KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HENRIK SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

Kawża C‑119/15

Biuro podróży “Partner” Sp. z o.o., Sp. komandytowa w Dąbrowie Górniczej

vs

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsovie, sezzjoni ċivili, il-Polonja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KE — Direttiva 2009/22/KE — Effet erga omnes ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali malli din il-klawżola tiġi iskritta f’reġistru pubbliku — Sanzjoni pekunjarja imposta fuq il-bejjiegħ jew fornitur li jkun uża tali klawżola jew klawżola ekwivalenti fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu mingħajr ma dan ikun ipparteċipa fil-proċedura li tirrigwarda l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal smigħ”

I – Introduzzjoni

1.

Deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt ma’ konsumatur tista’ evidentement ikollha natura vinkolanti bħala preċedent ġuridiku. L-Istati Membri jistgħu madankollu jagħtu lil tali deċiżjoni effett erga omnes, b’mod li jorbtu lil bejjiegħa jew fornituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura? Din hija d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

2.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn bejjiegħ jew fornitur u l-awtoritajiet Pollakki għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa fuq dan il-bejjiegħ jew fornitur minħabba li fil-kuntratti tiegħu mal-konsumaturi huwa juża klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa li huma ekwivalenti għal klawżoli li preċedentement ġew meqjusa inġusti u li huma inklużi, bħala tali, f’reġistru pubbliku, minkejja li dan il-bejjiegħ jew fornitur ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li huma inklużi fir-reġistru.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment fuq il-punt dwar jekk, fis-sustanza, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE ( 2 ), moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE ( 3 ), jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li biha din il-qorti hija adita.

4.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi, għall-ewwel darba, il-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 u l-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti u d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 93/13

5.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6.

Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

7.

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

9.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti f’din id-direttiva, sakemm dawn ikunu kompatibbli mat-Trattat.

10.

L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi kif ġej ( 4 ):

“1.   Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:

[…]

ikun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt li għandhom jitqiesu bħala inġusti.”

2. Id-Direttiva 2009/22

11.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/22, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.”

12.

L-Anness I tad-Direttiva 2009/22, intitolat “Lista tad-direttivi koperti mill-Artikolu 1” isemmi, fil-punt 5, id-Direttiva 93/13.

13.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/22 intitolat “Azzjonijiet għal inġunzjoni”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:

a)

li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;

b)

fejn ikun il-każ, li jiksbu miżuri bħalma huma l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, fit-tali forma li tinftiehem li hi adegwata u/jew il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva bil-għan li jiġu eleminati l-effetti kontinwi tal-ksur;

c)

safejn tippermetti s-sistema legali tal-Istat Membru konċernat, li jikkundannaw lill-konvenut telliefi għall-ħlasijiet għal ġewwa l-erarju pubbliku jew għal kull benefikant nominat jew previst fil- jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, fl-eventwalità ta’ nuqqas li jikkonforma mad-deċiżjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi, ta’ ammont fiss għal kull ġurnata ta’ dewmien jew kull ammont ieħor li hemm provdut għalih fil-leġislazzjoni nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-konformità mad-deċiżjonijiet.”

B – Id-dritt Pollakk

1. Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi

14.

L-Artikolu 24(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-Ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów (liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi), tas-16 ta’ Frar 2007 (Dz. U. Nru 50, pożizzjoni 331), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdu li ( 5 ):

“1.   L-użu ta’ prattiċi li jippreġudikaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi huwa pprojbit.

2.   Prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi tfisser kull aġir illegali ta’ bejjiegħ jew fornitur li jhedded dawn l-interessi, b’mod partikolari:

1)

l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li huma inklużi fir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, imsemmi fl-Artikolu 479 45 tal-liġi tas-17 ta’ Novembru 1964, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Dz. U., Nru 43, pożizzjoni 296, kif emendata).”

15.

L-Artikolu 26(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jipprovdi li:

“1.   Meta l-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] jikkonstata l-ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 24, huwa għandu jieħu deċiżjoni li tiddikjara li l-prattika inkwistjoni tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jeżiġi t-twaqqif tagħha […]”

16.

Il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jipprovdi li:

“1.   Il-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimponi fuq il-bejjiegħ jew fornitur multa li l-ammont tagħha ma għandux jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena tal-impożizzjoni tal-multa, meta dak il-bejjiegħ jew fornitur, anki jekk biss b’mod involontarju:

[…]

4)

għamel użu minn prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 24.”

2. Il-kodiċi ta’ proċedura ċivili

17.

L-Artikoli 47942(1), 47943 u 47945(1) sa (3) tal-Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (liġi dwar il-kodiċi tal-proċedura ċivili) tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 101), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ proċedura ċivili”), jipprovdu li ( 6 ):

“Artikolu 47942

1.   Jekk it-talba tintlaqa’, il-qorti tirriproduċi, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, il-kontenut tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u tipprojbixxi l-użu tagħhom.

Artikolu 47943

Id-deċiżjoni definittiva tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ terzi mal-inklużjoni tal-klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 47945(2).

Artikolu 47945

1.   Kopja tad-deċiżjoni definittiva li tilqa’ t-talba għandha tintbagħat mill-qorti lill-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi].

2.   Il-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] għandu, abbażi tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, iżomm ir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali.

3.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 huwa pubbliku.”

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011, il-president tal-Urząd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“UOKiK”) impona multa ta’ 21127 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 4940) fuq il-kumpannija HK Zakład Usługowo Handlowy “Partner” Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HK Partner”), li teżerċita attività ekonomika, fost l-oħrajn, fil-qasam tas-servizzi turistiċi. Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont l-Artikolu 24(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 24(2) kif ukoll skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, minħabba li HK Partner użat klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ vjaġġi meqjusa li huma ekwivalenti għal klawżoli li qabel tqiesu illegali, u li tniżżlu fir-reġistru pubbliku tal-klawżoli inġusti, imsemmi fl-Artikolu 47945(2) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (iktar ’il quddiem ir-“reġistru tal-klawżoli inġusti”) ( 7 ).

19.

HK Partner ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-president tal-UOKiK tat-22 ta’ Novembru 2011 quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem is-“SOKiK”), billi talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, b’mod sussidjarju, it-tnaqqis tas-sanzjoni pekunjarja. Matul il-proċedura quddiem is-SOKiK, HK Partner ġiet diviża u b’riżultat ta’ dan ir-rikorrenti, il-kumpannija Biuro podróży “Partner” Sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem il-“Biuro podróży Partner”), ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ HK Partner marbutin mal-attività turistika. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013, is-SOKiK ċaħdet l-azzjoni billi qablet mal-evalwazzjoni tal-president tal-UOKiK fir-rigward tal-ekwivalenza tal-klawżoli użati minn HK Partner mal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.

20.

Il-Biuro podróży Partner appellat quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili, il-Polonja”) fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011 tal-president tal-UOKiK u, b’mod sussidjarju, l-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013 tas-SOKiK u r-rinviju tal-kawża quddiem dik il-qorti biex tiġi eżaminata mill-ġdid.

21.

Peress li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili) kellha xi dubji rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 6(1) u 7 tad-[Direttiva 93/13], u tal-Artikoli 1 u 2 tad-[Direttiva 2009/22], l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali jista’ jitqies, fir-rigward ta’ professjonist [bejjiegħ jew fornitur] ieħor li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni fir-reġistru ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, bħala aġir illegali li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li, fil-proċedura amministrattiva nazzjonali, jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa?

2.

Fid-dawl tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 [TFUE], qorti tat-tieni istanza li d-deċiżjoni tagħha, mogħtija fl-appell, tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni, kif inhu previst [mill-Kodiċi ta’ proċedura ċivili tar-Repubblika tal-Polonja], hija qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati taħt id-dritt intern, jew hija s-Sąd Najwyższy (Qorti suprema, [il-Polonja]), li għandha l-kompetenza sabiex tisma’ appell ta’ kassazzjoni?”

22.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ( 8 ), it-tieni domanda preliminari ma tqajjem punti ta’ liġi ġodda. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ttrattata biss l-ewwel domanda preliminari li hija l-unika waħda li ma ġietx ittrattata qabel.

