KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑135/15

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Grigorios Nikiforidis

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol — Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) — Artikolu 28 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Artikolu 9(3) — Regoli mandatorji barranin — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-impjegati tas-settur pubbliku minħabba l-kriżi finanzjarja”

Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni tar-regoli mandatorji barranin tikkostitwixxi waħda minn dawk it-temi li ilhom għal diversi snin jispiraw il-kummentarji tad-dritt internazzjonali privat kważi fid-dinja kollha. Huwa diffiċli anki li jittieħed inventarju tan-numru ta’ monografi u ta’ xogħlijiet xjentifiċi oħra ddedikati għal din il-kwistjoni. Fl-istess ħin, in-numru ta’ kawżi ġudizzjarji — inklużi l-proċeduri ta’ arbitraġġ — li jirrigwardaw din il-problema direttament huwa relattivament baxx.

2.

Fid-19 ta’ Ġunju 1980, l-Istati Membri ta’ (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità Ekonomika Ewropea ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ( 2 ). L-Artikolu 7(1) tagħha — dwar ir-regoli mandatorji barranin — mhux biss kellu natura innovattiva, iżda qajjem ukoll l-iktar kontroversji qawwija.

3.

Din il-konvenzjoni u l-protokoll Nru 1 tagħha li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tagħhom daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 1991 u l-1 ta’ Awwissu 2004, rispettivament.

4.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara ċerti dubji mqajma mill-problema tar-regoli mandatorji barranin fir-rigward tar-regola li ssostitwixxiet l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma 1. Din il-kwistjoni, li terġa’ tqajjem dibattiti qawwija fil-kummentarji tad-dritt internazzjonali privat, saret biss lill-Qorti tal-Ġustizzja 36 sena wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u għalhekk tiġġustifika l-qawl “aħjar tard milli qatt!”

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

5.

L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, intitolat “Regoli mandatarji”, jiddisponi dan li ġej:

“1.   Fejn tkun applikata skond din il-Konvenzjoni il-liġi ta’ pajjiż, ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati.

2.   Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.”

6.

Skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kull Stat kontraenti jista’, waqt l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jirriżerva d-dritt li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1).

7.

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ġiet issostitwita mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) ( 3 ).

Id-dritt tal-Unjoni

8.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [Regoli mandatorji]”, jiddisponi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [ir-regoli mandatorji] huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [ir-regoli mandatorji] tal-liġi tal-forum.

3.   Jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti], sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.”

9.

L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jippreċiża:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi mis-17 ta’ Diċembru 2009.”

Id-dritt Ġermaniż

10.

L-Artikolu 34 tal-Liġi introduttorja għall-Kodiċi Ċivili [Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch] (EGBGB), li tħassar mis-17 ta’ Diċembru 2009, kien jipprevedi:

“Din is-subtaqsima hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jirregolaw is-sitwazzjoni b’mod mandatorju, irrispettivament mil-liġi li tapplika għall-kuntratt.”

11.

Interpretata fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-kummentarji tad-dritt Ġermaniż, din id-dispożizzjoni ma teskludix l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor, u lanqas, għall-inqas, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom bħala kwistjoni ta’ fatt, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt applikabbli li jeħtieġu iktar preċiżjoni (“ausfüllungsbedürftige Rechtsnormen”).

12.

Skont l-Artikolu 241(2) tal-kodiċi ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”):

“L-obbligu jista’, skont il-kontenut tiegħu, jobbliga lil kull parti tqis id-drittijiet, l-interessi legali u l-interessi tal-parti l-oħra.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali

13.

L-applikant fil-kawża prinċipali, Grigorios Nikiforidis, huwa impjegat bħala għalliem minn skola primarja ġestita mir-Repubblika Ellenika fil-Ġermanja, fil-belt ta’ Nürnberg.

14.

Fil-bidu tas-sena 2010, il-parlament Elleniku, fil-kuntest tal-kriżi tad-dejn, adotta l-Liġijiet Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 ( 4 ) bl-għan li jnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi. Dawn il-liġijiet naqqsu r-remunerazzjonijiet tal-impjegati tas-settur pubbliku, inklużi l-għalliema impjegati fl-iskejjel pubbliċi.

15.

Ir-Repubblika Ellenika naqqset ir-remunerazzjoni ta’ G. Nikiforidis skont il-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq.

16.

Il-parti interessata aġixxiet quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-persuna li timpjegaha, ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Affarijiet Reliġjużi, għall-finijiet tar-regolazzjoni tad-dħul professjonali tagħha relatat mal-perijodu li jibda minn Ottubru 2010 sa Diċembru 2012.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2012, l-Arbeitsgericht Nürnberg (qorti tax-xogħol ta’ Nürnberg) ċaħdet l-azzjoni, fid-dawl tal-immunità tal-Istat Elleniku. Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2013, il-Landesarbeitsgericht Nürnberg (qorti tal-appell tax-xogħol ta’ Nürnberg) annullat din id-deċiżjoni u ddeċidiet favur G. Nikiforidis. Ir-Repubblika Ellenika ressqet azzjoni ta’ kassazzjoni (Reviżjoni) kontra din is-sentenza tal-appell quddiem il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol).

18.

Fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni (Reviżjoni), il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) ikkonstatat li r-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-partijiet hija waħda ta’ dritt privat u ma taqax fil-qasam tal-immunità tal-Istat Elleniku. Din ikkonfermat ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fuq il-bażi tal-Artikoli 18(1) u 19(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 5 ).

19.

Barra minn hekk, il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) qieset li r-relazzjoni legali kienet suġġetta għad-dritt Ġermaniż, li skontu t-tnaqqis tar-remunerazzjoni jeħtieġ emenda għall-kuntratt tax-xogħol (Änderungsvertrag) jew notifika ta’ emenda fil-kuntratt (Änderungskündigung). Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju qieset rilevanti, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża nazzjonali, il-kwistjoni jekk din tistax tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 għar-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-partijiet, jew li tapplikahom b’xi mod ieħor.

Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol japplika biss jekk ir-relazzjoni legali ġiet stabbilita permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol miftiehem wara s-16 ta’ Diċembru 2009, jew anki jekk ikun hemm il-kunsens sussegwenti tal-partijiet fil-kuntratt, kemm jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tinbidel jew tkompli mingħajr bdil, jeffettwa l-applikabbiltà tar-Regolament?

2.

L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I waħdu jeskludi l-applikazzjoni diretta tar-regoli mandatorji tal-pulizija [regoli mandatorji] ta’ Stat terz fejn l-obbligi bbażati fuq il-kuntratt ma għandhomx jiġu eżegwiti jew ma ġewx eżegwiti, jew jeskludi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tad-dritt tal-Istat li l-liġi tiegħu tirregola l-kuntratt?

3.

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandu sinjifikat legali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li tapplika direttament jew indirettament ir-regoli mandatorji [...] ta’ Stat Membru ieħor?”

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2015.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Elleniku, kif ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet fil-proċedura u G. Nikiforidis attendew għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, li nżammet fl-1 ta’ Frar 2016.

Analiżi

23.

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tagħmel diversi domandi marbuta mal-problema tar-regoli mandatorji barranin, li hija magħrufa sew fid-dritt internazzjonali privat u fl-istess ħin tqajjem diversi kontroversji — ta’ natura essenzjalment dottrinali.

24.

Id-diffikultajiet li joħloq l-eżami tal-kwistjonijiet imqajma minn dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq soluzzjonijiet differenti li kienu ġew ipprovduti għalihom mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri u r-Regolament Ruma I.

25.

B’differenza mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jagħti effett lir-regoli barranin f’kundizzjonijiet strettament iddefiniti. Dan l-effett huwa rriżervat għad-dispożizzjonijiet tal-pajjiż li fih l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu eżegwiti jew ikunu ġew eżegwiti. Barra minn hekk, huwa permess li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati biss sa fejn dawn irendu illegali l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, iżda hija ma ddeċidietx dwar jekk hijiex issodisfatta f’dan il-każ it-tieni kundizzjoni.

26.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-possibbiltà li jitqiesu d-dispożizzjonijiet li jnaqqsu r-remunerazzjonijiet li jinsabu fil-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010, bl-effett li jiddeterminaw l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt Ġermaniż, għandha importanza deċiżiva għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fir-rigward tat-tilwima. Din, barra minn hekk, tenfasizza li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni — li għandhom natura mandatorja u li l-osservanza tagħhom hija fattur essenzjali tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-Repubblika Ellenika — bla dubju jikkostitwixxu regoli mandatorji fis-sens tad-dritt internazzjonali privat.

