KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2016 ( 1 )
Kawża C‑159/15
Franz Lesar
vs
Beim Vorstand der Telekom Austria AG eingerichtetes Personalamt
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(2) — Determinazzjoni tad-drittijiet ta’ pensjoni tal-ex uffiċjali — Perijodi ta’ taħriġ jew ta’ impjieg b’kuntratt li għalihom kellhom jitħallsu kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-pensjoni obbligatorja — Teħid inkunsiderazzjoni — Esklużjoni ta’ tali perijodi mwettqa qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 18-il sena”
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u (2)(a), kif ukoll 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Lesar u Beim Vorstand der Telekom Austria AG eingerichtetes Personalamt (dipartiment tal-persunal tad-direttorat ta’ Telekom Austria AG, iktar ’il quddiem is-“Servizz tal-Persunal”), fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol preċedenti għad-dħul fis-servizz ta’ F. Lesar li dan wettaq qabel ma laħaq l-età ta’ 18-il sena. |
|
3. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 iktar milli fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva. Fi tmiem l-analiżi tiegħi jien ser nasal għall-konklużjoni li l-Artikoli 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-iskopijiet tal-għoti ta’ dritt għal pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sa fejn dik il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-iffissar uniformi, fi ħdan l-iskema ta’ irtirar tal-uffiċjali, tal-età ta’ sħubija f’dik l-iskema kif ukoll tal-età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ dik l-iskema. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 2000/78
|
4. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. |
|
5. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[...]” |
|
6. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[...] 2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
B – Id-dritt Awstrijak
|
7. |
L-Artikoli 53 u 54 tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965), [liġi federali dwar id-drittijiet għal pensjoni tal-uffiċjali Federali, is-superstiti tagħhom u l-membri tal-familja tagħhom (liġi dwar il-pensjonijiet tal-1965)], tat-18 ta’ Novembru 1965 ( 3 ), kienu, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, ifformulati kif ġej: “Perijodi qabel id-dħul fis-servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar Artikolu 53 (1) Il-perijodi li jistgħu jiġu assimilati huma dawk li huma elenkati fil-paragrafi 2 sa 4 sa fejn dawn huma preċedenti għad-data li minnha jibda jiddekorri ż-żmien ta’ servizz federali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-irtirar. Dawn il-perijodi huma inklużi permezz ta’ imputazzjoni. (2) Huma inklużi l-perijodi li ġejjin:
[...]
[...]
[...] Esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni u rinunzja Artikolu 54 [...] (2) Ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi sussegwenti li jistgħu jiġu assimilati:
[...] (5) It-tieni istanza tal-paragrafu 2(a) tapplika biss għall-uffiċjali li għalihom ma japplikax l-Artikolu 88(1) [...]” |
|
8. |
L-Artikolu 88(1) tal-PG 1965, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkontempla l-uffiċjali li daħlu jaħdmu ma’ awtorità lokali Awstrijaka qabel l-1 ta Mejju 1995 li, bejn id-data tad-dħul tagħhom fis-servizz u d-data li fiha jispiċċaw, jibqgħu fis-servizz mingħajr interruzzjoni ma’ awtorità lokali Awstrijaka. |
II – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
|
9. |
F. Lesar twieled fit-3 ta’ Ġunju 1949. Bejn l-età ta’ 14-il sena u l-età ta’ 18‑il sena (mid-9 ta’ Settembru 1963 sat-8 ta’ Marzu 1967), huwa ħadem b’kuntratt ta’ taħriġ mal-(Post- und Telegraphenverwaltung des Bundes (Amministrazzjoni tal-posta u telegrafi tal-Istat Federali). Mid-9 ta’ Marzu 1967, huwa ġie ngaġġat minn din bħala membru tal-persunal bil-kuntratt. Minbarra x-xogħol tiegħu, huwa reġa’ beda jistudja bejn l-14 ta’ Settembru 1967 sas-17 ta’ Frar 1972, fil-liċeo federali għall-istudenti li jeżerċitaw attività professjonali. Fl-1 ta’ Lulju 1972, huwa ġie ngaġġat mill-Bund (iktar 'il quddiem l-“Istat Federali”) fil-kwalità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt b’impjieg fis-servizz pubbliku. |
|
10. |
Qabel ma ġie aċċettat bħala uffiċjal, F. Lesar ħallas il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni lill-Pensionsversicherungsanstalt der Angestellten (uffiċċju tal-pensjonijiet tal-impjegati, iktar ’il quddiem l-“organu assiguratur”) matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol tiegħu, u dan kemm qabel u kif ukoll wara li laħaq l-età ta’ 18-il sena. |
|
11. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Post- und Telegraphendirektion für Steiermark (direttorat tal-amministrazzjoni tal-posta u telegrafi ta’ Steiermark), tat-23 ta’ Awwissu 1973, ħames snin u ħmistax-il jum li għaddew bejn id-data li fiha laħaq l-età ta’ 18-il sena u d-data li fiha beda l-karriera tiegħu fis-servizz pubbliku ġew rikonoxxuti lilu mingħajr ebda kundizzjoni bħala perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni. Dawn il-perijodi jinqasmu skont kif ġej:
