KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑303/15

Naczelnik Urzędu Celnego I w Ł.

vs

G.M.

u

M.S.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź, Il-Polonja)

“Proċedura ta’ notifika għal regolamenti tekniċi — Regolamenti tekniċi fis-settur tal-logħob tal-azzard — Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw abbozzi ta’ regolamenti tekniċi lill-Kummissjoni — Konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ notifika”

I – Introduzzjoni

1.

Skont id-dritt Pollakk huma dawk biss li jkollhom awtorizzazzjoni sabiex joperaw każinò tal-logħob li jistgħu jorganizzaw logħob tar-rulett, logħob tal-karti, logħob bid-dadi u logħob permezz ta’ magni (iktar ’il quddiem “ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni”). Barra dan, logħob tar-rulett, logħob tal-karti, logħob bid-dadi u logħob permezz ta’ magni jistgħu jiġu organizzati biss f’każinos tal-logħob (iktar ’il quddiem “ir-restrizzjoni marbuta mal-post”).

2.

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ġew akkużati li kienu joperaw slot machines fi ħwienet tax-xorb mingħajr awtorizzazzjoni. Fid-difiża tagħhom jissottomettu li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34 ( 2 ) li ma kienx innotifikat lill-Kummissjoni. Għalhekk huwa ma jistax jiġi invokat kontrihom mill-awtoritajiet Pollakki.

3.

Il-fatt li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ma kienx innotifikat lill-Kummissjoni ma huwiex ikkontestat. Fid-domanda tagħha, il-qorti nazzjonali qiegħda titlob kjarifika dwar il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ notifika. Madankollu, qabel ma jitqiesu dawn il-konsegwenzi, għandha tiġi indirizzata kwistjoni preliminari, jiġifieri r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi, qabel kollox, “regolament tekniku”? Jekk le, allura fl-ewwel lok ma jkun jirriżulta l-ebda obbligu ta’ notifika.

4.

F’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għal analiżi ta’ din il-kwistjoni preliminari u tad-domanda ġenerali li hija tqajjem: is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri servizzi, sa liema punt għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ notifika għal “regolamenti tekniċi” applikabbli għal prodotti, jiġifieri oġġetti?

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 98/34

5.

L-Artikolu 1 jinkludi għadd ta’ definizzjonijiet rilevanti:

“1.

‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

2.

‘servizz”’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment provdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi.

[...]

3.

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4.

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5.

‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mad-dħul u t-tkomplija ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizz ipprovdut f'dan il-punt.

[…]

11.

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment tas-servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew tal-parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.”

6.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”.

B – Id-dritt nazzjonali

7.

L-Artikolu 6(1) tal-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-azzard ( 3 ) jipprovdi li:

“L-organizzazzjoni tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni teħtieġ liċenzja għall-operat ta’ każinò tal-logħob.”

8.

L-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard ( 4 ) jipprovdi li:

“L-organizzazzjoni tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni hija permessa biss f’każinos tal-logħob.”

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.

G.M. u M.S., il-konvenuti fil-kawża prinċipali, kienu akkużati li operaw slot machines fi ħwienet tax-xorb fil-Polonja mingħajr ma kellhom il-liċenzja meħtieġa sabiex joperaw każinò tal-logħob skont ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard.

10.

Il-qorti nazzjonali ddeċidiet fl-ewwel istanza li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34. Fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ma kienx innotifikat lill-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza kkonkludiet li ma setax japplika għall-konvenuti. Sabiex waslet għall-konklużjoni tagħha hija għamlet riferiment għas-sentenza Fortuna ( 5 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawża Fortuna l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fost affarijiet oħra, li l-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard (jiġifieri r-restrizzjoni marbuta mal-post) jikkostitwixxi “regolament tekniku”.

11.

Is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza ġiet appellata mill-awtorità kompetenti Pollakka (Naczelnik Urzędu Celnego I w Łodzi (Direttur tal-Uffiċċju Doganali I f’Łódz) (iktar ’il quddiem “in-NUC”) quddiem is-Sąd Okręgowy w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódz). Din tal-aħħar hija konxja mill-ġurisprudenza li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li nuqqas li jitħares l-obbligu ta’ notifika tar-“regolamenti tekniċi” lill-Kummissjoni jwassal sabiex tali regolamenti ma jkunux jistgħu jiġu invokati kontra individwi ( 6 ). Madankollu l-qorti nazzjonali għandha dubji dwar jekk għandux japplika l-istess raġunament għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minħabba n-natura partikolari tas-settur ikkonċernat (logħob tal-azzard). Fid-dawl ta’ dawn id-dubju l-qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ notifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jitqiesu li huma ta’ natura teknika, konsegwenzi differenti jkunu possibbli, jiġifieri, għal dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet li jikkonċernaw libertajiet li ma humiex suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ notifikazzjoni għandu jkollu bħala konsegwenza l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-kawża speċifikament inkwistjoni, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw libertajiet li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tat-Trattat, il-qorti nazzjonali, li fl-istess waqt hija qorti tal-Unjoni, hija awtorizzata tevalwa jekk, minkejja n-nuqqas ta’ notifikazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tat-Trattat u humiex suġġetti għas-sanzjoni tal-inapplikabbiltà?”

12.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min-NUC, li huwa l-appellanti fil-kawża prinċipali; minn G.M., waħda mill-konvenuti fil-kawża prinċipali; mill-Kummissjoni u mill-Gvern Pollakk, Belġjan, Grieg u Portugiż. In-NUC, G.M., il-Gvern Pollakk u Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-20 ta’ April 2016.

IV – Analiżi

A – Introduzzjoni

13.

F’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għal analiżi tal-kwistjoni preliminari dwar jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxix qabelxejn “regolament tekniku”.

14.

Jiena tal-fehma li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ma jikkostitwixxix “regolament tekniku”. Nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ rotot alternattivi li bihom hija tista’ tasal għal din il-konklużjoni.

15.

L-ewwel rotta hija din li ġejja: wara li jiġu deskritti l-kategoriji differenti ta’ “regolament tekniku” skont id-Direttiva 98/34 (Parti B) u tingħata ħarsa ġenerali ħafifa lejn il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (Parti C.1), qiegħed jiġi ssuġġerit li rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma humiex “regolamenti tekniċi” (Parti C.2). Sakemm ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jista’ jiġi sseparat mir-restrizzjoni marbuta mal-post, jidhirli li dan tal-ewwel ma huwiex “regolament tekniku” li jkun meħtieġ li jiġi nnotifikat anki jekk dan tal-aħħar ikun tali regolament li jkun jeħtieġ li jiġi nnotifikat (Parti C.3).

16.

It-tieni rotta (Parti E) tista’ forsi tieħu l-Qorti tal-Ġustizzja iktar ’il quddiem. Madankollu, fil-fehma tiegħi din ir-rotta hi ta’ min jeħodha. Din il-linja alternattiva ta’ argumentazzjoni tistieden lil-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid l-espansjoni dieħla dejjem bil-mod il-mod tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” għar-regolamentazzjoni ta’ servizzi b’mod ġenerali, u għal sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi b’mod partikolari. Jekk ma tkunx ikkontrollata din l-espansjoni aktarx li twassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ notifika ġenerali de facto anki fuq servizzi, bl-unika bażi għal din l-espansjoni tkun li regoli dwar servizzi aktarx li jkollhom xi impatt tanġenzjali fuq prodotti li jkunu qegħdin jintużaw sabiex jiġu pprovduti dawn is-servizzi. Fl-opinjoni tiegħi, tali evoluzzjoni hija problematika. Għandha tiġi evitata.

B – Il-kategoriji differenti ta “regolament tekniku

17.

Il-kunċett ta’ “regolament tekniku” skont l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri. Dawn il-kategoriji huma (i) “speċifikazzjoni[jiet] tekni[ċi]” kif iddefinita fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva, (ii) “ħtiġiet oħra”, kif iddefinita fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva u (iii) “dispożizzjonijiet […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, imsemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva. Barra dan, hemm ukoll (iv) ċerti regoli u restrizzjonijiet relatati mas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika ( 7 ), iżda li ma humiex rilevanti għal din il-kawża.

18.