23.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fid-9 ta’ Marzu 2016.

IV – Analiżi ġuridika

A – Osservazzjonijiet preliminari

1. Dwar is-sistema Pollakka għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti

24.

Qabelxejn, jeħtieġ li jingħataw ftit dettalji fuq is-sistema Pollakka għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti, li timplementa tliet tipi ta’ kontroll tal-klawżoli inġusti, jiġifieri kontroll individwali, kontroll in abstracto u kontroll amministrattiv ( 9 ).

25.

Il-kontroll individwali jiġi eżerċitat f’każ ta’ kawżi quddiem il-qrati ordinarji bejn il-konsumaturi u bejjiegħa jew fornituri fir-rigward tan-natura inġusta tal-klawżoli li jitniżżlu fil-kuntratti partikolari. Id-deċiżjoni ġudizzjarja dwar kontroll individwali torbot biss lill-partijiet fil-proċedura.

26.

Min-naħa l-oħra, il-kontroll in abstracto jiġi eżerċitat minn qorti speċjalizzata, jiġifieri s-SOKiK, u huwa suġġett għal proċedura partikolari rregolata, fost l-oħrajn mill-Artikolu 47942(1), mill-Artikolu 47943 u mill-Artikolu 47945 (1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili ( 10 ). Dan il-kontroll, li jirrigwarda biss il-klawżoli li jitniżżlu f’kundizzjonijiet ġenerali, għandu bħala għan li jelimina l-klawżoli li huma ta’ natura inġusta. L-evalwazzjoni tas-SOKiK hija bbażata fuq il-formulazzjoni tal-klawżola kkontestata u hija għaldaqstant indipendenti mill-mod li bih tintuża din il-klawżola fil-kuntratti partikolari ( 11 ). Is-SOKiK tista’, fost l-oħrajn, tkun adita minn kull konsumatur, kemm jekk dan ikun marbut bil-kuntratt kif ukoll jekk le, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għad-difiża tal-interessi tal-konsumaturi u kif ukoll mill-president tal-UOKiK ( 12 ).

27.

Meta s-SOKiK tiddeċiedi fuq in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali fil-kuntest ta’ kontroll in abstracto, hija tirriproduċi fid-dispożittiv tad-deċiżjoni, skont l-Artikolu 47942(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-kontenut tal-klawżola kkontestata u tipprojbixxi l-użu tagħha. Id-deċiżjoni definittiva li tilqa’ t-talba tiġi mbagħad ippubblikata u l-klawżola meqjusa inġusta titniżżel fir-reġistru tal-klawżoli abbużivi li jinżamm mill-president tal-UOKiK. Skont il-Gvern Pollakk, meta klawżola titniżżel fir-reġistru, ma jkunx possibbli li din tiġi kkorreġuta jew li titneħħa mir-reġistru.

28.

Il-kontroll amministrattiv huwa, skont il-Gvern Pollakk, marbut strettament mal-kontroll in abstracto, peress li jimplementa d-deċiżjonijiet tas-SOKiK. Fil-fatt, waqt il-kontroll amministrattiv, il-president tal-UOKiK jeżamina jekk il-klawżola kkontestata hijiex identika jew ekwivalenti għal klawżola kuntrattwali mniżżla fir-reġistru tal-klawżoli inġusti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kontenut tal-klawżola kkontestata u tal-effetti tagħha għall-konsumatur. Biex ikun hemm l-ekwivalenza, ma huwiex meħtieġ li l-kontenut tal-klawżoli pparagunati jkun identiku. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-klawżola kkontestata tikkorrispondi mal-każ tal-klawżola mniżżla f’dak ir-reġistru. Il-bejjiegħ jew fornitur li l-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali tiegħu jkunu s-suġġett ta’ kontroll amministrattiv ġeneralment ma għandux il-possibbiltà li jikkontesta n-natura inġusta tal-klawżola kkontestata, fiċ-ċirkustanzi partikolari, imma biss l-ekwivalenza tagħha għal klawżoli li jkunu diġà mniżżla fir-reġistru.

29.

Meta l-president tal-UOKiK jikkonstata ksur tal-projbizzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi ( 13 ), huwa jordna, permezz ta’ deċiżjoni, it-twaqqif tal-prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u, eventwalment, l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-bejjiegħ jew fornitur skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) ta’ din il-liġi.

30.

Id-deċiżjonijiet tal-president tal-UOKiK huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju magħmul mis-SOKiK bħala qorti tal-ewwel istanza u mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili) bħala qorti tat-tieni istanza ( 14 ). Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu bħala għan mhux li jeżamina n‑natura inġusta tal-klawżola kkontestata, imma biss l-ekwivalenza tagħha għal klawżoli oħra li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.

2. Fuq il-portata tal-ewwel domanda preliminari

31.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li jeżistu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, u tal-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili ( 15 ), li jqajmu diverġenzi kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fil-kummentarji. Skont il-qorti tar-rinviju, hemm żewġ teżijiet li jaffaċċjaw lil xulxin fuq dan is-suġġett.

32.

Skont l-ewwel teżi, difiża mill-president tal-UOKiK, fil-kawża prinċipali, u li hija bbażata fuq qari litterali tal-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili, id-deċiżjonijiet mogħtija mis-SOKiK fil-kuntest tal-kontroll in abstracto għandhom effett erga omnes fir-rigward ta’ kull bejjiegħ jew fornitur, malli jitniżżlu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti ( 16 ) (iktar ’il quddiem l-“ewwel teżi ta’ interpretazzjoni”).

33.

Skont it-tieni teżi, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Pollakk, deċiżjoni tas-SOKiK li tikkonstata l-illegalità ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet penerali tikkonċerna biss il-klawżola konkreta kkonċernata mill-proċedura u torbot biss lill-partijiet fil-kawża.

34.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, biex jiġu interpretati korrettament id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li tiġġustifika t-talba għal deċiżjoni preliminari. B’mod iktar speċifiku, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22, jipprekludux il-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli kif interpretata skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni u, b’mod partikolari, jekk tali interpretazzjoni hijiex konformi mad-dritt fundamentali għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur.

35.

Għalkemm fil-kuntest tal-proċedura mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, inkluż fuq l-għażla bejn iż-żewġ modi ta’ interpretazzjoni, u lanqas fuq il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn huma obbligi esklużivament tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi fuq ir-rinviju preliminari, għandha ġurisdizzjoni li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-qorti nazzjonali tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 17 ).

36.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu fil-ġurisdizzjoni tagħha biex tinterpreta r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll l-għan tad-dritt tal-Unjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u filwaqt li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 93/13 u tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan intiż minnha ( 18 ).

37.

Minkejja l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, jidhirli li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fl-intier tagħha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta, b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tagħha li jirrigwarda d-dritt għal smigħ. Infakkar, f’dan ir-rigward, li bl-għan li tipprovdi risposta utli għall-qorti li ressqet quddiemha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fid-domanda tagħha ( 19 ).

38.

Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, bħala li tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22 u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fuq bejjiegħ jew fornitur li juża, fil-kuntratti tiegħu mal-konsumaturi, klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jitqiesu ekwivalenti għall-klawżoli diġà meqjusa inġusti u mniżżla, minħabba f’hekk, f’reġistru pubbliku, minkejja li dan il-bejjiegħ jew fornitur ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru.

B – Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13

1. Rimarki ġenerali

39.

Is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni ( 20 ). F’dan ir-rigward, l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw “mezzi adegwati u effettivi” biex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi ( 21 ) u li jipprovdu li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, billi, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, itendu “li [j]issostitwixx[u] l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom” ( 22 ).

40.

Ftit li xejn hemm dubju li sistema bħalma hija prevista mil-leġiżlazzjoni Pollakka hija adatta biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 23 ). Bl-għoti ta’ effett erga omnes lid-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ kontroll in abstracto u bil-fatt li tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ multi sostanzjali ( 24 ) fuq il-bejjiegħa jew fornituri, tali sistema toħloq ostakolu effikaċi u rapidu għall-użu ta’ klawżoli meqjusa inġusti kif ukoll ta’ klawżoli simili li għandhom effett negattiv simili għall-konsumatur. Barra minn hekk, tali sistema tipprekludi l-evażjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta’ modifiki żgħar, ta’ natura redazzjonali u stilistika, tal-klawżoli diġà pprojbiti ( 25 ).