27.

Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk ir-Regolament Ruma I huwiex applikabbli ratione temporis għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għar‑relazzjoni legali stabbilita skont kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 ( 6 ) (l-ewwel domanda preliminari).

28.

Il-qorti tar-rinviju mbagħad tistaqsi jekk — sakemm f’dan il-każ ir-Regolament Ruma I jibqa’ applikabbli ratione temporis — l-Artikolu 9(3) tiegħu, jipprekludix il-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti f’li ma japplikawx direttament id-dispożizzjonijiet ta’ liġi barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt li jirregola l-kuntratt, iżda li jeħduhom inkunsiderazzjoni indirettament biss, (it-tieni domanda preliminari).

29.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandux influwenza fuq id-deċiżjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet domanda preliminari).

30.

Se neżamina dawn id-domandi suċċessivament bl-argumenti żviluppati hawn taħt f’dawn il-konklużjonijiet.

Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I (l-ewwel domanda preliminari)

31.

Bid-domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li għal din it-tilwima, li nqalgħet fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew ir-regoli l-antiki applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

32.

Nixtieq nenfasizza li l-leġiżlatur irrestrinġa b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I għar-relazzjonijiet ġuridiċi diġà stabbiliti, billi ddispona, fl-Artikolu 28 ta’ dan it-test, li dan huwa applikabbli għall-“kuntratti konklużi sa mis-17 ta’ Diċembru 2009” ( 7 ).

33.

L-adozzjoni mil-leġiżlatur ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji espliċiti teskludi kull possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-prinċipji ġenerali, b’mod partikolari, għal dak tal-applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-regola l-antika ( 8 ).

34.

Permezz ta’ deroga minn dan il-prinċipju ġenerali, is-soluzzjoni li tinsab fl-Artikolu 28 “timmobilizza” s-sistema legali li tirregola l-kuntratt fil-jum tal-konklużjoni tiegħu ( 9 ).

35.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28, qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni, sa fejn din torbot il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I maċ-ċirkustanza tal-konklużjoni tal-kuntratt, tintroduċix fid-dritt tal-Unjoni l-kunċett awtonomu ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” jew tirreferix għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli.

36.

Jien inqis li interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 28 tipprekludi b’mod ċar idea awtonoma tal-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt”.

37.

Huwa veru li hemm lok — fil-prinċipju — li tingħata interpretazzjoni awtonoma tat-termini użati fl-atti ġuridiċi tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll għat-termini użati fid-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni ( 10 ).

38.

Madankollu nqis li din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I.

39.

Bħalma nnotaw ġustament il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, mill-Artikolu 10 tar-Regolament Ruma I jista’ jiġi dedott li l-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-validità tal-kuntratt hija rregolata mid-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt skont ir-regolament, jekk wieħed jassumi li dan il-kuntratt ikun validu.

40.

Jien naħseb li, biex jiġi ddeterminat il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bl-għan li jsir użu mill-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt li jkun applikabbli għal dan il-kuntratt skont dan ir-regolament ( 11 ).

41.

Raġunijiet prattiċi qabel kollox jiffavorixxu tali soluzzjoni. Il-konklużjoni ta’ kuntratt hija att marbut b’mod inseparabbli mas-sistema legali li huwa suġġett għaliha. Id-dritt tal-Unjoni ma fihx dispożizzjoni waħda li tirregola l-kwistjoni tal‑konklużjoni ta’ kuntratt ( 12 ), b’tali mod li jkun diffiċli li jissawwar kunċett awtonomu ta’ “konklużjoni tal-kuntratt”.

42.

Anki fis-sitwazzjoni fejn tali kunċett jkun inħoloq, l-applikazzjoni tiegħu tiltaqa’ ma’ problemi prattiċi sinjifikattivi. Wieħed ma jkunx jaf kif jipproċedi meta l-kuntratt, meqjus li huwa konkluż skont il-kunċett awtonomu, ikun nieqes mill-effetti skont id-dritt applikabbli u s-sitwazzjoni opposta tkun tqajjem l-istess inċertezzi.

43.

Eventwalment tista’ titfassal soluzzjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ kunċett awtonomu fiż-“żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt” biss fil-każ fejn ikun stabbilit li l-kuntratt kien ġie konkluż b’mod validu skont id-dritt li huwa suġġett għalih. Madankollu nqis li tali soluzzjoni tkun ukoll wisq kumplessa u ftit li xejn prattika. Fil-fatt huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt indipendentement mid-dritt applikabbli, li jikkundizzjona l-modalitajiet tal-aġir tas-suġġetti tad-dritt li jwettqu l-konklużjoni valida ta’ kuntratt.

44.

Kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi jiffavorixxu wkoll is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi. Permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod partikolari kellu l-għan li jsaħħaħ iċ-ċertezza legali fid-determinazzjoni tad-dritt applikabbli ( 13 ). Għalkemm il-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” previst fl-Artikolu 28 kien maħsub f’sens awtonomu, indipendentement mid-dritt li jirregola l-aspetti l-oħra marbuta mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratt, tali kunċett mingħajr l-ebda dubju jnaqqas il-prevedibbiltà ġuridika.

45.

Għalhekk, ma għandix dubju li l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi ddeterminat skont il-lex causae.

46.

Fil-kawża ineżami, hemm lok li jiġi ddeterminat skont id-dritt applikabbli għall-konvenzjoni inkwistjoni jekk il-kuntratt ta’ xogħol li jorbot lill-partijiet fil-kawża kienx ġie konkluż b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009 u jekk ir-relazzjoni kuntrattwali għalhekk taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I. Bħalma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dritt xieraq f’dan il-każ huwa d-dritt Ġermaniż.

47.

Dan id-dritt jiddetermina b’mod partikolari jekk il-kuntratt ta’ xogħol konkluż mill-partijiet fil-kawża kienx suġġett, mis-17 ta’ Diċembru 2009, għal modifika li tista’ titqies li hija l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid, f’liema każ dan il-ftehim ikun suġġett għar-regoli ta’ kunflitt iddefiniti mir-Regolament Ruma I ( 14 ).

48.

Din l-ipoteżi ftit li xejn tidher probabbli jekk wieħed iqis iċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tal-qorti tar-rinviju. Ir-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-partijiet fil-kawża kienet inħolqot fis-16 ta’ Settembru 1996 u l-kuntratt ma kien suġġett għall-ebda modifika bejn is-17 ta’ Diċembru 2009 u t-tnaqqis unilaterali inkwistjoni tar-remunerazzjoni.

49.

Madankollu nixtieq nenfasizza li s-soluzzjoni li jien nirrakkomanda tista’ tkun sors ta’ inċertezzi fis-sitwazzjoni ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil. Dan japplika pereżempju għall-ftehimiet bħall-kuntratti ta’ kiri, iżda wkoll għall-kuntratt ta’ xogħol — inkwistjoni fil-kawża nazzjonali. Relazzjonijiet legali ta’ dan it-tip jistgħu jdumu wkoll għal diversi deċennji. Il-leġiżlatur tal-Unjoni tassew li kellu l-intenzjoni li numru ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma I jerġa’ jissuġġetta r-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ dan it-tip għar-regoli ta’ kunflitt preċedentement fis-seħħ?

50.

Regolazzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet li teskludi l-kuntratti eżistenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda u li tissuġġettahom għal regoli antiki hija relattivament frekwenti fid-dritt privat u hija wkoll is-suġġett ta’ analiżi dottrinali, b’mod partikolari, f’termini tal-effetti tagħha fuq l-obbligi għal perijodu twil. Il-kummentarji Pollakki tad-dritt internazzjonali privat li saru fil-kuntest tal-Liġi tal-1964 — Dispożizzjonijiet li jintroduċu l-kodiċi ċivili ( 15 ) — iqisu li din is-soluzzjoni ma tistax tiġi applikata b’mod mekkaniku u li b’mod partikolari, din ma għandhiex tirrigwarda l-impenji għal perijodu twil ( 16 ). Skont l-opinjoni dominanti tal-kummentarji Pollakki attwali, huwa ppreferut li tiġi applikata l-liġi l-ġdida għar-relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil, jiġifieri għal dawk li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun ta’ natura kontinwa jew perjodika. Dan il-kunċett jippermetti li jiġi evitat li numru sinjifikattiv ta’ relazzjonijiet legali jiġu suġġetti għal sistemi differenti ta’ regoli legali ( 17 ).

