KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

Kawża C‑191/15

Verein für Konsumenteninformation

vs

Amazon EU Sàrl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Obbligi mhux kuntrattwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 (Ruma II) — Obbligi kuntrattwali — Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Protezzjoni tad-data personali — Direttiva 95/46/KE — Azzjoni għal inġunzjoni — Direttiva 2009/22/KE — Kummerċ elettroniku transkonfinali — Kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ — Klawżola tal-għażla tal-liġi applikabbli — Għażla tad-dritt tal-Istat Membru fejn l-impriża għandha s-sede tagħha — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Verein für Konsumenteninformation (iktar ’il quddiem “VKI”), assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita fl-Awstrija, ippreżentat quddiem il-qrati Awstrijaki azzjoni għal inġunzjoni intiża li tipprekludi l-użu minn Amazon EU Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu, ta’ klawżoli allegatament inġusti li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħha fir-rigward tal-konsumaturi li jirresjedu fl-Awstrija.

2.

F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, dwar id-dritt applikabbli, fil-kuntest ta’ tali azzjoni għal inġunzjoni, għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. Dan għandu jkun iddeterminat skont ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 864/2007 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”) ( 2 ), ladarba l-assoċjazzjoni rikorrenti trid tiddefendi l-interessi kollettivi tal-konsumaturi skont dritt mogħti lilha mil-liġi, irrispettivament minn kull rabta kuntrattwali partikolari? Jew l-għażla tad-dritt applikabbli għal tali eżaminazzjoni għandha ssir skont ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) ( 3 ), peress li l-possibbiltà ta’ detriment għall-interessi kollettivi tal-konsumaturi toriġina mir-rabtiet kuntrattwali bejn dawn tal-aħħar u l-impriża rikorrenti?

3.

Sussegwentement, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk klawżola kuntrattwali li tindika, bħala liġi applikabbli għal kuntratt konkluż permezz ta’ kummerċ elettroniku, id-dritt tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist, hijiex ta’ natura inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE ( 4 ).

4.

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, fid-dawl ta’ liema liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE ( 5 ) għandha tiġi evalwata l-legalità tal-klawżoli kuntrattwali li jipprovdu l-ipproċessar ta’ data personali minn impriża tal-kummerċ elettroniku, bħal Amazon EU, li tindirizza l-attivitajiet tagħha lejn Stat Membru għajr dak li fih għandha s-sede tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Ruma I

5.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali […]”.

6.

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[k]untratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet”. Skont l-Artikolu 3(5) “[l]-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10, 11 u 13”.

7.

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Kuntratti ta’ konsum”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (iktar ’il quddiem ‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (iktar ’il quddiem ‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu d-dritt applikabbli għal kuntratt li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

[...]”

8.

L-Artikolu 10(1) tal-istess regolament jipprovdi li “[l]-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi”.

2. Ir-Regolament Ruma II

9.

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Ruma II “għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali […]”.

10.

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

[…]

3.   Fejn jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, il-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni”.

11.

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, “[i]l-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta”.

12.

L-Artikolu 12(1) tal-istess regolament jipprovdi li “[i]l-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx fil-fatt ġie konkluż jew le, għandha tkun il-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli għalih kieku ġie konkluż”.

3. Id-Direttiva 2009/22/KE

13.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/22/KE ( 6 ) jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1”.

14.

L-Anness I ta’ din id-direttiva jinkludi, fil-paragrafu (5) tiegħu, id-Direttiva 93/13.

15.

Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, din “tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-dritt privat internazzjonali, b’rispett għal-liġi applikabbli, jiġifieri, normalment, jew il-liġi tal-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu”.

16.

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-“entitajiet kwalifikati sabiex jieħdu azzjoni [għall-inġunzjoni]” bħala “kull korp jew organizzazzjoni li, filwaqt li huwa debitament kostitwit skont il-liġi ta’ Stat Membru, għandu interess leġittimu li jiżgura li d-dispożizzjonijiet li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1 […]”.

4. Id-Direttiva 93/13

17.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 19/13 jipprovdi li “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

18.

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu”.

19.

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kondizzjoni, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2)”.

20.

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[…]”

21.

L-Anness I tad-Direttiva 93/13 jinkludi lista ta’ eżempji ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Il-paragrafu 1(q) ta’ dan l-anness isemmi l-klawżoli intiżi sabiex “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor […]”.

5. Id-Direttiva 95/46

22.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

(a)

l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru ; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

[…]”

B – Id-dritt Awstrijak

23.

L-Artikolu 6(3) tal-Konsumentenschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur) tat-8 ta’ Marzu 1979 (iktar ’il quddiem “KSchG”) jipprovdi li dispożizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali jew f’formoli ta’ kuntratt stampati minn qabel hija mingħajr effett jekk tkun ifformulata b’mod ekwivoku jew inkomprensibbli.

24.

L-Artikolu 13a(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-imsemmi Artikolu 6 japplika għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, indipendentement mil-liġi tal-kuntratt, meta dan il-kuntratt jirriżulta minn attività tal-impriża jew ta’ intermedjarju impjegat minnha, li jintbagħat fl-Awstrija bil-għan li jikkonkludi tali kuntratti.

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Amazon EU hija kumpannija tal-kummerċ elettroniku li s-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu. Din il-kumpannija ddikjarat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li hija sussidjarja tal-kumpannija Amazon.com, Inc., li s-sede tagħha tinsab fl-Istati Uniti. Skont il-qorti tar-rinviju, il-grupp li minnu tifforma parti Amazon EU ma għandux stabbiliment fl-Awstrija. Madankollu, din il-kumpannija ffirmat kuntratti ta’ bejgħ online ma’ konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija permezz ta’ sit tal-internet bil-lingwa Ġermaniża (www.amazon.de).

26.

Il-kuntratti ffirmati ma’ dawn il-konsumaturi kienu jinkludu, sa nofs is-sena 2012, kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ li minnhom tnax-il klawżola huma s-suġġett tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, il-klawżoli 6, 9, 11 u 12 kienu fformulati kif ġej:

“6.

Fil-każ ta’ ħlas fuq il-fattura kif ukoll f’każijiet oħra differenti meta dan ikun iġġustifikat, Amazon.de tivverifika u tevalwa d-data personali tal-klijenti u tipproċedi bl-iskambju tad-data ma’ impriżi oħra fi ħdan il-grupp Amazon, ma’ uffiċċji ta’ informazzjoni ekonomika u, jekk ikun il-każ, mal-kumpannija Bürgel Wirtschaftsinformationen GmbH & Co […]”.

“9.

Għad-deċiżjoni dwar l-użu tal-metodu tal-ħlas, aħna nirrikorru – flimkien mad-data tagħna stess – għal kalkoli ta’ probabbiltajiet sabiex nevalwaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ twettiq, li jsiru mill-kumpannija Bürgel Wirtschaftsinformationen GmbH & Co […] u mill-kumpannija Informa Solutions GmbH […]. L-impriżi ċċitati iktar ’il fuq huma mitluba fost affarijiet oħra jivvalidaw l-informazzjoni dwar l-indirizz li inti tipprovdi”.

“11.

Jekk l-utent jiddeċiedi li jqiegħed materjal fuq Amazon.de (pereżempju l-kritika ta’ klijenti), huwa jagħti lil Amazon, għat-tul tad-dritt imsemmi, liċenzja mingħajr limitu ratione temporis jew ratione loci sabiex juża għal kwalunkwe għan il-kontenut online jew b’mod ieħor”.

“12.

Id-dritt Lussemburgiż japplika bl-esklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali tal-merkanzija (CISG)”.

27.

VKI hija assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita fl-Awstrija u hija awtorizzata tressaq azzjoni għal inġunzjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22. Hija ressqet, quddiem il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija), azzjoni għal inġunzjoni kontra l-użu tat-tnax-il klawżola msemmija iktar ’il fuq kif ukoll talba għall-pubblikazzjoni tas-sentenza li tilqa’ t-talba għall-azzjoni għal inġunzjoni tagħha, skont il-każ. Skont VKI, dawn il-klawżoli jiksru diversi liġijiet Awstrijaki, fosthom il-KSchG u d-Datenschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tad-data, iktar ’il quddiem id-“DSG”).

28.

Din il-qorti laqgħet ir-rikors fir-rigward ta’ ħdax mit-tnax-il klawżola inkwistjoni. Abbażi tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, hija ddeċidiet li l-klawżola 12 hija invalida, minħabba li l-għażla tal-liġi applikabbli ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li tiggarantixxilu l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza normali tiegħu. Skont l-imsemmija qorti, il-validità tal-klawżoli l-oħra, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data li jinsabu fil-klawżoli 6, 9 u 11, għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Awstrijak. Min-naħa l-oħra, il-validità ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għandha tkun evalwata fid-dawl tad-dritt Lussemburgiż, skont id-Direttiva 95/46.

29.