41.

Kif isostni l-Gvern Pollakk, id-Direttiva 93/13 ma tipprovdix mudell partikolari li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri sabiex jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti. Hija lanqas ma tippreċiża l-effett ġuridiku ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, peress li d-Direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirreferi għaldaqstant għall-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri ( 26 ), u l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jawtorizza wkoll l-adozzjoni jew iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk previsti f’din id-direttiva ( 27 ). Madankollu minn dan ma jirriżultax li l-Istati Membri jgawdu libertà assoluta biex jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-klawżoli inġusti. Kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli mat-trattat.

42.

Issa, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Pollakk, jidhirli li sistema bħalma hija dik irrakkomandata mid-difensuri tal-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Karta. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’l isfel intiżi li jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.

2. Fuq l-evalwazzjoni konkreta u individwali tan-natura inġusta

a) Fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13

43.

Mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li n-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab fil-kuntratti ma’ konsumatur tiġi evalwata “billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu” ( 28 ).

44.

Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura inġusta, klawżola kuntrattwali ma tistax tkun iżolata mill-kuntest tagħha. Din l-evalwazzjoni, għaldaqstant, ma hijiex assoluta, imma pjuttost relattiva, inkwantu hija tiddependi fuq il-fatti partikolari li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-kuntratt ( 29 ), inkluż l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha tal-kuntratt ( 30 ).

45.

Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tistax tippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali ( 31 ).

46.

Klawżola kuntrattwali tista’ għaldaqstant titqies li hija inġusta f’ċerti ċirkustanzi iżda ma tkunx hekk f’oħrajn ( 32 ), partikolarment fid-dawl tal-prezz imħallas mill-konsumatur ( 33 ). L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tista’ wkoll tinbidel maż-żmien minħabba bdil tad-dritt applikabbli għall-kuntratt ( 34 ).

47.

Evidentement, jeżistu klawżoli kuntrattwali manifestament inġusti, ħaġa li tiffaċilita l-evalwazzjoni li għandha tagħmel il-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, mingħajr madankollu ma titneħħa n-natura konkreta ta’ din l-evalwazzjoni. Tali klawżoli spiss ikunu jiksru wkoll ir-regoli imperattivi tal-liġijiet nazzjonali tal-konsumatur jew tal-kuntratti.

48.

Deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tikkonstata, b’mod ġenerali, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jew in-nuqqas ta’ konformità ta’ din mar-regoli imperattivi jkollha evidentement, inkwantu preċedent, effetti indiretti sinjifikattivi fuq bejjiegħa jew fornituri oħra li jużaw, fil-kuntratti tagħhom mal-konsumaturi, klawżoli identiċi jew simili, fejn tali bejjiegħa jew fornituri jkollhom naturalment jistennew evalwazzjoni simili waqt xi stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda l-kuntratti tagħhom. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tvarja minn kuntratt għall-ieħor skont iċ-ċirkustanzi partikolari u d-dritt applikabbli li jikkonċernaw il-kuntratt u l-klawżola kkonċernati.

49.

Konsegwentement, sistema li tipprovdi, b’mod ġenerali, li n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali tkun stabbilita darba għal dejjem, waqt proċedura ġudizzjarja in abstracto, jidhirli li hija diffiċli, jekk mhux impossibbli, biex tkun irrikonċiljata mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, peress li dan tal‑aħħar jeżiġi li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tkun konkreta u bbażata fuq ċirkustanzi partikolari.

b) Fuq il-lista tal-klawżoli inġusti li jinsabu fl-anness tad-Direttiva 93/13

50.

Id-Direttiva 93/13 tinkludi, fl-anness tagħha, lista li l-Artikolu 3(3) tagħha jikklassifika bħala “lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti” ( 35 ).

51.

Il-Kummissjoni kienet oriġinarjament ipproponiet lista verament “sewda” tal-klawżoli meqjusa inġusti dejjem, imbagħad lista “griża” tal-klawżoli preżunti inġusti. Dan l-approċċ madankollu ma sabx is-sostenn tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għadda biex għażel lista purament indikattiva ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[k]lawżola li tidher hemmhekk ma għandhiex neċessarjament tiġi kkunsidrata bħala inġusta u [li], għall-kuntrarju, klawżola li ma tidhirx hemmhekk tista’ madankollu tiġi ddikjarata inġusta” ( 37 ).

52.

L-għażla tal-leġiżlatur fir-rigward tan-natura tal-lista turi sewwa, fil-fehma tiegħi, id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-identifikazzjoni tal-klawżoli li jkunu dejjem inġusti, inkluż għal klawżoli bħalma huma dawk li jinsabu f’dik il-lista li jitqiesu li huma partikolarment problematiċi fir-rigward tal-iżbilanċ maħluq għad-detriment tal-konsumatur ( 38 ). Dan jimmanifesta ruħu wkoll fil-flessibbiltà li joffri t-test tal-lista ( 39 ).

c) Fuq il-possibbiltà li jiġu adottati listi nazzjonali tal-klawżoli inġusti skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13

53.

Meta, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, Stat Membru “jadotta dispożizzjonijiet […] [li j]kun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt [klawżoli kuntrattwali] li għandhom jitqiesu bħala inġusti”, huwa għandu, skont l-Artikolu 8a(1) ta’ din id-direttiva, l-obbligu li jinforma b’dan lill-Kummissjoni ( 40 ). B’kuntrast mal-lista indikattiva li tinsab fl-anness ta’ din id-direttiva, il-listi nazzjonali adottati skont l-Artikolu 8 jista’ jkollhom effett vinkolanti, kemm jekk huma “suwed” kif ukoll jekk huma “griżi” ( 41 ).

54.

L-espressjoni “jadotta dispożizzjonijiet”, li tinsab fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 93/13, timplika madankollu, fil-fehma tiegħi, li tali lista nazzjonali għandha tkun stabbilita b’mod leġiżlattiv, jiġifieri b’liġi jew b’regoli amministrattivi adottati skont il-liġi. Il-mekkaniżmu stabbilit bl-Artikolu 8 u bl-Artikolu 8a(1) ta’ din id-direttiva jimplika għaldaqstant li l-leġiżlatur għandu jifformula bi preċiżjoni l-klawżoli pprojbiti jew preżunti inġusti billi, bir-reqqa, ibbilanċja l-interessi differenti u xi kultant opposti, u li l-imsemmija klawżoli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Nirrileva li l-proċedura leġiżlattiva, li tista’ tinvolvi lill-partijiet interessati, ittendi min-natura tagħha għall-adozzjoni ta’ regoli ġenerali u astratti.

55.

Issa, sistema bħalma hija dik proposta mid-difensuri tal-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni tawtorizza fil-fatt lill-qrati nazzjonali, iktar milli lil-leġiżlatur, sabiex jistabbilixxu, każ b’każ, lista “sewda” li abbażi tagħha jista’ jkun ippenalizzat l-użu ta’ klawżoli identiċi jew ekwivalenti. F’dan il-kuntest, il-klawżoli meqjusa inġusti jiddaħħlu waħda wara l-oħra fir-reġistru tal-klawżoli inġusti li fir-realtà huwa redatt mill-bejjiegħa jew fornituri. Minn dan jirriżulta ċar li tali sistema ma hijiex paragunabbli mal-adozzjoni tal-listi nazzjonali awtorizzati bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13.

56.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċli li tali sistema tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta u li jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh ( 42 ).

57.

Fid-dawl tan-numru sinjifikattiv u dejjem jikber tal-iskrizzjonijiet fir-reġistru tal-klawżoli inġusti ( 43 ), din is-sistema tqajjem ukoll dubji fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 44 ), fejn il-bejjiegħa jew fornituri bilfors ikollhom diffikultajiet biex jidentifikaw is-sitwazzjoni legali li fiha huma jaġixxu u biex jipprevedu l-konsegwenzi. Dawn id-dubji huma partikolarment serji għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġi ssanzjonat l-użu ta’ klawżoli li huma biss “ekwivalenti” għall-klawżoli mniżżla fir-reġistru ( 45 ).