51.

Mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I jista’ jiġi dedott li ma huwiex possibbli li jiġi difiż l-argument li jsostni l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-regolament għar-relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil stabbiliti sas-17 ta’ Diċembru 2009. Ikun possibbli li tiġi aċċettata l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għal dan it-tip ta’ relazzjonijiet legali biss jekk il-modifiki għall-kuntratt, li jkunu saru wara din id-data, ikunu jistgħu jitqiesu — skont id-dritt applikabbli — bħala l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ hawnhekk.

52.

Fid-dawl tal-argumenti żviluppati preċedentement, nikkonkludi li l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, jekk dan ir-regolament kien applikabbli.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikoli 7(1) u 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma

53.

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-kuntratt inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I, dan ikun suġġett għas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 18 ).

54.

Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tinterpreta l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li kien jirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji qabel ma r-Regolament Ruma I issostitwixxa l-Konvenzjoni.

55.

Minkejja li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ma hijiex att ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpretaha skont l-Artikoli 1 u 2(a) tal-ewwel Protokoll għal din il-konvenzjoni, inter alia fuq talba ta’ waħda mill-qrati federali supremi Ġermaniżi.

56.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni skont il-protokoll imsemmi iktar ’il fuq biex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Ruma fuq talba tal-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol), fil-fehma tiegħi, din għandha l-ġurisdizzjoni wkoll sabiex tinterpreta din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ dan ir-rinviju preliminari fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Ruma I. Mill‑ġurisprudenza tagħha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva b’mod ċar id-dritt li twessa’ l-portata tad-domandi preliminari sabiex tagħti risposta utli għall-qorti tar-rinviju, bil-kundizzjoni li tiġi ppreżervata s-sustanza tad-domanda magħmula ( 19 ). F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jimmodifikax is-sustanza tat-tieni domanda preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirregolaw l-istess tema.

57.

Madankollu, huwa importanti li qabelxejn jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju — li tqajjem dubju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I — ma tagħmel l-ebda domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. F’każ ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Ruma I, ikun hemm lok li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji barranin għal din il-kawża, bħalma tinnota wkoll il-qorti tar-rinviju nnifisha, tiġi deċiża fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali privat nazzjonali.

58.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rriżervat id-dritt, konformement mal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1). Bħalma osserva ġustament il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din ir-riżerva għandha l-effett li l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jkunx applikabbli għall-kawża nazzjonali sakemm tkun quddiem il-qorti Ġermaniża.

59.

Ċertament, wieħed jista’ jistaqsi, bħalma nnotat il-Kummissjoni matul is-seduta, jekk il-fatt biss li l-Gvern Ġermaniż ħareġ riżerva fis-sens tal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ċaħadx lill-qrati Ġermaniżi mill-possibbiltà li jirrikorru għall-prattika — ibbażata fuq id-dritt internazzjonali privat nazzjonali — li tippermettilhom li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod indirett ir-regoli mandatorji barranin.

60.

Ir-risposta għal din id-domanda madankollu teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni. Għalhekk, tkun ikkonċernata d-definizzjoni tal-portata tar-riżerva maħruġa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni. Jien inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina din il-kwistjoni, minħabba li l-estensjoni tad-domandi preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma timmodifika s-sustanza tad-domanda preliminari ineżami. Indipendentement minn din il-kunsiderazzjoni, għandi nirrileva — anki jekk b’hekk nantiċipa xi ftit l-iżviluppi ulterjuri tiegħi — li r-risposta li nipproponi li tingħata għat-tieni domanda preliminari tista’ tikkontribwixxi wkoll sabiex tiċċara l-ambigwità enfasizzata mill-Kummissjoni.

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, f’dan il-każ, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinterpreta l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-ambitu tal-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tagħha.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I (it-tieni domanda preliminari).

Osservazzjonijiet preliminari

62.

It-tieni domanda preliminari magħmula f’dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. Din id-dispożizzjoni tirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor. Din għalhekk tirrigwarda dispożizzjonijiet li la jirriżultaw mil-liġi applikabbli għall-kuntratt (lex causae) u lanqas mid-dritt tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (lex fori).

63.

Mill-argumenti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi dedott li r-risposta għal din id-domanda tkun rilevanti għall-qorti nazzjonali biss sa fejn, fuq il-bażi ta’ kriterji ddefiniti fir-risposta għall-ewwel domanda, din il-qorti tqis li r-Regolament Ruma I huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża nazzjonali.

64.

Madankollu, jidher li l-problema mqajma minn din id-domanda tinsab f’kuntest iktar wiesa’ u li l-eżami tagħha huwa utli wkoll għas-soluzzjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti għall-kawża nazzjonali fil-kuntest tad-dritt fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament inkwistjoni.

Il-kunċett ta’ “regola mandatorja”

65.

Il-kunċett ta’ regola mandatorja huwa użat mid-duttrina tad-dritt internazzjonali privat u mill-ġurisprudenza ta’ diversi pajjiżi ( 20 ). Dan jirrigwarda dispożizzjonijiet bl-għan li jiġu ssodisfatti interessi speċifiċi ta’ pajjiż speċifiku u li, minħabba l-għan tagħhom, ikunu applikabbli irrispettivament mid-dritt li jirregola r-relazzjoni ġuridika ineżami. Fi kliem ieħor, dawn ir-regoli jiddefinixxu huma stess il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, li ma jistax ikun limitat, anki jekk ir-regoli ta’ kunflitt jipprovdu għall-kompetenza ta’ dritt ieħor biex jirregola relazzjoni legali partikolari.

66.

L-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ dispożizzjonijiet hija r-riżultat tal-intervent li qiegħed jikber tal-Istat fir-relazzjonijiet tad-dritt privat. L-issuġġettar ta’ ċerti relazzjonijiet legali għall-kompetenza integrali ta’ dritt barrani tirriżulta inaċċettabbli mill-perspettiva tal-implementazzjoni minn Stat partikolari tal-interessi politiċi, soċjali u ekonomiċi tiegħu. Fil-fatt, l-Istati jagħmlu sforzi biex jissodisfaw sa fejn possibbli l-interessi li l-protezzjoni tagħhom tkun żgurata mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, irrispettivament mid-dritt li jirregola — skont ir-regoli ta’ kunflitt — ir-relazzjoni ġuridika meqjusa. Dan il-fenomenu kien ġie nnotat u deskritt mill-ġuristi sa min-nofs is-seklu li għadda ( 21 ).

67.

Il-kwistjoni tar-regoli mandatorji ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, konkluża bejn l-Istati Membri ta’ (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità Ekonomika Ewropea. Din id-dispożizzjoni — innovattiva ħafna għal dak iż-żmien — ifformat il-perċezzjoni tar-regoli mandatorji mid-duttrina u l-ġurisprudenza tal-qrati, anki lil hinn mill-Istati Ewropej. Il-maġġoranza l-kbira tal-kodifikazzjonijiet moderni tad-dritt internazzjonali privat tal-Istati differenti jirregolaw, minkejja li b’mod differenti, il-kwistjoni tar-regoli mandatorji ( 22 ).

Ir-regoli mandatorji u l-ordni pubbliku

68.

Eżami iktar fil-fond tal-ġenesi tar-regoli mandatorji jiżvela l-korrelazzjoni mill-qrib ħafna tagħhom mal-kunċett ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku. Ikun biżżejjed li f’dan ir-rigward isir riferiment għall-konstatazzjoni ta’ Frédéric de Savigny, li skontha l-ordni pubbliku ta’ Stat — indipendentement mill-eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq l-ordni pubbliku li tirrimedja l-effetti prodotti mill-applikazzjoni tad-dritt kompetenti inkwistjoni — huwa wkoll protett minn regoli speċifiċi “ta’ natura strettament pożittiva u obbligatorja” (Gesetze von streng positiver, zwingender Natur) ( 23 ) [traduzzjoni libera]. Ir-rabta tar-regoli mandatorji mal-ordni pubbliku tirriżulta mis-sebgħa u tletin premessa tar-Regolament Ruma I, li skontu “[k]onsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jiġġustifikaw li l‑qrati ta’ l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġu applikati eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [regoli mandatorji]” (enfasi miżjuda minni).

69.