|
|
12. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 1974, l-organu assiguratur iddeċieda li jagħti u jħallas lill-Istat Federali ammont magħruf bħala “ta’ trasferiment” għall-perijodi ta’ attività bħala membru tal-persunal bil-kuntratt assimilati li F. Lesar kien wettaq wara li laħaq l-età ta’ 18-il sena. Dan l-ammont ta’ trasferiment kien ta’ 4785 xelini Awstrijaċi (ATS). |
|
13. |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Marzu 1974 u tat-22 ta’ Mejju 1974, is-somma ta’ ATS 33160.05 ġiet mogħtija lil F. Lesar bħala rimborż, b’mod partikolari, tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni li huwa kien ħallas għall-perijodi tiegħu taħt il-kuntratt ta’ taħriġ u taħt ir-relazzjoni tiegħu ta’ xogħol bħala membru tal-persunal bil-kuntratt imwettqa qabel ma kien laħaq l-età ta’ 18-il sena. |
|
14. |
F. Lesar ġie aċċettat għall-benefiċċju tal-irtirar l-għada tal-31 ta’ Awwissu 2004. F’dan il-kuntest, id-dipartiment tal-persunal stabbilixxa l-ammont tal-pensjoni tiegħu billi ħa inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti rikonoxxuti permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 1973. |
|
15. |
Fix-xahar ta’ Awwissu 2011, F. Lesar talab li jiġu rrikonoxxuti l-perijodi ta’ taħriġ u l-perijodi ta’ impjieg li huwa kien wettaq qabel laħaq l-età ta’ 18-il sena, bħala perijodi addizzjonali li jistgħu jiġu assimilati. Id-dipartiment tal-persunal ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2012. Għalhekk, F. Lesar ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali). Dik il-qorti, madankollu, iddikjarat ruħha li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex teżamina dak ir-rikors. Għaldaqstant, F. Lesar irrikorra quddiem il-qorti tar-rinviju fejn ressaq l-istess ilment. |
|
16. |
Skont din tal-aħħar, iċ-ċaħda tat-talba ma tkunx iġġustifikata jekk, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, il-pożizzjoni legali tkun inbidlet. Hija tikkunsidra li, f’dan il-każ, ir-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ taħriġ u ta’ impjieg imwettqa qabel intlaħqet l-età ta’ 18-il sena bħala perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz jikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, iżda hija tistaqsi jekk din tistax, madankollu, tkun iġġustifikata. |
|
17. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikoli 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-perijodi ta’ taħriġ u l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali qabel id‑dħul tiegħu fis-servizz pubbliku f’dik il-kapaċità, perijodi li fir-rigward tagħhom kellhom jitħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni obbligatorja),
|
III – L-analiżi tiegħi
|
18. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar jekk l-Artikoli 2(1) u 2(a) u 6(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għal pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, minkejja li dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jitwettqu wara li jkun laħaq din l-età. |
|
19. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, billi jeskludi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ tali pensjoni tal-irtirar, parti mill-uffiċjali mill-benefiċċju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, l-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Għalhekk, din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
20. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, bħala li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex assimilati ma’ remunerazzjoni, fis-sens mogħti lil dan it-terminu għall‑applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE ( 5 ). Hija fakkret ukoll li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, jinkludi l-benefiċċji kollha fi flus jew in natura, kemm jekk immedjati jew fil-futur, bil-kundizzjoni li jitħallsu, anki indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem fid-dawl tal-impjieg tiegħu ( 6 ). |
|
21. |
F’dik il-kawża, kien hemm inkwistjoni l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-punti tal-irtirar, ta’ perijodi skolastiċi mwettqa minn G. Felber qabel l-età ta’ 18-il sena u qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Istat Federali. Ġie stabbilit li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar jiddependi mill-perijodi ta’ servizz u minn perijodi li jistgħu jiġu assimilati kif ukoll mis-salarju li l-uffiċjal kien jirċievi u li l-pensjoni tal-irtirar tikkostitwixxi ħlas futur fi flus, imħallas mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħha, bħala konsegwenza diretta tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, din il-pensjoni titqies, fid-dritt nazzjonali, li hija remunerazzjoni li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal jibda jibbenefika minn benefiċċji tal-irtirar. Din il-pensjoni tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE ( 7 ). |
|