3. Fuq id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur

58.

Marbuta mill-qrib mal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, dwar l-evalwazzjoni konkreta tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l‑kwistjoni tad-dritt ta’ bejjiegħ jew fornitur li jirrifjuta n-natura inġusta tal-klawżoli li huwa juża fi-kuntratti mal-konsumaturi.

59.

Minn qari a contrario sensu tal-Artikolu 3(1) ta-Direttiva 93/13 jirriżulta li klawżola kuntrattwali ma titqiesx li hija inġusta jekk hija kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali ( 46 ). F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-bejjiegħ jew fornitur li jippretendi li klawżola standardizzata kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali. Minn dan niddeduċi li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-bejjiegħ jew fornitur, bħala minimu, id-dritt li juri li l-klawżola kkontestata kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali u li, konsegwentement, ma hijiex inġusta, fil-każ partikolari, fis-sens ta’ din id-direttiva.

60.

Id-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi argumenti u provi biex jeħles mill-oneru tal-prova, jidhirli li jifforma parti mid-dritt iktar ġenerali u iktar wiesa’ li joħroġ mill-Artikolu 47 tal-Karta, li fid-dawl tiegħu għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ( 47 ).

61.

L-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna ( 48 ), fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta ( 49 ), id-dritt għal smigħ, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll matul il-proċedura ġudizzjarja ( 50 ). Skont kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt jinkludi l-possibbiltà għal persuni kollha li jesprimu ruħhom, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom, sakemm l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha ( 51 ). Dan japplika, evidentement, għal deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuq bejjiegħ jew fornitur.

62.

Fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju bħalma huwa dak imsemmi fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur iservi żewġ funzjonijiet distinti. Fl-ewwel lok, huwa jagħti lill-bejjiegħ jew fornitur il-possibbiltà li jipprova li ċ-ċirkustanzi partikolari li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat kienu differenti minn dawk diġà evalwati fil-proċedura preċedenti li stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola identika jew ekwivalenti. Fit-tieni lok, id-dritt għal smigħ jagħti lill-bejjiegħ jew fornitur il-possibbiltà li jinvoka motivi, kemm jekk ta’ natura fattwali jew legali, li ma jkunux ġew invokati, indipendentement mir-raġuni għal dan, waqt il-proċedura preċedenti in abstracto, u li jikkorreġi żbalji mwettqa matul din il-proċedura ( 52 ).

63.

Minn dan nikkonkludi li d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur fil-kuntest tad-direttiva 93/13 ma jistax ikun limitat għall-punt dwar jekk il-klawżola kkontestata kinitx suġġetta għal negozjati individwali, imma għandu jinkludi kull element rilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola ( 53 ). Għaldaqstant, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li jipprova li l-klawżola kkontestata ma toħloqx, fiċ-ċirkustanzi partikolari, żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, billi juri, b’mod partikolari, li l-effett dannuż ta’ din il-klawżola huwa bbilanċjat bi klawżoli oħrajn tal-istess kuntratt jew mill-prezz imnaqqas imħallas mill-konsumatur ( 54 ).

64.

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Pollakk, jidhirli li sistema bħal dik li tirriżulta mill-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur, peress li dan tal-aħħar ma għandux il-possibbiltà, la matul il-kontroll amministrattiv u lanqas matul l-istħarriġ ġudizzjarju quddiem is-SOKiK u s-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili), li jinvoka l-assenza, fiċ-ċirkustanzi partikolari, tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata u li jġib prova ta’ dan ( 55 ). Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, dawn il-proċeduri ma għandhomx bħala suġġett il-kontroll tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata nnifisha, imma biss l-ekwivalenza għal klawżoli li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.

65.

Għalkemm, kif isostni l-Gvern Pollakk, ma jistax jiġi eskluż li l-qrati nazzjonali, meta jeżaminaw l-ekwivalenza bejn il-klawżola kkontestata u dik li tinsab fir-reġistru tal-klawżoli abbużivi, jikkunsidraw il-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 ( 56 ), xorta waħda jibqa’ l-fatt li din l-evalwazzjoni, fi kwalunkwe każ, għandha l-għan biss li tistabbilixxi l-istat identiku jew l-ekwivalenza taż-żewġ klawżoli ( 57 ) u li l-bejjiegħ jew fornitur ma jistax jikkontesta n-natura inġusta nnifisha tal-klawżola kkontestata billi jirreferi għaċ-ċirkustanzi partikolari, inkluż in-negozjati individwali tal-klawżola kkontestata, jew għall-argumenti ġodda li ma ġewx invokati waqt il-kontroll in abstracto. F’tali sistema, id-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur previst fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa suġġett, għaldaqstant, għal restrizzjonijiet sinjifikattivi ( 58 ).

66.

B’mod parallel, il-kompetenza tal-qorti li tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju hija limitata kunsiderevolment, ħaġa li tqajjem minnha nfisha kwistjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta li jeżiġi “rimedju effettiv” ( 59 ). Barra minn hekk, tali sistema tippreġudika wkoll id-dritt tal-konsumatur li jirrinunzja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ klawżola inġusta ( 60 ).

67.

Ċertament, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-dritt għal smigħ jista’ jinvolvi restrizzjonijiet sakemm dawn jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 61 ). F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk isostni, fil-fehma tiegħi b’mod korrett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża li twaqqaf, malajr u b’mod effettiv, l-użu ta’ klawżoli illegali fid-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu fis-suq u li tevita pluralità ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw klawżoli ekwivalenti ta’ kundizzjonijiet ġenerali użati mid-diversi bejjiegħa jew fornituri ( 62 ).

68.

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalkemm ċertament li huma validi, ma jistgħux jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, ir-restrizzjoni partikolarment serja tad-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur li tirriżulta mill-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili u mill-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, kif interpretati skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni, fid-dawl, ukoll, tan-natura mhux negliġibbli tal-multi li jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ jew fornitur skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) ta’ din il-liġi ( 63 ).

69.

In-natura definittiva tal-inklużjoni tal-klawżoli fir-reġistru tal-klawżoli inġusti tikkorrobora wkoll il-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif interpretata skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 64 ).

70.

Kif tafferma l-Kummissjoni, jidher li jeżistu miżuri alternattivi li jiffaċilitaw protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti filwaqt li jiggarantixxu d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ikunu preklużi milli jimplementaw miżuri li jistabbilixxu preżunzjoni tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali ( 65 ), li l-użu tagħhom jista’ jkun issanzjonat, sakemm il-bejjiegħ jew fornitur ma jurix, matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, li ma humiex hekk fiċ-ċirkustanzi partikolari billi jipprova, partikolarment, li dawn kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali.

71.

Barra minn hekk, l-assenza ta’ effett erga omnes ma jfissirx li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali ma jkollhiex effett dissważiv, inkwantu bejjiegħa jew fornituri oħrajn ikollhom it-tendenza li jieqfu jużaw il-kundizzjonijiet analogi ( 66 ).

C – Fuq l-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien

1. Fuq l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13

72.

Kif tafferma l-Kummissjoni, id-Direttiva 93/13 tippermetti, skont l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, azzjonijiet kollettivi għall-waqfien li effettivament imorru lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali fis-sens li huma indipendenti minn kull kunflitt individwali u jistgħu jiġu introdotti mill-persuni u l-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi ( 67 ). Kif tindika l-espressjoni “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7” li tinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva huma ta’ natura komplementari fir-rigward tal-azzjonijiet individwali ( 68 ).

73.