Minkejja li dawn iż-żewġ tipi ta’ strumenti legali joriġinaw mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku, l-effett tagħhom madankollu ma huwiex l-istess. L-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku — li tiġi espressa b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tar-Regolament Ruma I — hija bbażata fuq l-intenzjoni li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt barrani meta din twassal għal ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Din l-eċċezzjoni għalhekk għandha l-funzjoni li tinnewtralizza ċerti effetti tal-applikazzjoni tad-dritt barrani li jidhru mhux mixtieqa fir-rigward tal-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku.

70.

Għall-kuntrarju, ir-regoli mandatorji jipproteġu l-ordni pubbliku mod ieħor. Dawn jaffettwaw direttament ir-relazzjoni ta’ dritt inkwistjoni billi jifformaw il-kontenut tiegħu, indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt barrani li jirregola r-relazzjoni legali.

Ir-regoli mandatorji fid-dritt tal-Unjoni

71.

Skont id-definizzjoni mogħtija lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I, ir-regoli mandatorji huma dispożizzjonijiet “li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament”. Din id-definizzjoni hija ispirata mill-formulazzjoni użata mis-sentenza Arblade et, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Belġjan, ikklassifikati fid-dritt Belġjan bħala “regoli mandatorji u ta’ sigurtà” ( 24 ).

72.

Bħalma huwa indikat iktar ’il fuq, ir-regoli mandatorji jiddeterminaw huma stess il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mid-dritt li jirregola r-relazzjoni tad-dritt ineżami. Għandu jiġi nnotat li, ta’ spiss ħafna, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jirriżultax direttament mill-kontenut tagħhom. F’kull każ, l-applikazzjoni tagħhom hija ddeterminata mill-qorti li quddiemha tkun tressqet kawża partikolari. Biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tagħhom, din għandha tevalwa ċ-ċirkustanza tal-każ u tivverifika l-motivi u l-objettivi sottostanti għad-dispożizzjoni meqjusa f’dan il-każ. Il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tagħti risposta għad-domanda dwar jekk kinitx effettivament l-intenzjoni tal-leġiżlatur awtur ta’ din ir-regola li jagħtiha n-natura ta’ dispożizzjoni ta’ regola mandatorja. L-interessi politiċi, soċjali jew ekonomiċi tal-Istat li minnhom oriġinat din id-dispożizzjoni jiġġustifikaw tassew li din ikollha effett fuq ir-relazzjoni legali ineżami, minkejja li r-regoli ta’ kunflitt jagħtu lid-dritt ta’ Stat ieħor il-kompetenza li jirregola r-relazzjoni ġuridika inkwistjoni?

73.

Huwa għalhekk li huwa impossibbli li jitfassal katalogu ta’ dispożizzjonijiet privileġġati a priori. Il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-kummentarji ġuridiċi jistgħu biss jiddeskrivu l-fenomenu nnifsu ta’ “regoli mandatorji”, iżda hija l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża li għandha tiddeċiedi dwar in-natura ta’ “regoli mandatorji” ta’ dispożizzjoni partikolari.

74.

Jien inqis li l-analiżi li tasal għaliha l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha natura funzjonali. Din il-qorti tiddeċiedi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, soluzzjoni ġusta teżiġix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi fondati u leġittimi ta’ Stat, li d-dritt tiegħu ma huwiex applikabbli għal relazzjoni ġuridika speċifika. Għalhekk jista’ jiġi affermat li l-kunċett innifsu ta’ regola mandatorja jagħti lill-qorti l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni li tkun ġusta, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-interessi diverġenti tal-Istati kkonċernati.

L-oriġini tar-regoli mandatorji

75.

Fil-maġġoranza tagħhom, ir-regoli ta’ kunflitt ta’ Stati differenti jagħmlu distinzjoni bejn l-ammissibbiltà u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji skont l-Istat ta’ oriġini tagħhom.

76.

Għalkemm dawn ir-regoli jirriżultaw mid-dritt tal-Istat li jirregola r-relazzjoni legali meqjusa (lex causae), il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħhom ma tqumx b’mod ġenerali. Ftit li xejn jimporta jekk il-lex causae tkunx identika jew le għad-dritt tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (lex fori). Dawn ir-regoli fil-fatt jagħmlu parti integrali mis-sistema legali li l-qorti għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tagħha.

77.

Il-kwistjoni tal-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli inkwistjoni tqajjem inqas kontroversji meta dawn ikunu ġew adottati mill-Istat li l-qrati tiegħu jkunu aditi b’kawża partikolari (lex fori) u meta r-relazzjoni legali ineżami tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor. Din il-kwistjoni kienet ġiet irregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I. Għalhekk, ġustament, wieħed jassumi l-prinċipju li l-qrati ta’ Stat partikolari għandhom responsabbiltà partikolari fil-protezzjoni tal-interessi politiċi, soċjali u ekonomiċi tiegħu. Barra minn hekk, huma dawn il-qrati li jistgħu jiddefinixxu bl-iktar mod faċli l-portata tal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi u jevalwaw il-motivi u l-għanijiet li jiggwidaw dispożizzjoni determinata.

78.

L-ikbar kontroversji naturalment jirrigwardaw it-tema li hija s-suġġett tat-tieni domanda magħmula f’dan il-każ mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor. Kienu ġew stabbiliti diversi studji dottrinali dwar dan is-suġġett — notevolment wara l-adozzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma — kważi fl-Istati Membri kollha. Inħoss ukoll li l-kummentarji dottrinali taw lil din it-tema interess manifestament sproporzjonat fir-rigward tas-sinjifikat prattiku tagħha li hu relattivament żgħir.

79.

L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien dispożizzjoni innovattiva ħafna meta ġiet adottata ( 25 ). Għalkemm dan l-artikolu ispira lil numru kbir ta’ leġiżlaturi nazzjonali, anki ’l barra mill-Istati Membri, madankollu kien kontroversjali. B’mod partikolari kien hemm oppożizzjoni għalih bl-argument li l-applikazzjoni ta’ regoli mandatorji ta’ Stat ieħor għandha bħala effett li tagħti setgħa diskrezzjonali eċċessiva lill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tad-dritt. Ġie argumentat li l-ibbilanċjar tal-interessi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li joħorġu mil-lex causae, mil-lex fori u mid-dritt tal-Istat l-ieħor huwa eżerċizzju kkumplikat ħafna u li dawn il-kunsiderazzjonijiet jispjegaw ukoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni li jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli mandatorji ddefiniti mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għad-detriment tas-sigurtà tal-kummerċ u tas-suppożizzjoni tal-prevedibbiltà ta’ soluzzjonijiet. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien joffri lill-Istati partijiet f’din il-konvenzjoni l-possibbiltà li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1), li rrikorrew għaliha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju Unit.

80.

Id-difensuri tal-Artikolu 7(1) qabelxejn sostnew li r-rikonoxximent tal-effetti ġuridiċi ta’ ċerti regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jipprovdu l-opportunità li tiġi adottata deċiżjoni ġusta li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-Istat l-ieħor ( 26 ). Dan jippermetti li jitneħħew ostakoli possibbli għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’dan l-Istat l-ieħor. Il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor issaħħaħ il-koerenza internazzjonali tas-soluzzjonijiet ġudizzjarji, peress li, irrispettivament mill-Istat li quddiem il-qrati tiegħu titressaq kawża, din tikkostitwixxi mekkaniżmu li jippermetti r-regolazzjoni uniformi tagħha ( 27 ) u li għalhekk jillimita l-fenomenu tal-forum shopping. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ pajjiż ieħor tiffavorixxi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali, u dan jidher indispensabbli fil-kuntest tal-interdipendenza tal-Istati ( 28 ).

Ir-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor fir-Regolament Ruma I

– Osservazzjonijiet preliminari

81.

Il-kontroversji mqajma mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ssarrfu fix-xogħol preparatorju tar-Regolament Ruma I ( 29 ). Id-dispożizzjoni dwar il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin ġiet diskussa fi ħdan il-Kunsill ( 30 ). Fl-aħħar nett inżammet formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tillimita l-possibbiltà li jingħata effett lir-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor, b’rabta mal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

82.