22. |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tagħmel differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 8 ). |
|
23. |
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament kinitx tista’ madankollu tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel, irrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz tal-uffiċjal imwettqa minnu barra mir-relazzjoni ta’ servizz huwa regola derogatorja li ġiet introdotta sabiex ma tagħtix żvantaġġ, fir-rigward tal-kisba ta’ drittijiet għal pensjoni, lill-uffiċjali li, qabel id-dħul tagħhom fis-servizz tal-Istat Federali, ikunu wettqu taħriġ superjuri meta pparagunati ma’ dawk li r-reklutaġġ tagħhom ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ taħriġ partikolari u li, konsegwentement, setgħu jidħlu fis-servizz tal-Istat Federali mill-età ta’ 18-il sena. Għalhekk, ir-regoli tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali huma kkonċepiti b’mod li l-karriera globali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tista’ tmur lura sal-età minima meħtieġa għad-dħul fis-servizz tal-Istat. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex tagħmel uniformi d-data ta’ bidu ta’ kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni u, għaldaqstant, iż-żamma tal-età ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-irtirar. F’dan il-kuntest, l-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ skolastiku mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena hija ġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata bħala prinċipju ma teżerċitax, matul dawn il-perijodi, attività remunerata li tagħti lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni ( 9 ). |
|
25. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn it-tfittxija ta’ tali għan tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni kollha ta’ settur partikolari u fir-rigward ta’ element essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħalma huwa l-mument li fih jirtiraw, dan l-għan jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg ( 10 ). |
|
26. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, kif jeżiġi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk il-mezzi implementati biex jintlaħaq l-imsemmi għan kinux approprjati u neċessarji. |
|
27. |
Minn naħa, fir-rigward tan-natura xierqa tal-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-età minima ta’ reklutaġġ fis-servizz pubbliku hija ffissata għal 18-il sena u li, għaldaqstant, uffiċjal ma jistax jiġi affiljat mal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali u jħallas kontribuzzjonijiet lil din l-iskema ħlief minn din l-età ( 11 ). Konsegwentement, l-esklużjoni, skont din id-dispożizzjoni, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ skolastiku mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena hija xierqa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li tiġi adottata politika tal-impjieg ta’ natura li tippermetti lill-affiljati kollha mal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali li jibdew iħallsu kontribuzzjonijiet fl-istess età, li jiksbu d-dritt li jirċievu pensjoni tal-irtirar kompleta u, għalhekk, li tiġi ggarantita ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali ( 12 ). |
|
28. |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan li hija tfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-talba fl-oriġini tal-kawża hija intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni mhux ta’ perijodi ta’ impjieg, bħal fil-każ tal-kawża li tat lok għas-sentenza Hütter (C-88/08, EU:C:2009:381), iżda unikament perijodi ta’ taħriġ imwettqa f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali ( 13 ). |
|
29. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tidher koerenti fir-rigward tal-ġustifikazzjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma tħallasx kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni ( 14 ). Hija kkonkludiet li miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet meħuda inkunsiderazzjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ( 15 ). |
|
30. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda tagħha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha, essenzjalment, jekk din il-konklużjoni tistax tiġi trasposta għall-perijodi ta’ taħriġ u għall-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bil-kuntratt li kien fis-servizz tal-Istat Federali qabel laħaq l-età ta’ 18-il sena. Fi kliem ieħor, hija tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 2(1) u (2)(a) kif ukoll 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludux jew le leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-perijodi ta’ taħriġ u l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz tal-Istat Federali ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjal meta l-persuna kkonċernata tkun wettqithom qabel ma laħqet l-età ta’ 18-il sena. |
|
31. |