Fir-rigward ta’ (i), ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, dan ma jaqax f’din il-kategorija minħabba li ma jsemmix prodotti użati fil-kuntest tal-logħob tal-azzard jew tal-ippakkjar tagħhom bħala tali u, għaldaqstant, “ma jistabbilixxix il-karatteristiċi tagħhom” ( 8 ).

19.

Fir-rigward ta’ (iii), sabiex taqa’ f’din il-kategorija, miżura nazzjonali għandu jkollha kamp ta’ applikazzjoni li jmur sew lil hinn minn limitazzjoni dwar ċerti użijiet possibbli tal-prodott inkwistjoni, u għandha tkun intenzjonata tkopri miżuri li ma jħallu spazju għal ebda użu li raġonevolment ikun jista’ jsir tal-prodott ħlief għal wieħed purament marġinali ( 9 ). Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Ma jipprojbixxix kompletament l-użu ta’ kull prodott iżda jissuġġetta l-użu tiegħu għal kundizzjonijiet minn qabel.

20.

Fir-rigward ta’ (ii), din il-kategorija tkopri, b’mod partikolari, miżuri li jkollhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi u li jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kategorija huwa inqas ċar u jiġi diskuss fid-dettall fil-parti li ġejja.

C – Il-kunċett ta “ħtiġiet oħra ” u sistemi ta ’ awtorizzazzjoni

1. Ġurisprudenza dwar “regolamenti tekniċi” fis-settur tal-logħob tal-azzard

21.

Hemm diversi kawżi li fihom din il-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 għas-settur tal-logħob tal-azzard: Lindberg ( 10 ), Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja ( 11 ), Fortuna ( 12 ), Berlington ( 13 ) u Ince ( 14 ). Dawn huma kollha rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”. Dawn ser jiġu deskritti fil-qosor hawn taħt.

a) Lindberg

22.

Il-Kawża Lindberg kienet tikkonċerna projbizzjoni fl-Isvezja tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-azzard bl-użu ta’ tipi speċifiċi ta’ magni tal-logħob [lyckohjulsspel (ir-rota tax-xorti)]. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi “ħtieġa oħra” jew miżura li “tipprojbixxi l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott” Sabiex tkun taqa’ fil-kategorija tal-aħħar il-projbizzjoni ma għandhiex “tħalli spazju għal ebda użu li raġonevolment ikun jista’ jsir tal-prodott ħlief għal wieħed purament marġinali”. Sabiex tikkostitwixxi “ħtieġa oħra” il-miżura jeħtieġ li tkun tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew it-tqegħid tiegħu fis-suq. Il-klassifikazzjoni tal-miżura tħalliet fl-aħħar nett għall-qorti nazzjonali. ( 15 )

23.

Fil-kawża Lindberg il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet ukoll tiddeċiedi jekk kinitx tagħmel differenza li l-projbizzjoni kienet issostitwiet ir-rekwiżit ta’ liċenzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kieku l-miżura nazzjonali kienet rekwiżit ta’ liċenzja minflok projbizzjoni, ma kinitx tikkostitwixxi “regolament tekniku”. Meta għamlet hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat mill-ġurisprudenza tagħha li skontha “dispożizzjonijiet nazzjonali li jistipulaw biss xi kondizzjonijiet għat-twaqqif ta’ impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi” ( 16 ).

b) Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja

24.

Is-suġġett ta’ din il-proċedura ta’ ksur kien liġi Griega li kienet timponi projbizzjoni wiesgħa ta’ logħob elettriku u elettroniku mhux f’każinos. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni kienet tammonta għal “regolament tekniku” ( 17 ). Għalkemm ma qalitx hekk espliċitament, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li qieset li l-miżura Griega kellha influwenza sinjifikattiva fit-tqegħid fis-suq u kienet tikkostitwixxi “ħtieġa oħra” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 ( 18 ). Dan isib sostenn mis-sentenza sussegwenti Berlington (ara iktar ’il quddiem) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li projbizzjoni fuq l-operazzjoni ta’ slot machines mhux f’każinos kienet tammonta għal “ħtieġa oħra”, filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja ( 19 ).

c) Fortuna et

25.

Il-Kawża Fortuna et kienet ukoll tikkonċerna l-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-azzard, l-istess liġi li tifforma s-suġġett ta’ din il-kawża. Fis-sentenza tagħha Fortuna et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restrizzjoni marbuta mal-post, inkluża fl-Artikolu 14(1) tal-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-azzard, li tippermetti li każinos tal-logħob biss jorganizzaw magni tal-logħob, tikkostitwixxi “regolament tekniku”. Għal darba oħra, għalkemm ma jingħadx hekk espliċitament, jidher li r-restrizzjoni marbuta mal-post kienet tqieset li kellha influwenza sinjifikattiva fuq it-tqegħid fis-suq u, għal din ir-raġuni, kienet tammonta għal “ħtieġa oħra” ( 20 ).

26.

Fortuna kienet ukoll tikkonċerna ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji fil-liġi dwar il-logħob tal-azzard. Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji bażikament kienu jimponu waqfien fir-rigward ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti sabiex jitkomplew attivitajiet relatati ma’ logħob tal-azzard fuq magni bi premjijiet żgħar (fi kliem ieħor kienu jipprojbixxu l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda jew l-estensjoni jew l-emenda ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji imponew kundizzjonijiet li setgħu jaffettwaw it-tqegħid fis-suq ta’ magni tal-logħob bi premjijiet żgħar. Bħala tali huma setgħu jikkostitwixxu “ħtiġiet oħra” tant li influwenzaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-magni. Analiżi ta’ din l-aħħar kundizzjoni tħalliet għall-qorti nazzjonali. Dan huwa f’kuntrast mar-restrizzjoni marbuta mal-post, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (impliċitament) dwar il-kunċett ta’ “influwenza sinjifikattiva” u ma ħallithiex għall-qorti nazzjonali.

d) Berlington et

27.

Berlington et kienet tikkonċerna żieda ta’ ħames darbiet f’taxxi li kienu japplikaw għal slot machines u projbizzjoni ta’ operazzjoni ta’ slot machines mhux f’każinos. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żieda fit-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi “regolament tekniku”de facto minħabba li ma kienet akkumpanjata minn ebda “speċifikazzjoni teknika” oħra jew “ħtieġa oħra” ( 21 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament ikkonfermat ukoll li r-restrizzjoni fuq l-organizzazzjoni ta’ ċertu logħob tal-azzard għal każinos “biss tikkostitwixxi ‘regolament tekniku’ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(11), sa fejn din tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti użati f’dan il-kuntest […] Issa, projbizzjoni li jiġu operati kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, bħal dik stabbilita mil-Liġi emendatorja tal-2012, tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-kaxxi […] billi tnaqqas il-kanali ta’ operat.” ( 22 )

e) Ince

29.

Il-Kawża Ince kienet tikkonċerna dispożizzjoni tat-Trattat tal-Istat Ġermaniż dwar il-logħob tal-azzard li kienet tirregola l-organizazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi. It-Trattat tal-Istat tqies li kellu ċerti dispożizzjonijiet li setgħu jiġu kkaratterizzati bħala “regoli dwar servizzi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34. Madankollu dispożizzjonijiet oħra fit-Trattat tal-Istat, bħal dawk “li jdaħħlu l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u l-ġbir ta’ mħatri sportivi”, ma kinux jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi”. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni l-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-formulazzjoni użata f’Lindberg dwar awtorizzazzjonijiet (ara l-punt 23).

2. Sistemi ta’ awtorizzazzjoni ma humiex “ħtiġiet oħra”

30.

Lindberg u Ince it-tnejn jistabbilixxu b’mod ċar li sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jikkostitwux “regolamenti tekniċi”. Għalhekk, a fortiori, huma ma jikkostitwixxux “ħtiġiet oħra” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34.

31.

