tat-tariffa inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, spiża “raġonevoli”.

91.

Għal dawn ir-raġunijiet, mingħajr ħsara għal analiżi iktar fil-fond li tista’ tagħmel il-qorti tar-rinviju, jiena nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 13(2) tad‑Direttiva dwar is-servizzi għandu jkun interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru milli tieħu inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tat-tariffa dovuta għall-għoti jew għat‑tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-infurzar tal‑iskema ta’ awtorizzazzjoni, anki jekk il-parti korrispondenti għal dawn l-ispejjeż hija rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni tiġi miċħuda.

C – Fuq it-tieni domanda preliminari

92.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependix fuq ċirkustanzi oħra, bħall-possibbiltà li l-parti tat-tariffa korrispondenti għall-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni timplikax spejjeż jew telf għall-applikanti għall‑awtorizzazzjoni, l-ammont ta’ din il-parti u l-perijodu li matulu hija tibqa’ valida kif ukoll it-tnaqqis tal-ispiża għall-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti li jirriżulta mill-ħlas minn qabel tal-imsemmija parti tat-tariffa.

93.

Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li nirrispondi għat-tieni domanda, peress li jirriżulta b’mod ċar li l-idea stess li tiġi imposta fuq l-applikanti għal awtorizzazzjoni tariffa li parti minnha tikkorrispondi għall-ispejjeż tal-ġestjoni u tal‑infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni hija spiża li tmur kontra l‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi.

VI – Konklużjoni

94.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) b’dan il-mod:

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru milli tieħu inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tat-tariffa dovuta għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni, anki jekk il-parti korrispondenti għal dawn l-ispejjeż hija rimborsabbli fil-każ li l-applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni tiġi miċħuda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006 L 376, p. 36.

( 3 ) Il-kunċett ta’ “stabbiliment tas-sess” (“sex establishment”) fid-dritt Ingliż jinkludi kemm iċ-ċinema porno (“sex cinemas”) kif ukoll is-sex-shops. Sabiex nissimplifika l‑affarijiet, peress li din il-kawża tirrigwarda biss id-detenturi ta’ liċenzji ta’ operat ta’ sex-shops, jiena ser nirreferi biss għal dawn it-termini f’dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita ferm, sa mis-sena 1985, tariffa tista’ tiġi imposta skont il-paragrafu 19 tal-Anness 3 tal-Liġi tal-1982, sabiex tirrifletti mhux biss l-ispiża tal-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet, iżda wkoll dik tal‑“ispezzjoni tal-bini wara l-għoti tal-liċenzji u fid-dawl ta’ dak li tista’ tissejjaħ iż-żamma ta’ sorveljanza tal-ordni […] sabiex jiġu identifikati u pproċessati l-persuni li jużaw stabbilimenti tas-sess mingħajr liċenzja”. Ara s-sentenza R vs Westminster City Council, ex parte Hutton (1985) 83 LGR 516.

( 5 ) L-Artikolu 44(1) stabbilixxa l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi għat-28 ta’ Diċembru 2009, data li fiha r-Regolament tal-2009 daħal fis-seħħ.

( 6 ) Ara s-sentenza Hemming and others v Westminster City Council [2012] EWHC 1260 (Admin), punt 49.

( 7 ) Ara s-sentenza Hemming and others v Westminster City Council [2012] EWHC 1582 (Admin), [2013] WLR 203.

( 8 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v The Lord Mayor and Citizens of Westminster [2013] EWCA Civ 591.

( 9 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 14.

( 10 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 7.

( 11 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 15.

( 12 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punti 15 u 17.

( 13 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 17.

( 14 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 17.

( 15 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 18.

( 16 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 18.

( 17 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 19.

( 18 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 26.

( 19 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 22.

( 20 ) Ara r-reġistrazzjoni awdjoviżiva tas-seduta tat-13 ta’ Jannar 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju fis-sessjoni 1, 40:20 et seq., disponibbli fuq l-internet on demand fl‑indirizz li ġej: https://www.supremecourt.uk/contact-us.html, fejn il-Westminster City Council jallega li l-ġustifikazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali hija evidenti (axiomatic).

( 21 ) Waqt is-seduta tat-13 ta’ Jannar 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Westminster City Council invoka din id-dispożizzjoni sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni tal‑perijodu tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil Hemming et (ara wkoll ir‑reġistrazzjoni awdjoviżiva tas-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju tas-sessjoni 1, 39:51 et seq., disponibbli fuq l-internet on demand fl-indirizz li ġej: https://www.supremecourt.uk/contact-us.html).

( 22 ) Ara r-reġistrazzjoni awdjoviżiva tas-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju tas‑sessjoni 1, 39:51 et seq., disponibbli fuq l-internet on demand fl-indirizz li ġej: https://www.supremecourt.uk/contact-us.html. (“the scheme under the 1982 Act in Westminster is one where there is a quotaof authorisations […] for sex shops, there is quota”). Enfasi magħmula minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Anness 3, paragrafu 12(3)(c) u paragrafu 12(4) tal-Liġi tal-1982.

( 23 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v The Lord Mayor and Citizens of Westminster [2013] EWCA Civ 591, punt 29.

( 24 ) L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ġie traspost fir-Renju Unit bir‑Regola 18 tar-Regolament tal-2009. Peress li ma hemm l-ebda differenza bejn il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-servizzi u dik tar-Regolament tal-2009, f’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nirreferi għad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-servizzi.

( 25 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 17, fejn il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li “tali tariffa għandha tosserva l-kundizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III u fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV [tad-Direttiva dwar is-servizzi]”.

( 27 ) Ara l-premessi 2, 5, 8 u 9 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

( 28 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punti 23 u 24.

( 29 ) “[…] it is correct to say that the applicant is required to pay that second part of the fee at the time of application […]” (“huwa korrett li jiġi ddikjarat li l-applikant għandu jħallas it-tieni parti tat-tariffa fil-mument tal-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni”).

( 30 ) “[…] costs incurred in the management, control and enforcement”. Traduzzjoni magħmula minni.

( 31 ) Madankollu, is-sanzjonijiet finanzjarji li jkunu eventwalment imposti ma għandhomx jitnaqqsu mill-ispiża globali tas-sistema?

( 32 ) Huma bbażaw ruħhom ukoll fuq is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586) li madankollu ma hijiex ta’ għajnuna kbira f’din il-kawża peress li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 117, p. 15), kien jawtorizza b’mod espliċitu lill-Istati Membru jinkludu l-ispejjeż tal-ġestjoni, tal-istħarriġ u tal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni fit-tariffa dovura sabiex tinkiseb liċenzja.

( 33 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v The Lord Mayor and Citizens of Westminster [2013] EWCA Civ 591, punti 80 sa 84 u 88.

( 34 ) Ara s-sentenza R (Hemming and others) v Westminster City Council [2015] UKSC 25, punt 24.

( 35 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punti 127128).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 129). Enfasi magħmula minni.

( 37 ) Peress li din il-kawża ġejja mir-Renju Unit, nirreferi f’dan ir-rigward għall-famuż tentattiv ta’ Lord Greene li jiddefinixxi t-terminu “raġonevoli” fid-dritt amministrattiv (sentenza Associated Provincial Picture Houses Ltd v Wednesbury Corporation [1948] 1 KB 223, p. 229).

( 38 ) L-Anness 3, paragrafu 22(1) tal-Liġi tal-1982 jipprevedi multi li jitilgħu sa GBP 20000.