Nirrileva mill-ewwel, li, meta kienet ġiet mistoqsija dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fid-dawl tal-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet fis-sentenza tagħha Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20), li tillimita l-eżami tagħha fir-rigward biss tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Dan ċertament jispjega għaliex il-qorti tar-rinviju ma semmietx il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu fid-domanda li hija għamlet fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
32. |
Madankollu huwa, fil-fatt, fid-dawl tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 li din il-kawża jidhirli li trid tiġi eżaminata. |
|
33. |
F’dan ir-rigward, infakkar li anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan ( 16 ). |
|
34. |
Nirrileva wkoll li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak ikkunsidra li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet iġġustifikata mhux biss fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, imma wkoll fid-dawl tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-partijiet kollha ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja jieħdu pożizzjoni waqt is-seduta dwar l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà, f’dan il-każ, ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
35. |
Fil-fehma tiegħi, ma huwiex xieraq li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod prijoritarju fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 sa fejn l-għan li għandha din id-dispożizzjoni huwa preċiżament l-istess bħal dak tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva li jippermetti lill-Istati Membri li jfittxu, ossija jiffissaw, għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali, etajiet ta’ sħubija jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar jew ta’ invalidità. |
|
36. |
Issa, huwa dan il-għan li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment fis-sentenza tagħha Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20) meta hija tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li tiġi adottata politika tal-impjieg ta’ natura li tippermetti lill-affiljati kollha mal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali li jibdew iħallsu kontribuzzjonijiet fl-istess età, li jiksbu d-dritt li jirċievu pensjoni ta’ rtirar kompleta u, għalhekk, li tiġi ggarantita ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali ( 17 ). |
|
37. |
Kif wera l-Gvern Awstrijak, huwa proprju bil-għan li tiġi uniformizzata d-data tal-bidu tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali u, għaldaqstant li tinżamm l-età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-irtirar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ jew ta’ xogħol li jkun sar qabel l-età ta’ 18-il sena. Tali leġiżlazzjoni hija għaldaqstant l-espressjoni tal-libertà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li jiffissaw, għall-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali, età ta’ sħubija għal skema ta’ rtirar tal-uffiċjali jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ dik l-iskema. Barra minn hekk, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa tali li jippermetti lill-Istati Membri mhux biss li jiffissaw l-etajiet differenti għall-ħaddiema jew tal-gruppi jew kategoriji ta’ ħaddiema, imma wkoll li jadottaw miżuri xierqa biex jiggarantixxu, fi ħdan l-iskema professjonali ta’ sigurtà soċjali, età uniformi ta’ sħubija jew ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar jew ta’ invalidità. |
|
38. |
Fis-sentenzi tagħha HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu eċċezzjoni għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva ( 18 ). |
|
39. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 li biha din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali jista’ jkollha bħala effett it-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bi ksur tan-natura restrittiva tal-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ din id-dispożizzjoni ( 19 ). |
|
40. |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu n-natura li japplika biss għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali li jkopru r-riskji ta’ xjuħija u ta’ invalidità ( 20 ). Barra minn hekk, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhux l-elementi kollha li jikkaratterizzaw skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri dawn ir-riskji, iżda biss dawk li huma msemmija fiha ( 21 ). |
|
41. |
Konsegwentement, sabiex jiġi vverifikat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi vverifikat, min-naħa waħda, jekk hija tidħolx fil-kuntest ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskju ta’ xjuħija jew ta’ invalidità u, min-naħa l-oħra, jekk hija taqax taħt il-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri, l-“iffissar [...] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità”, inkluża “l-iffissar [...] ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji”. |
|
42. |
L-istess bħall-Gvern Awstrijak, jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