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jipprovdi għal kontroll in abstracto ta’ natura preventiva u dissważiva ( 69 ) li huwa intiż li jiddetermina “jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti” filwaqt li l-Artikolu 7(3) tal-istess direttiva jippermetti li l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din tal-aħħar jistgħu jkunu diretti, b’mod separat jew b’mod konġunt, kontra diversi bejjiegħa jew fornituri tal-istess settur jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

74.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-azzjonijiet individwali u kollettivi għandhom, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 “għanijiet u effetti legali differenti” ( 70 ). Barra minn hekk, skont it-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13, l-azzjonijiet kollettivi ma jimplikawx “verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali”. Minn dan niddeduċi li l-kontroll ex ante magħmul fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva ma jistax jippreġudika l-kontroll ex post magħmul fil-kuntest ta’ azzjoni individwali li jikkonċerna partijiet oħrajn ( 71 ), ħaġa li teskludi effettivament li l-effetti tad-deċiżjonijiet meħudin fi tmiem l-azzjonijiet kollettivi jiġu estiżi għall-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura ( 72 ).

75.

Din il-konklużjoni hija msaħħa b’fattur ieħor li huwa l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, ma jagħmilx sens, fil-fehma tiegħi, li tiġi permessa l-introduzzjoni ta’ proċeduri bejn ħafna partijiet, skont dan il-paragrafu, jekk id-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-azzjonijiet kollettivi msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva kienu jorbtu diġà b’mod vinkolanti lil kull bejjiegħ jew fornitur. Ix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva jimmilita wkoll favur l-interpretazzjoni li d-deċiżjonijiet meħudin matul l-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3) jorbtu biss lill-partijiet fl-azzjoni kollettiva partikolari ( 73 ).

76.

Ċertament, għal dak li jikkonċerna l-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li rarament ikunu s-suġġett ta’ negozjati individwali, l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva u azzjoni individwali, rispettivament, tkun spiss simili, jekk mhux identika, minkejja li l-partijiet tal-azzjonijiet ma jkunux l-istess. Konsegwentement, id-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva tikkostitwixxi preċedent b’saħħtu għall-evalwazzjoni li għandha ssir matul azzjoni individwali sussegwenti li tirrigwarda klawżola identika jew ekwivalenti u tista’ wkoll toħloq preżunzjoni fir-rigward tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura kollettiva ma għandux ikun imċaħħad mill-possibbiltà, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrifjuta tali preżunzjoni fil-kuntest tal-azzjoni individwali.

2. Fuq il-portata tas-sentenza Invitel

77.

Kif jenfasizzaw il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242), li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix li jiġi estiż l-effett tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali fil-kuntest ta’ azzjoni għall-waqfien ikkontemplata fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva “fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess [kundizzjonijiet ġenerali], inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni” ( 74 ).

78.

Dan ir-riżultat ftit li xejn huwa sorpriża, u pjuttost huwa l-korollarju tan-natura u l-għan tal-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien. Meta klawżola kuntrattwali tkun ġiet iddikjarata nulla u pprojbita fil-kuntest ta’ azzjoni għall-waqfien, irid jiġi żgurat evidentement li l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat ma għadux juża l-istess kundizzjonijiet ġenerali, inkluż il-klawżola meqjusa inġusta, f’ebda wieħed mill-kuntratti tiegħu. Jekk le, l-azzjonijiet għall-waqfien previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13 ikunu mċaħħda mill-effett utli tagħhom.

79.

Fil-punt 40 tas-sentenza Invitel, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ġustament li l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi kollha li, mal-bejjiegħ jew fornitur, ikkonkludew kuntratt ta’ konsum li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali “tiggarantixxi li dawn il‑konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola” ( 75 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għamlet riferiment għal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jimponi fuq l-Istati Membri, skont kliem il-Qorti tal-Ġustizzja li “jisiltu l-konsegwenzi kollha” li jirriżultaw skont il-liġi nazzjonali, minn konstatazzjoni dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali, sabiex il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola ( 76 ).

80.

Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn hemm dubju li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti.

81.

Fil-motivazzjoni tal-konklużjoni tagħha, fis-sentenza Invitel ( 77 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment espliċitu għall-punti 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali li, min-naħa tiegħu, esprima “oġġezzjonijiet serji” fir-rigward tal-effett erga omnes fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata, preokkupazzjonijiet li jiena naqbel magħhom kompletament ( 78 ).

82.

Barra minn hekk, il-kwistjoni li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri l-estensjoni tas-sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi li kkonkludew mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat kuntratt ta’ konsum li għalih japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali, kienet manifestament differenti minn dik imressqa mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, li tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fuq il-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ kontroll in abstracto.

83.

Għalhekk, ma jidhirlix li interpretazzjoni wiesgħa tal-portata tas-sentenza Invitel ( 79 ), b’mod li tkopri leġiżlazzjoni li tipprevedi li jkun hemm effett erga omnes fir-rigward ta’ kull bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura, hija ġġustifikata u hija, fi kwalunkwe każ, ftit li xejn konformi mad-drittijiet fundamentali tal-bejjiegħ jew fornitur ( 80 ).

3. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/22

84.

L-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 li jiena nipproponi ma tistax tkun affettwata mill-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22, li għalihom għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha.

85.

Id-Direttiva 2009/22 li tirrigwarda l-azzjonijiet kollettivi ta’ inibizzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi għandha l-għan li tiżgura l-effett sħiħ ta’ ċertu numru ta’ direttivi, inkluża d-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari, li tiġġieled il-ksur fi ħdan l-Unjoni ( 81 ).

86.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2009/22 jimponi fuq l-Istati Membri biex jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi kollettivi ppreżentati mill-entitajiet ikkwalifikati fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intiżi, inter alia, li jwaqqfu kull att li jmur kontra d-Direttiva 93/13, sabiex jiksbu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew ta’ stqarrija korrettiva u sabiex jikkundannaw lill-konvenut tellief sabiex iħallas somma lit-teżor pubbliku jew lill kull benefiċjarju nominat mid-dritt nazzjonali, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

87.

Għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn id-Direttiva 2009/22 u d-Direttiva 93/13, l-ewwel waħda hija komplementari fir-rigward tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13 li jirrigwardaw ukoll l-azzjonijiet għall-waqfien ( 82 ).

88.

Jien ma nara ebda indikazzjoni, la fit-test tad-Direttiva 2009/22 u lanqas fix-xogħol preparatorju tagħha ( 83 ), fis-sens li l-Istati Membri huma awtorizzati jagħtu lid-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva effett erga omnes fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura għall-waqfien. Kieku dan kien il-każ, id-Direttiva 2009/22 tiġi tisboq is-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/13, li din l-ewwel direttiva hija intiża li tikkompleta, ħaġa li wieħed ma jistax jippreżumi fin-nuqqas ta’ rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

89.

L-emendar tad-dritt tal-Unjoni b’mod li jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-effetti tad-deċiżjonijiet li jiddikjaraw klawżola kuntrattwali bħala inġusta fir-rigward ta’ “kuntratti analogi”, ġie madankollu ttrattat taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni ( 84 ). Issa, dan ma jagħmilx ħlief jikkonferma li tali soluzzjoni ma hijiex possibbli fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fil-kuntest tad-direttivi 93/13 u 2009/22.

V – Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili, il-Polonja) kif ġej:

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13/KE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ multa fuq il-bejjiegħ jew fornitur li, fil-kuntratti mal-konsumatur tiegħu, juża klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jitqiesu li huma ekwivalenti għall-klawżoli diġà meqjusa inġusti u diġà mniżżla, minħabba f’hekk, f’reġistru pubbliku, meta dan il-bejjiegħ jew fornitur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30).

( 4 ) L-Artikolu 8a kien għadu ma kienx fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali. Dan l-artikolu ġie għalhekk introdott mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Fi kliem l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2011/83, din tapplika għall-kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014.

( 5 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi huwa adattazzjoni tad-dritt Pollakk għad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 43), li ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2009/22 b’effett mid-29 ta’ Diċembru 2009.

( 6 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 47942(1), l-Artikolu 47943 u l-Artikolu 47945(1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili ġew introdotti fid-dritt Pollakk sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 93/13.