Ir-restrizzjonijiet essenzjali jikkonċernaw żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet tal-Istat li fih l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu jew ikunu ġew eżegwiti. Fit-tieni lok, tali approċċ huwa permess biss sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet irendu illegali l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

83.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għadhom jistgħu jqajmu dubji oħra dwar l-interpretazzjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa fejn id-dritt tal-Unjoni jista’ jipprojbixxi, jillimita jew jippreskrivi l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli mandatorji. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I jinkludi definizzjoni ta’ regoli mandatorji, li ma jistax ma jkollhiex effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas ma huwa evidenti li tiġi ddeterminata n-natura tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li l-Artikolu 9(2) jipprevedi l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum, filwaqt li l-Artikolu 9(3) għall-kuntrarju huwa intiż li jagħti effett lil dawn id-dispożizzjonijiet meta dawn joriġinaw minn Stat Membru ieħor. Iżda peress li dawn il-kwistjonijiet ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura, jiena m’inix ser neżaminahom.

84.

Id-dubju espress mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda fil-prinċipju jirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk, meta ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 9(3), il-qorti tistax tieħu inkunsiderazzjoni b’mod indirett id-dispożizzjonijiet ta’ Stat ieħor — jiġifieri, f’dan il-każ, ir-regoli tad-dritt Elleniku. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-fehma tagħha, l-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali inkwistjoni fil-proċedura nazzjonali ma sseħħx fir-Repubblika Ellenika, iżda fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

85.

L-ewwel nett nista’ nibda bl-eżami ta’ din il-problema, għalkemm ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju teżiġi li tinftiehem f’kuntest iktar wiesa’.

– Il-limiti għall-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor ipprovduti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I

86.

Fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw matul din il-proċedura, il-gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni pproponew li jiġu interpretati b’mod restrittiv il-kriterji li jikkundizzjonaw l-użu l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. Dawn iqisu li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ din in-natura tad-dritt ta’ Stat ieħor minn issa ’l quddiem hija mnaqqsa b’mod notevoli b’paragun mal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Dan jikkonċerna prinċipalment il-limiti li jien semmejt fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan il-kunċett jimplika, minn naħa, li l-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum hija kważi illimitata u, min-naħa l-oħra, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tip ta’ dispożizzjonijiet li joriġinaw minn Stat ieħor ikun possibbli biss f’sitwazzjonijiet strettament ristretti.

87.

Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni la hija konformi mal-għan tar-Regolament Ruma I, u lanqas mal-funzjoni li għandha tissodisfa l-possibbiltà tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji.

88.

Fl-ewwel lok, bħalma nnotajt iktar ’il fuq ( 31 ), l-analiżi li tippreċedi d-deċiżjoni dwar jekk hemmx lok li fi proċedura partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni dispożizzjoni determinata ta’ regola mandatorja hija ta’ natura funzjonali. Il-qorti li tiddeċiedi dwar dan il-punt twettaq evalwazzjoni tal-motivi u tal-għanijiet li jispiraw din id-dispożizzjoni u tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li hija tista’ toħloq għar-relazzjoni legali ineżami. Dan l-approċċ għandu jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġusta li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu ta’ Stat ieħor. F’diversi każijiet, dan jista’ jkun ukoll l-interess ta’ Stat Membru ieħor. Huwa diffiċli li ma jiġix innotat li tali possibbiltà tiffavorixxi, f’sens wiesa’, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri ( 32 ). Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor f’ċerti każijiet ser jaqdi l-interessi tal-Istat tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża ( 33 ), li jista’ jkollu interess leġittimu li l-qrati ta’ Stati oħra jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji tiegħu stess.

89.

Fit-tieni lok, l-istabbiliment ta’ trattament daqshekk differenti tar-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum u tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jiffavorixxi l-fenomenu tal-forum shopping. Ladarba l-applikant ikollu l-possibbiltà li jibda azzjoni quddiem il-qrati ta’ pajjiżi differenti, huwa jkun jista’ b’dan il-mod jiddetermina jekk regoli mandatorji speċifiċi jittiħdux inkunsiderazzjoni jew le. Anki fir-rigward tal-kawża nazzjonali li wasslet għal din il-proċedura, huwa konċepibbli li, kieku l-proċedura li tirrigwarda din il-kawża kienet mibdija quddiem qorti Ellenika, bla dubju din kienet tapplika r-regoli mandatorji tagħha stess fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I.

90.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ma ninsabx konvint mill-argumenti li skonthom it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jiksru s-sigurtà tal-kummerċ u joħolqu l-imprevedibbiltà tas-soluzzjonijiet. Tali oġġezzjoni tista’ tkun opposta wkoll mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku (prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Ruma I) jew mir-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum (l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I). F’tali każijiet, indirizzajna wkoll forma ta’ ndħil fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt applikabbli. Dan l-indħil huwa ġġustifikat minħabba l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-valuri fundamentali ta’ ordinament ġuridiku partikolari jew mill-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ Stat partikolari. Fi kwalunkwe każ u irrispettivament minn jekk dan jirrigwardax l-applikazzjoni tal-Artikolu 21, l-Artikolu 9(2) jew l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, indħil ta’ dan it-tip għandu jkun ta’ natura eċċezzjonali u jibbaża fuq kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali partikolarment imperattivi.

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, ma tistax tibbaża fuq aċċettazzjoni indebitament restrittiva tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet [...] jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti]” ( 34 ). Dak li jkun, fuq kollox, ma jistax jipproċedi għal interpretazzjoni b’analoġija tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I, li jibbaża wkoll il-kompetenza ġudizzjarja f’materja ċivili u kummerċjali fuq il-kunċett ta’ “post tat-twettieq [tal-eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi” ( 35 ). L-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma kompletament differenti. Ir-Regolament Brussell I għandu l-għan li jiddetermina l-post speċifiku li jinsab fl-Istat Membru li l-qorti tiegħu jkollha ġurisdizzjoni territorjali. Tali post għandu jkollu rabta mill-qrib biżżejjed mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt sal-punt li tiġi ġġustifikata — għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — il-ġurisdizzjoni ratione loci, li barra minn hekk tidderoga mill-kompetenza ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I. Għalhekk hemm lok li jiġi interpretat b’mod strett il-kunċett ta’ post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I.

92.

L-istess ħaġa ma tapplikax fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet [...] jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti]” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 36 ) tipprevedi, mhux li tiddefinixxi l-post preċiż li jiddetermina l-ġurisdizzjoni ratione loci, iżda l-Istat li l-obbligu kuntrattwali huwa jew għandu jiġi eżegwit fuq it-territorju tiegħu. Għalhekk ma hijiex biss kwistjoni tal-eżekuzzjoni materjali (konkreta) minn parti għall-kuntratt ta’ azzjoni f’post ġeografiku determinat, iżda wkoll tar-rabta tiegħu mal-qasam tas-sovranità ta’ Stat partikolari u mal-ordinament ġuridiku tiegħu.

93.

Barra minn hekk, hawnhekk ma hijiex ikkonċernata biss l-eżekuzzjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta l-“prestazzjoni karatteristika” ( 37 ) ta’ relazzjoni kuntrattwali partikolari. Biex jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull obbligu li jirriżulta mill-kuntratt.

94.

Barra minn hekk, dan ma għandux jirrigwarda esklużivament obbligu sempliċement iddefinit mill-partijiet għall-kuntratt ( 38 ). Għall-kuntrarju huwa d-dritt applikabbli għall-kuntratt li għandu jsawwar jew jikkompleta l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-impenji li huma ftiehmu direttament dwarhom fil-kuntratt.

95.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li ma huwiex għalkollox ċert li l-Ġermanja hija l-uniku post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu fil-kawża nazzjonali li wassal għal din il-proċedura. Fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol li l-Istat Elleniku huwa parti għaliha, li jissodisfa — fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tiegħu ta’ servizz pubbliku — l-obbligu li jipprovdi servizzi edukattivi, iffinanzjati mill-baġit tiegħu, wieħed ma jistax jeskludi awtomatikament il-fatt li dan l-Istat huwa wkoll il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu. Ma hemm xejn li jipprekludi li fir-rigward ta’ ċerti relazzjonijiet kuntrattwali l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti jista’ jkun ikkostitwit — fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I — minn iktar minn Stat wieħed ( 39 ).

96.

Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju qieset li l-Ġermanja hija l-uniku post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt u li din ma għamlet l-ebda domanda fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I direttament dwar dan is‑suġġett, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-problema li hija s-suġġett tat-tieni domanda.

– Applikazzjoni u teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin

97.

Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji hija ħaġa u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin (“materielle rechtliche Berücksichtigung ausländischer Eingriffsnormen”) huwa ħaġa oħra. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza u l-kummentarji Ġermaniżi, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż bħala lex causae, jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji barranin bħala element ta’ fatt ( 40 ). Il-qorti tar-rinviju tosserva li hi tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni Ellenika fil-kawża prinċipali, fuq il-bażi tal-Artikolu 241(2) tal-BGB (punt 13) ( 41 ).