|
43. |
Fil-fatt, din hija leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għal skema professjonali ta’ sigurtà soċjali u li għandha bħala għan l-iffissar uniformi ta’ età ta’ sħubija fi skema ta’ pensjoni tal-uffiċjali kif ukoll ta’ età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar. |
|
44. |
Għalkemm id-Direttiva 2000/78 ma tiddefinixxix x’għandu jinftiehem bi “skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali”, hemm definizzjoni ta’ dan il-kunċett, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 22 ). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali huma “skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali [ ( 23 )] li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla”. |
|
45. |
Issa, kif indika ġustament il-Gvern Awstrijak, l-iskema ta’ rtirar tal-uffiċjali hija skema li tipprovdi lill-membri ta’ settur professjonali benefiċċji intiżi li jissostitwixxu benefiċċji ta’ skema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-irtirar fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54. F’dan is-sens, skont l-Artikolu 5(1)(3)(a) tal-ASVG, l-uffiċjali federali huma esklużi mill-iskema tal-assigurazzjoni implementata mill-ASVG minħabba l-impjieg tagħhom fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali minħabba li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tagħtihom id-dritt għal benefiċċji tal-irtirar li huma ekwivalenti għal dawk li tipprovdi l-iskema tal-assigurazzjoni għall-irtirar. |
|
46. |
Barra minn hekk, għandu jissemma l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/54, li jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ) billi jassimila mal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali l-“iskemi tal-pensjoni għal kategorija partikolari ta’ ħaddiem bħal dik ta’ l-uffiċjali pubbliċi jekk il-benefiċċji li jitħallsu skond l-istess skema jitħallsu minħabba r-relazzjoni ta’ l-impjieg ma’ min iħaddem fis-settur pubbliku”, u f’dan ir-rigward ma jagħmilx differenza l-fatt li tali skema tifforma parti minn skema legali ġenerali. |
|
47. |
Min dak li jippreċedi jirriżulta li, b’analoġija, l-iskema ta’ rtirar tal-uffiċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, għaldaqstant, tiġi assimilata għal skema professjonali ta’ sigurtà soċjali fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
|
48. |
Il-Gvern Awstrijak huwa, għaldaqstant, iġġustifikat, bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li japplika leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li żżomm, fi ħdan din l-iskema, età uniformi ta’ sħubija mal-istess skema u ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-irtirar li jingħataw fil-kuntest ta’ din tal-aħħar. |
IV – Konklużjoni
|
49. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva): |
L-Artikoli 2(1) u (2)(a) kif ukoll 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, kif inhi dik tal-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ xogħol imwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-iskopijiet tal-għoti tad-dritt għal pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar tiegħu, sa fejn dik il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-iffissar uniformi, fi ħdan skema ta’ rtirar tal-uffiċjali, ta’ età ta’ sħubija f’dik l-iskema kif ukoll ta’ età ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċji ta’ rtirar li jingħataw fil-kuntest tal-imsemmija skema.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.
( 3 ) BGBl. 340/1965, iktar ’il quddiem “PG 1965”.
( 4 ) BGBl. 189/1955, iktar ’il quddiem l-“ASVG”.
( 5 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 23).
( 8 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punti 25 sa 27).
( 9 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 31).
( 10 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 32).
( 11 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 34).
( 12 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU :C :2015 :20, punt 35).
( 13 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 36).
( 14 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 37).
( 15 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 39).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenza Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 35).
( 18 ) Sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 46) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 41).
( 19 ) Sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 47) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 42).
( 20 ) Sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 48) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 43).
( 21 ) Sentenza HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 52).
( 22 ) ĠU L 204, p. 23.
( 23 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 215.
( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Beune (C‑7/93, EU:C:1994:350) u Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648).