L-oriġini ta’ din id-dikjarazzjoni jista’ fl-aħħar nett imur lura għas-sentenza CIA Security ( 23 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi jekk ir-rekwiżit fid-dritt Belġjan għal awtorizzazzjoni minn qabel sabiex topera ditta tas-sigurtà ( 24 ) kienx “regolament tekniku” skont id-Direttiva 83/189 ( 25 ), il-predeċessur tad-Direttiva 98/34. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx, minħabba li l-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” (il-qofol tad-defnizzjoni ta’ regolament tekniku skont id-Direttiva 83/189) ma japplikax għal dispożizzjonijiet “li jistabbilixxu kundizzjonijiet li jirregolaw it-twaqqif ta’ ditti tas-sigurtà” ( 26 ).

32.

Id-deċiżjoni f’CIA Security li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tikkostitwixxix “regolament tekniku” kienet applikata espliċitament minn dak iż-żmien lil hawn fil-kuntest tad-Direttiva 98/34 (bl-użu tal-kliem iċċitat fil-punt 23) ( 27 ). Huwa, għalhekk, manifestament rilevanti kif għandha tiġi interpretata “ħtiġiet oħra” skont id-Direttiva l-ġdida. Wara dan ser nagħmel riferiment għar-regola li teskludi sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “regolamenti tekniċi” bħala l-“eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA”.

33.

Fortuna et bla dubju xeħtet dubji dwar l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA. F’Fortuna et l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji fil-liġi dwar il-logħob tal-azzard setgħu jikkostitwixxu “ħtiġiet oħra”.

34.

Wieħed mill-argumenti magħmula mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet orali u bil-miktub tagħha kien li Fortuna ħassret l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA. Il-Kummissjoni tissottometti li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi “regolament tekniku” fid-dawl tas-sentenza Fortuna et ( 28 ).

35.

Jiena ma naqbilx. Ma nqisx li Fortuna et kienet intenzjonata sabiex tħassar l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA. Skont l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA, rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma humiex “regolamenti tekniċi”. Għall-kuntrarju, Fortuna et kienet tikkonċerna waqfien ta’ awtorizzazzjonijiet – fi kliem ieħor, kienu meħtieġa awtorizzazzjonijiet, iżda matul il-perijodu ta’ waqfien, ma kienu jingħataw xejn ( 29 ). Għaldaqstant tista’ ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni f’Fortuna u dik fil-kawża odjerna.

36.

Barra dan, il-fatt li Fortuna ma kinitx intenzjonata tixħet dubju dwar l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA huwa kkonfermat mis-sentenza suċċessiva Ince, li espliċitament applikat din l-eċċezzjoni ( 30 ).

37.

Fl-aħħar nett, bħala osservazzjoni iktar ġenerali, bosta jiddependi mill-kwalifika ta’ miżura bħala “regolament tekniku”. Jekk il-miżura ma tkunx “regolament tekniku” ma tkunx teħtieġ li tiġi nnotifikata. Jekk tkun, għandha tiġi nnotifikata, jew inkella ma tkunx iktar eżegwibbli. B’apoloġija għal-logħob bil-kliem dwar il-logħob tal-azzard, f’dan il-kuntest ta’ “interessi kbar”, l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA għandha l-mertu kbir li hija regola ċara u applikabbli faċilment. Ir-revoka tagħha u li l-issuġġettar tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni għal test dwar jekk ikollhomx “influwenza sinjifikattiva” fuq il-kompożizzjoni, in-natura jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodott, għandhom implikazzjonijiet kbar f’termini ta’ ċertezza legali. Fil-fehma tiegħi din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Fortuna et.

3. Applikazzjoni għal dan il-każ

38.

Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jistabbilixxi li “l-organizzazzjoni ta’ logħob tar-rulett, logħob tal-karti, logħob bid-dadi u magni tal-logħob teħtieġ liċenzja sabiex jopera każinò tal-logħob”. Kieku ma kienx hemm il-kliem “sabiex jopera każinò tal-logħob” f’din is-sentenza, jiena ma għandix dubju li l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA kienet tkun tapplika f’dan il-każ. Id-dispożizzjoni kienet taqa’ ’l barra mill-kunċetti ta’ “ħtieġa oħra” u ta’ “regolament tekniku” b’mod iktar ġenerali.

39.

Il-kliem deskrittiv u kwalifikattiv “sabiex jopera każinò tal-logħob” idardar l-ilma. Il-Kummissjoni tissottometti essenzjalment li dan il-kliem joħloq “rabta mill-qrib” bejn ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni marbuta mal-post. Minħabba li din tal-aħħar hija “regolament tekniku”, kif iddikjarat f’Fortuna, dak tal-ewwel għandu jkun hekk ukoll.

40.

Ma naqbilx għar-raġunijiet li ġejjin.

41.

L-ewwel nett, sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi tat-tip imsemmi hawnhekk sikwit ikollhom kundizzjonijiet u limitazzjonijiet sostantivi marbuta magħhom ( 31 ). Dawn il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet sostantivi jistgħu verament jammontaw għal “regolamenti tekniċi” u għandhom ikunu nnotifikati bħala tali. Madankollu ma nqisx li dawn il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet “iniġġsu” awtomatikament ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni nnifsu ( 32 ). Tabilħaqq, għall-kuntrarju, il-valur prattiku tal-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA jiġi ppreġudikat u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ notifika tad-Direttiva 98/34 ikun jista’ jespandi b’mod potenzjalment konsiderevoli. Kif imsemmi iktar ’il fuq, tali żvilupp jista’ jqajjem dubju dwar il-validità ta’ firxa ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi, u b’hekk tinħoloq inċertezza legali sinjifikattiva.

42.

It-tieni nett, kien ikkonfermat min-NUC fis-seduta li ma hemmx proċeduri separati sabiex jinkisbu awtorizzazzjoni jew “permess preliminari” skont l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard u sabiex tinkiseb liċenzja sabiex jopera każinò tal-logħob partikolari skont l-Artikolu 14(1) ta’ din il-Liġi. Madankollu, kien ukoll ikkonfermat min-NUC li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u tar-restrizzjoni marbuta mal-post ma humiex l-istess ħaġa. Ikun possibbli, pereżempju, jiġi kkonstatat ksur tar-restrizzjoni marbuta mal-post permezz ta’ awditjar ex post mingħajr ma tiġi awtomatikament irtirata l-awtorizzazzjoni tal-operatutur.

43.

Barra dan, fis-seduta, il-Gvern Pollakk iddikjara li r-restrizzjoni marbuta mal-post inkluża fl-Artikolu 14(1) bl-ebda mod ma għandha titqies bħala element tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Minflok, ir-restrizzjoni marbuta mal-post, flimkien mal-Kodiċi Kriminali, għandha l-għan li tissanzjona l-organizazzjoni tal-logħob tal-azzard, pereżempju, fi ħwienet tax-xorb jew f’restoranti.

44.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet jidhirli b’mod ċar li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni marbuta mal-post għandhom kamp ta’ applikazzjoni u funzjoni differenti, u t-tnejn ma jistgħux jiġu ttrattati sempliċement bħala “regolamenti tekniċi” minħabba li allegatament hemm “rabta mill-qrib” bejniethom.

45.

It-tielet nett, it-tħassib ewlieni tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni huwa li dan jagħmel riferiment espliċitament għar-restrizzjoni marbuta mal-post, bil-kliem “sabiex jopera każinò tal-logħob”. Madankollu ma huwiex ċar għalija jekk dan il-kliem ifissirx li hemm limitazzjonijiet ġeografiċi addizzjonali jew oħrajn fir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, li jmorru lil hinn mir-restrizzjoni marbuta mal-post. Fl-aħħar nett, din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li għandha titħalla għall-qorti nazzjonali ( 33 ). Mingħajr ma nipprova naqta’ x’tgħid din l-interpretazzjoni, kieku l-qorti nazzjonali kellha tikkonkludi li l-kliem “sabiex jopera każinò tal-logħob” ma jimponix limitazzjonijiet li jmorru lil hinn mir-restrizzjoni marbuta mal-post, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ma għandux jitqies li huwa “regolament tekniku”.

46.

L-għan tar-rekwiżit ta’ notifika tad-Direttiva 98/34 huwa “l-monitoraġġ preventiv għall-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija” ( 34 ), jiġifieri li jkun permess stħarriġ ex ante ta’ restrizzjonijiet potenzjali fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Ir-restrizzjoni marbuta mal-post fil-forma attwali tagħha kienet innotifikata u mistħarrġa. Notifika ta’ dispożizzjonijiet oħra li sempliċement jagħmlu riferiment għar-restrizzjoni marbuta mal-post, li jidher li huwa l-każ għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, ma jġibux ’il quddiem l-għan tad-Direttiva ( 35 ).