Iż-żewġ partijiet appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija). Din il-qorti kkonfermat li d-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-klawżoli inkwistjoni għandu jiġi stabbilit skont ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet previsti fir-Regolament Ruma I. Madankollu, hija kkunsidrat li l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament ma jippermettix li tiġi konkluża l-illegalità tal-klawżola 12. Il-validità tagħha kellha pjuttost tiġi evalwata, skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tad-dritt Lussemburgiż. L-imsemmija qorti għalhekk annullat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza u rrinvijat il-kawża lil din tal-aħħar sabiex tipproċedi b’tali evalwazzjoni. L-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) ikkonstatat ukoll li, fil-każ li l-klawżola 12 tirriżulta li hija legali skont id-dritt Lussemburgiż, il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna) għandha teżamina l-klawżoli l-oħra fid-dawl ta’ dan id-dritt. Hija għandha għalhekk twettaq paragun mad-dritt Awstrijak sabiex tiddetermina jekk din tinkludix dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-konsumatur. Fil-fatt, l-għażla tad-dritt Lussemburgiż ma tistax, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, iċċaħdu mill-protezzjoni mogħtija lilu minn tali dispożizzjonijiet.

30.

VKI ressqet kawża quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Id-dritt applikabbli għal azzjoni għal inġunzjoni fis-sens tad-Direttiva 2009/22 […] għandu jkun determinat, meta rikors ikun dirett kontra l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti minn impriża stabbilita fi Stat Membru li tikkonkludi kuntratti ta’ kummerċ elettroniku mal-konsumaturi li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn u, b’mod partikolari fl-Istat tal-qorti adita, abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament ‘Ruma II’?

(2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

(a)

Għandu jinftiehem bħala l-pajjiż fejn iseħħ id-dannu [Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II] kull Stat li lejh l-impriża konvenuta tieħu inizjattivi kummerċjali, b’tali mod li l-klawżoli kontenzjużi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-Istat fil-każ ta’ kontestazzjoni, minn entità li għandha s-setgħa li tressaq kawża, tal-użu ta’ dawn il-klawżoli fir-relazzjonijiet kummerċjali mal‑konsumaturi residenti f’dan l-Istat?

(b)

Hemm rabta manifestament eqreb [Artikolu 4(3) tar-Regolament “Ruma II”] mad-dritt tal-Istat fejn l-impriża konvenuta jkollha s-sede tagħha, meta l-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jipprevedu li d-dritt ta’ dan l-Istat japplika għall-kuntratti konklużi mal-impriża?

(ċ)

Tali klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli twassal għal raġunijiet oħra sabiex japplika d-dritt tal-Istat fejn l-impriża konvenuta jkollha s-sede tagħha għall-eżami ta’ klawżoli kummerċjali kontenzjużi?

(3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva: Kif allura għandu jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli?

(4)

Tkun xi tkun ir-risposta għad-domandi preċedenti:

(a)

Klawżola fil-kundizzjonijiet kummerċjali ġenerali li tipprovdi li, għal kuntratt ta’ kummerċ elettroniku konkluż bejn konsumatur u impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandu japplika d-dritt tal-Istat tas-sede tal-imsemmija impriża, hija inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 […]?

(b)

L-ipproċessar ta’ data personali minn kumpannija li tikkonkludi kuntratti ta’ kummerċ elettroniku ma’ konsumaturi residenti fi Stati Membri oħra huwa suġġett, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46/KE […], esklużivament u jkun liema jkun id-dritt li jkun altri menti applikabbli, għad-dritt tal-Istat Membru fejn l-impriża jkollha l-istabbiliment tagħha li jwettaq l-ipproċessar, jew din l-impriża hija obbligata li tosserva wkoll ir-regoli għall-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri li lejhom hija tindirizza l-inizjattivi kummerċjali tagħha?”

31.

VKI, Amazon EU, il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u kienu rrappreżentati waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016.

IV – Analiżi

A – Fuq il-liġi applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni (l-ewwel sat-tielet domanda)

1. Fuq il-portata tal-ewwel sat-tielet domanda

32.

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt applikabbli “għal azzjoni għal inġunzjoni” mressqa minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, skont liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/22, intiża sabiex tipprevjeni l-użu ta’ klawżoli inġusti minn professjonist ( 7 ).

33.

Preliminarjament, jiena naħseb li huwa utli li tiġi kkjarifikata l-portata ta’ dawn id-domandi billi jiġi enfasizzat li kull kunflitt ta’ liġijiet li jqum fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għandu bħala oġġett kwistjoni legali partikolari. L-istess proċedura tista’ tqajjem ukoll diversi kunflitti ta’ liġijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet differenti tad-dritt. Kull waħda minn dawn għandha tiġi deċiża b’mod separat, skont ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata, skont il-każ, favur liġijiet nazzjonali differenti.

34.

Għalhekk, meta azzjoni tirrigwarda kemm “obbligi kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I, kif ukoll “obbligi mhux kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II, id-dritt applikabbli għal kull wieħed minn dawn l-obbligi għandu jkun iddeterminat skont regoli differenti ( 8 ).

35.

Għalhekk, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi identifikat id-dritt applikabbli mhux “għal azzjoni għal inġunzjoni”, iżda għall-kwistjoni legali speċifika li hija l-oġġett tal-kunflitt ta’ liġijiet li fir-rigward tagħha l-qorti nazzjonali trid tiddeċiedi. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din tirrigwarda l-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li qiegħda tintalab il-projbizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni.

2. Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Ruma II

36.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/22 jirreferi, għal dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli fil-kuntest tal-azzjonijiet għal inġunzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “għar-regoli tad-dritt privat internazzjonali” tal-qorti adita.

37.

Fl-ewwel lok, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi stabbilit jekk ir-regoli tad-dritt privat internazzjonali applikabbli humiex, f’dan il-każ, dawk stabbiliti mir-Regolament Ruma I jew dawk previsti mir-Regolament Ruma II ( 9 ). Din id-determinazzjoni tiddependi fuq jekk l-obbligi li fir-rigward tagħhom hemm kunflitt ta’ liġijiet humiex kuntrattwali jew mhux kuntrattwali.

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-obbligi invokati fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni intiża għall-projbizzjoni tal-użu ta’ klawżoli inġusti għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II.

39.

Madankollu, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tali azzjoni (imressqa wkoll minn VKI) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Henkel ( 10 ), ikkunsidrat li din ma taqax f’“materja kuntrattwali” fis-sens tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-istrument li ppreċeda r-Regolament Brussell I ( 11 ). Hija ġġustifikat din il-konklużjoni bin-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u l-assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li kienet qiegħda taġixxi abbażi ta’ dritt mogħti mil-liġi sabiex tipprojbixxi l-użu ta’ klawżoli illegali mill-professjonist. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess japplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni għandhiex natura purament preventiva jew jekk saritx wara kuntratti diġà konklużi ma’ ċerti konsumaturi ( 12 ).

40.

Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza jirriżulta li tali azzjoni taqa’ f’materja ta’ delitti jew kważi delitti. Fil-fatt, hija għandha l-għan li tiddetermina r-responsabbiltà tal-konvenut “fir-rigward tal-obbligu extra-kuntrattwali impost fuq il-kummerċjant li fir-relazzjonijiet tiegħu mal-konsumaturi, jastjeni minn ċertu aġir li l-leġiżlatur jikkundanna” ( 13 ).

41.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk dawn l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni humiex imposti fid-dawl tad-determinazzjoni dwar jekk l-obbligi invokati fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni għandhomx natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali fis-sens tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II.

42.

Skont VKI u kif ukoll il-Gvernijiet tal-Awstrija u tar-Renju Unit, dawn jikkostitwixxi obbligi mhux kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II. Min-naħa l-oħra, Amazon EU, il-Gvern tal-Ġermanja u l-Kummissjoni argumentaw, essenzjalment, li minkejja li l-kwistjonijiet l-oħra mqajma fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni jistgħu jirrigwardaw obbligi mhux kuntrattwali ( 14 ), l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli previsti minn din l-azzjoni għandha tkun l-oġġett ta’ rabta separata skont ir-Regolament Ruma I. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, il-legalità ta’ dawn il-klawżoli għandha għalhekk tkun evalwata fid-dawl tal-liġi li hija applikabbli skont l-imsemmi regolament jekk dawn il-klawżoli kienu validi.

43.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena naqbel mal-ewwel approċċ.

44.

Fl-ewwel lok, il-kwistjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kkontestati ma tirrigwardax, fl-opinjoni tiegħi, obbligi kuntrattwali.

45.

Il-leġiżlatur ma ddefinixxiex il-kunċetti ta’ obbligu kuntrattwali u ta’ obbligu mhux kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Ruma I u Ruma II ( 15 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fis‑sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic ( 16 ). F’din is-sentenza, hija kkonkludiet li obbligu kuntrattwali jindika “obbligu legali liberament ikkonsentiet minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra” ( 17 ). Il-kunċett ta’ obbligu mhux kuntrattwali jipprevedi, min-naħa tiegħu, kull obbligu li jirriżulta minn dannu, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ( 18 ).

46.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx jekk il-kunċett ta’ obbligu kuntrattwali jeħtieġx jew le rabta bejn il-partijiet fil-kawża ( 19 ), kif tirrikjedi l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Henkel ( 20 ), sabiex azzjoni taqa’ f’materja kuntrattwali fis-sens tar-regoli tal-kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet. Li kieku dan ir-rekwiżit kien estiż għall-kunċett ta’ obbligu kuntrattwali, ir-Regolament Ruma I ma jkunx jista’ jirregola d-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-klawżoli inġusti fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni. L-assoċjazzjoni rikorrenti u l-professjonist konvenut ma humiex, fil-fatt, marbuta b’xi obbligu kuntrattwali.