( 7 ) Ninnota li l-kelma “inġusta” ma tinsabx fil-leġiżlazzjoni Pollakka li tuża minflok il-kelma “illegali” (ara l-punti 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Nazzarda madankollu li nippreżumi li ż-żewġ kelmiet għandhom l-istess tifsira, minħabba li l-leġiżlazzjoni Pollakka ġiet adattata għad-dritt tal-Unjoni. Il-klawżoli kkontestati użati minn HK Partner jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-parteċipant, jiġifieri l-konsumatur, minħabba d-danni li jseħħu tort tiegħu jew tort tal-persuni taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dwar l-esklużjoni tar-responsabbiltà ta’ HK Partner waqt li jseħħu ċerti avvenimenti kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ rimbors tal-valur tas-servizzi li l-parteċipant ma jużax. Bħala eżempju, waħda mill-klawżoli kkontestati jaqraw kif ġej: “[HK Partner] ma tirrimborżax il-valur tas-servizzi li l-parteċipant ma jużax minħabba raġunijiet imputabbli lilu”.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punti 16 sa 19) u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 75 sa 79).

( 9 ) L-espożizzjoni segwenti tas-sistema Pollakka hija bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ikkompletata mill-Gvern Pollakk, li ma tidhirx li hija kkontestata. Ara, f’dak li jikkonċerna s-sistema Pollakka, Trzaskowski, R., Skutki uznania postanowienia wzorca umowy za niedozwolone i jego wpisu do rejestru w sferze przeciwdziałania praktykom naruszającym zbiorowe interesy konsumentów (art. 24 ust. 2 pkt 1 u.o.k.i.k.) w świetle orzecznictwa Sądu Ochrony Konkurencji i Konsumentów, Prawo w działaniu sprawy cywilne, 20/2014, p. 123. Jidher li s-sistema Pollakka ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ġiet emendata bl-Ustawa o zmianie ustawy o ochronie konkurencji i konsumentów oraz niektórych innych ustaw (liġi li temenda l-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi u ċerti liġijiet oħrajn), tal-5 ta’ Awwissu 2015 (Dz. U. 2015, pożizzjoni 1634). Din l-emenda, madankollu, daħlet fis-seħħ biss fis-17 ta’ April 2016, fejn il-proċeduri mibdija qabel din id-data jiġu segwiti skont ir-regoli preeżistenti (Artikolu 8 ta’ din il-liġi).

( 10 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Skont il-Gvern Pollakk, is-SOKiK tistabbilixxi, waqt il-kontroll in asbtracto, il-“portata normattiva” tal-klawżola inkwistjoni.

( 12 ) Skont l-Artikolu 47938 (1) u (2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-kontroll in abstracto jista’ jinbeda wkoll minn medjatur reġjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn organizzazzjoni barranija mniżżla fil-lista tal-organizzazzjonijiet li huma kkwalifikati li fl-Istati Membri jibdew azzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura illegali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, lista li hija ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni.

( 13 ) Skont il-formulazzjoni tiegħu, il-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jirrigwarda l-“użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li huma mniżżla fir-reġistru”. Skont il-Gvern Pollakk, jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (qorti suprema) u tas-SOKiK li l-użu tal-klawżoli “ekwivalenti” huwa wkoll meqjus li jippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi fis-sens ta’ dan l-artikolu.

( 14 ) Huwa possibbli wkoll li wara jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema).

( 15 ) Il-qorti ta-rinviju tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 47943(2). Jidhirli li huwa evidenti madankollu li dan huwa żball fil-kitba, peress li l-imsemmi paragrafu 2 ma jinsabx fl-espożizzjoni tad-dritt nazzjonali pprovduta mill-qorti tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk u tal-Kummissjoni.

( 16 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-distinzjoni bejn l-effetti “suġġettivi” u “oġġettivi” ta’ deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fejn l-ewwel sett jirrigwarda l-fatt li l-effetti tad-deċiżjoni huma estiżi għall-persuni li ma kinux partijiet fil-proċedura quddiem is-SOKiK, u t-tieni sett jirrigwarda l-fatt li d-deċiżjoni tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward kemm tal-klawżoli identiċi kif ukoll dawk ekwivalenti.

( 17 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 81 u 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tal-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (qorti suprema), jidhirli li l-qorti tar-rinviju għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

( 19 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Medipac-Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 22) u tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punti 1719 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li hija għandha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 62); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 35); tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 56); u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46). Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349); tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98), u tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2015:769) u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2016:69).

( 21 ) Ara wkoll ir-raba’ u l-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13.

( 22 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-21 ta Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal-14 ta Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fis-sistema legali nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 52), u tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 44).

( 23 ) L-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 169(1) TFUE u fl-Artikolu 38 tal-Karta.

( 24 ) Skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, il-multi imposti jistgħu jitilgħu sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat. Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Il-Gvern Pollakk jenfasizza l-fatt li waħda mil-ikbar diffikultajiet biex jitwaqqfu l-klawżoli inġusti hija l-faċilità tagħhom ta’ diffużjoni u ta’ riproduzzjoni minn bejjiegħa jew fornituri oħra u l-użu mill-ġdid tagħhom wara “rtokki kosmetiċi”.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 26). Il-modalitajiet proċedurali tal-Istati Membri għandhom madankollu jirrispondu għall-kundizzjoni doppja li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw is-sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 25) u tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, wkoll, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li s-sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta, prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma teskludix tipi oħra ta’ sanzjonijiet adegwati u effikaċi previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

( 28 ) Ara, wkoll, il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 93/13, fejn jingħad li huwa “meħtieġ li jiġu ffissati b’mod ġenerali l-kriterji li bihom jiġi stmat il-karattru inġust ta’ klawżoli tal-kuntratti”, u s-sittax, it-tmintax u d-dsatax-il premessa li jsemmu l-elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward, jiġifieri, inter alia, ir-rekwiżit ta’ bona fide, is-saħħa tal-pożizzjonijiet rispettivi ta’ negozjar tal-partijiet, in-natura tal-oġġetti jew servizzi, is-suġġett prinċipali tal-kuntratt u r-rapport kwalità/prezz.

( 29 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 41); tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punti 21 u 22), u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66).

( 30 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 95).

( 31 ) Ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punt 22) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 42). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 24), li klawżola miktuba minn qabel minn bejjiegħa jew fornituri li għandha bħala għan li tagħti ġurisdizzjoni għal kull kwistjoni li toħroġ mill-kuntratt lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun jinsab is-sede tal-bejjiegħ jew fornitur, tissodisfa l-kriterji kollha biex tkun tista’ tikkwalifika bħala inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13, jirriżulta mill-ġurisprudenza sussegwenti li dik il-kawża kienet tirrigwarda każ eċċezzjonali ħafna. Ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punti 22 u 23) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kawża Océano kienet tirrigwarda “klawżola għall-benefiċċju esklużiv tal-bejjiegħ jew fornitur u mingħajr korrispettiv għall-konsumatur, li tippreġudika, ikun x’ikun it-tip tal-kuntratt, l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li d-[Direttiva 93/13] tirrikonoxxi lill-konsumatur. Għaldaqstant kien possibbli li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ din il-klawżola mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha marbutin mal-konklużjoni tal-kuntratt u lanqas li jiġu evalwati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi marbutin ma’ din il-klawżola fid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt”.

( 32 ) Ara, b’mod simili, il-punt 72, nota 46 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:15), li jirrileva li “klawżola kuntrattwali tista’ ma tkunx abbużiva b’mod astratt iżda abbużiva f’ċerti ċirkustanzi biss; jew tista’ tkun potenzjalment abbużiva, iżda peress li tkun ġiet innegozjata individwalment f’sitwazzjoni partikolari, tkun torbot lill-konsumatur inkwistjoni”.

( 33 ) Nirrileva, pereżempju, li klawżola li tistipula, bħal f’dan il-każ, li aġenzija tal-ivvjaġġar ma tirrimborsax il-valur tas-servizzi li l-parteċipant ma jużax minħabba raġunijiet imputabbli lilu, tista’ titqies li hija inġusta f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari fid-dawl tal-prezz għoli tas-servizzi mħallas mill-konsumatur. Min-naħa l-oħra, jekk il-konsumatur kiseb tnaqqis kunsiderevoli fir-rigward tal-valur fis-suq tas-servizzi inkwistjoni, ir-riżultat tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola jista’ faċilment ikun differenti. Jirriżulta mid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 li r-rapport kwalità/prezz, anki jekk ma jkunx huwa stess, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, is-suġġett tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli oħra.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punt 21). Ara, ukoll, il-punt 30 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2003:504), li jiddikjara li huwa possibbli li “klawżoli tal-istess tip ikollhom konsegwenzi legali differenti fid-diversi sistemi legali nazzjonali”.