47.

B’analoġija, teżisti ġurisprudenza stabbilita li ma hemmx obbligu skont id-Direttiva 98/34 li tiġi nnotifikata miżura nazzjonali “li tirripproduċi jew tissostitwixxi, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġijiet oħra ġodda jew supplementari, regolamenti tekniċi eżistenti li […] ikunu ġew notifikati kif suppost” ( 36 ).

48.

Fil-qosor, il-fatt li l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard joħloq ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, iżda fl-istess waqt jagħmel riferiment għar-restrizzjoni marbuta mal-post, ma huwiex ta’ għajnuna. Madankollu, li minn hemm jiddaħħal ir-Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34, bl-implikazzjonijiet kollha li jġib miegħu, ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, ġustifikabbli.

D – Konklużjoni

49.

Fid-dawl ta’ dan iktar ’il fuq, u bla ħsara għall-interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali tar-rabta bejn l-Artikoli 6(1) u 14(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard, nipprevedi li regola nazzjonali, bħar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni pprovdut fl-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard, ma tkunx tikkostitwixxi “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34.

E – Approċċ alternattiv

50.

Minkejja dak li ntqal, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni marbuta mal-post ma jistgħux jiġu sseparati bil-mod li qiegħed nipproponi, jew li l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA għandha titqies mill-ġdid b’mod iktar ġenerali fid-dawl ta’ Fortuna, ikun jeħtieġ titqies b’mod iktar sħiħ id-definizzjoni ta’ “regolament tekniku” u speċifikatament ta’ “ħtiġiet oħra”.

1. Kritika ta’ “ħtiġiet oħra”

51.

Għandi dubji kbar dwar l-espansjoni tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” għal sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi, kif essenzjalment qiegħed jiġi propost f’din il-kawża. Ser nispjega t-tħassib tiegħi hawn taħt.

52.

L-ewwel nett, hemm riskju ta’ espansjoni eċċessiva u imprevedibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ notifika.

53.

Miżura tikkostitwixxi “ħtieġa oħra” jekk tkun “imposta fuq prodotti” u taffettwa l-“kundizzjonijiet ta’ użu” ta’ dawn il-prodotti b’mod li tkun tista’ “tinfluwenza b’mod sinjifikanti”“it-tqegħid fis-suq” tiegħu.

54.

Miżuri li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi dejjem ikollhom xi influwenza indiretta fuq oġġetti fis-suq. Il-provvista ta’ kull servizz tinvolvi l-użu ta’ prodotti f’xi waqt partikolari. Sewwieqa ta’ taxis jużaw karozzi, operaturi ta’ stazzjonijiet tar-radju jużaw tagħmir tal-ħoss, accountants jużaw calculators, u avukati jużaw inka, karta u kultant kotba tal-liġi. Barra dan, kulħadd juża kompjuters għal kważi kull xorta ta’ servizz ipprovdut illum. F’dawn il-każijiet kollha wieħed jista’ dejjem jargumenta li servizz partikolari li jkun suġġett għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jitnaqqaslu l-għadd ta’ dawk li jipprovdu servizzi, u b’hekk indirettament jitnaqqas l-għadd ta’ prodotti użati sabiex dawn jiġu pprovduti, u dan iħalli impatt fuq il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Fil-qosor, il-provvista ta’ kull servizz imsemmi iktar ’il fuq li tiġi suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel b’xi mod tanġenzjali tħalli impatt fuq il-konsum tal-prodotti użati.

55.

Dan ifisser li s-sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel f’dawn il-każijiet kollha jikkostitwixxu “ħtiġiet oħra” li jkunu notifikabbli? Ir-risposta, fil-fehma tiegħi, għandha manifestament tkun “le”. Fejn, allura, għandha tinqata’ l-linja?

56.

Intqal fis-seduta minn G.M. li l-bejgħ ta’ magni tal-logħob kien naqas sewwa minn mindu ddaħħal ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni.

57.

Madankollu, it-tifsira ta’ “ħtieġa oħra” ma tistax tiġi ridotta għal kwistjoni ta’ volum ta’ kummerċ. Dan huwa hekk l-ewwel u qabel kollox minħabba li d-definizzjoni ta’ “ħtieġa oħra” espliċitament tagħmel riferiment għal “tqegħid fis-suq” (mhux kummerċ) u tinkludi kundizzjonijiet, b’mod partikolari minħabba li l-miżuri jiġu “imposti fuq prodotti”. Huwa hekk ukoll minħabba li sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi dejjem jaffettwaw il-volum tal-kummerċ f’xi prodott. Rekwiżit ta’ notifika li jsir jiddependi minn analiżi ex ante dwar jekk il-miżura jkollhiex influwenza sinjifikattiva fuq il-kummerċ huwa, fil-fehma tiegħi, riċetta jew għal inċertezza legali eċċessiva dwar liema miżuri jkunu fil-fatt notifikabbli ( 37 ) jew sempliċement stedina għal notifika assolutament ta’ kollox lill-Kummissjoni ( 38 ). Wieħed ma għandu jħares imkien għajr fil-Kawża Fortuna nfisha għal prova ta’ din l-inċertezza legali. Din il-kawża wasslet għal għadd ta’ sentenzi nazzjonali konflinġenti dwar kif għandu jiġi applikat it-test ta’ “influwenza sinjifikattiva” ( 39 ).

58.

It-tieni nett, id-daqqa fuq l-effetti ta’ analiżi mhux korretta tal-obbligu ta’ notifika hija raġuni oħra sabiex iċ-ċertezza legali tkun fl-aqwa tagħha fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “regolament tekniku”. Dan huwa partikolarment il-każ minħabba l-“konsegwenzi diretti u gravi” ( 40 ) ta’ ċerti regoli li jistgħu ma jkunux eżegwibbli li jista’ jkun hemm fuq ir-relazzjonijiet bejn partijiet privati, jiġifieri entitajiet li fl-ewwel lok ma jkollhomx rabta man-nuqqas ta’ notifika. Is-sentenza CIA Security iċċitata iktar ’il fuq hija eżempju ta’ dan il-punt. Din il-kawża kienet tikkonċerna tilwima ċivili bejn żewġ partijiet privati. Il-fatt li waħda minn dawn il-partijiet ma tħallitx tinvoka għad-difiża tagħha “regolament tekniku” minħabba li ma kienx innotifikat materjalment affettwa r-riżultat ta’ din it-tilwima ( 41 ).

59.

It-tielet nett, minbarra l-impatt tagħha fuq relazzjonijiet fid-dritt privat, l-Istati Membri għandhom passat ikkaratterizzat b’ nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri u dan in-nuqqas kien ġie invokat f’ċirkustanzi pjuttost mhux mistennija, mingħajr ebda rabta rikonoxxibbli mal-portata oriġinali ta’ applikazzjoni tal-miżura nazzjonali kkonċernata. Pereżempju, nuqqas ta’ notifika ta’ miżura kien invokat sabiex tiġi evitata responsabbiltà kriminali ( 42 ).

60.

Iż-żewġ konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ notifika deskritti fil-qosor iktar ’il fuq ma kinux, mingħajr ma wieħed jesaġera, popolari b’mod universali ( 43 ). L-espansjoni tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” sabiex jiġu inklużi rekwiżiti li jiffokaw l-iktar fuq servizzi (u mhux oġġetti fis-suq), partikolarment sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u rekwiżiti marbuta mal-post ( 44 ), aktarx li żżid biss sabiex iseħħu tali xenarji.

61.

Ir-raba’ nett, fit-tmenijijiet il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha każ gravi ta’ “espansjoni sottili tal-moviment liberu”. Quddiem il-qrati nazzjonali kienet sottomessa kull xorta ta’ miżura nazzjonali li tirregola l-mod li bih prodotti kienu jitqiegħdu fis-suq bħala li jkollha impatt fuq il-kummerċ. Fir-realtà, ħafna mill-miżuri nazzjonali kkonċernati ma kinux intenzjonati jirregolaw l-oġġetti fis-suq infushom iżda pjuttost il-mod li bih kienu jitqiegħdu fis-suq ( 45 ). Parti mir-risposta ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja għal tali każijiet kienet Keck ( 46 ).