47.

F’dan ir-rigward, il-premessi 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II jenfasizzaw in-neċessità ta’ definizzjoni koerenti tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali rispettiv ta’ dawn ir-regolamenti u tar-Regolament Brussell I. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, minn dawn ma jirriżultax li l-kunċetti ta’ materja kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Brussell I u tal-obbligu kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Ruma I għandhom jikkoinċidu b’mod awtomatiku u assolut. Dawn għandhom pjuttost jiġu interpretati mhux b’mod identiku, iżda parallelament.

48.

Wara din il-kjarifika, jiena nikkunsidra li l-kunċett ta’ obbligu kuntrattwali ma jiddependix fuq l-identità tal-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ obbligu għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet tiddependi fuq is-sors – kuntrattwali jew mhux kuntrattwali – tiegħu. L-identità tal-partijiet fil-kawża ma tistax għalhekk timmodifika n-natura tiegħu ( 21 ).

49.

Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-partijiet fil-kawża, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat l-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali marbuta ma’ materja kuntrattwali ( 22 ), hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li din ir-regola ma hijiex prevedibbli għal konvenut li ma kienx parti fil-kuntratt inizjali, bħas-subakkwirenti ta’ oġġett ( 23 ). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli.

50.

Madankollu, minkejja li l-kunċett ta’ obbligu kuntrattwali ma huwiex limitat għall-obbligi li jorbtu l-partijiet fil-proċedura, huwa jimplika tal-inqas rabta konkreta u eżistenti, element li huwa nieqes f’dan il-każ.

51.

F’dan ir-rigward, nosserva li r-Regolament Ruma I ma jippermettix li jintgħażel id-dritt applikabbli għal obbligi li għadhom ma tnisslux ( 24 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament japplika biss, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 6(1), meta jkun hemm kuntratt “konkluż” bejn professjonist u konsumatur.

52.

Għall-kuntrarju, ir-Regolament Ruma II japplika għall-obbligi mhux kuntrattwali “li probabbilment jirriżultaw” ( 25 ). Fost dawn hemm b’mod partikolari, l-obbligi li jirriżultaw minn relazzjonijiet prekuntrattwali ( 26 ) jew minn att ta’ kompetizzjoni żleali li jista’ jaffettwa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ( 27 ).

53.

Madankollu, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Henkel ( 28 ), l-azzjoni għal inġunzjoni, għad-differenza tar-rikorsi individwali (kemm jekk ippreżentati minn konsumatur individwali, grupp ta’ konsumaturi jew assoċjazzjoni li taġixxi għan-nom tagħhom) ( 29 ), hija indipendenti minn kull rabta konkreta u eżistenti.

54.

L-ewwel nett, ma għandha ebda konnessjoni ma’ tilwima individwali konkreta bejn professjonist u konsumaturi ( 30 ). Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn Amazon EU, l-assoċjazzjoni rikorrenti ma tintervjenix minflok il-konsumaturi li hija tirrappreżenta, iżda taġixxi fl-interess kollettiv skont setgħa mogħtija lilha mil-liġi. B’hekk din l-azzjoni għandha l-għan li tipprekludi atti illegali li jaffettwaw lill-ordinament ġuridiku li jirriżultaw mill-użu ta’ klawżoli inġusti. Għalhekk, hija għandha natura astratta peress li ma hija bbażata fuq ebda obbligu kuntrattwali partikolari ( 31 ).

55.

It-tieni nett, l-azzjoni għal inġunzjoni għandha natura preventiva peress li hija intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ klawżoli inġusti, bħal dawk li jinsabu f’kuntratti diġà konklużi jew li hemm riskju li jiġu inklużi f’kuntratti futuri ( 32 ). Hija għalhekk indipendenti mill-eżistenza ta’ kull rabta diġà kkonsentita minn persuna lejn oħra u hija intiża sabiex tipprojbixxi l-użu mill-professjonist konvenut ta’ ċerti klawżoli fformulati fid-dawl ta’ użu ġeneriku fil-kuntest ta’ kuntratti standard ( 33 ).

56.

Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/22 jistabbilixxi li d-dritt applikabbli fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni huwa “normalment, jew il-liġi tal-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu”. Din id-dispożizzjoni turi li l-obbligi li fuqhom hija bbażata din l-azzjoni jitnisslu, mhux minn kuntratt, iżda minn ksur ta’ liġi ( 34 ).

57.

Jiena nikkonkludi li l-klawżoli li qed tintalab il-projbizzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huma, f’dan il-kuntest, is-sors ta’ ebda obbligu kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Ruma I.

58.

Min-naħa l-oħra, tali azzjoni hija intiża sabiex il-professjonist jinsab responsabbli abbażi tal-obbligu mhux kuntrattwali impost fuqu li huwa dak li jastjeni milli juża klawżoli inġusti fir-relazzjonijiet tiegħu mal-konsumaturi. Għalhekk, hija għandha l-għan li tipprevjeni dannu li jieħu l-forma ta’ detriment għall-interessi kollettivi tal-konsumaturi kkawżat minn ksur ta’ dan l-obbligu. L-istess japplika għal obbligu mhux kuntrattwali, fis-sens tar-Regolament Ruma II, bħal ma hija tirrileva, kif jirriżulta mis-sentenza Henkel ( 35 ), f’materja ta’ delitt jew kważi delitt fis-sens tar-Regolament Brussell I ( 36 ).

59.

Fit-tieni lok, dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-fatt li, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-eżaminazzjoni tal-validità ta’ klawżola ta’ għażla tal-liġi, ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet stabbiliti mir-Regolament Ruma I huma adattati biss għal rikorsi individwali.

60.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-validità ta’ klawżola kuntrattwali hija suġġetta għal “liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku [din il-klawżola] kien[et] valid[a]”. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, il-legalità ta’ klawżola ta’ għażla tal-liġi, għandha tkun evalwata fid-dawl tad-dritt magħżul minn din il-klawżola. Kieku l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ għażla tal-liġi fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni, il-professjonist jista’ unilateralment jiddeċiedi, billi jinkludi tali klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali fformulati minn qabel ma tiġi stabbilita kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali ( 37 ), id-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-validità ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet ġenerali.

61.

Madankollu, jiena niddubita jekk tali konsegwenza kinitx intiża mil-leġiżlatur. Dan jixhdu l-kliem tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Ruma I, li jipprovdi li “l-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli” huma rregolati, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi wkoll, fil-paragrafu 1 tagħha, għall-“eżistenza u l-validità ta’ kuntratt”. Fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni, ta’ natura astratta u preventiva, ma la jista’ jeżisti kunsens tal-partijiet u lanqas kuntratt li l-eżistenza u l-validità tiegħu jistgħu jiġu evalwati. Din l-osservazzjoni titfa’ dawl fuq id-diffikultajiet li jistgħu jqumu jekk jiġi kkunsidrat li r-Regolament Ruma I jirregola d-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-legalità tal-klawżoli ta’ għażla tal-liġi meta dawn ma jkollhom konnessjoni ma’ ebda rabta konkreta u partikolari.

62.

Fit-tielet lok, jiena nikkunsidra li l-argumenti invokati minn Amazon EU, mill-Gvern tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni insostenn tal-applikabbiltà tar-Regolament Ruma I ma jikkontestawx l-approċċ li qiegħed nirrakkomanda.

63.

Dawn l-intervenjenti jallegaw, b’mod partikolari, li d-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-istess klawżoli għandu jkun identiku fil-kuntest tar-rikorsi individwali u tal-azzjonijiet għal inġunzjoni. F’każ kuntrarju, din l-eżaminazzjoni tista’ twassal għal riżultati kontradittorji skont it-tip ta’ rikors.

64.

Niddubita jekk tali simetrija hijiex neċessarjament meħtieġa. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà li l-istess klawżoli jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu eżaminati fid-dawl tal-liġijiet ta’ ordinament ġuridiku differenti fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni u ta’ rikors individwali jidhirli li hija inerenti għan-natura diverġenti u komplementari ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ rikorsi ġudizzjarji ( 38 ).

65.

Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 tipprovdi espressament il-possibbiltà li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali twassal għal riżultat diverġenti skont it-tip ta’ rikors li jagħti lok għaliha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li tallega lii l-klawżoli huma ta’ natura inġusta, ir-regoli ta’ interpretazzjoni applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni individwali huma differenti minn dawk applikabbli f’azzjoni għal inġunzjoni ( 39 ).

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nikkunsidra li d-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni mressqa skont id-Direttiva 2009/22 għandu jkun iddeterminat skont ir-regoli tal-kunflitt ta’ liġijiet previsti mir-Regolament Ruma II.

3. Fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli abbażi tar-Regolament Ruma II

67.

Fit-tieni lok, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, hemm lok li jiġi ppreċiżat liema dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jirregolaw tali determinazzjoni.

a) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II

68.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II jipprovdi, bħala regola ġenerali, l-applikazzjoni għall-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn fatt dannuż tal-liġi tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu” (lex loci damni).

69.

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, bħala regola speċifika dwar l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn “att ta’ kompetizzjoni żleali”, l-applikazzjoni tal-liġi tal-“pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta”.

70.