( 35 ) Skont il-kliem tas-sbatax-il premessa tad-Direttiva 93/13, din il-lista “[t]ista’ [t]kun is-suġġett ta’ amplifikazzjoni jew ta’ editjar aktar restrittiv mill-Istati Membri fil-liġijiet nazzjonali tagħhom”. Ara, ukoll, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C-472/10, EU:C:2012:242, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164, punt 70).

( 36 ) Ara l-Artikolu 2(2) u t-tnax-il premessa tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tikkonċerna l-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumatur, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Lulju 1990 [KUMM(90) 322 finali], il-proposta eżaminata mill-ġdid tas-26 ta’ Jannar 1993 fuq l-Emenda Nru 4 [KUMM(93) 11 finali], il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 1992 u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 1992 lill-Parlament Ewropew fuq il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (SEC(92) 1944 finali – SYN 285), ippubblikati fil-Journal of Consumer Policy, 1992, 15, p. 473 sa 491. Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta eżaminata mill-ġdid, il-Kummissjoni tirrileva li l-adozzjoni ta’ lista “sewda”, “sa ċertu punt, ma taqbilx mal-formulazzjoni attwali tal-klawżoli tal-anness b’mod partikolari fid-dawl tat-termini diskrezzjonarji li jinsabu f’ħafna klawżoli”.

( 37 ) Ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punt 20), u tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑478/99, EU:C:2002:281, punt 20). F’din tal-aħħar, li tirrigwarda t-traspożizzjoni fid-dritt Svediż tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 21, li “l-lista li tinsab fl-anness tad-direttiva ma hijiex intiża li tagħti lill-konsumaturi d-drittijiet li jisbqu lil dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 3 sa 7 tad-direttiva. Hija ma tbiddel xejn mir-riżultat li għalih timmira d-direttiva u li, bħala tali, tobbliga lill-Istati Membri”. Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 26), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “[g]ħalkemm il-kontenut tal-anness […] ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u fih innifsu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, madankollu huwa jikkostitwixxi element essenzjali li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola”.

( 38 ) F’din il-lista nsibu, fost oħrajn, klawżoli li għandhom bħala għan jew effett li jeskludu jew jillimitaw ir-responsabbiltà legali tal-bejjiegħ jew fornitur f’każ ta’ mewt tal-konsumatur jew ta’ danni fiżiċi kkaġunati lilu, li jirriżultaw minn xi att jew ommissjoni ta’ dak il-bejjiegħ jew fornitur, li jeskludu jew jillimitaw id-drittijiet legali tal-konsumaturi f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni difettuża mill-bejjiegħ jew fornitur ta’ xi obbligi kuntrattwali, li jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew fornitur li jittermina l-kuntratt b’mod diskrezzjonarju minkejja li l-istess fakultà ma tingħatax lill-konsumatur, li jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew fornitur sabiex ibiddel unilateralment it-termini tal-kuntratt u li jelimina jew jostakola l-eżerċizzju ta’ azzjoni ġudizzjarja jew ir-rimedji ġudizzjarji tal-konsumatur.

( 39 ) Din il-lista fiha għaldaqstant espressjonijiet bħalma huma “b’mod mhux xieraq”, “somma sproporzjonatament għolja”, “twissija raġonevoli”, “raġunijiet serji”, “l-iskadenza […] tkun kmieni b’mod mhux raġonevoli”, “mingħajr raġuni valida” u “għoli wisq”, li jrendu possibbli, jew neċessarja, evalwazzjoni konkreta f’kull każ. Ara l-anness tad-Direttiva 93/13, punt 1(b), (e), (g), (h) u (j) sa (l).

( 40 ) Infakkar li l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata, skont l-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13, japplika biss għall-kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-proposta inizjali għad-Direttiva 2011/83, mill-Kummissjoni, kienet tipprevedi t-tħassir totali tad-Direttiva 93/3 [KUMM(2008) 614 finali] u l-introduzzjoni, fl-Artikoli 34 u 35 ta’ din il-proposta, kemm ta’ lista “sewda” li fiha klawżoli inġusti li jitqiesu li huma inġusti fiċ-ċirkustanzi kollha kif ukoll lista “griża” li fiha klawżoli li jitqiesu inġusti, sakemm il-bejjiegħ jew fornitur ma jurix li dawn ma humiex hekk. L-approċċ tal-Kummissjoni, madankollu, ma kellux is-sostenn tal-Kunsill. Isir riferiment, b’mod partikolari, għall-emendi proposti fin-nota, punt “A”, li saret mis-Segretarjat ġenerali tal-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2010 [2008/0196(COD)] u għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2012, C 390, p. 145), li tissostitwixxi l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Marzu 2011 (ĠU 2012, C 247, p. 55).

( 41 ) Il-Kummissjoni affermat, waqt is-seduta, li ċerti Stati Membri użaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, meta adottaw il-listi nazzjonali “suwed” jew “griżi”.

( 42 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria (C‑546/09, EU:C:2011:199, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tirrigwarda l-impożizzjoni tal-interessi moratorji fuq dejn supplimentari fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

( 43 ) Skont il-Kummissjoni, iktar minn 6300 klawżola jinsabu diġà mniżżla fir-reġistru tal-klawżoli inġusti, li minnhom 300 tniżżlu bejn ix-xahar ta’ Lulju 2015 u nofs ix-xahar ta’ Marzu 2016.

( 44 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100). Fir-rigward tad-Direttiva 93/13, ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑478/99, EU:C:2002:281, punt 18).

( 45 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax jekk l-effett erga omnes previst fl-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili għandux jiġi applikat b’mod retroattiv, jiġifieri għall-kuntratti konklużi qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata. Jekk dan huwa l-każ, it-tħassib tiegħi dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali jsir evidentement iktar qawwi.

( 46 ) Ara, ukoll, it-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/13. Il-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet li d-direttiva tkun applikabbli kemm għall-klawżoli tipiċi kif ukoll għall-klawżoli nnegozjati individwalment. Ara l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 1990 [KUMM(90) 322 finali] u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-20 ta’ Novembru 1991 li tinkludi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, Emenda Nru 9 (ĠU 1991, C 326, p. 108).

( 47 ) Infakkar li l-Istati Membri huma wkoll obbligati josservaw it-Trattat, inkluż id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, meta jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 93/13, ħaġa li toħroġ ukoll mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

( 48 ) L-espressjoni “kull persuna” tindika li d-dritt japplika kemm għall-persuni fiżiċi u kif ukoll għall-persuni ġuridiċi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 59), u d-digriet tat-13 ta’ Ġunju 2012, GREP (C‑156/12, mhux ippubblikat, EU:C:2012:342, punt 38).

( 49 ) Ninnota li, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, ma hemmx dubju li din tal-aħħar tapplika f’din il-kawża.

( 50 ) Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal smigħ huwa stabbilit mhux biss bl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, imma wkoll bl-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm l-Artikolu 41 tal-Karta ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri imma biss lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-organizzazzjonijiet tal-Unjoni, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, min-naħa l-oħra, jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 32 sa 34 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 33). Marbut mill-qrib mad-dritt għal smigħ, il-prinċipju ta’ kontradittorju jikkostitwixxi wkoll prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37).

( 53 ) Min-naħa l-oħra, skont il-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, ir-regola partikolari li biha l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-bejjiegħ jew fornitur hija limitata għas-suġġett tan-negozjati individwali.

( 54 ) Ara n-nota fil-qiegħ tal-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet fuq id-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 60 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Invitel (C‑472/10, EU:C:2011:806). Din il-kawża hija ttrattata b’mod iktar dettaljat fil-punti 77 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Il-Gvern Pollakk isemmi, bħala eżempju, li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili) staqsiet, f’każ partikolari, fuq l-ekwivalenza ta’ klawżoli kkontestati u ta’ dawk imniżżla fir-reġistru, minkejja li dawn kienu litteralment jixxiebhu ħafna.

( 57 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Il-Gvern Pollakk isostni li l-evalwazzjoni waqt il-kontroll in abstracto hija preċiżament astratta u, konsegwentement, indipendenti minn kull ċirkustanza individwali, u li, anki jekk kull bejjiegħ jew fornitur li juża l-klawżola kkontestata seta’ jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu matul il-kontroll in abstracto li jippreċedi l-iskrizzjoni ta’ dik il-klawżola fir-reġistru, dan ma jkollu ebda effett fuq ir-riżultat ta’ din il-proċedura. F’dan ir-rigward, nirrileva li t-tħassib tiegħi fir-rigward tad-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur jikkonċerna mhux il-kontroll in abstracto, imma pjuttost il-kontroll amministrattiv u l-istħarriġ ġudizzjarju sussegwenti tal-prattiċi kummerċjali ta’ bejjiegħa jew fornituri oħra.

( 59 ) Ara, ukoll, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kompetenti jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 40).

( 61 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, wkoll, il-punt 40, inkluża n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li klawżola iskritta fir-reġistru tal-klawżoli inġusti ma tistax tkun korretta u lanqas imħassra.

( 65 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li s-sistema Pollakka, min-naħa l-oħra, jista’ jkollha effett ekwivalenti għal preżunzjoni inkonfutabbli. Din id-deskrizzjoni ma jidhirlix li hija kompletament xierqa peress li l-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili, billi jtawwal l-effett ġuridiku tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-kontroll in abstracto, huwa ekwivalenti effettivament għal projbizzjoni totali tal-użu tal-klawżoli li huma identiċi jew ekwivalenti għal dawk iskritti fir-reġistru (u mhux biss għal preżunzjoni fir-rigward tan-natura illegali tagħhom).

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2012, li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi [KUMM(2012) 635 finali, parti 3.1], fejn hemm indikat li “[g]ħal bosta partijiet interessati, il-fatt biss li jkun possibbli li jitressqu azzjonijiet ta’ mandat ta’ inibizzjoni għandu effett deterrenti inerenti fin-negozjati li jsiru ma’ min ikun kiser il-leġiżlazzjoni. F’xi każijiet, min-naħa l-oħra, meta azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni jkollha suċċess u tiddikjara li l-prattika ta’ kummerċjant hija llegali, negozjanti oħrajn għandhom it-tendenza li jibqgħu lura milli jużaw prattiċi simili, anki jekk dawn ma jkunux marbuta legalment bid-deċiżjoni”.

( 67 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 29), u tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-azzjonijiet kollettivi jistgħu jiġu eżerċitati “minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi”.

( 68 ) Ara, b’mod simili, il-punt 56 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:15).

( 69 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 37).

( 70 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 30). Filwaqt li l-azzjonijiet kollettivi huma indipendenti minn kull kunflitt individwali, il-konsumatur għandu d-dritt, fil-kuntest tal-azzjonijiet individwali, għal “teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża tiegħu” (sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C-381/14 u C-385/14, EU:C:2016:252, punt 40).

( 71 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 56 u 72 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:15), fejn hemm speċifikat, fil-punt 56, li l-“mandati ta’ inibizzjoni [azzjonijiet] kollettivi, li madankollu ma jistgħux jissostitwixxu l-azzjonijiet individwali jew ikunu ta’ ostaklu għalihom” u, fil-punt 72, li “konsumatur li jiddeċiedi li jaġixxi fuq bażi individwali ma għandux ikun direttament affettwat mid-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura kollettiva, anki jekk huwa evidenti li l-qorti li quddiemha tressqet l-azzjoni individwali ser tieħu konjizzjoni tagħha”.

( 72 ) Effettivament, kif tafferma l-Kummissjoni waqt is-seduta, leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandhom effett erga omnes, ma jidhirx li teżisti fi Stati Membri oħrajn. Ara, ukoll, Compendium du droit de la consommation, analyse comparative (EC Consumer Law Compendium), magħmul fis-snin 2008 sa 2012 minn grupp ta’ riċerkaturi internazzjonali għall-Kummissjoni (http://www.eu-consumer-law.org/index_fr.cfm). Mill-partie 2.C, Kapitolu VI, punt 3(c) fuq it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 93/13, miktuba minn Ebers, M., jirriżulta li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva jorbtu biss, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, lill-bejjiegħa jew fornituri li huma parti fl-istanza. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 84.

( 73 ) Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 1990 ma kien fiha ebda dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 adottata [KUMM(90) 322 finali]. Dan il-paragrafu ġie introdott fil-proposta emendata tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Marzu 1992, li l-Artikolu 8(3) kien jipprovdi dan li ġej: “L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu jkunu diretti, b’mod konġunt, kontra diversi persuni li jużaw jew li jkunu ppreparati juaw jew ukoll li jirrakkomandaw li jużaw l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli identiċi; id-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti torbot lill-kull persuna (enfasi magħmul minni) [KUMM(92) 66 finali].” Matul il-proċedura leġiżlattiva, il-formulazzjoni tal-paragrafu ġiet emendata, fin-nuqqas tal-iċken indikazzjoni fir-rigward tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jestendi l-effett tad-deċiżjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13.

( 74 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 44).

( 75 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012 (C‑472/10, EU:C:2012:242).

( 76 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 42).

( 77 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 39).

( 78 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 60 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Invitel (C‑472/10, EU:C:2011:806), fejn din tal-aħħar tirrileva: “[E]ffett erga omnes rigward persuni li ma pparteċipawx fil-proċedura jkun diffiċli li jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti għal smigħ xieraq, speċjalment peress li dawk ikkonċernati ma jibbenefikawx mill-opportunità li, qabel ma tingħata deċiżjoni li tikkonċernahom, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti li huma jikkonkludu. Id-dritt għal smigħ […] ma jkunx irrispettat b’mod xieraq fil-każ ta’ effett erga omnes li jgħodd b’mod indiskriminatorju fir-rigward ta’ individwi li ma pparteċipawx fil-kawża, u għaldaqstant, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tkunx xierqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13”.

( 79 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012 (C-472/10, EU:C:2012:242).

( 80 ) Ara, għal dak li jikkonċerna d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur, il-punti 58 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Jiġifieri l-ksur li jipproduċi effetti fi Stat Membru barra dak li minnu huma joriġinaw. Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 sa 7 tad-Direttiva 2009/22 u Green paper fuq l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja u s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet tal-konsumaturi fis-suq uniku [KUMM(93) 576 finali], Kapitolu III.B.2. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/22, l-azzjonijiet għall-waqfien, imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fl-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness I tal-istess direttiva, li jsemmi, fil-punt 5, id-Direttiva 93/13.

( 82 ) In-nota 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/22 issemmi wkoll li d-Direttiva 93/13 tinkludi “dispożizzjonijiet speċifiċi dwar inġunzjonijiet”. Ara wkoll il-punti 72 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13.

( 83 ) Id-Direttiva 2009/22 tidħol fil-linja tad-Direttiva 98/27, li hija bbażata fuq il-Green paper fuq l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja u s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet tal-konsumaturi fis-suq uniku [KUMM(93) 576 finali].

( 84 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2012, li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi [KUMM(2012) 635 finali, parti 5.1(b), punt 2], fejn hemm indikat, fir-rigward tal-“bidliet possibbli fil-qafas legali”, li “[m]eta klawżola kuntrattwali tiġi ddikjarata illegali, l-effett ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi estiż għal kuntratti kollha simili, kemm li hemm fil-preżent u kemm dawk li għad isiru”. Jirriżulta madankollu mill-parti 4.4 ta’ dan l-istess rapport li d-deċiżjonijiet għall-waqfien għandhom, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, effett relattiv, jiġifieri għandhom saħħa vinkolanti biss fil-kawża inkwistjoni kontra l-partijiet fil-kawża. Ara wkoll ir-rapport tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Novembru 2008, li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inġunzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi [KUMM(2008)756 finali, partijiet 25 sa 27].