98.

Ma huwiex meħtieġ li f’dan il-każ jiġu eżaminati l-prinċipji dottrinali differenti li jiġġustifikaw il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tar-regoli mandatorji barranin. Hija determinanti biss il-kwistjoni li s-soluzzjoni tagħha tista’ tkun rilevanti għall-qorti tar-rinviju.

99.

Bħalma sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jeskludi kull possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r‑regoli mandatorji barranin bl-użu ta’ mekkaniżmi oħra minbarra d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Istat li jkun ifformula riżerva skont l-Artikolu 22(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni jkun ċaħħad lilu nnifsu minn bażi legali għat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji barranin.

100.

Din il-perspettiva timplika li, bħalma kkonfermat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward matul is-seduta, minkejja li l-qorti tar-rinviju qieset il-Konvenzjoni ta’ Ruma bħala applikabbli ratione temporis għall-kawża, din ma tistax tinvoka l-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin.

101.

Huwa minnu li d-differenza prattika bejn l-applikazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ regola mandatorja barranija hija kważi imperċepibbli. Id-differenza tidher biss bl-użu tal-ġustifikazzjoni dottrinali ta’ tali distinzjoni. Huwa f’dan is-sens li wieħed jista’ jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni li l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ regola mandatorja barranija tista’ twassal sabiex jiġu evitati l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jew mir-riżervi fformulati skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Madankollu nqis bħala indebitament restrittiva l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3), issuġġerita mill-Kummissjoni — li teskludi kull possibbiltà oħra li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor.

102.

Fl-ewwel lok, inqis li r-Regolament Ruma I — bil-funzjoni li jirregola l-kunflitti ta’ liġijiet — jindika d-dritt applikabbli għal relazzjoni kuntrattwali partikolari (lex causae). Meta dak li jkun, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt indikat bħala kompetenti, jitwassal sabiex jieħu inkunsiderazzjoni, skont dan l-istess dritt, regola mandatorja barranija, dan b’hekk ikun jirrigwarda l-applikazzjoni esklużiva tal-lex causae. Tali teħid inkunsiderazzjoni tar-regola mandatorja jinsab għalhekk lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I ( 42 ).

103.

Ir-Regolament Ruma I għandu l-funzjoni li jindika d-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali u possibbilment jiġġustifika “korrezzjoni” ta’ din l-indikazzjoni, pereżempju fuq il-bażi tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku jew l-istrument tar-regoli mandatorji. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jibda japplika meta l-qorti tkun beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni regola mandatorja barranija, indipendentement mill-kontenut tal-lex causae. Fi kliem ieħor, dan għalhekk jirrigwarda l-proċediment għal intrużjoni ġenwina fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-lex causae permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ regola mandatorja li tirriżulta minn ordinament ġuridiku ieħor.

104.

Hawnhekk ma teżistix tali sitwazzjoni meta tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola mandatorja barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae ( 43 ).

105.

Fit-tieni lok, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni timplika li r-Regolament Ruma I ma għandux biss il-funzjoni li jindika d-dritt kompetenti għar-regolazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, iżda li dan jista’ jinterferixxi wkoll fl-applikazzjoni stess tad-dritt indikat. Kif jista’ wieħed jispjega mod ieħor li, skont il-Kummissjoni, il-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ regola mandatorja barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż għandha tkun inkompatibbli mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I?

106.

Is-sistemi ġuridiċi kollha fihom regoli li jinkludu kunċetti indeterminati. Dan jista’ jirrigwarda pereżempju kunċetti ta’ “moralità”, ta’ “bona fide”, ta’ “interess leġittimu ta’ parti” jew anki ta’ “regoli tal-ħajja fis-soċjetà”. Dawn il-kunċetti huma maħsuba biex jirriżervaw setgħa diskrezzjonali adegwata għall-qrati. Jien ma għandix dubju li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — bħala element ta’ fatt — dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fi Stati oħra. Dan jirrigwarda fuq kollox leġiżlazzjoni motivata mill-ħtieġa li jiġu protetti interessi oġġettivament leġittimi u li jkollha rabta xierqa mar-relazzjonijiet kuntrattwali ineżami. Ma hemm l-ebda dubju li għalhekk, hawnhekk, hija kkonċernata l-applikazzjoni tad-dritt kompetenti li jirregola kuntratt partikolari. Fi kliem ieħor, dan ix-xenarju ma jikkostitwixxix deroga mill-applikazzjoni tal-lex causae.

107.

Huwa għalhekk li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni toħloq problemi ta’ ġurisdizzjoni. Ir-Regolament Ruma I kien ġie adottat fuq bażi legali bl-għan li tippromwovi “l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli [...] li jikkonċernaw il-konflitt tal-liġijiet” [dispożizzjonijiet ikkombinati ta’ dawk li kienu l-Artikoli 65 KE u 61(c) KE]. Għalhekk dan ma għandux jinterferixxi fl-applikazzjoni prattika tar-regoli tad-dritt indikati bħala d-dritt applikabbli, fuq kollox meta jkunu kkonċernati regoli — prinċipalment taħt id-dritt privat — li jirriżervaw ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-qrati ġudizzjarji.

108.

Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, l-esklużjoni tal-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae tikkontribwixxi sabiex jitħeġġeġ il-fenomenu tal-forum shopping ( 44 ).

109.

Bħala sommarju ta’ din it-taqsima tal-konklużjonijiet tiegħi, nixtieq nirrileva li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin — ma jimpurtax jekk dan jirrigwardax l-applikazzjoni tagħhom jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tagħhom — ma taqax taħt approċċ mekkaniku. Il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li għandha tippermettilha tagħti deċiżjoni ġusta filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet kif ukoll l-interess tal-Istat li d-dritt tiegħu għandu effett fuq relazzjoni legali partikolari.

110.

Ma jistax jiġi eskluż li f’dan il-każ il-qorti tar-rinviju ma tiħux inkunsiderazzjoni għal kollox id-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku u li din tqis bħala xieraq is-sempliċi tnaqqis parzjali tar-remunerazzjoni ta’ G. Nikiforidis. Din il-qorti tista’ tqis ukoll — bħall-qorti tat-tieni istanza f’din il-kawża (Landesarbeitsgericht) — li l-prinċipji fundamentali tad-dritt tax-xogħol Ġermaniż jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku.

111.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u lanqas il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż — bħala dritt applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol.

Konklużjoni fuq it-tieni domanda preliminari

112.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda preliminari tal-qorti nazzjonali fis-sens li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin, meta dan ikun awtorizzat skont id-dritt tal-Istat li jirregola l-kuntratt.

Ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE) għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta ’ Stat Membru ieħor (it-tielet domanda preliminari)

113.

Il-qorti Ġermaniża tirrileva fir-rinviju preliminari tagħha li l-Liġijiet Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 għandhom l-għan li jeżegwixxu l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Ellenika skont dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u, partikolarment, l-obbligu li jiġi evitat id-defiċit eċċessiv tal-Gvern impost mill-Artikolu 126(1) TFUE. Minħabba l-kriżi finanzjarja tar-Repubblika Ellenika u l-għajnuna li din ingħatat mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, dan l-obbligu ġie implementat mid-Deċiżjoni 2010/320/UE ( 45 ). Din id-deċiżjoni tiddisponi li r-Repubblika Ellenika ser tadotta sensiela ta’ miżuri bl-għan li jiġi eliminat id-defiċit eċċessiv tagħha.

114.

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE jeżiġix li jingħata effett lil-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Repubblika Ellenika.

115.

Nixtieq nenfasizza li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE huwa mingħajr dubju wieħed mill-prinċipji organiċi fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

116.

Meta jiġi implementat dan il-prinċipju, madankollu huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan il-prinċipju jorbot lill-awtoritajiet tal-Istat Membru — inklużi l-qrati tiegħu — biss sa fejn dawn japplikaw id-dritt tal-Unjoni.

117.

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għandu biss l-għan li jindika d-dritt applikabbli għal kuntratt partikolari. Id-deċiżjoni li għandha tittieħed fuq il-mertu tal-kawża ma hijiex adottata fuq il-bażi tar-Regolament Ruma I, iżda skont id-dritt nazzjonali kompetenti (lex causae).