62.

Nara l-istess xejra fil-każijiet li jikkonċernaw id-Direttiva 98/34. Sabiex tiġi evitata “espansjoni tan-notifika” fil-kuntest tad-Direttiva 98/34, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “ħtiġiet oħra” ma għandux jitħalla jespandi mingħajr kontroll għal ġol-qasam tas-servizzi bbażat fuq il-fatt li miżuri nazzjonali relatati mal-provvista ta’ servizzi jista’ jkollhom effetti indiretti fuq il-kummerċ fi prodotti.

63.

Ma hemmx dubju li hemm differenzi bejn “espansjoni sottili tal-moviment liberu” skont it-TFUE u “espansjoni tan-notifika” skont id-Direttiva 98/34. Notevolment, skont id-Direttiva 98/34, sabiex tiġi kkostitwita “ħtieġa oħra” notifikabbli, miżura għandha tkun jista’ jkollha influwenza sinjifikattiva fuq it-tqegħid fis-suq. Dan huwa kuntrarju għan-nuqqas ta’ kull limitu de minimis fil-kuntest tal-Artikolu 34 TFUE ( 47 ).

64.

Madankollu, “influwenza sinjifikattiva” huwa terminu li jista’ jiġġebbed ħafna, li joħloq problemi addizzjonali minflok joffri soluzzjonijiet konkreti. Hemm żewġ tipi ta’ problemi li jispikkaw b’mod partikolari: kunċettwali u operazzjonali.

65.

Kunċettwalment, id-deċiżjoni dwar jekk dispożizzjoni legali nazzjonali għandhiex tiġi nnotifikata jew le loġikament għandha tittieħed meta din id-deċiżjoni tkun qiegħda tiġi abbozzata. Jista’ jkun diffiċli jitbassar f’dak il-waqt jekk ikunx ser ikollha “influwenza sinjifikattiva” jew le fuq tqegħid fis-suq. Għalhekk fil-fehma tiegħi, l-analiżi jekk dispożizzjoni jkollhiex ċerti karatteristiċi li jkunu jfissru li jkollha tiġi nnotifikata, għandha tkun ibbażata primarjament fuq analiżi tal-kwalità normattiva tad-dispożizzjoni. Għandu jkun possibbli, fil-każijiet kważi kollha, li tiġi analizzata l-eżistenza ta’ tali karatteristiċi ex ante u indipendentement mill-operazzjoni futura u ipotetika tad-dispożizzjoni.

66.

Ma’ dan l-element kunċettwali torbot il-problema operazzjonali jew funzjonali. F’termini prattiċi, ikun diffiċli għal qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha talba bbażata fuq nuqqas ta’ notifika, tanalizza raġonevolment “influwenza sinjifikattiva” b’mod oġġettiv u bi grad aċċettabbli ta’ konfidenza. L-eżistenza ta’ data kwantitattiva u affidabbli relatata mal-miżura nazzjonali rilevanti ma hijiex assoluta, u anki meta jkun hemm data kwantitattiva, il-limitu ta’ influwenza “sinjifikattiva” jibqa’ elusiv ( 48 ). Tbassir dwar l-evoluzzjoni fil-ġejjieni tal-miżura nazzjonali rilevanti jew approċċi bbażati fuq l-intuwizzjoni malajr jeħduna fl-oqsma l-iktar l-iktar ta’ ipotesi u, l-agħar, li noqogħdu nħarsu fiss fi globu tal-kristall. L-istampa hija iktar ikkumplikata, l-ewwel nett minħabba l-possibbiltà li miżura ssir notifikabbli minħabba evoluzzjoni f’xejriet ta’ kummerċ u. it-tieni nett, minħabba l-fatt li regoli simili notifikabbli aktarx li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor abbażi ta’ xejriet differenti fil-kummerċ għall-prodott ikkonċernat f’livell nazzjonali ( 49 ).

67.

Fill-ħames u l-aħħar nett, hemm differenza sinjifikattiva oħra bejn l-obbligu ta’ notifika skont id-Direttiva 98/34 u skont l-Artikoli 34 u 36 TFUE, li turi li hemm il-ħtieġa ta’ iktar kawtela meta tiġi ttrattata din tal-ewwel: skont id-Direttiva, ladarba miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala “ħtieġa oħra”, ma jkun hemm possibbiltà ta’ ebda ġustifikazzjoni. Ma jsir ebda eżerċizzju ta’ bilanċ. Jekk il-miżura ma tkunx ġiet innotifikata, sempliċement ma tkunx eżegwibbli. Dan huwa f’kuntrast mas-sitwazzjoni skont l-Artikoli 34 u 36 TFUE fejn restrizzjonijiet għal moviment liberu jistgħu għall-inqas potenzjalment ikunu ġustifikabbli ( 50 ).

68.

Il-konsegwenzi iktar ħorox u awtomatiċi ta’ nuqqas ta’ notifika skont id-Direttiva għandhom jirrenduna doppjament riluttanti fir-rigward tal-interpretazzjoni espansiva tal-kunċett ta’ “ħtieġa oħra”. Tali interpretazzjoni espansiva tista’ twassal ukoll għal sitwazzjoni pjuttost paradossali fejn miżuri li jitqiesu li jaqgħu għalkollox ’il barra mill-Artikolu 34 TFUE madankollu jkunu notifikabbli u ma jkunux applikabbli minħabba nuqqas ta’ notifika ( 51 ).

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-kawża tista’ tkun il-mument opportun sabiex titqies mill-ġdid it-tifsira ta’ “ħtiġiet oħra” skont id-Direttiva 98/34 fil-kuntest ta’ miżuri li jirregolaw is-servizzi, li jistgħu jkollhom impatt fuq oġġetti fis-suq.

2. Approċċ propost għall-interpretazzjoni ta’ “ħtiġiet oħra”

a) Test, sistema u għan

70.

Il-punt tat-tluq u l-kunsiderazzjoni ewlenija fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” f’dan il-kuntest huma li d-Direttiva 98/34 tiffoka ħafna fuq miżuri relatati ma’ oġġetti fis-suq u fuq il-moviment ħieles tal-merkanzija, mhux servizzi.

71.

Il-predeċessur tagħha, id-Direttiva 83/189, ipprovdiet għal obbligu ta’ notifika ta’ abbozzi ta’ “regolamenti tekniċi” relatati ma’ prodotti biss. Tabilħaqq, anki llum, l-uniċi tipi ta’ “regolamenti tekniċi” li jirrelataw speċifikatament ma’ servizzi u li huma notifikabbli skont id-Direttiva 98/34, huma s-servizzi tas-soċjeta tal-informatika ( 52 ). Għalhekk, tipi oħra ta’ servizzi jistgħu jinftiehmu li jkunu, sistematikament, esklużi mill-portata ta’ applikazzjoni tagħha. Jew, b’mod iktar preċiż, jistgħu jinġiebu tipi oħra ta’ servizzi fil-portata tad-Direttiva 98/34 b’mod indirett u residwali biss, b’riżultat tal-impatt tagħhom fuq oġġetti fis-suq.

72.

Dan il-fokus fuq oġġetti fis-suq huwa kkonfermat minn interpretazzjoni ddettaljata, testwali u sistemika tad-Direttiva 98/34.

73.

L-Artikolu 1(4) jintroduċi “ħtiġiet oħra” bħala ħtieġa “imposta fuq prodott”. Din il-ħtieġa għandha “taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja [tal-prodott]”. Eżempji mogħtija fit-test tal-Artikolu 1(4) jinkludu “kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi” tal-prodott, meta dawn ikunu jistgħu jinfluwenza b’mod sinjifikattiv “[i]l-“kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq”. Għalhekk il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jgħajjat “prodott, prodott, prodott!”

74.