Kif jirriżulta mill-premessa 21 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 6(1) tiegħu jikkostitwixxi lex specialis li, iktar milli deroga mill-Artikolu 4(1), jippreċiża l-portata tiegħu. Fi kliem ieħor, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II tikkonkretizza, fil‑qasam partikolari tal-kompetizzjoni żleali, il-prinċipju tal-lex loci damni.

71.

Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II japplika għall-obbligi mhux kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw mill-fatt ta’ ksur tad-Direttiva 93/13 imwettaq għad-detriment tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

72.

Tali interpretazzjoni, li jidhirli li tirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju relatat magħha. F’dan ir-rigward, l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tar-Regolament Ruma II issemmi b’mod espliċitu, fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola partikolari, l-azzjonijiet kollettivi għal inġunzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti ta’ konsum ( 40 ).

73.

Għalhekk, jiena nikkunsidra li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1), jestendi għal kull att li għandu n-natura li jibdel ir-relazzjonijiet bejn il-parteċipanti fis-suq, kemm bejn il-kompetituri kif ukoll fir-rigward tal-konsumaturi b’mod kollettiv ( 41 ). Skont din id-definizzjoni awtonoma tal-“kompetizzjoni żleali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din tinkludi l-użu ta’ klawżoli inġusti inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ peress li dan jista’ jaffettwa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi bħala kategorija, u barra minn hekk, jinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq.

74.

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II, l-azzjoni għal inġunzjoni intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija hija, fl-opinjoni tiegħi, irregolata mid-dritt Awstrijak. Huwa fil-fatt fil-pajjiżi ta’ residenza ta’ dawn il-konsumaturi li l-interessi kollettivi li din l-azzjoni hija intiża li tipproteġi huma affettwati jew jistgħu jiġu affettwati.

b) Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikoli 4(3) u 12 tar-Regolament Ruma II

75.

Ir-regola ta’ rabta inċidentali stabbilita fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II ma tikkontestax il-konklużjoni magħmula fil-punt preċedenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi deroga mir-regola ġenerali tal-lex loci damni meta jkun hemm “konnessjoni manifestament aktar mill-qrib” ma’ Stat Membru ieħor. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, tali konnessjoni tista’, b’mod partikolari, tirriżulta minn “relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni”.

76.

Fl-opinjoni tiegħi din id-deroga ma hijiex intiża sabiex tapplika għal sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola partikolari bħal dik stabbilita fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II.

77.

F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju relatat ma’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-regoli ta’ rabta inċidentali jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, “ma humiex adattati għal qasam [tal-kompetizzjoni żleali] b’mod ġenerali” ( 42 ). Jiena naqbel ma’ din il-perspettiva, peress li l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-interessi kollettivi – li jeċċedu l-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża – billi jipprovdi regola adattata b’mod speċifiku għal dan l-għan. Madankollu, dan il-għan jintlaħaq jekk ikun permess li din ir-regola tkun evitata abbażi ta’ konnessjonijiet ta’ rabta personali bejn dawn il-partijiet ( 43 ).

78.

Barra minn hekk, VKI u Amazon EU, f’dan il-każ, ma huma marbuta b’ebda kuntratt pre-eżistenti (il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ huma intiżi biss għal konsumaturi individwali). Barra minn hekk, infakkar li, peress li l-azzjoni għal inġunzjoni hija indipendenti minn kull tilwima individwali konkreta bejn professjonist u konsumaturi, hija tista’ tkun eżerċitata anki jekk il-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti partikolari ( 44 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedu l-applikabbiltà tad-dritt Lussemburgiż ma jnissilx, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe relazzjoni pre-eżistenti kemm bejn il-partijiet fil-kawża kif ukoll bejn il-professjonist u ċerti konsumaturi partikolari, konnessjoni manifestament iktar mill-qrib mal-Lussemburgu fil-kuntest ta’ tali azzjoni.

79.

L-Artikolu 12 tar-Regolament Ruma II, li l-Kummissjoni invokat l-applikazzjoni tiegħu b’mod sussidjarju, lanqas ma huwa rilevanti f’dan il-kuntest. Din id-dispożizzjoni, li tirregola d-dritt applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet prekuntrattwali (culpa in contrahendo), tippreżumi fl-opinjoni tiegħi l-eżistenza ta’ relazzjonijiet prekuntrattwali konkreti u partikolari. Madankollu, fid-dawl tan-natura astratta u kollettiva tal-azzjoni għal inġunzjoni, dan l-element huwa nieqes. Fi kwalunkwe każ, din l-azzjoni hija intiża sabiex tipprekludi, mhux kwalunkwe culpa in contrahendo, iżda l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali nfushom.

c) Konsegwenzi prattiki

80.

Jekk l-approċċ li jiena nipproponi jiġi segwit f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli previsti mit-talba għal inġunzjoni taqa’ għalhekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II, taħt id-dritt Awstrijak biss – inkluż, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 93/13 (jiġifieri l-KSchG).

81.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tar-rikors individwali, din il-kwistjoni tkun irregolata, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I ( 45 ), mid-dritt magħżul mill-partijiet skont il-klawżola 12 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikkontestati (preżunt li din hija valida ( 46 )), jiġifieri d-dritt Lussemburgiż. Madankollu, dan id-dritt jiġi applikat bla ħsara għall-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt li kienu jkunu applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla ( 47 ). Dan jikkorrispondi, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għad-dritt tal-pajjiż ta’ residenza abitwali tal-konsumatur, f’dan il-każ, id-dritt Awstrijak.

B – Fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola tal-għażla tal-liġi (l-ewwel parti tar-raba ’ domanda)

82.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda tagħha, jekk klawżola tal-għażla tal-liġi li tindika d-dritt tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist, bħall-klawżola 12 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ Amazon EU, hijiex inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13.

83.

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, klawżola li ma tiġix innegozjata individwalment hija inġusta meta toħloq, minkejja r-rekwiżit tal-bona fede, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur.

84.

L-Artikolu 3(2) ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li klawżola għandha dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta tkun ġiet abbozzata minn qabel mill-professjonist, mingħajr ma l-konsumatur ma jkun seta’ influwenza l-kontenut tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda dubju li dan il-każ jinkludi kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

85.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola tista’ tkun iddikjarata biss skont eżaminazzjoni każ b’każ fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, inkluż tan-natura tal-merkanzija jew servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt.

86.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi li, meta l-klawżoli offerti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn għandhom isiru “b’lingwaġġ sempliċi u ċar” ( 48 ).

87.

Skont qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u tal-paragrafu 1(q) tal-Anness I tad-Direttiva 93/13, jistgħu b’mod partikolari jiġu ddikjarati inġusti l-klawżoli intiżi li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali […]” ( 49 ).

88.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti tal-bona fede, bilanċ u trasparenza li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ( 50 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li din il-qorti tista’ jew għandha tapplika f’tali evalwazzjoni ( 51 ).

89.

Preliminarjament, hemm lok li tiġi miċħuda l-premessa li fuqha huwa bbażat l-argument ta’ VKI, li l-klawżola 12 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikkontestati tipprovdi li l-kuntest huwa esklużivament suġġett għad-dritt Lussemburgiż, mingħajr ma l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt tal-Istat ta’ residenza tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi, tali interpretazzjoni ma tirriżultax mill-kliem ta’ din il-klawżola. Din ma tistax, minħabba s-sempliċi fatt li ma tagħmilx riferiment espliċitu għal din il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, iċċaħħad lil dawn tal-aħħar minnha. L-istess japplika meta l-imsemmija protezzjoni tirriżulta direttament minn din id-dispożizzjoni leġiżlattiva li tillimita l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet. B’hekk, il-konsumaturi jistgħu jinvokawha mingħajr ma jkun neċessarju li din tiġi tradotta wkoll taħt il-forma ta’ obbligu kuntrattwali ( 52 ).

90.

Għalhekk, wara li ġiet ippreċiżata l-portata ta’ din il-klawżola, għandu jiġi eżaminat jekk, skont il-każ, l-inkonvenjenzi li ser ikollha fuq il-konsumaturi jilħqux il-livell ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

91.

Fl-opinjoni tiegħi, klawżola tal-għażla tal-liġi li tindika d-dritt tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist ma tistax tkun inġusta għas-sempliċi fatt li, ipotetikament, tista’, minn naħa, trendi iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ azzjoni legali mill-konsumatur medju residenti fi Stat ieħor, u min-naħa l-oħra, tiffavorixxi l-professjonist fil-kuntest tad-difiża tiegħu.

92.

Huwa minnu li, kif jargumentaw VKI u l-Gvern Brittaniku, kunsiderazzjonijiet simili wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fis-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores ( 53 ), li klawżola li tat ġurisdizzjoni esklużiva lill-pajjiż tas-sede tal-professjoni taqa’ taħt il-paragrafu I(q) tal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Madankollu, din il-konklużjoni, ma hijiex trasponibbli b’analoġija għal klawżola tal-għażla tal-liġi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-effetti tagħha huma differenti minn dawk ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni.