118.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, naħseb li ma tagħmilx differenza li d-dritt li jirregola l-kuntratt tax-xogħol ikun ġie indikat mir-regoli ta’ kunflitt tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, essenzjalment ftit jimporta, biex tingħata risposta għat-tielet domanda, li l-kompetenza tad-dritt Ġermaniż għar-regolazzjoni ta’ dan il-kuntratt tirriżulta mir-Regolament Ruma I jew mir-regoli ta’ kunflitt tad-dritt Ġermaniż li jimplementaw il-Konvenzjoni ta’ Ruma.

119.

Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu konjizzjoni ta’ kawża mqajma fil-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt Ġermaniż.

120.

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-dritt tal-Unjoni jagħmel parti integrali mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Meta, konsegwentement, tkun tressqet kawża quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, ir-regoli mandatorji dderivati mid-dritt tal-Unjoni jiġu applikati skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I ( 46 ). Fil-fatt, dawn ir-regoli jirriżultaw mis-sistema legali fis-seħħ fil-post tas-sede tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża (lex fori) ( 47 ).

121.

Il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 hija element essenzjali li juri rabta possibbli tal-kawża nazzjonali mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

122.

L-ewwel nett, nixtieq ninnota li d-Deċiżjoni 2010/320 — li skontha ġew adottati ż-żewġ liġijiet Elleniċi — hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika u mhux lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din id-deċiżjoni għalhekk — anki fir-rigward tal-Artikolu 4(3) TUE — ma tistax tobbliga lil qorti Ġermaniża tirrifjuta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, li huwa kompetenti biex jirregola r-relazzjoni tax-xogħol li hija s-suġġett tal-kawża nazzjonali.

123.

It-tieni nett, bħalma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-obbligu li jitnaqqsu r-remunerazzjonijiet ta’ persuni impjegati fis-settur pubbliku ma jirriżultax direttament, għajr għal xi wħud mill-elementi aċċessori tagħhom ( 48 ), mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2010/320.

124.

It-tielet nett, bħalma jirriżulta mill-argumenti żviluppati fir-rinviju preliminari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Ġermaniż ma jipprekludux it-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-impjegati tal-istabbilimenti pubbliċi Elleniċi li joperaw fil-Ġermanja, iżda jeżiġu biss li l-persuna li timpjega tirrispetta ċerti kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu emenda għall-kuntratt tax-xogħol jew notifika ta’ modifika għall-kuntratt.

125.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jien tal-fehma li mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE — ma jistax jiġi dedott obbligu li jingħata effett lid-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li dawn għandhom il-funzjoni li jippermettulu jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-Unjoni. Dan b’hekk huwa indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk il-qorti jkunx beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet bħala element ta’ fatt fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae jew jekk din tapplikax l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I.

126.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(3) in fine tar-Regolament Ruma I jippreċiża espressament li, sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett jew le lil dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, il-qorti għandha tqis li dawn kienu ġew adottati minn Stat Membru ieħor sabiex jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu fl-Unjoni, madankollu, mingħajr ma dan jippreġudika d-deċiżjoni finali li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tadotta f’dan ir-rigward.

Konklużjoni

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposti segwenti għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol):

“1)

Il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, jekk dan ir-regolament ikun applikabbli.

2)

L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin, meta dan ikun awtorizzat skont id-dritt tal-Istat li jirregola l-kuntratt.

3)

Fir-rigward tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, il-qorti ta’ Stat Membru mitluba tagħti effett lir-regoli mandatorji barranin fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew adottati minn Stat Membru ieħor sabiex jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu fl-Unjoni, madankollu, mingħajr ma dan jippreġudika d-deċiżjoni finali li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tadotta f’dan ir-rigward.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) ĠU C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”.

( 3 ) ĠU L 177, p. 6, u r-rettifika ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”.

( 4 ) Liġi Nru 3833/2010 dwar miżuri urġenti sabiex tingħeleb il-kriżi tal-finanzi pubbliċi (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, Parti I, Nru 40 tal-15 ta’ Marzu 2010) u l-Liġi Nru 3845/2010 dwar miżuri għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-ekonomija Ellenika tal-pajjiżi membri taż-żona tal-euro u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, Parti I, Nru 65 tas-6 ta’ Mejju 2010).

( 5 ) ĠU 2001, L 12, p. 1 – rettifiki ĠU 2007, L 174, p. 28, u ĠU 2009 L 311, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”.

( 6 ) Skont l-Artikolu 28 tiegħu, dan ir-regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi mis-17 ta’ Diċembru 2009.

( 7 ) Kienu ġew adottati dispożizzjonijiet simili fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

( 8 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs ECOSOC (270/84, EU:C:1986:304, punt 31); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50), u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 53).

( 9 ) Konformement mal-prinċipju ta’ effett immedjat, ir-regola l-ġdida tapplika għall-effetti ta’ dritt futuri li jirriżultaw minn tali kuntratt. Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 52).

( 10 ) Ara Ancel, M. E., “Le Règlement Rome I à l’épreuve du temps”, La justice civile européenne en marche, Douchy Oudot, M., Guinchard, E., Dalloz, 2012, p. 60.

( 11 ) Ara Calliess, G. P., Hofmann, H., “Article 28, Application in Time”, Rome Regulations, Calliess, G. P. (ed.), it-2 ed., Wolters Kluwer 2015, p. 438.

( 12 ) F’dan il-kuntest, għandu jsir riferiment għar-riżultati tax-xogħlijiet — magħmula fl-ambjenti universitarji — dwar id-dritt privat Ewropew. Il-kwistjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt hija indirizzata, pereżempju, fl-Artikoli 4:101-4:110 tal-proġett intitolat “Principles of the Existing EC Contract Law (Acquis Principles)”, ara Research Group on the Existing EC Private Law (Acquis Group), Principles of the Existing EC Contract Law (Acquis Principles), Contract II – General Provisions, Delivery of Goods, Package Travel and Payement Services, Sellier, München 2009, p. 181 sa 221. Il-kunċett ta’ kuntratt ġie ddefinit fil-Ktieb II, fl-Artikolu II‑1:101 tal-proġett “Draft Common Frame of Reference”, ara Von Bar, C., Clive, E., Schulte Nölke, H. (edituri), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR) – Outline Edition [żviluppat mill-iStudy Group on a European Civil Code u r-Research Group on Existing EC Private Law (Acquis Group)], Sellier, München, 2009, p. 181.

( 13 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament Ruma I.

( 14 ) Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza, pereżempju, li d-dritt Ingliż jistipula preżunzjoni legali ta’ kontinwità tal-kuntratt ta’ xogħol, iżda li l-ġurisprudenza tippermetti li tiġi kkonstatata n-natura innovattiva ta’ dan il-kuntratt f’każ ta’ modifika sostanzjali unilaterali tal-klawżoli tiegħu mill-persuna li timpjega.

( 15 ) Dz. U 1964 Nru 16, pożizzjoni 94.

( 16 ) Ara Gwiazdomorski, J., “Międzyczasowe prawo prywatne”, Nowe Prawo 1962, Nri 6-7, p. 761.

( 17 ) Ara Pietrzykowski, T., “Obowiązywanie i stosowanie prawa cywilnego w czasie”, System prawa prywatnego, Vol. 1, Prawo cywilne – część ogólna, taħt it-tmexxija ta’ Safjan, M., Varsovie, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN 2012, p. 769.

( 18 ) Skont l-Artikolu 17 tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Ruma tapplika għal kuntratti konklużi wara d-data li fiha din il-konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għall-Istat meqjus, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja — wara l-1 ta’ April 1991. Mid-digriet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-relazzjoni legali li hija s-suġġett tal-kawża kienet ġiet stabbilita fl-1996.

( 19 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari li din teżerċita kemm skont l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll fuq il-bażi ta’ protokolli għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri tistabbilixxi ċerti limiti għall-aġġustament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. L-aġġustament ta’ domanda preliminari magħmul ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax iwassal għal modifika tas-sustanza ta’ din id-domanda, peress li jiġi affettwat id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C‑352/95, EU:C:1997:170, punt 14), u tal-5 ta’ Ottubru 1999, Leathertex (C‑420/97, EU:C:1999:483, punt 22).