B’mod partikolari, skont id-definizzjoni, “ħtiġiet oħra” għandha tiġi “imposta fuq prodott[i]”, mhux fuq servizzi li jużaw dawn il-prodotti. Huwa korrett li regola imposta fuq servizzi jista’ jkollha impatt sinjifikattiv fuq l-użu ta’ oġġetti fis-suq relatati. Madankollu, il-kwistjoni ta’ “influwenza sinjifikattiva” fuq prodotti hija ttrattata fir-rigward ta’ kundizzjoni separata u addizzjonali li hemm fid-definizzjoni ta’ “ħtieġa oħra”. Il-qari tal-kliem “imposta fuq prodotti” minflok ma jgħid “direttament jew indirettament imposta fuq prodotti”, huwa ekwivalenti għal li ma jingħatax kas tal-kliem “imposta fuq prodotti” ( 53 ).

75.

Il-prodotti tant huma ċentrali fil-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” li dan huwa kkonfermat mir-referimenti ta’ spiss għall-ħtieġa ta’ miżuri li b’xi mod ikollhom impatt fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott (jiġifieri l-kompożizzjoni u n-natura, kif jintrema jew kif jiġi rriċiklat).

76.

Huwa minnu li l-frażi “tqegħid fis-suq” tista’ teoretikament tinqara bħala li timplika interpretazzjoni usa’ tad-dispożizzjoni, pereżempju, meta l-miżura jkollha impatt kwantitattiv fuq bejgħ biss, u l-prodott innifsu jibqa’ xorta oħra ma jintlaqatx. Madankollu, abbażi ta’ interpretazzjoni iktar sistemika tad-definizzjoni kollha ta’ “ħtiġiet oħra”, fil-kuntest tad-Direttiva kollha kemm hi, dan ma huwiex il-każ. Il-frażi “tqegħid fis-suq” ma tistax tinqara bħala stedina libera sabiex tiddeffes fil-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” kull xorta ta’ regolamenti li jkollhom x’jaqsmu primarjament mal-provvista ta’ servizzi, li normalment jużaw prodotti minkejja l-kliem tal-erba’ linji preċedenti tad-definizzjoni.

77.

Fil-fehma tiegħi, ir-riferiment għal “tqegħid fis-suq” tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34 għandu jkun interpretat, skont il-bqija tad-definizzjoni u t-test tad-Direttiva kollha kemm hi, bħala riferiment għal miżuri relatati mat-tqegħid fis-suq li potenzjalment ikollhom impatt fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott, bħat-twaħħil ta’ tikketti jew il-preżentazzjoni. Dan huwa kuntrarju għal miżuri oħra li potenzjalment jaffettwaw il-kummerċ fil-prodott, pereżempju regoli relatati ma’ kundizzjonijiet ta’ bejgħ ( 54 ).

78.

Kif indika l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni, li huwa mehmuż mal-proposta tagħha għad-Direttiva 94/10, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 83/189 għamlitha possibbli li jiġu inklużi regoli li “jista’ jkollhom effett fuq il-prodott u li jkunu jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq” ( 55 ). Il-frażi “effett fuq il-prodott” terġa’ hawnhekk tirrifletti kemm il-prodott huwa ċentrali għall-kunċett ta’ “regolament tekniku”, u r-rekwiżit li l-miżura ma taffettwax biss il-bejgħ, iżda wkoll il-prodott innifsu. Barra dan, il-frażi “distorsjoni fis-suq” hija, fil-fehma tiegħi, interpretatata b’mod naturali bħala li tirreferi għal tħassib dwar diskriminazzjoni bejn oġġetti fis-suq f’kompetizzjoni, kuntrarju għal restrizzjonijiet għal aċċess għas-suq. Għaldaqstant, il-proposta oriġinal tal-Kummissjoni li tintroduċi il-kliem rilevanti issostni l-interpretazzjoni ta’ iktar “fokus fuq il-prodott” tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” propost hawnhekk li tirrikjedi xi għamla ta’ “riperkussjoni” jew “reazzjoni” fuq il-karatteristiċi tal-prodott innifsu.

b) Ċentru ta’ gravità u eċċezzjonijiet għal projbizzjonijiet u għall-impatt fuq il-prodotti

79.

Fid-dawl ta’ dan iktar ’il fuq nipproponi l-approċċ li ġej iffokat fuq iċ-ċentru tal-gravità tal-miżura nazzjonali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” skont id-Direttiva 98/34, bla ħsara għal eċċezzjonijiet limitati. Dan l-approċċ jiżvolġi fi tliet stadji seċċessivi.

80.

L-ewwel nett, miżuri nazzjonali primarjament “imposti fuq prodotti” huma “ħtiġiet oħra” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4), sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni.

81.

It-tieni nett, għall-kuntrarju, miżuri nazzjonali primarjament imposti fuq servizzi (jew stabbiliment) ma jaqgħux, fil-prinċipju, fil-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-mod kif prodotti jitqiegħdu fis-suq jew kif jintużaw minn fornituri ta’ servizz. Dawn jinkludu, pereżempju, (i) rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u kriterji oħra ta’ eliġibbiltà għal stabbiliment jew provvista ta’ servizzi ( 56 ), (ii) restrizzjonijiet dwar minn fejn jingħataw servizzi ( 57 ) u (iii) reklamar ta’servizzi ( 58 ).

82.

Madankollu, it-tielet nett, regoli nazzjonali li, prima facie, jiġu imposti fuq servizzi jistgħu (jerġgħu) jaqgħu fil-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”f’ċirkustanzi speċifiċi u sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 1(4), l-iktar meta:

il-miżura nazzjonali tkun tinvolvi projbizzjoni totali għal servizz u dan jirriżulta fi prodott speċifiku ma jiġi użat xejn jew meta l-prodott jintuża biss marġinalment f’kuntesti oħra ( 59 ); jew

il-miżura nazzjonali relatata primarjament mal-provvista ta’ servizzi neċessarjament taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott b’mod li jkollha impatt fuq il-karatteristiċi fiżiċi tiegħu (pereżempju, restrizzjonijiet għall-użu ta’ prodott fl-għoti ta’ servizz li neċessarjament jimplikaw rekwiżit li tinbidel il-kompożizzjoni, it-twaħħil ta’ tikketti jew il-preżentazzjoni ta’ prodott). F’każijiet bħal dawn manifestament ikun hemm riperkussjoni jew reazzjoni fuq il-prodott innifsu ( 60 ).

83.

Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali massima u jkun hemm sitwazzjonijiet mill-inqas fejn awtoritajiet u qrati nazzjonali jkun jeħtiġilhom jiddeċiedu jekk miżura nazzjonali għandhiex tiġi nnotifikata abbażi tal-kunċett pjuttost elużiv ta’ “influwenza sinjifikattiva dwar tqegħid fis-suq”, l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA għandha tiġi kkonfermata b’mod ċar. Fi kliem ieħor, sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jammontawx għal “regolamenti tekniċi”, sakemm ma jaqgħux f’waħda mis-sitwazzjonijiet speċifiċi deskritti fil-qosor fil-paragrafu 82 iktar ’il fuq.

84.

L-approċċ propost hawnhekk jirrikonoxxi li miżuri nazzjonali imposti għall-provvista ta’ servizzi jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija u jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk iż-żewġ libertajiet ( 61 ) (sakemm il-waħda ma tkunx anċillari għall-oħra) ( 62 ). Madankollu, huwa jirrifletti wkoll l-aspetti testwali, sistemiċi u intenzjonali tal-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” tal-Artikolu 1(4) li jikkonfermaw il-fokus ċar tiegħu fuq prodotti (l-iktar ir-rekwiżit fit-test innifsu li l-miżura tkun “imposta fuq prodotti”). Iċ-ċentru tal-gravità, flimkien mal-approċċ ta’ eċċezzjonijiet limitati, għandu wkoll il-vantaġġ li jtejjeb iċ-ċertezza legali. Dan huwa element importanti ħafna fid-dawl tal-konsegwenzi gravi ta’ nuqqas ta’ notifika.

3. Applikazzjoni għal dan il-każ

85.

Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ma huwiex impost fuq prodotti ( 63 ). Fil-prinċipju ma jikkostitwix “ħtieġa oħra”. L-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA ssostni din il-konklużjoni.

86.