93.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tawtorizza, fil-prinċipju, espressament, il-klawżoli ta’ għażla tal-liġi, anki meta dawn ma jkunux ġew innegozjati individwalment. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jistabbilixxi – permezz tar-riżerva msemmija fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni – il-fakultà tal-partijiet li jiftiehmu dwar id-dritt applikabbli għal kuntratt ta’ konsum. Din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn klawżoli nnegozjati individwalment u dawk li ma humiex. Fir-rigward tal-klawżoli li ma kinux suġġetti għal tali negozjar ( 54 ), il-ħames u s-sitt premessa tad-Direttiva 93/13 jindikaw barra minn hekk li l-leġiżlatur ippreveda b’mod speċifiku l-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru għajr dak fejn jirresjedi l-konsumatur, filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn li dan tal-aħħar ikun protett kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti f’tali sitwazzjoni.

94.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li klawżola ta’ għażla tal-liġi li tindika d-dritt tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist ma hijiex inġusta ħlief jekk tkun tippreżenta ċerti partikolaritajiet, fil-formulazzjoni jew fil-kuntest tagħha, li joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.

95.

B’mod partikolari, in-natura inġusta ta’ tali klawżola tista’ tirriżulta minn kliem li ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ redazzjoni sempliċi u ċara stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan ir-rekwiżit għandu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur fir-rigward tal-professjonist dwar b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, ikun suġġett għal interpretazzjoni estensiva ( 55 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll in-natura essenzjali tal-informazzjoni tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi tal-klawżoli kuntrattwali ( 56 ). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-imsemmi rekwiżit jeħtieġ b’mod partikolari, fl-opinjoni tiegħi, li l-klawżola ma tkunx tali li twassal lill-konsumatur medju jiżbalja dwar il-kontenut tad-drittijiet tiegħu.

96.

F’dan il-każ, il-klawżola kkontestata għandha, b’mod iktar preċiż, tkun trasparenti biżżejjed fir-rigward tal-fakultà tal-konsumatur li jinvoka d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt tal-Istat ta’ residenza tiegħu, mogħtija lilu mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I. Il-grad ta’ trasparenza meħtieġ għal dan il-għan jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha f’dan il-każ ( 57 ).

97.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-kuntratti ta’ konsum jirrigwardaw ħafna drabi ammonti żgħar ( 58 ), iktar u iktar fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur medju huwa inqas inkorraġġut jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-professjonist ( 59 ). Klawżola ta’ għażla tal-liġi li tindika d-dritt ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih jirresjedi l-konsumatur hija tali li tirrendi inqas attraenti tali rikors.

98.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa probabbli li l-konsumatur medju ma huwiex informat biżżejjed dwar il-protezzjoni li jagħtih l‑Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I. Konsegwentement, bħala regola, jirrigwarda biss il-formulazzjoni tal-klawżola ta’ għażla tal-liġi. Madankollu, il-possibbiltà li l-konsumatur iqajjem il-protezzjoni mogħtija lilu mil-liġijiet imperattivi tal-Istat ta’ residenza tiegħu għandha importanza prattika kunsiderevoli.

99.

Qabel xejn, dawn il-liġijiet jinkludu volum sinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet li minnhom jista’ jipprevalixxi ruħu l-konsumatur. Fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kummerċ elettroniku ( 60 ). Fil-fatt, kif jirriżulta mid-direttivi li jirregolaw dan il-qasam, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala regola natura imperattiva ( 61 ).

100.

Għalhekk, il-liġijiet tal-Istat fejn jirresjedi l-konsumatur huma, b’mod ġenerali, iktar familjari u aċċessibbli minn dawn (ħlief għal raġunijiet lingwistiċi), u għalhekk iktar faċli li jiġu invokati, minn dawk tal-Istat Membru tas-sede tal-professjonist. F’dan ir-rigward, insostni wkoll li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I ma jissuġġettax, fl-opinjoni tiegħi, il-benefiċċju tal-konsumatur mill-“protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim” skont id-dritt tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu għall-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu livell ta’ protezzjoni superjuri, minn perspettiva sostantiva, minn dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-ordinament legali magħżul ( 62 ). L-imsemmi Artikolu 6(2) jippermetti għalhekk lill-konsumatur jinvoka b’mod globali d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt tal-Istat ta’ residenza tiegħu, kemm jekk ikunu iktar favorevoli mid-dispożizzjonijiet tad-dritt magħżul fir-rigward tal-kontenut tagħhom kif ukoll jekk le ( 63 ).

101.

Fl-aħħar nett, id-diffikultà tal-possibbiltà li l-konsumatur jinvoka tali protezzjoni tiżdied bil-fatt li ċerti direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jimmiraw biss għal armonizzazzjoni minima ( 64 ). Oħrajn jippermettu lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw regoli nazzjonali fir-rigward ta’ ċerti aspetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 65 ). L-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur jista’ għalhekk jagħti lil dan tal-aħħar protezzjoni iktar estiża minn dik prevista f’dawn id-direttivi, u jekk ikun il-każ, fil-liġijiet ta’ traspożizzjoni tagħhom fl-ordinament ġuridiku magħżul.

102.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nikkunsidra, bħal VKI u l-Gvern Brittaniku, li l-fatt li l-imsemmija klawżola 12 ma ssemmix il-fakultà tal-konsumatur li jinvoka l-liġijiet imperattivi tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu, jista’ jagħti lill-konsumatur medju l-impressjoni żbaljata li huwa biss id-dritt magħżul skont din il-klawżola li japplika għall-kuntratt. Madankollu, jekk tali konsumatur ikun żbaljat, huwa jkollu r-riskju li jkun skoraġġut milli jippreżenta rikors minħabba prinċipalment in-nuqqas ta’ familjarità mal-liġijiet li jipproteġu lill-konsumaturi fl-ordinament legali magħżul ( 66 ).

103.

Konsegwentement, din il-klawżola jidhirli li hija tali li toħloq żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u għalhekk, hija inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

104.

Amazon EU oġġezzjonat fir-rigward tal-fatt li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola tqiegħed fuq il-professjonisti l-obbligu eċċessivament tqil li jelenkaw il-liġijiet imperattivi kollha rilevanti tal-Istat ta’ residenza tal-konsumatur sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għall-kuntratt. Sabiex ineħħi kull konfużjoni f’dan ir-rigward, nippreċiża li din il-konstatazzjoni ma twassalx għal tali obbligu. Hija sempliċement tobbliga lill-professjonisti jagħżlu formulazzjoni li tindika b’mod inekwivoku, fil-formulazzjoni tal-klawżola ta’ għażla tal-liġi, li din topera bla ħsara għall-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mil-liġijiet imperattivi tal-Istat ta’ residenza tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarjament meħtieġ li jiġu elenkati dawn il-liġijiet.

C – Fuq il-liġi applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-legalità tal-klawżoli relatati mal-ipproċessar tad-data personali (it-tieni parti tar-raba ’ domanda)

105.

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq minn impriża ta’ kummerċ elettroniku li tindirizza l-attivitajiet tagħha lejn Stat Membru għajr dak fejn għandha s-sede tagħha. Din il-qorti tistaqsi jekk tali pproċessar huwiex, f’dan il-każ, irregolat biss mid-dritt tal-Istat Membru tas-sede ta’ Amazon EU (jiġifieri l-Lussemburgu), jew mid-dritt Awstrijak ukoll, peress li din il-kumpannija tolqot il-konsumaturi residenti fl-Awstrija permezz tas-sit tal-internet tagħha fil-lingwa Ġermaniża.

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

106.

Din id-domanda saret lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li VKI argumentat li l-klawżoli 6, 9 u 11 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ Amazon EU jmorru kontra d-DSG, li tittrasponi d-Direttiva 95/46 fid-dritt Awstrijak ( 67 ). Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha, fir-realtà, dubji dwar id-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li fid-dawl tagħha għandha teżamina l-legalità ta’ dawn il-klawżoli fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni.

107.

Kunsiderazzjoni simultanja tal-kliem u tal-kuntest tal-imsemmija domanda turi wkoll li din il-qorti titlaq mill-premessa li d-dritt applikabbli għal tali eżaminazzjoni għandha tkun identika għad-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data li twettaq Amazon EU, jekk ikun il-każ, skont l-istess klawżoli.

108.

Ħadd mill-intervenjenti ma kkontesta din il-premessa. Jiena naqbel ukoll. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi regoli speċifiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħha li jirregola pproċessar ta’ data partikolari ( 68 ). Dawn ir-regoli partikolari jindikaw ukoll, fl-opinjoni tiegħi, id-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tal-legalità tal-klawżoli li jipprovdu dan l-ipproċessar ( 69 ).

2. Fuq il-portata tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46

109.

Skont ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 4 tagħha huwa intiż b’mod partikolari, fl-intier tiegħu, sabiex jevita li operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data tkun irregolata mil-liġijiet ta’ iktar minn Stat Membru wieħed ( 70 ). Din id-direttiva hija bbażata, fil-fatt, fuq l-idea li l-armonizzazzjoni li hija twettaq tiżgura livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha. Għalhekk hija timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ fiduċja reċiproka li jipprekludi li l-istess operazzjoni ta’ pproċessar tgħaddi mill-għarbiel ta’ diversi liġijiet nazzjonali, u b’hekk tostakola l-moviment tad-data kkonċernata ( 71 ).

110.

Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk funzjoni doppja ( 72 ):

Fl-ewwel lok, hija tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-qafas ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva 95/46. Din il-funzjoni kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Google Spain u Google ( 73 ). F’din il-kawża kien hemm inkwistjoni l-bżonn li jiġi stabbilit jekk dan il-qafas ta’ protezzjoni japplikax, permezz tad-dritt Spanjol li jittrasponi din id-direttiva, għal ipproċessar ta’ data li l-kontrollur tagħha huwa stabbilit fi Stat terz (jiġifieri l-Istati Uniti).

Fit-tieni lok, l-imsemmi Artikolu 4 jippermetti l-identifikazzjoni, minn fost il-liġijiet ta’ diversi Stati Membri, tal-liġi li tirregola l-ipproċessar ta’ data partikolari. Hija għal din il-funzjoni li tirreferi din il-kawża, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Weltimmo ( 74 ).

111.

Wara din il-kjarifika, mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-applikabbiltà ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ta’ Stat Membru għal ipproċessar ta’ data personali tippreżumi li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti:

L-ewwel nett, il-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar għandu jkollu “stabbiliment” f’dan l-Istat Membru.

It-tieni nett, dan l-ipproċessar għandu jseħħ “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” ta’ dan l-istabbiliment.

112.

It-tieni kundizzjoni sseħħ, fil-prattika, meta impriża jkollha stabbilimenti f’diversi Stati Membri ( 75 ). Hija tippermetti għalhekk li jiġi stabbilit liema dritt ta’ dawn l-Istati Membri jirregola l-operazzjoni tal-ipproċessar ikkonċernata: ser japplika biss id-dritt tal-Istat Membru tal-istabbiliment fil-kuntest tal-attivitajiet li fihom taqa’ din l-operazzjoni ( 76 ).

113.

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-klawżoli 6, 9 u 11 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ Amazon EU jipprevedu “ipproċessar ta’ data personali” li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 ( 77 ). Għandu jiġi evalwat ukoll jekk tali pproċessar huwiex intiż li jseħħ “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” ta’ “stabbiliment” ta’ din il-kumpannija fl-Awstrija, fil-Lussemburgu jew – minkejja li din l‑eventwalità la tqajmet mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-intervenjenti – fil-Ġermanja.

3. Fuq l-applikabbiltà eventwali tad-dritt Awstrijak

114.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ stabbiliment ta’ Amazon EU fl-Awstrija, jiena nosserva qabel xejn li l-kunċett ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, għandu sinjifikattiv awtonomu ( 78 ).

115.

Skont il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva, dan il-kunċett jippreżumi “l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli”. Din il-premessa tippreċiża li “l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan […] mhux il-fattur determinanti dwar dan”. Hija tindika wkoll li meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, huwa għandu jiżgura li kull wieħed minn dawn l-istabbilimenti jissodisfa l-obbligi previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet ta’ kull wieħed minnhom.

116.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fis-sentenza Weltimmo ( 79 ), interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ stabbiliment, li testendi għal “għal kull attività reali u effettiva, anki minima, eżerċitata permezz ta’ arranġament stabbli”, irrispettivament mill-forma legali tiegħu. F’din is-sentenza, hija ppreċiżat li “sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija, il-kontrollur tad-data, għandhiex stabbiliment, fis-sens tad-Direttiva 95/46, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fih hija rreġistrata, għandu jiġi evalwat kemm il-livell ta’ stabbiltà tal-arranġamenti kif ukoll ir‑realtà tal-eżerċizzju tal-attivitajiet f’dan l-Istat Membru l-ieħor” ( 80 ).

117.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad fdat lill-qorti nazzjonali l-funzjoni li tiddetermina, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk il-kumpannija inkwistjoni għandhiex stabbiliment fl-Ungerija fir-rigward ta’ serje ta’ kriterji. Minn naħa, hija stiednitha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività kkonċernata tikkonsisti fl-użu ta’ siti tal-internet li jippubblikaw riklami dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Ungerija u miktuba bl-Ungeriż – b’tali mod li l-użu ta’ dawn is-siti kien prinċipalment, jew anki kompletament, indirizzat lejn dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-preżenza ta’ rappreżentant fl-Ungerija responsabbli mill-irkupru tad-djun li jirriżultaw minn din l-attività u li jirrappreżenta lill-imsemmija kumpannija fil-proċeduri dwar l-ipproċessar tad-data kkonċernat, kif ukoll il-ftuħ ta’ kont bankarju u l-użu ta’ kaxxa postali fl-Ungerija ( 81 ). Barra minn hekk, nirrimarka li l-istabbiliment mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dawn il-kriterji jimplika li stabbiliment fl-Ungerija ma jistax jeżisti bis-sempliċi fatt li l-imsemmija siti tal-internet huma aċċessibbli minn hemmhekk.

118.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, jekk Amazon EU għandhiex stabbiliment fl-Awstrija. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata tipprovdilha ċerti indikazzjonijiet li jistgħu jiggwidawha fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, bħal dawk proposti iktar ’il fuq.

119.

Qabelxejn, kif jirriżulta mill-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li Amazon EU hija rreġistrata u għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu u ma la għandha sussidjarja u lanqas fergħa fl-Awstrija ma jeskludix li hija għandha stabbiliment fis-sens tad-Direttiva 95/46.

120.

Sussegwentement, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Amazon EU għandha relazzjoni u tikkonkludi kuntratti mal-konsumaturi Awstrijaki permezz tas-sit tal-internet fil-lingwa Ġermaniża. Fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward b’mod partikolari tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 116 u 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-element ma jistax, waħdu, ikun il-bażi tal-eżistenza ta’ stabbiliment ta’ Amazon EU fl-Awstrija fin-nuqqas ta’ fatturi oħra li jistgħu jistabbilixxu li din il-kumpannija għandha “arranġament stabbli”.

121.

Fl-aħħar nett, jiena ma neskludix li, kif allegat VKI, eventwali servizz ta’ wara l-bejgħ, bħal servizz ta’ lmenti, intiż għall-klijenti residenti fl-Awstrija, jista’ jikkostitwixxi stabbiliment fl-Awstrija. Tali konstatazzjoni ma tistax, madankollu, tiġġustifika waħedha l-applikabbiltà tad-DSG.

122.

Fil-fatt, anki jekk tiġi preżunta l-eżistenza ta’ tali servizz u l-klassifikazzjoni tiegħu bħala stabbiliment, xorta għandu jiġi stabbilit li l-ipproċessar ta’ data previst mill-klawżoli kkontestati huwa intiż li jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan is-servizz, fis-sens tat-tieni kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46.

123.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tivverifika l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni fis-sentenza Google Spain u Google ( 82 ). F’din il-kawża, hija adottat interpretazzjoni wiesgħa billi kkunsidrat, essenzjalment, li din tkun issodisfatta meta l-attivitajiet tal-utent tal-mutur ta’ tfittxija stabbilit fl-Istati Uniti (li għall-bżonnijiet tiegħu seħħ l-ipproċessar tad-data inkwistjoni) u l-attivitajiet ta’ promozzjoni u provvista ta’ spazji pubbliċitarji tal-istabbiliment tiegħu fi Spanja kienu “marbuta indissoċjabilment” ( 83 ).

124.

Madankollu, jiena niddubita jekk dan l-approċċ huwiex trasponibbli għal din il-kawża. Minbarra differenzi fattwali oħra, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza hija distinta minn dan il-każ peress li din il-kawża kienet tirrigwarda l-evalwazzjoni dwar jekk l-ipproċessar tad-data kkonċernata kienx kopert mill-qafas ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva 95/46 (permezz tad-dritt Spanjol ta’ traspożizzjoni tagħha). Fl-opinjoni tiegħi, huwa f’din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva b’mod estensiv, sabiex tevita li tali pproċessar ikun eżentat mill-obbligi jew mill-garanziji previsti minnha ( 84 ).

125.

F’dan il-każ, hemm lok, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat, liema fost id-diversi drittijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, hija intiża sabiex tirregola l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data previsti mill-klawżoli kkontestati. Tali eżerċizzju jimplika l-identifikazzjoni tal-istabbiliment li fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu jaqgħu bl-iktar mod dirett dawn l-operazzjonijiet. Madankollu, prima facie jidhirli, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-operazzjonijiet previsti mill-klawżoli 6, 9 u 11 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Amazon EU ma humiex marbuta mal-attivitajiet tagħha ta’ kwalunkwe servizz ta’ wara l-bejgħ fl-Awstrija.

4. Fuq l-applikabbiltà eventwali tad-dritt Lussemburgiż jew Ġermaniż

126.

Jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li Amazon EU ma għandhiex stabbiliment fl-Awstrija jew li, fi kwalunkwe każ, l-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti minn dawn il-klawżoli ma humiex intiżi sabiex jaqgħu fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ tali stabbiliment, xorta għandu jiġi eżaminat fid-dawl taż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, jekk l-imsemmija operazzjonijiet humiex suġġetti għad-dritt ta’ Stat Membru ieħor, u jekk ikun il-każ, l-identifikazzjoni tiegħu.

127.

La l-qorti tar-rinviju u lanqas l-intervenjenti ma jiddubitaw, f’dan ir-rigward, li Amazon EU għandha stabbiliment fil-Lussemburgu. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti mill-imsemmija klawżoli humiex pjuttost marbuta mal-attivitajiet ta’ eventwali stabbiliment ta’ din il-kumpannija fil-Ġermanja. Fil-fatt, huwa permezz tas-sit tal-internet f’isem dominju Ġermaniż www.amazon.de li hija stabbilixxiet relazzjonijiet mal-konsumaturi Awstrijaki. Il-klawżola 6 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Amazon EU tindika barra minn hekk li “Amazon.de” tivverifika, tevalwa u tiskambja – jiġifieri tipproċessa – id-data personali tal‑klijenti ( 85 ). Fid-dawl ta’ tali indizji, l-applikabbiltà tad-dritt Ġermaniż jista’ jkun previst. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix madankollu elementi fattwali oħra relatati mal-attivitajiet ta’ Amazon EU fil‑Ġermanja.

128.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 116 u 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk Amazon EU għandhiex stabbiliment fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46. Fl-affermattiv, din il-qorti għandha teżamina jekk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti mill-klawżoli kkonċernati humiex intiżi sabiex jitwettqu fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment jew tal-istabbiliment fil-Lussemburgu ta’ Amazon EU.

V – Konklużjoni

129.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

(1)

Id-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi minn professjonist fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ indirizzati lill-konsumaturi li jirresjedu fi Stat Membru ieħor għandu jiġi stabbilit abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), meta din l-eżaminazzjoni ssir fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ dawn il-klawżoli, imressqa abbażi ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.

(2)

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 864/2007 ma jirregolax id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi minn professjonist fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ indirizzati lill-konsumaturi li jirresjedu fi Stat Membru ieħor, meta din l-eżaminazzjoni ssir fil-kuntest ta’ azzjoni għal inġunzjoni intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ dawn il-klawżoli, imressqa abbażi ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/22.

(3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ professjonist, li ma kinitx innegozjata individwalment, li tipprovdi li d-dritt tal-Istat Membru tas-sede ta’ dan il-professjonist għandu jirregola l-kuntratt konkluż permezz tal-kummerċ elettroniku mal-konsumatur, hija inġusta sa fejn tiżvija lill-konsumatur billi tagħtih l-impressjoni li huwa biss id-dritt ta’ dan l-Istat Membru li japplika għall-kuntratt, mingħajr ma tinformah bil-fatt li huwa għandu wkoll, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), id-dritt li jinvoka l-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt li kienu jkunu applikabbli fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti.

(4)

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data, għandu jiġi interpretat fis-sens li operazzjoni ta’ pproċessar tad-data personali tista’ tkun suġġetta biss għad-dritt ta’ Stat Membru wieħed. Dan l-Istat Membru huwa dak li fih il-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar għandu stabbiliment, fis-sens li jwettaq attività reali u effettiva permezz ta’ arranġament stabbli, fil-kuntest tal-attivitajiet li fih titwettaq l-operazzjoni kkonċernata. Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq tali evalwazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

( 3 ) Regolament, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30).

( 7 ) Tali azzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 (ara n-nota 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/22). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/22, filwaqt li jirriproduċu l-kontenut tal-imsemmi Artikolu 7(2), jikkompletawh. B’mod partikolari, filwaqt li d-Direttiva 93/13 ma tippreċiżax il-proċeduri tal-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) tagħha, id-Direttiva 2009/22 tirregola fid-dettall l-azzjonijiet għal inġunzjonijiet.

( 8 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 5859). Minnha jirriżulta li d-dritt applikabbli għall-obbligu tal-assiguratur li jkopri r-responsabbiltà ċivili tal-assigurat fir-rigward tal-vittma għandu jiġi ddeterminat skont ir-Regolament Ruma I. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istess azzjoni, id-dritt applikabbli għat-tqassim tar-responsabbiltà possibbli bejn diversi persuni li jistgħu jiġu ddikjarati responsabbli u l-assiguraturi rispettivi tagħhom għandu jkun iddeterminat skont ir-Regolament Ruma II.

( 9 ) Ma huwiex ikkontestat li tali azzjoni taqa’ taħt materja ċivili jew taħt materja kummerċjali fis-sens tal-Artikoli 1(1) tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 30).

( 10 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002 (C-167/00, EU:C:2002:555, punt 40).

( 11 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), li d-dispożizzjoni korrispondenti tiegħu tinsab fl-Artikolu 5(1). Dan ir-regolament ġie abrogat u ssostitwit bir- Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1) (imsejjaħ ir-“Regolament Brussell Ia”). L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I.

( 12 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punti 3839).

( 13 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 41)

( 14 ) Il-Kummissjoni sostniet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-konklużjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555) ma hijiex trasponibbli għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni. Għaldaqstant, din id-determinazzjoni hija rregolata, fl-intier tagħha, mir-Regolament Ruma I. Madankollu, hija biddlet il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta, fejn argumentat, essenzjalment, li anki jekk ir-Regolament Ruma II huwa rilevanti għall-kwistjonijiet oħra tad-dritt imqajma fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni, ir-Regolament Ruma I japplika għall-eżami tal-legalità tal-klawżoli kuntrattwali previsti mit-talba għal inġunzjoni.

( 15 ) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Ruma II jispeċifika l-kontenut tal-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” b’mod indirett, permezz ta’ definizzjoni tad-“dannu” li jagħti lok għalih.

( 16 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016 (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40).

( 17 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 44).

( 18 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 4546).

( 19 ) Il-formulazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tindikax li l-persuni marbuta b’tali obbligu għandhom neċessarjament ikunu l-istess bħall-partijiet fil-proċedura. Madankollu, hija ppreċiżat li din id-definizzjoni hija bbażata “b’analoġija” fuq id-definizzjoni tal-materja kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Brussell I. Għaldaqstant, tista’ tkun interpretata fis-sens li teħtieġ l-identità bejn il-persuni marbuta bl-obbligu u l-partijiet fil-kawża, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ dan l-element fil-kuntest tad-definizzjoni tal-materja kuntrattwali fis-sens tar-Regolament Brussell I (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 20 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002 (C-167/00, EU:C:2002:555, punti 38 sa 40). Ara wkoll, sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C 26/91, EU:C:1992:268, punti 15 u 21); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C 51/97, EU:C:1998:509, punti 17 sa 20), u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C 265/02, EU:C:2004:77, punti 24 sa 26).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawżi magħquda ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2015:630, punt 62).

( 22 ) Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), li jipprovdi li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek “fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”.

( 23 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 19).

( 24 ) L-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament Ruma I jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-“obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn trattativi qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt”. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis għall-“kuntratti konklużi” wara s-17 ta’ Diċembru 2009.

( 25 ) Artikolu 2(2) tar-Regolament Ruma II.

( 26 ) Artikolu 12(1) tar-Regolament Ruma II.

( 27 ) Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma II.

( 28 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002 (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 39).

( 29 ) Bl-espressjoni “rikors individwali”, irrid infisser li kull rikors ippreżentat abbażi ta’ rabta kuntrattwali konkreta bejn professjonist u konsumatur wieħed jew iktar. Għalhekk, dan il-kunċett ikopri l-azzjonijiet kollha li fihom il-konsumaturi vittmi tal-allegata illegalità “jissemmew” jew huma speċifikati, permezz ta’ rikorsi kollettivi ta’ natura astratta, mibdija fl-interess pubbliku, bħall-azzjoni għal inġunzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-premessa 3 tad-Direttiva 2009/22 tippreċiża li l-azzjonijiet għal inġunzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huma intiżi li jipproteġu l-“interessi kollettivi tal-konsumaturi”, iddefiniti bħala “interessi li ma jinkludux l-akkumulazzjoni ta’ interessi ta’ individwi […]” u dan “mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet individwali li jsiru minn individwi li ġralhom il-ħsara minħabba ksur ta’ liġi”.

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑372/99, EU:C:2002:42, punt 15), u tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 37).

( 31 ) Minn din in-natura astratta jirriżulta wkoll li l-inġunzjoni sabiex ma jintużawx klawżoli ddikjarati inġusti topera fir-rigward tal-konsumaturi kollha li kkonkludew mal-professjonist ikkonċernat kuntratt li jinkludi dawn l-istess klawżoli, anki jekk dawn tal-aħħar huma parti fil-proċedura għal inġunzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012(Invitel, C-472/10, EU:C:2012:242, punt 38)].

( 32 ) Sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 39); tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 37), kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 29). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑70/03, EU:C:2004:505, punt 16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn rikors individwali u l-azzjoni għal inġunzjoni billi osservat li “[f]l-ewwel każ, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti huma msejħa sabiex jagħmlu evalwazzjoni in concreto dwar il-karattru inġust ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt li jkun diġà ġie konkluż, filwaqt li fit-tieni każ, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni in abstracto dwar il-karattru inġust ta’ klawżola li tista’ tiġi inkorporata f’kuntratti li jkunu għadhom ma ġewx konklużi”.

( 33 ) Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 u s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 21).

( 34 ) L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/22 jiddefinixxi l-ksur bħala “kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi [tal-konsumaturi inklużi f’dawn id-direttivi]”.

( 35 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002 (C‑167/00, EU:C:2002:55, punt 50).

( 36 ) Dan l-approċċ jikkorrispondi għal dak li l-Kummissjoni pprevediet fl-abbozz tagħha tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali [“Ruma II”], tat-22 ta’ Lulju 2003, COM (2003) 427 finali (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-Regolament Ruma II”), p. 16 u 17. Hawnhekk hija tirreferi għall-konklużjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555), li tissuġġerixxi li din tapplika għad-determinazzjoni kemm tal-qorti kompetenti kif ukoll tad-dritt applikabbli.

( 37 ) F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikkontestati kienu fformulati minn Amazon EU qabel l-approvazzjoni tagħhom mill-konsumaturi u għalhekk ma kinux innegozjati individwalment.

( 38 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 30), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-għanijiet u l-effetti differenti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ azzjonijiet.

( 39 ) Ir-regola li tipprovdi li f’każ ta’ dubju dwar is-sens ta’ klawżola għandha tipprevali l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-konsumatur ma tapplikax għal rikorsi kollettivi għal inġunzjoni. Fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑70/03, EU:C:2004:505, punt 16), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat din id-distinzjoni permezz tan-natura u l-iskopijiet differenti tar-rikors individwali u tal-azzjoni għal inġunzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 40 ) Abbozz tar-Regolament Ruma II, p. 17.

( 41 ) Ara l-premessa 21 tar-Regolament Ruma II.

( 42 ) Abbozz tar-Regolament Ruma II, p. 17.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, A. Dickinson, The Rome II Regulation: The Law Applicable to Non Contractual Obligations, Oxford, 2008, p. 397 u 398.

( 44 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Amazon EU ġustament tosserva li madankollu din id-dispożizzjoni tapplika biss meta l-kuntratt jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I. Il-kuntratti li din il-kumpannija kkonkludiet jew ser tikkonkludi fil-futur mal-konsumaturi Awstrijaki jistgħu jaqgħu fix-xenarju previst fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, peress li Amazon EU “[t]indirizza l-attivitajiet [tagħha]” lejn l-Awstrija. Dan jidhirli li jkun il-każ, jekk jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sit www.amazon.de jippermetti effettivament il-konklużjoni ta’ kuntratti mal-konsumaturi Awstrijaki (ara l-abbozz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali [Ruma I], COM (2005) 650 finali, p. 7). Madankollu, jekk ikun il-każ, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu tali evalwazzjoni.

( 46 ) Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Ruma I, il-validità ta’ klawżola tal-għażla tal-liġi, fil-kuntest ta’ rikors individwali, għandha tkun evalwata fid-dawl tad-dritt magħżul mill-partijiet. F’każ li din il-klawżola tkun iddikjarata inġusta skont tali evalwazzjoni, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikunu rregolati mid-dritt tal-pajjiż ta’ residenza tal-konsumatur skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament (preżunt li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tkun issodisfatta, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 47 ) Ara wkoll il-premessa 25 tar-Regolament Ruma I.

( 48 ) Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx riferiment għaliha fid-domandi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu din id-dispożizzjoni inkunsiderazzjoni peress li l-interpretazzjoni tagħha tista’ tkun utli għas-sentenza fil-kawża prinċipali [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 49 ) Dan l-Anness jinkludi biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Għaldaqstant, klawżola li ma hijiex inkluża fih ma għandhiex neċessarjament tiġi kkunsidrata bħala inġusta u, kuntrarjament, klawżola li ma hijiex inkluża fih tista’ madankollu tiġi ddikjarata inġusta [ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-478/99, EU:C:2002:281, punt 20)].

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, EU:C:2015:447, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola, din għandha tiġi interpretata billi jiġu attribwiti lilha l-effetti li hija jkollha fil-kuntest tar-relazzjonijiet individwali u konkreti bejn il-professjonist u l-konsumaturi, kif ifformulati mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, waqt tali eżami, għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari l-konsegwenzi li l-klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt [sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punt 21)]. Dan id-dritt jinkludi, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss id-dritt nazzjonali, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

( 53 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000 (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 2223).

( 54 ) Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

( 55 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) F’kuntest partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta l-effetti ta’ klawżola jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi imperattivi, huwa essenzjali li l-konsumatur ikun informat dwar dawn id-dispożizzjonijiet [sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 29)].

( 57 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 51).

( 58 ) Ara l-premessa 24 tar-Regolament Ruma I.

( 59 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1), li tenfasizza li l-ispejjeż, id-dewmien u l-kumplessità konnessi mal-litigazzjoni mhux neċessarjament jonqsu proporzjonalment mal-valur tat-talba, b’tali mod li l-ostakoli għall-kisba ta’ deċiżjoni ġudizzjarja rapida u b’inqas spejjeż huma aggravati f’każijiet transkonfinali. Il-konsumaturi jistgħu, barra minn hekk, jippreżentaw proċedura extra-ġudizzjarja li ssolvi t-tilwima skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63).

( 60 ) Jiġifieri diversi direttivi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-27 ta’ Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“regolament dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1).

( 61 ) Għalhekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ konsum ma jistgħux jidderogaw mill-protezzjoni mogħtija lill-konsumatur mid-Direttiva 93/13 [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36)]. Ara wkoll, pereżempju, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 155, Vol. 4, p. 223).

( 62 ) Il-paragun tal-merti rispettivi tad-dispożizzjonijiet ta’ ordinamenti legali differenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jibqa’ fl-aħħar mill-aħħar, diffiċli fil-prattika (ara, f’dan ir-rigward, J. Hill, “Article 6 of the Rome I Regulation: Much ado about nothing”, Nederlands Internationaal Privaatrecht, 2009, Vol. 27, p. 443).

( 63 ) Għal ċerti eżempji ta’ deċiżjonijiet nazzjonali f’dan is-sens, ara J. Basedow, “Consumer contracts and insurance contracts in a future Rome I-regulation”, Enforcement of international contrats in the European Union : Convergence and divergence between Brussels I and Rome I, Intersentia, Antwerp Oxford New York, 2004, p. 280 u 281.

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44.

( 65 ) Ara b’mod partikolari, il-premessa 2 u l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2011/83.

( 66 ) Ara l-ħames premessa tad-Direttiva 93/13.

( 67 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa skont id-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/22 li VKI hija awtorizzata tippreżenta l-azzjoni għal inġunzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għal azzjonijiet għal inġunzjoni “immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I [tagħha]”. Dan l-anness ma jagħmilx riferiment għad-Direttiva 95/46. Għalhekk, l-azzjonijiet għal inġunzjoni intiżi li jipprojbixxu l-użu ta’ klawżoli li jmorru kontra l-liġijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva (bħad-DSG) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/22. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li VKI hija awtorizzata titlob il-projbizzjoni tal-użu ta’ klawżoli li jmorru kontra d-DSG skont dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak li jillimitaw b’mod iktar wiesa’ d-dritt tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jaġixxu. L-għan tal-kawża prinċipali, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, jissuġġerixxi li dan huwa l-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

( 68 ) Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Ruma II, dan ir-regolament “ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, relattivament għal materji partikolari, jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali”. Ara wkoll l-Artikolu 23 tar-Regolament Ruma I.

( 69 ) Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għal tali eżami u l-għażla tad-dritt applikabbli għal kwistjonijiet oħra tad-dritt li jistgħu jqumu fil-kuntest tal-azzjoni għal inġunzjoni, bħal pereżempju, il-kwistjoni tal-eżistenza stess tad-dritt li titlob il-projbizzjoni ta’ klawżoli li jmorru kontra d-DSG.

( 70 ) Commission communication on the protection of individuals in relation to the processing of personal data in the Community and information security (COM 90 (314) finali, p. 22), u amended proposal for a Council directive on the protection of individuals with regard to the processing of personal data and on the free movement of such data (COM (92) 422 finali, p. 13). Bl-istess mod, il-premessa 18 tad-Direttiva 95/46 issemmi l-bżonn li kull ipproċessar tad-data personali mwettaq fl-Unjoni josserva l-leġiżlazzjoni “ta’ wieħed tal-Istat Membri”.

( 71 ) Ara f’dan is-sens, il-premessa 9 tad-Direttiva 95/46.

( 72 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Weltimmo (C‑230/14, EU:C:2015:426, punt 23).

( 73 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, C‑131/12, EU:C:2014:317.

( 74 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, C‑230/14, EU:C:2015:639.

( 75 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Weltimmo (C‑230/14, EU:C:2015:426, punt 40).

( 76 ) Huwa possibbli li l-istess ipproċessar ta’ data minn impriża jkun jikkonsisti f’diversi operazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet ta’ stabbilimenti differenti tagħha. F’tali sitwazzjoni, kull operazzjoni taqa’, fl-opinjoni tiegħi, taħt id-dritt tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment li fil-kuntest tiegħu hija titwettaq.

( 77 ) L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi l-“ipproċessar ta’ data personali” bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet […]” applikati għal tali data, b’mod partikolari, bħall-ġbir, l-użu u t-trażmissjoni tagħha.

( 78 ) Fil-fatt, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u l-portata tagħha għandu normalment ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s‑sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 79 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015 (C-230/14, EU:C:2015:639, punti 2831).

( 80 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo (C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 29).

( 81 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo (C‑230/14, EU:C:2015:639, punti 3233).

( 82 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317). Fis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo (C-230/14, EU:C:2015:639, punt 38), l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet biss dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija, peress li ma kienx ikkontestat il-fatt li l-ipproċessar ikkonċernat seħħ fil-kuntest tal-attivitajiet li kellha l-kumpannija inkwistjoni fl-Ungerija.

( 83 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 56).

( 84 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 5458).

( 85 ) Ara l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46.