( 20 ) F’dawn il-konklużjonijiet, imfassla bil-Pollakk, jien essenzjalment nuża l-kunċett ta’ “przepisy wymuszające swoje zastosowanie” (“regola mandatorja”). Dan xi drabi huwa ssostitwit bil-kunċett ekwivalenti ta’ “przepisy imperatywne” (“dispożizzjonijiet obbligatorji”). F’dan is-sens, il-kunċett ta’ “przepisy imperatywne” madankollu ma għandux jitħawwad mal-kunċett ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim (użat, pereżempju, fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Ruma I).

( 21 ) F’dan ir-rigward, wieħed jinnota b’mod partikolari l-kontribut ta’ Franceskakis, P., li kien irrikorra għall-kunċett ta’ “lois d’application immédiate” (regola ta’ applikazzjoni immedjata), f’“Quelques précisions sur les lois d’application immédiate et leurs rapports avec les règles de conflits de lois”, Revue critique de droit international privé, 1966, p. 1 et seq.

( 22 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 8 tal-liġi Pollakka tal-2011 dwar id-dritt internazzjonali privat, l-Artikolu 1.11(2) tal-kodiċi ċivili Litwan tal-2000, l-Artikolu 20 tal-liġi Belġjana tal-2004 dwar id-dritt internazzjonali privat, l-Artikolu 17 tal-liġi Taljana tal-1995 dwar id-dritt internazzjonali privat, l-Artikolu 7, tal-Ktieb 10 tal-kodiċi ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-1992, l-Artikoli 3 u 25 tal-liġi Ċeka tal-2012 dwar id-dritt internazzjonali privat. Fir-rigward tan-numru ta’ leġiżlazzjonijiet tal-Istati mhux membri tal-Unjoni Ewropea, qabelxejn għandhom jiġu ċċitati l-Artikoli 18 u 19 tal-liġi Svizzera tal-1987 dwar id-dritt internazzjonali privat.

( 23 ) Ara Savigny, F. C, System des heutigen Römischen Rechts, Vol. 8, Berlin 1849, 36 I 276.

( 24 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999 (C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 30). Ara Nuyts, A., “Les lois de police et dispositions impératives dans le Règlement Rome I”, Revue de droit commercial belge, 2009, Nru 6.

( 25 ) Ara, dwar ix-xogħol preparatorju tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, Popiołek, W., “Konwencja EWG o prawie właściwym dla zobowiązań”, Państwo i Prawo 9/1982, p. 105 sa 115; Fuchs, B., “Statut kontraktowy a przepisy wymuszające swoje zastosowanie”, Wydawnictwo Uniwersytetu Śląskiego, Katowice, 2003, p. 126 et seq.

( 26 ) Wojewoda, M., “Mandatory Rules in Private International Law”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, (7) 2000, Nru 2, p. 212.

( 27 ) Bonomi, A., “Le régime des règles impératives et des lois de police dans le règlement ‘Rome I’ sur la loi applicable aux contrats”, Le nouveau règlement européen “Rome I” relatif à la loi applicable aux obligations contractuelles, Bonomi, A., Cashin Ritaine, E. (ed.), Genève 2008, p. 235.

( 28 ) Ara Zachariasiewicz, M. A., “Przepisy wymuszające swoje zastosowanie”, System prawa prywatnego, Vol. 20A, Prawo prywatne międzynarodowe, taħt it-tmexxija ta’ Pazdan, M., Varsovie, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN 2014, p. 455.

( 29 ) Dawn il-kontroversji bl-ebda mod ma rriżultaw matul l-applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 7(1) fl-Istati li ma kinux ifformulaw riżerva skont l-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Ara Zachariasiewicz, M. A., “Rozwój nauki prawa prywatnego międzynarodowego”, System prawa prywatnego, Vol. 20A, Prawo prywatne międzynarodowe, taħt it-tmexxija ta’ Pazdan, M., Varsovie, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN 2014, p. 81.

( 30 ) Ara, dwar dan is-suġġett, Hellner, M., “Third Country Overriding Mandatory Rules in the Rome I Regulation: Old Wine in New Bottles?”, Journal of Private International Law, 2009, Nru 5 (3), p. 451‑454; McParland, M., The Rome I Regulation on the Law Applicable to Contractual Obligations, Oxford University Press 2015, p. 697‑705.

( 31 ) Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara Bonomi, A., Cashin Ritaine, E., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), p. 235.

( 33 ) F’dan ir-rigward għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-qrati Brittaniċi (ara, pereżempju, is-sentenza Foster vs Driscoll [1929] 1 KB 470), ibbażata fuq il-premessa li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regola mandatorja barranija xi drabi jista’ jwassal għall-ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat tal-forum li jibbaża fuq il-“comity of nations” (korteżija internazzjonali). Ara McParland, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), p. 711, 715 u 716; Harris, J., “Mandatory Rules and Public policy under the Rome I Regulation”, Ferrari, F., Leible, S. (edituri), Rome I Regulation, The Law Applicable to Contractual Obligations in Europe, Sellier, München, 2009, p. 298 et seq.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, Schmidt-Kessel, M., “Article 9”, Ferrari, F. (ed.), Rome I Regulation, Sellier, München 2015, p. 350. Jien barra minn hekk inqis li għandhom jiġu interpretati wkoll b’mod wiesa’ l-kundizzjonijiet l-oħra ddefiniti mill-Artikolu 9(3) fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli sa fejn dawn għandhom bħala effett li “jagħmlu illegali t-twettiq [l-eżekuzzjoni] tal-kuntratt”. Ara Schmidt-Kessel, M., loc. cit.; Harris, J., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 322, u Hellner, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), p. 461.

( 35 ) Ara Nuyts, A., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), p. 563 u 564.

( 36 ) Jien ma għandix dubju li l-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni għandha tagħti natura awtonoma, ara Harris, J., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 315, u Marazopoulou, V., “Overriding Mandatory Provisions of Article 9 § 3 of the Rome I Regulation”, Revue Hellénique de Droit International, 2/2011, p. 787.

( 37 ) L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I, li jiddetermina d-dritt applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli eżerċitata mill-partijiet skont l-Artikolu 3, huwa bbażat ukoll fuq il-kunċett ta’ prestazzjoni karatteristika.

( 38 ) McParland, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), p. 706, u Hellner, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), p. 466.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, Renner, M., “Rome I Article 9, Overriding Mandatory Provisions”, Rome Regulations, op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), p. 258; Zachariasiewicz, M. A., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 28), p. 459, u Nuyts, A., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), p. 564.

( 40 ) Id-duttrina Pollakka ssemmi wkoll il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae – Ara Popiołek, W., Wykonanie zobowiązania umownego a prawo miejsca wykonania: zagadnienia kolizyjnoprawne, Katowice 1989, p. 163 et seq, u Mataczyński, M., Przepisy wymuszające swoje zastosowanie w prawie prywatnym międzynarodowym, Zakamycze 2005, p. 181 et seq.

( 41 ) Skont ix-Schuldstatuttheorie. Ara, dwar dan is-suġġett, Harris, J., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 302.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, Martiny, D., “Art. 9 Rom I-VO”, Münchener Kommentar zum BGB, C.H. Beck, is-6 ed., München 2015, punt 114‑114b; Remien, O., “Art. 9 ROM I-VO”, BGB Kommentar, Prütting, H., Wegen, G., Weinreich, G. (ed.), 2015, punt 45. L-awturi tal-kummenti msemmija iktar ’il fuq jinnotaw madankollu l-eżistenza fid-duttrina Ġermaniża ta’ opinjoni diverġenti li skontha t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ dispożizzjonijiet ta’ regola mandatorja barranija jaqa’ taħt l-approċċ li jikkonsisti f’li “jagħti effetti” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I u għalhekk jinsab ukoll suġġett għal-limiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, Renner, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), p. 261; Schmidt-Kessel, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 34), p. 353, u Marazopoulou, V., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 36), p. 792.

( 44 ) Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2010, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, li huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU 2010, L 145, p. 6).

( 46 ) Schmidt-Kessel, M., op.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 34), p. 329; Sánchez Lorenzo, S., “Choice of Law and Overriding Mandatory Rules in International Contracts after Rome I”, Yearbook of Private International Law, Vol. 12, 2010, p. 78.

( 47 ) Ir-Regolament Ruma I barra minn hekk fih dispożizzjoni li tipprevedi li tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-ipoteżi fejn l-għażla tirrigwarda d-dritt ta’ Stat Membru ieħor [l-Artikolu 3(4)].

( 48 ) L-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni 2010/320 jiddisponi li r-Repubblika Ellenika għandha tadotta qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2010 it-tnaqqis tal-bonus tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied li jingħata lill-uffiċjali.