Ir-riferiment għar-restrizzjoni tal-lokalità probabbli jista’ jitqies bħala li jibdel in-natura tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Jista’, għalhekk, jippermetti l-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-paragrafu 82. Madankollu, ebda waħda miċ-ċirkustanzi speċifiċi deskritti fil-qosor f’dan il-paragrafu, li tista’ tiġġustifika t-tħassir tal-konklużjoni prima facie bbażata fuq iċ-ċentru tal-gravità tal-miżura nazzjonali, ma tidher li tapplika. Il-konklużjoni aħħarija dwar dan hija għall-qorti nazzjonali li tivverifika. Madankollu fuq il-fatti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jidher li ma għandux impatt visibbli fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti kkonċernati.

4. Konklużjoni

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, ma nqisx li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi “ħtieġa oħra” jew b’mod iktar ġenerali “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34.

V – Konklużjoni

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, nirrakkomanda li bħala risposta għad-domandi tas-Sąd Okręgowy w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li regola nazzjonali, bħar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni pprovdut fl-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard, ma tikkostitwixxix “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż

( 2 ) Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337). Il-kliem “u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika” ġew miżjuda fit-titolu tad-Direttiva permezz tad-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).

( 3 ) Dz. U. tal-2009, Nru°201, Att 1540.

( 4 ) Kif kienet tapplika fiż-żmien rilevanti. It-test ta’ din id-dispożizzjoni minn dak iż-żmien lil hawn kien ġie mmodifikat.

( 5 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495).

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246).

( 7 ) Servizzi tas-soċjetà tal-informatika huma l-uniċi tipi ta’ servizzi li direttament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 [iddefiniti fl-Artikolu 1(2), (5) u (11) tagħha].

( 8 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246, punti 5960); u sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 29).

( 9 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 77).

( 10 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246).

( 11 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, EU:C:2006:673).

( 12 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495).

( 13 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386).

( 14 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72).

( 15 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246, punti 7778).

( 16 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246, punti 8788).

( 17 ) Fit-talbiet tagħha f’din il-kawża, il-Greċja ma kkontestatx li l-miżura kienet “regolament tekniku” mhux innotifikat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza Lindberg b’mod ġenerali bħala awtorità għall-konklużjoni tagħha li l-miżura kienet tammonta għal “rekwiżit tekniku”: Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, EU:C:2006:673, punt 61).

( 18 ) Kuntrarju għal projbizzjoni definittiva ta’ użu. Madankollu l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni f’din il-kawża jimplikaw li l-Kummissjoni kienet qieset li l-miżura kienet projbizzjoni ta’ użu.

( 19 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-65/05, EU:C:2006:673). Barra dan, il-possibbiltà li l-logħob jiġi organizzat f’ċerti postijiet tidher li tikkostitwixxi iktar minn sempliċement “użu marġinali”, u, għalhekk, ma tammontax għal projbizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34. Ara f’dan ir-rigward il-punt 19 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Lindberg (C‑267/03, EU:C:2004:819, punti 63 sa 65) li jagħtu l-eżempju ta’ magna tal-logħob li tintuża bħala waqqafa tal-bieb bħala “użu marġinali”.

( 20 ) Ara iktar ’il fuq in-noti ta’ qiegħ il-paġna 18 u 19 u t-test li jakkumpanjahom.

( 21 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 93 sa 97).

( 22 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 9899).

( 23 ) Sentenza tat-30 ta’ April 1996CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172).

( 24 ) Il-kliem tar-rekwiżit huwa dan li ġej: “Persuni biss b’awtorizzazzjoni minn qabel mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni jistgħu joperaw ditta tas-sigurtà. L-approvazzjoni hija mogħtija biss jekk l-impriża tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi u l-kundizzjonijiet dwar il-mezzi finanzjarji u apparat tekniku, stabbiliti bid-Digriet Irjali[…]”.

( 25 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tippreskrivi proċedura għall-għoti ta’ tagħrif fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi (ĠU L 109, p. 8).

( 26 ) Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2001van der Burg (C‑278/99, EU:C:2001:143, punt 20), li ddeċidiet li “metodi ta’ tqegħid fis-suq” (pereżempju regoli dwar reklamar) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “regolament teknika”.

( 27 ) L-ewwel nett, fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 45).

( 28 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, speċifikatament il-punti 36 et seq).

( 29 ) Jew kienu jiġu estiżi jew emendati.

( 30 ) Il-punt 76 tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72) jaqra hekk: “[…] id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew il-ġbir ta’ mħatri sportivi kif ukoll l-impossibbiltà li tinħareġ tali awtorizzazzjoni lil operaturi privati, huma ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” […] dispożizzjonijiet nazzjonali li kulma jagħmlu huwa li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, ma humiex regolamenti tekniċi fis-sens ta din id-dispożizzjoni.”

( 31 ) Pereżempju, f’dan il-każ, l-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar Il-Logħob tal-Azzard jimponi limiti fuq l-għadd ta’ każinos li jistgħu jinfetħu f’żona partikolari inkonnessjoni mal-għadd ta’ abitanti.

( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001van der Burg (C‑278/99, EU:C:2001:143, punt 21). Din il-kawża kienet tikkonċerna projbizzjoni ta’ reklamar ta’ tagħmir għar-radjijiet li ma kienx jissodisfa ċerti speċifikazzjonijiet u li ma kienx irċieva approvazzjoni minn qabel. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ “relazzjoni diretta” bejn il-projbizzjoni u r-rekwiżiti tekniċi li t-tagħmir għar-radjijiet kellu jissodisfa ma kinitx biżżejjed sabiex il-projbizzjoni tinġieb fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

( 33 ) Nifhem li hemm ġurisprudenza nazzjonali sinjifikattiva f’dan il-qasam li tista’ tikkjarifika r-relazzjoni bejn l-Artikoli 6(1) u 14(1) tal-Liġi dwar Logħob tal-Azzard. Stħarriġ ta’ dan il-korp ma huwiex xogħol ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, u dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq is-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet f’din il-kawża.

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997Bic Benelux (C‑13/96, EU:C:1997:173, punt 19); u tas-6 ta’ Ġunju 2002Sapod Audic (C‑159/00, EU:C:2002:343, punt 34). Ara wkoll il-premessi 2 sa 7 tad-Direttiva 98/34.

( 35 ) L-eżistenza ta’ relazzjonijiet u rabtiet bejn dispożizzjonijiet differenti f’liġijiet nazzjonali hija ħaġa komuni, u sikwit ma jkunx possibbli tifhem dispożizzjonijiet iżolati mingħajr ma jinqraw fil-kuntest tat-test leġiżlattiv sħiħ. Huwa għal din ir-raġuni li abbozzi ta’ regolamenti tekniċi għandhom jiġu nnotifikati mal-abbozz tal-istrument leġiżlattiv fl-intier tiegħu [sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C 279/94, EU:C:1997:396, punti 39 sa 41)]. Madankollu, din l-interkonnettività ma tittrasformax dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra f’regolamenti tekniċi.

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 1999Colim (C‑33/97, EU:C:1999:274, punt 22); fil-qasam tal-ligi dwar logħob tal-azzard, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Lindberg (C 267/03, EU:C:2004:819, punt 46).

( 37 ) Kif innotat mill-Avukat Generali Jacobs, “kull bżonn għal evalwazzjoni minn qabel ta’ l-effett ta’miżura jagħmilha inqas faċli li jiġi ddeterminat liema miżuri huma kkonċernati” [ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Lindberg (C‑267/03, EU:C:2004:819, fil-punt 35)]. Sikwit ikun hemm tħassib simili fil-kuntest tal-Artikolu 34 TFUE u dwar l-użu ta’ “test ta’ aċċess għas-suq” sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. Ara, pereżempju, Gormley, L,“Two years after Keck”, Fordham International Law Journal, Nru 19, 1996, pġ. 882 sa 883; u Snell, J.,“The notion of market access: a concept or a slogan”, Common Market Law Review, (Vol. 47, 2010, pġ. 437 sa pġ. 459).

( 38 ) Il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li għall-inqas dan l-aħħar xenarju ma kienx mixtieq.

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza ta’ Wojewódzki Sąd Administracyjny, Gdańsk (qorti reġjonali amministrattiva ta’ Gdansk) tad-19 ta’ November 2012 (III SA/Gd 546/12), li tistabbilixxi li l-Artikoli 129, 135 u 138 tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard (id-dipożizzjoniijet ta’ tranżizzjoni imsemmija fil-Kawża Fortuna et) huma regolamenti tekniċi peress li jinfluwenza b’mod sinjifikattiv in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti rilevanti (magni tal-logħob bi premjijiet żgħar). Din id-deċiżjoni inbidlet min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema) bis-sentenza tal-5 ta’ November 2015 (II GSK 1632/15) abbażi tal-fatt li d-dispożizzjoni ta’ tranżizzjoni ma biddlitx is-sitwazzjoni legali tal-partijiet (fejn sostniet ukoll li l-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard ma kienx jikkostitwixxi regolament tekniku); Ara s-sentenza Wojewódzki Sąd Administracyjny, Szczecin (qorti reġjonali amministrattiva ta’ Szczecin) tad-9 ta’ Ottubru 2015 (II SA/Sz 396/15), li ddeċidiet li l-Artikolu 135 tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard ma hijiex regolament tekniku. Wojewódzki Sąd Administracyjny, Wrocław (qorti reġjonali amministrattiva ta’ Wrocław) tal-4 ta’ Ottubru 2013 (III SA/Wr 373/13), li ġiet ikkonfermata fil-kawża II GSK 181/14 tal-25 ta’Novembru 2015.

( 40 ) Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Sapod Audic (C‑159/00, EU:C:2002:25, punt 47).

( 41 ) Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002Sapod Audic (C‑159/00, EU:C:2002:343); u s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496).

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998Lemmens (C‑226/97, EU:C:1998:296). F’din il-kawża kien sottomess li minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ regolamenti tekniċi b’rabta ma’ breathalysers provi sfaw inammissibbli f’kawża kriminali dwar sewqan taħt l-influwenza tax-xorb.

( 43 ) Michael Dougan, “Case C-390/99, Canal Satélite Digital; Case C‑159/00, Sapod Audic vs Eco-Emballages” Nru 40, 2003, CMLRev, pp. 193 sa 218; Weatherill S., “A Case Study in Judicial Activism in the 1990s: The Status before National Courts of Measures Wrongfully Un-notified to the Commission” in Judicial Review in EU Law, (eds. O’Keeffe D. and Bavasso A.), Kluwer Law International, The Netherlands, 2000, p. 481.

( 44 ) Il-provvista ta’ ħafna servizzi tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ lokalità, pereżempju, servizzi ta’ taxi (li jistgħu jinkludu limitazzjonijiet għal żoni jew lokalitajiet speċifiċi bħal ajruporti), spiżeriji u ħafna oħrajn.

( 45 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1989B & Q (C‑145/88, EU:C:1989:593); is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981Oebel (155/80, EU:C:1981:177); is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985Cinéthèque et (60/84 and 61/84, EU:C:1985:329).

( 46 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).

( 47 ) Sentenza tal-5 ta’ April 1984van de Haar u Kaveka De Meern (177/82 and 178/82, EU:C:1984:144, punti 12 sa 14); sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799). Għalkemm xi sentenzi jagħtu ħjiel li tali limitu jiddaħħal mit-tieqa, ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ April 2009 Il‑Kummissjoni vs L-Italja, (C‑518/06, EU:C:2009:270, punti 66 sa 70).

( 48 ) Pereżempju, tnaqqis stmat ta’ 10 % fil-volum ta’ bejgħ ikun biżżejjed? (Dan kien it-tnaqqis stmat li rriżulta mir-regoli tar-Renju Unit dwar kummerċ fil-jum tal-Ħadd – ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1989B & Q [C‑145/88, EU:C:1989:593, punt 7)].

( 49 ) Ara tħassib simili b’rabta mal-Artikolu 34 TFUE: Snell,“The notion of market access: a concept or a slogan”, 2010, Common Market Law Review, pġ. 437 sa 472 f’p. 459.

( 50 ) Tabilħaqq, essenzjalment huwa li ma jista’ jsir ebda eżerċizzju ta’ ġustifikazzjoni jew bilanċ skont id-Direttiva 98/34 (kuntrarju għall-Artikoli 34 u 36 TFUE) li ġiegħel issir din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 51 ) Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li restrizzjonijiet fuq il-lokalitajiet minn fejn prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu tqiesu li setgħu ma jkunux skont l-Artikolu 34 TFUE (ara, pereżempju, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, Banchero u TK-Heimdienst [sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑391/92, EU:C:1995:199, fil-punti 11 sa 15 (projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ ħalib ipproċessat għat-trabi ħlief minn spiżeriji tqieset li kienet tirrestrinġi l-volum tal-kummerċ iżda li ma kinitx taqa’ fir-regoli dwar il-moviment liberu tat-Trattat; is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995Banchero, C‑387/93, EU:C:1995:439, punt 44 (limitazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk lil ħwienet illiċenzjati li ma żżommx l-aċċess jew tfixkel l-aċċess għal prodotti importati iktar milli għal prodotti domestiċi ma taqax fir-regoli dwar il-moviment liberu tat-Trattat); u s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000TK-Heimdienst, C‑254/98, EU:C:2000:12 (limitazzjoni ta’ żoni ġeografiċi fejn jaħdmu furnara, bejjiegħa tal-laħam u ħwienet tal-merċa tqieset li kienet ċertu arranġament għal bejgħ iżda li kienet skont ir-regoli tal-moviment liberu minħabba impatt ikbar fuq prodotti importati).

( 52 ) It-test oriġinali tad-Direttiva ma kien fih ebda riferimenti għal servizzi bl-eċċezzjoni tal-premessa 2, li wkoll tagħmilha ċara li d-Direttiva hija ffokata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija (“Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; billi, għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-Komunità”).

( 53 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Lindberg (C‑267/03, EU:C:2004:819, punti 54 sa 59).

( 54 ) Ara, b’analoġija, l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:63, punti 87 sa 94), li kkonkludew li terminu kuntrattwali impliċitu li prodotti għandhom ikunu ta’ kwalità kummerċjali ma kienx jaqa’ taħt id-definizzjoni ta' “regolament tekniku”. Ara wkoll iktar ’il fuq, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 26 u 32 dwar restrizzjonijiet għal reklamar.

( 55 ) COM (92) 491 finali, punt 18. Id-Direttiva 94/10 introduċiet id-definizzjoni ta’ “ħtiġiet oħra”. Ara d-Direttiva 94/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1994 li materjalment emendat għat-tieni darba d-Direttiva 83/189/KEE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU, L 100, p. 30).

( 56 ) Li jirriflettu l-eċċezzjoni ta’ awtorizzazzjoni CIA (pereżempju, liċenzjar ta’ sewwieqa ta’ taxis).

( 57 ) Kif irrikonoxxut f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati ma’ ċerti arranġamenti ta’ bejgħ (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 51). Eżempji jinkludu restrizzjoni għall-bejgħ ta’ ċerti prodotti lil spiżeriji jew lil operaturi ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-azzard f’każinos.

( 58 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001van der Burg (C‑278/99, EU:C:2001:143), fejn regoli dwar metodi ta’ tqegħid fis-suq tqiesu li ma jikkostitwux regolamenti tekniċi.

( 59 ) Każijiet bħal dawn, wara kollox, normalment jaqgħu fil-kunċett ta’ projbizzjoni totali skont l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

( 60 ) Nisħaq li t-tipi ta’ miżura previsti hawnhekk huma “imposti fuq servizzi” u mhux fuq prodotti. Għal din ir-raġuni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet, dawn ma jaqgħux fil-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34 minkejja l-impatt tagħhom fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti. Ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2005Lindberg (C‑267/03, EU:C:2005:246, b’mod partikolari l-punt 59).

( 61 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003Anomar et (C‑6/01, EU:C:2003:446, punt 55).

( 62 ) Jiġifieri, sakemm l-element tal-aspetti ta’ prodotti jkun purament aċċessorju għall-element ta’ servizzi jew viċi-versa. Ara dwar dan is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 78 et seq); is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 1994Schindler (C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 24); u s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34, punti 29 sa 32).

( 63 ) Minħabba li jimponi restrizzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-azzard, mhux fuq il-prodotti użati fl-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob.