KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )
Kawża C‑102/15
Gazdasági Versenyhivatal
vs
Siemens Aktiengesellschaft Österreich
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (qorti reġjonali tal-appell, Budapest, l-Ungerija)]
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(1) — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni biex jinstemgħu u jiġu ddeterminati kwistjonijiet dwar tort, delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu”
1. |
Il-kawża inkunsiderazzjoni hija bbażata fuq id-domanda dwar jekk talbiet għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu jidħlux fil-kap ta’ ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) dwar it-“tort, delitt jew kwasi delitt” (meħudin flimkien: “responsabbiltà mhux kuntrattwali”). |
2. |
Iżda, iktar importanti minn hekk, din tipprovdi wkoll l-opportunità biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. |
3. |
F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega għal xiex azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirriżulta għalkollox mill-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali, ma tirrigwardax “materji ċivili u kummerċjali” li għalihom japplika r-Regolament Nru 44/2001. Din tirrigwarda, pjuttost, “materji amministrattivi” li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-regolament, huma esklużi minnu. |
4. |
Għal raġunijiet li ma humiex ovvji, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda dwar jekk il-kawża quddiemha tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Spjegazzjoni possibbli għal dan, kif intwera fis-seduta, tista’, fil-fatt, tkun li skont id-dritt Ungeriż, dawn it-tipi ta’ kawżi huma b’mod ċar kwistjonijiet ċivili. |
5. |
Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ kompletezza, se nispjega wkoll għal xiex talbiet ta’ restituzzjoni huma radikalment differenti minn talbiet f’tort, delitt u kważi delitt. Dan iwassalni biex nikkunsidra li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħti ġurisdizzjoni speċjali biex jinstemgħu u jiġu ddeterminati kwistjonijiet dwar it-tort, delitt jew kważi delitt, ma jippermettix fir-rigward ta’ dawn it-talbiet li jsiru proċeduri fi Stat Membru fejn il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Regolament Nru 44/2001
6. |
Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu (“Kamp ta’ applikazzjoni”), ir-Regolament Nru 44/2001 japplika “f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi”. |
7. |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 (“Ġurisdizzjoni”) u, iktar speċifikament, is-Sezzjoni I tiegħu (“Disposizzjonijiet Ġenerali”), jistabbilixxi li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. |
8. |
Is-Sezzjoni II tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 fiha regoli dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”, inkluż l-Artikolu 5. |
9. |
Skont l-Artikolu 5(1), persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”. |
10. |
Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. |
B – Id-dritt Ungeriż
11. |
Skont l-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż ( 3 ), fil-każ ta’ dejn pekunjarju u sakemm ma huwiex previst mod ieħor, id-debitur għandu jħallas l-interessi imposti bir-rata bażi kurrenti tal-bank ċentrali Ungeriż fl-aħħar jum li jippreċedi nofs is-sena kalendarja meta jseħħ id-dewmien, anki jekk id-dejn ikkonċernat ma jagħtix interessi. L-obbligu li jitħallsu l-interessi għandu jirriżulta anki jekk id-debitur jiġġustifika d-dewmien. |
12. |
L-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li persuna li tikseb vantaġġ ekonomiku li ma tkunx legalment intitolata għalih bi ħsara għal terza persuna tkun obbligata li tirrestitwixxi dak il-vantaġġ. |
13. |
Skont l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki żleali tas-suq u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 4 ), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien materjali, jekk id-deċiżjoni tal-Versenytanács [kunsill tal-kompetizzjoni; korp li organikament jifforma parti mill-Gazdasági Versenyhivatal (awtorità Ungeriża tal-kompetizzjoni; iktar ’il quddiem “l-Awtorità”)] tikser regola legali u jekk, bħala riżultat, parti tkun intitolata għar-rimbors tal-multa, għandhomx jitħallsu l-interessi fuq is-somma li għandha tiġi rrimborsata b’rata li hija d-doppju tar-rata bażi kurrenti tal-bank ċentrali. |
II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula
14. |
Siemens Aktiengesellschaft Österreich (iktar ’il quddiem “Siemens”), li hija ddomiċiljata fl-Awstrija, kienet suġġetta għal multa imposta mill-Awtorità fi proċeduri ta’ kompetizzjoni fl-ammont ta’ HUF 159000000 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”). Siemens ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati amministrattivi Ungeriżi. Billi l-azzjoni tagħha ma kellhiex l-effett li tissospendi l-multa, Siemens ħallset il-multa. |
15. |
Il-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza naqqset l-ammont tal-multa għal HUF 27300000. Sussegwentement, dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-qorti amministrattiva tat-tieni istanza. |
16. |
Fuq il-bażi ta’ din it-tieni deċiżjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2008 l-Awtorità ħallset lura lil Siemens HUF 131700000 bħala parti mis-somma ta’ HUF 159000000 imposta bħala multa u, skont l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996, ħallset lil Siemens ukoll is-somma ta’ HUF 52016230 biex tkopri l-interessi. |
17. |
L-Awtorità ppreżentat appell ieħor fuq punt ta’ dritt quddiem il- Legfelsőbb Bíróság (qorti suprema, l-Ungerija; issa l-Kúria) mid-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva tat-tieni istanza. Dik il-qorti ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ HUF 159000000 fuq Siemens kienet korretta. Għaldaqstant, fil-25 ta’ Novembru 2011, Siemens ħallset il-bqija tal-multa fl-ammont ta’ HUF 131700000, imma rrifjutat li tħallas lura s-somma ta’ HUF 52016230. |
18. |
Fit-12 ta’ Lulju 2013, fuq il-bażi tal-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi Ċivili, l-Awtorità għamlet kawża kontra Siemens għar-restituzzjoni ta’ dan l-aħħar ammont fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu (iktar ’il quddiem “it-talba inkwistjoni”), kif ukoll interessi għal ħlas tardiv ta’ dak l-ammont. |
19. |
Barra minn hekk, l-Awtorità qed titlob ħlas, skont l-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Ċivili, ta’ HUF 29183277 bħala interessi għal ħlas tardiv tal-ammont pendenti tal-multa ta’ HUF 131700000 li jkopri l-perijodu bejn u inklużi t-2 ta’ Novembru 2008 u l-24 ta’ Novembru2011. Insostenn ta’ dan, l-Awtorità ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet iddikjarata li hija legali u effettiva ex tunc, bir-riżultat li l-bqija tal-multa kellha tkun fil-pussess tal-Awtorità fl-ewwel jum tax-xogħol (it-2 ta’ Novembru 2008) wara d-data meta ngħatat lura bi żball (il-31 ta’ Ottubru 2008). |
20. |
L-Awtorità tikkunsidra li l-arrikkiment indebitu huwa kwistjoni li hija relatata mal-kważi delitt. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, il-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti lill-qorti tar-rinviju l-ġurisdizzjoni meħtieġa fil-kawża prinċipali. |
21. |
Siemens oġġezzjonat għal dan it-tip ta’ raġunament u sostniet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għal dan il-każ billi, skont id-dritt Ungeriż, l-obbligu li tingħata r-restituzzjoni għal arrikkiment indebitu ma huwiex ibbażat fuq aġir illegali, imma jirriżulta min-nuqqas ta’ intitolament legali għall-vantaġġ ekonomiku. Fir-rigward tat-talbiet tal-Awtorità għall-interessi għal ħlas tardiv, Siemens issostni li l-interessi għal ħlas tardiv ma jikkostitwixxux kumpens għad-dannu billi l-ħlas ma jiddipendix fuq jekk ġiex ikkawżat dannu. |
22. |
Fit-12 ta’ Ġunju 2014, il-Fővárosi Törvényszék (qorti muniċipali, Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li ma tkomplix il-proċeduri, billi kkunsidrat li l-arrikkiment indebitu ma jistax jitqies bħala li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-arrikkiment indebitu ma jikkostitwixxix sitwazzjoni fejn tinħoloq responsabbiltà, lanqas ma jkun hemm dannu, ikun hemm biss telf ekonomiku u nuqqas ta’ intitolament legali. |
23. |
L-Awtorità ressqet appell mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 lill-qorti tar-rinviju fejn issottomettiet li l-Fővárosi Törvényszék (qorti muniċipali, Budapest) għandha ġurisdizzjoni. Il-qorti tar-rinviju issa għandha tistħarreġ id-deċiżjoni li l-proċeduri ma jitkomplewx minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. |
24. |
Filwaqt li esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet fit-2 ta’ Marzu 2015, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari: “Il-kreditu li għandu l-oriġini tiegħu fir-rimbors – li iktar tard irriżulta mhux iġġustifikat – lil parti stabbilita fi Stat Membru ieħor ta’ multa li ġiet imposta fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qasam tal-kompetizzjoni u li hija ħallset, kreditu li l-awtorità tal-kompetizzjoni ssostni kontra l-parti inkwistjoni sabiex jiġu rkuprati l-interessi li hija kienet ħallset konformement ma’ dak li l-liġi tipprovdi fil-każ ta’ rimbors, jaqa’ f’materja li għandha x’taqsam ma’ kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000?” |
25. |
Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Siemens, l-Awtorità, il-Gvernijiet tal-Ungerija, tal-Ġermanja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fl-14 ta’ Jannar 2016, dawn il-partjiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali minbarra l-Gvern Taljan. |
III – Analiżi
26. |
Kif intqal, bid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk talba għar-rimbors ta’ ħlas magħmul lil parti stabbilita fi Stat Membru differenti, fuq il-bażi li l-ħlas ġie wara ppruvat li ma kienx iġġustifikat, hijiex kwistjoni li l-qrati tal-Istat Membru fejn min jagħmel it-talba huwa stabbilit huma intitolati li jisimgħu skont ir-regola fuq il-ġurisdizzjoni speċjali stipulata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. |
27. |
Madankollu, kif semmejt ukoll, “kwistjonijiet amministrativi” kif użati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dan id-dawl, qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda ta’ sustanza, huwa meħtieġ li jiġi indirizzat jekk it-talba inkwistjoni, li tirriżulta minn multa imposta minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali fi proċeduri amministrattivi għall-ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni domestiċi, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. |
A – Kamp ta ’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001
1. Osservazzjonijiet preliminari
28. |
Mill-bidu nett jingħad li s-suġġett tar-Regolament Nru 44/2001 huwa limitat għal “materji ċivili u kummerċjali”. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ “materji ċivili u kummerċjali” u, bil-maqlub, ta’ “kwistjonijiet amministrattivi” huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-UE ( 5 ). |
29. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk, skont id-dritt Ungeriż, il-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkunsidrata li hija ta’ natura amministrattiva jew inkella ta’ natura ċivili u kummerċjali ma għandha ebda effett fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, la l-fatt li d-digriet tar-rinviju ma fih l-ebda domanda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, u lanqas il-fatt li l-partijiet kollha li qegħdin jipparteċipaw f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari jaqblu li, bis-saħħa tad-dritt Ungeriż, il-kawża ewlenija hija kwistjoni ċivili, ma għandhom l-effett li jirrendu r-regolament applikabbli. |
30. |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ebda domanda ma saret fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tindirizza din il-kwisjtoni. Fil-fatt, hemm diversi għażliet miftuħin għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teskludi l-ġurisdizzjoni tagħha meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-UE suġġetta għall‑interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata ( 6 ). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara alternattivament li l-kwistjoni hija inammissibbli skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem “ir-RtP”) ( 7 ). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha minflok tipperċepixxi l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 mhux bħala li tirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari iżda li tirrigwarda s-sustanza tagħha ( 8 ). |
31. |
Min-naħa tiegħi, nixtieq nosserva li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li s-suġġett tal-kawża prinċipali jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dan fi kwalunkwe każ ikollu l-effett li jsolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, tingħata de facto risposta sostantiva lid-domanda mressqa. Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jidher li jissodisfa r-rekwiżiti formali l-oħra elenkati fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-RtP. F’dan id-dawl, u wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fl-operazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari — kooperazzjoni li teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’risposta utli — jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda magħmula sabiex tindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni prinċipali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. |
2. Kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001
32. |
Billi ma hemm l-ebda domanda f’dan is-sens, id-digriet tar-rinviju ma jgħid xejn dwar jekk it-talba inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Minkejja dan, u billi bbażat ruħha prinċipalment fuq is-sentenza Sapir et ( 9 ), l-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li t-talba inkwistjoni ma tikkostitwixxix “materji amministrattivi” (il-Gvern Ungeriż fit-tul). Fis-seduta, Siemens b’mod pjuttost sorprendenti, tenniet dik il-fehma, kif għamel ukoll il-Gvern Ġermaniż. |
33. |
Nixtieq infakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, billi huwa limitat għal “materji ċivili u kummerċjali”, huwa ddefinit essenzjalment bl-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha. Għalkemm ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ikun mod ieħor meta l-awtorità pubblika tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi ( 10 ). Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk l-azzjoni tkunx ibbażata fuq dispożizzjonijiet li bihom il-leġiżlatura tat lill-korp pubbliku prerogattiva tagħha stess ( 11 ). |
34. |
Filwaqt li huwa ċar għalija li azzjonijiet “privati” mressqin inkonnessjoni mal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 12 ), huwa ugwalment evidenti li penali imposta minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju ta’ setgħat regolatorji mogħtija lilha permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kunċett ta’ “materji amministrattivi”. Din l-aħħar sitwazzjoni ċertament tinkludi multi għall-ksur ta’ regoli nazzjonali li jipprojbixxu restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, li, fil-fehma tiegħi, tammonta għal eżerċizzju “hard-core” ta’ setgħat pubbliċi. |
35. |
Mingħajr dubju, is-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali ma hijiex eżattament ċara u sempliċi. Fil-fatt, it-talba inkwistjoni ma hijiex għall-ħlas tal-multa nnifisha, imma talba għal restituzzjoni li tikkonsisti minn (i) ħlas lura tal-interessi (punittivi) b’rata li hija d-doppju tar-rata bażi tal-bank ċentrali imħallsa inizjalment mill-Awtorità wara l-eżitu tal-proċeduri domestiċi għal stħarriġ ġudizzjarju, (ii) interessi għal ħlas lura tardiv ta’ dan l-ammont u (iii) interessi għal ħlas tardiv tal-ammont pendenti tal-multa nnifisiha. |
36. |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni hija ta’ natura każwista ( 13 ), li jagħmilha diffiċli li jiġi adottat approċċ ġeneralizzat. |
37. |
Madankollu, fir-rigward tal-predeċessur tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li fl-irkupru [...] tal-ispejjeż l-amministratur jaġixxi skont dejn li jirriżulta minn att tal-awtorità pubblika huwa biżżejjed biex il-kawża tiegħu, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li jippermetti d-dritt nazzjonali għal dak l-iskop, tiġi ttrattata bħala li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell”. ( 15 ) |
38. |
Fil-fehma tiegħi, il-qofol tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għadu validu sal-lum: dejn li jirriżulta minn att tal-awtorità pubblika — jiġifieri, l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi — ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kwistjoni inkunsiderazzjoni, analiżi tal-azzjoni prinċipali mressqa mill-Awtorità u r-regoli applikabbli għaliha twassalni għall-fehma li t-talba inkwistjoni u talbiet l-oħra, li kollha ġejjin mill-multa imposta mill-Awtorità, ma jammontawx għal “materji ċivili u kummerċjali”: |
39. |
Fil-kawża inkunsiderazzjoni, it-tnaqqis tal-multa mill-Awtorità kellu l-effett kollaterali awtomatiku, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tirregola l-effetti tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Awtorità — jiġifieri l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 — li tiġi ġġenerata t-talba inkwistjoni. B’mod iktar speċifiku, it-talba inkwistjoni hija taħlita ta’ numru ta’ karatteristiċi speċifiċi tad-dritt Ungeriż, jiġifieri li (i) l-azzjoni għall-istħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni kkontestata ma ssospendietx l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar; (ii) wara l-istħarriġ tal-qorti amministrattiva tat-tieni istanza, l-Awtorità kienet obbligata, skont dik id-dispożizzjoni, tħallas l-interessi lil Siemens fuq l-ammont tal-multa mħallsa mill-ġdid bid-doppju tar-rata bażi tal-bank ċentrali; u (iii) id-deċiżjoni tal-Kúria (qorti suprema) daħlet fis-seħħ ex tunc. Fil-fatt, jidhirli li kull darba li multa imposta mill-Awtorità titneħħa jew titnaqqas mill-qrati amministrattivi, imbagħad sussegwentement tiġi kkonfermata, it-taħlita tal-elementi tal-proċedura amministrattiva Ungeriża msemmija iktar ’il fuq ġeneralment tipproduċi l-istess riżultat: li l-impriża kkonċernata tkun irċeviet interessi bis-saħħa tal-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 li l-Awtorità trid tirkupra. Għalhekk, dan ir-riżultat jidher li huwa parti inaljenabbli tal-istħarriġ tad-deċiżjoni amministrattiva skont id-dritt Ungeriż. Il-fatt li l-Awtorità ressqet azzjoni kawża quddiem il-qrati ċivili Ungeriżi kontra Siemens ma jwarrabx l-oriġini ta’ dritt pubbliku tat-tilwima bejn il-partijiet. |
40. |
Forsi jkunu xieraq li nagħti eżempju iktar sempliċi biex nispjega dan il-punt tiegħi: kieku t-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tikkonċerna biss, minflok, it-talba tal-Awtorità, imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 19, għall-ħlas ta’ interessi dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ Siemens tal-parti pendenti tal-multa, niddubita jekk il-kwisjtoni inkunsiderazzjoni kinitx toħloq xi problema. Talba bħal dik, mingħajr dubju, kienet tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Għalhekk, għalkemm it-talba inkwistjoni tikkostitwixxi waħda pjuttost kumplessa ta’ restituzzjoni, jibqa’ l-fatt li bħat-talbiet l-oħra mressqa mill-Awtorità fil-kawża prinċipali, din hija mnissla għalkollox mill-penali amministrattiva li l-Awtorità imponiet fuq Siemens. |
41. |
Madankollu, sostnuta fuq dan il-punt mill-Gvern Ungeriż, l-Awtorità ssostni li hija ppruvat — preżumibbilment wara li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkonfermata mill-Kúria (qorti suprema) — mingħajr suċċess, teżegwixxi t-talba tagħha għal ħlas lura tal-interessi mħallsin bis-saħħa tal-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 fi proċedura ta’ infurzar amministrattiv quddiem il-közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol, l-Ungerija). Dan ġie allegatament miċħud fuq il-bażi li t-talba inkwistjoni ma segwietx direttament mid-deċiżjoni kkontesta u għalhekk ma kinitx eżegwibbli. Siemens tikkonferma din id-deskrizzjoni tal-ġrajjiet. L-Awtorità b’hekk issostni li ma tistax teżegwixxi t-talba tagħha amministrattivament. |
42. |
Apparti l-fatt li dawk l-allegazzjonijiet ma humiex riprodotti fit-termini tad-digriet tar-rinviju u għalhekk ma humiex ikkonfermati, mill-bidu nett nixtieq nindika li r-rifjut li tiġi eżegwita d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-talba inkwistjoni huwa komprensibbli. Fil-fatt, fiż-żmien li tingħata deċiżjoni li timponi multa, ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk din tiġix kkontestata u, jekk tiġi kkontestata, jekk il-qrati amministrattivi jħassruhiex u wisq inqas jekk din tiġix kkonfermata fl-appell. Fi kliem ieħor, peress li Siemens kienet ħallset il-multa sħiħa, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet eżegwita skont it-termini tagħha. Madankollu, xorta nemmen li dan l-argument jikkonferma l-fehma tiegħi: l-Awtorità normalment għandha setgħat eċċezzjonali ta’ infurzar meta mqabbla mar-regoli applikabbli għal relazzjonijiet bejn persuni rregolati mid-dritt privat. Il-fatt li din is-setgħa ma kinitx, f’dan il-każ, testendi għat-talba inkwistjoni huwa irrilevanti, bl-istess mod li d-determinazzjoni tal-forum korrett skont id-dritt Ungeriż għall-irkupru tat-talba inkwistjoni ma hijiex deċiżiva għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, għall-finijiet tal-irkupru, il-linja tal-argument issuġġerita mill-Awtorità twassal biss għall-impożizzjoni ta’ multi simboliċi (amministrattivi) imħallta, madankollu, b’rati ta’ interessi (ċivili u kummerċjali) estremi. |
43. |
Barra minn hekk, m’iniex konvint bl-argument li ressaq il-Gvern Ungeriż li l-Kúria (qorti suprema) kienet suppost iddeċidiet li “l-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex stadju tal-proċedura amministrattiva, ma huwiex estensjoni tagħha, imma huwa indipendenti minnha, mhux biss f’livell organizzattiv imma anki proċedurali” u li “dawk iż-żewġ proċeduri huma distinti minn xulxin u l-proċedura amministrattiva tintemm b’deċiżjoni finali” ( 16 ). Apparti mill-fatt li deċiżjoni tkun finali biss jekk ma tkunx tħassret waqt l-istħarriġ ġudizzjarju, il-mod kif proċedura hija pperċepita fil-livell nazzjonali ma għandu l-ebda effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat biss fid-dawl tad-diviżjoni ta’ ġurisdizzjoni bejn it-tipi varji ta’ qrati li jeżistu f’ċerti Stati Membri ( 17 ). Fil-fatt, biex ngħiduha kif inhi, diversi Stati Membri lanqas biss jagħmlu, fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, separazzjoni bejn sistema ta’ qrati ċivili u sistema ta’ qrati amministrattivi ( 18 ). |
44. |
F’dan l-istadju, nosserva wkoll li numru ta’ elementi enfasizzati mill-awtoritajiet rilevanti jappoġġaw il-fehma tiegħi. L-ewwel nett, it-talba inkwistjoni ma hijiex ir-riżultat ta’ obbligu separat u assunt liberament li huwa indipendenti mill-multa inkwistjoni ( 19 ). It-tieni nett, il-multa li minnha toriġina t-talba inkwistjoni ma tirriflettix “materji ċivili u kummerċjali” tipiċi fit-tifsira tar-Regolament Nru 44/2001 — anzi bil-maqlub ( 20 ). It-tielet nett, u b’mod kruċjali, is-somma involuta fit-talba inkwistjoni ma tħallsitx bi żball lil Siemens. Din it-talba ma kinitx ir-riżultat ta’ żball sempliċi min-naħa tal-Awtorità tat-tip li kull parti privata setgħet għamlet (magħrufa komunement bħala talba ta’ condictio indebiti). Għall-kuntrarju, it-talba inkwistjoni rriżultat sempliċiment mill-operazzjoni tal-liġi applikabbli għall-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 21 ). |
45. |
Fl-aħħar nett, ma tibdillix fehmti s-sentenza Sunico et, li fil-verità kienet tirrigwarda sitwazzjoni ta’ allegata frodi ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) tat-tip “carousel”. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li f’dak il-każ għamlet enfasi kbira fuq id-dritt nazzjonali meta ddeċidiet li r-Regolament kien japplika. Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li l-bażi legali tat-talba tal-awtoritajiet tar-Renju Unit kontra Sunico kienet tistrieħ mhux fuq il-liġi tal-VAT, imma fuq l-allegata responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Sunico (fl-għamla ta’ “konfoffa delittwali għal frodi”), li tat lok għall-ħlas possibbli ta’ danni. Barra minn hekk, ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni amministrattiva bejn Sunico u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, billi tal-ewwel ma kinitx responsabbli biex tħallas il-VAT fir-Renju Unit ( 22 ). |
46. |
Mill-premess isegwi li l-azzjoni għall-ħlas tat-talba inkwistjoni li tressqet fil-kawża prinċipali tammonta għal kwistjoni amministrattiva li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa fis-sens li azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikiment indebitu li toriġina minn ħlas mill-ġdid ta’ penali imposta fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix “materji ċivili u kummerċjali” għall-finijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. |
47. |
Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kawża prinċipali tirrigwarda “materji ċivili u kummerċjali”, iktar ’il quddiem se nispjega għaliex fi kwalunkwe każ ma nemminx li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti ġurisdizzjoni speċjali lill-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża prinċipali. |
B – Sustanza
1. Osservazzjonijiet preliminiari
48. |
Il-kawża inkunsiderazzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi kjarifika meħtieġa ħafna dwar l-interrelazzjoni bejn l-Artikoli 2(1), 5(1) u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Se nibda l-evalwazzjoni tiegħi billi nfakkar il-prinċipji ta’ gwida applikabbli għal din il-kwistjoni. |
49. |
Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jagħmel ir-regoli fuq il-ġurisdizzjoni kemm prevedibbli ħafna kif ukoll ibbażati fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni tkun ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni dejjem għandha tkun disponibbli fuq din il-bażi, ħlief f’xi ftit sitwazzjonijiet iddefiniti tajjeb fejn is-suġġett tal-litigazzjoni jew l-awtonomija tal-partijiet jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti (ġurisdizzjoni esklużiva) — pereżempju fi proċeduri dwar drittijiet in rem fi proprjetà immobbli. Barra minn hekk, flimkien mad-domiċilju tal-konvenut, ċerti bażijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni li jistrieħu fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għandhom ikunu disponibbli (ġurisdizzjoni speċjali) — pereżempju l-qrati tal-post tat-twettiq ta’ obbligu kuntrattwali ( 23 ). |
50. |
Madankollu, dan ma jibdilx il-fatt li r-Regolament Nru 44/2001 għandu bħala premessa l-idea li l-proċeduri għandhom jinbdew fil-qorti tad-domiċilju tal-konvenut. |
51. |
Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ regoli komuni tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li persuni ddomiċiljati fi Stat Membru għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga minn dan il-prinċipju fundamentali li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ( 24 ). |
52. |
Issa, ir-regoli fuq il-ġurisdizzjoni speċjali, li jissupplimentaw ir-regola ġenerali fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jingħataw is-sinjifikat proprju tagħhom, iddeterminat fid-dawl tal-iskop u l-kliem u l-iskema u l-għan tar-Regolament, pjuttost milli jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effettività tagħhom ( 25 ). Madankollu, jibqa’ l-fatt li għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett fir-rigward tar-regola ġenerali u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn minn każijiet previsti espressament mir-Regolament ( 26 ). Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni għad-danni bbażata fuq l-allegata responsabbiltà prekontrattwali tal-konvenut (culpa in contrahendo) ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, imma, meta jkun possibbli, għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(3) tagħha ( 27 ). Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandha tiġi ddeterminata d-domanda mressqa. |
53. |
Din ir-risposta ma hijiex eżattament mingħajr ekwivoku. Il-kliem tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jsemmix il-kunċetti ta’ “restituzzjoni” jew “arrikkiment indebitu” bl-istess mod bħal “tort, delitt jew kwasi delitt”, u lanqas ma jipprovdi indikazzjoni immedjata li azzjoni għar-restituzzjoni fuq dik il-bażi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Id-diviżjoni netta bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri tixhed ukoll din l-inċertezza: Siemens u l-Gvernijiet Ġermaniż u Taljan huma tal-fehma li azzjoni għall-ħlas tat-talba inkwistjoni ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. L-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni huma tal-fehma opposta. |
54. |
Madankollu, il-fehma tiegħi fuq din il-kwistjoni hija soda: talbiet għal restituzzjoni bbażati fuq arrikkiment indebitu ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
2. Ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu hija kwistjoni ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”?
55. |
Sabiex xi ħaġa tiġi kklassifikata bħala mhux kuntrattwali għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ġurisprudenza stabbilita teħtieġ ( 28 ) li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-azzjoni inkwistjoni għandha tfittex li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut u t-tieni nett, din ma għandhiex tirrigwarda “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” kif jingħad fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament. |
56. |
Minkejja l-fatt li Siemens kienet ġiet, skont l-osservazzjonijiet tal-Awtorità, ippenalizzata talli kienet ipparteċipat fi ftehim antikompetittiv, huwa aċċettat li l-azzjoni prinċipali ma hijiex relatata ma’ kuntratt. Bla dubju dan huwa korrett, billi l-azzjoni prinċipali tirrigwarda, minflok, talba għar-restituzzjoni bbażata fuq allegat arrikkiment indebitu ta’ Siemens għad-dannu tal-Awtorità bl-ebda bażi kuntrattwali. |
57. |
Għalhekk, il-kwistjoni li trid tiġi indirizzata hija jekk l-azzjoni hijiex intiża sabiex tistabbilixxi responsabbiltà min-naħa ta’ Siemens. |
58. |
Dan ma huwiex il-każ. |
59. |
L-ewwel nett, nixtieq infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola fuq il-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn il-ġrajja ta’ dannu seħħet jew tista’ sseħħ, li tiġġustifika l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawk il-qrati għal raġunijiet relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u t-tmexxija effikaċi tal-proċeduri. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt u kważi delitt, il-qrati tal-post fejn seħħet jew tista’ sseħħ il-ġrajja dannuża huma s-soltu l-iktar xierqa biex jiddeċiedu l-każ, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ prossimità u l-faċilità biex jinkisbu l-provi. L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tidher f’din id-dispożizzjoni, hija intiża sabiex tkopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu u kif ukoll il-post tal-ġrajja li tagħti lok għalih, fil-qrati ta’ kwalunkwe post minn dawn ( 29 ). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tista’ tirriżulta biss bil-kundizzjoni li tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-ġrajja fejn joriġina d-dannu ( 30 ). |
60. |
Min dan isegwi li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 teħtieġ li jkun seħħ “l-effett” li jagħti lok għal “ħsara” — fi kliem ieħor, telf ( 31 ). |
61. |
Iżda b’kuntrast, azzjoni għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma hijiex bbażata fuq telf. Għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ma fih l-ebda definizzjoni ta’ “restituzzjoni” jew “arrikkiment indebitu”, naħseb li nista’ niddeskrivihom b’dan il-kliem. B’mod differenti minn azzjoni li trid tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenut, li għandha l-għan li tneħħi l-ħsara jew it-telf li r-rikorrent ġarrab u li għalihom il-konvenut huwa allegat li huwa responsabbli minħabba l-aġir jew l-ommissjoni tiegħu jew raġunijiet oħrajn attribwibbli għalih, azzjoni għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu għandha l-għan li tagħti lura lir-rikorrent benefiċċju li l-konvenut kien akkwista b’mod illeġittimu għad-dannu tar-rikorrent (jew ħlas tal-ekwivalenti monetarju tiegħu). Kif sostna essenzjalment il-Gvern Ġermaniż, ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu jiffoka għalhekk b’mod inerenti fuq il-gwadann li jikseb il-konvenut pjuttost milli t-telf li ġarrab ir-rikorrent ( 32 ) . L-arrikkiment indebitu huwa l-kawża tal-azzjoni, u r-rimedju huwa r-restituzzjoni. Għalhekk, ma naqbilx mal-fehma li s-sempliċi nuqqas li tintlaqa’ talba inkontestata jammonta għal “effett tal-ħsara” li jagħti lok għat-telf ( 33 ). |
62. |
Barra minn hekk, għalkemm ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu teħtieġ li l-arrikkiment ikun illeġittimu, dan ma jikkoinċidix mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Apparti l-fatt li jkun hemm bżonn ta’ telf u rabta kawżali mal-aġir tal-konvenut, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tippreżupponi wkoll li hemm xi bażi biex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għat-telf li ġarrab ir-rikorrent, kemm fil-forma ta’ intenzjoni, traskuraġni jew anki ta’ responsabbiltà oġġettiva. Iżda, l-irkupru ta’ somma mħallsa inġustament ma jiddependix neċessarjament fuq jekk l-azzjonijiet tar-riċevent kinux ineċċepibbli. B’mod simili, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, meta l-imposti jkunu ntalbu minn Stat Membru b’mod li jkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura tagħhom ma huwiex ibbażat fuq il-premessa ta’ xi responsabbiltà min-naħa ta’ dan l-Istat Membru ( 34 ). Iżda mill-banda l-oħra, id-dritt għad-danni minn Stat Membru minħabba r-responsabbiltà tiegħu għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni jippreżupponi li jitħarsu ċerti kriterji magħrufin sew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ). Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxa l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li jista’ ma jkunx għal kollox possibbli, skont id-dritt Ungeriż li ssir distinzjoni bejn l-illeġittimità ta’ arrikkiment partikolari, minn naħa, u t-telf min-naħa l-oħra, ma huwa ta’ ebda rilevanza billi, għal darba oħra, id-dritt nazzjonali ma huwiex deċiżiv meta ssir interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 36 ). |
63. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tinterpreta l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’Sapir et ( 37 ), li rrigwardat ukoll il-kwistjoni ta’ restituzzjoni, deċiżjonijiet oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu ċertu grad ta’ sostenn għall-fehma tiegħi. |
64. |
Fil-kawża Kalfelis ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tgħid, inter alia, jekk “l-Artikolu 5(3) tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] jagħti[x], fir-rigward ta’ kawża bbażata fuq talbiet ta’ tort u kuntrattwali u għall-arrikkiment indebitu, ġurisdizzjoni aċċessorja minħabba konnessjoni fattwali anki fir-rigward ta’ talbiet mhux ibbażati fuq tort” (enfażi miżjuda), u l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li “qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) fuq kawża sa fejn hija bbażata fuq tort jew delitt ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq dik il-kawża meta ma tkunx ibbażata fuq hekk”. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx jekk ikkunsidratx li l-arrikkiment indebitu jammontax għal tort, delitt jew kważi delitt: hija sempliċiment eskludiet l-possibbiltà li l-Artikolu 5(3) seta’ jkopri azzjoni li ma kinitx ibbażata fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 39 ). Madankollu, id-deċiżjoni tikkonferma li hemm konsapevolezza tad-differenzi inerenti bejn id-diversi tipi ta’ relazzjonijiet legali. |
65. |
Barra minn hekk, fis-sentenza Reichert u Kockler II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kienx jipprovdi ġurisdizzjoni speċjali għal tip partikolari ta’ azzjoni ta’ natura kważi restituzzjonali skont id-dritt Franċiż tal-insolvenza (actio pauliana). Din l-azzjoni għandha l-għan mhux li d-debitur jiġi ordnat jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat mill-kreditur tiegħu bl-aġir frawdolenti tiegħu, iżda li trendi ineffettiva, kontra l-kreditur tiegħu, dispożizzjoni li saret mid-debitur, anki fir-rigward ta’ terzi ( 40 ). |
66. |
Għalhekk, ma naqbilx mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Darmon meta f’kawża sussegwenti sostna li, bid-definizzjoni tal-kwistjoni dwar it-tort, delitt u kważi delitt mogħtija fis-sentenza Kalfelis ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja “inkludiet taħt materji ta’ tort talba bbażata fuq arrikkiment indebitu” ( 42 ). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq id-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ u ma ħadet l-ebda pożizzjoni fir-rigward tal-fehma tal-Avukat Ġenerali ( 43 ). |
67. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li diversi qrati supremi tal-Istati Membri ddeċidew li azzjoni bbażata fuq restituzzjoni għal arrikkiment indebitu ma kinitx tinvolvi kwistjoni ta’ tort, delitt jew anki kważi delitt ( 44 ). Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li l-kummentaturi ma tantx xtaqu jikklassifikaw talbiet għar-restituzzjoni bħala talbiet li jirrigwardaw responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 45 ). |
68. |
It-tieni nett, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat li jinkludi kawżi għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu, dan ikun ifisser li r-regoli fuq il-ġurisdizzjoni speċjali jkunu qed jiġu interpretati b’mod wiesa’, kuntrarjament għar-regoli ta’ interpretazzjoni aċċettati. Barra minn hekk, dan iġib distorsjoni tas-sistema li joħloq ir-Regolament, kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punti 49 sa 52. |
69. |
Fil-fatt, ir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula lill-partijiet waqt is-seduta ma jippermettulix li nara rabta bejn il-azzjoni prinċipali u l-qrati Ungeriżi li hija eqreb minn dik mal-qrati Awstrijaċi. Għall-kuntrarju, huwa leġittimu li wieħed jiddeduċi mill-ommissjoni magħmula fl-Artikolu 5(3) ta’ talbiet ibbażati fuq restituzzjoni li dan huwa preċiżament dovut minħabba l-assenza ta’ xi fattur ta’ rabta mill-qrib li jorbot b’mod konsistenti dawn it-talbiet ma’ kwalunkwe ġurisdizzjoni li ma tkunx tad-domiċilju tal-konvenut ( 46 ). Fil-fatt, l-uniku element reali li jorbot it-talba inkwistjoni mal-qrati Ungeriżi huwa l-fatt li din toriġina mill-multa imposta mill-Awtorità — li madankollu sempliċiment juri n-natura amministrattiva tal-kwistjoni kkunsidrata, kif spjegat iktar ’il fuq. Għalhekk, jidhirli li r-risposta mfittxija mill-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni tammonta għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa possibbli. |
70. |
Fuq l-istess linja, jiena inqas u inqas konvint mill-argument li ressqet il-Kummissjoni, li ma jistax ikun hemm lakuna legali bejn l-Artikoli 5(1) u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Xejn fil-kliem tar-Regolament Nru 44/2001 ma jissuġġerixxi dan. Il-fatt li l-Artikolu 5(3) jopera biss meta l-azzjoni ma tikkonċernax kwistjoni kuntrattwali ma jeskludix il-possibbiltà ta’ azzjoni li tirrigwarda kwistjonijiet li la huma kuntrattwali u lanqas mhux kuntrattwali. Fil-verità, kontinwità mingħajr interruzzjoni bejn l-Artikoli 5(1) u 5(3), kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, tinvolvi li dawn l-eċċezzjonijiet jitwasslu għal-livell ta’ regola ġenerali, u b’hekk l-Artikolu 2 jispiċċa mingħajr effett prattiku fir-rigward tal-liġi tal-obbligazzjonijiet ( 47 ). |
71. |
It-tielet nett, analiżi kuntestwali, li tinkludi ħarsa ġenerali ta’ regoli oħrajn tad-dritt privat internazzjonali tal-Unjoni, tikkonferma l-fehma mfissra iktar ’il fuq. |
72. |
L-ewwel nett, kif fil-fatt sostna l-Gvern Ġermaniż, isegwi mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 ( 48 ) li, meta mqabbel ma’ kwistjonijiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali, fix-xenarju tas-soltu, id-dritt privat internazzjonali tal-Unjoni jqis l-arrikkiment indebitu bħala li qiegħed f’kategorija għalih. Għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ġie qabel ir-Regolament Nru 864/2007, il-leġiżlatura tal-Unjoni kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ wieħed għandhom ikunu konsistenti ma’ dawk tal-ieħor ( 49 ). |
73. |
It-tieni nett, kemm l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-Artikolu 7(3) tal-verżjoni rriformulata ta’ dan ir-regolament, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 50 ), fihom kapijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali dwar “talb[iet] ċivili għal danni jew restituzzjoni li [jkunu bbażati] fuq att li jagħti lok għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li quddiemha jiġu istitwiti tali proċedimenti” (enfasi miżjuda) minflok ma jgħaqduhom mal-kap ġenerali ta’ ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1215/2012 issa jipprovdi wkoll għal kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali dwar “talb[iet] ċivili għall-irkupru, fuq il-bażi tal-pussess, ta’ oġġett kulturali kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 93/7] [ ( 51 ) ] […] fil-qrati għall-post fejn l-oġġett ikun jinsab fil-mument meta tiġi invokata l-qorti” (enfasi miżjuda). Fiż-żewġ eżempji, hemm fattur ta’ konnessjoni ċar li jorbot dawn il-proċeduri għar-restituzzjoni jew l-irkupru mal-qrati ta’ Stat Membru li ma jkunx dak tad-domiċilju tal-konvenut; rabta li hija differenti minn dik msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq. Għandu jiġi nnotat ukoll il-fatt li l-kliem tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 juri li l-leġiżlatura tal-Unjoni ma qisitx li kien meħtieġ li jitwessa’ l-kap tal-ġurisdizzjoni speċjali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Dan kollu jikkonferma l-fehma li talbiet għall-irkupru jew restituzzjoni huma ttrattati sistematikament b’mod distint minn talbiet għal ħlas ta’ danni ġejjin minn responsabbiltà mhux kuntrattwali. |
74. |
Fuq nota finali, l-Awtorità ssostni li jekk l-azzjoni prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ma jkun hemm l-ebda qorti li quddiemha tkun tista’ tagħmel il-kawża — jew aħjar, kif spjegat l-Awtorità waqt is-seduta, l-ebda qorti fl-Ungerija li quddiemha tkun tista’ tagħmel proċeduri kontra l-parteċipanti kollha fil-ksur antikompetittiv li jinsab fil-qofol tal-kwistjoni kkunsidrata. L-Awtorità tgħid li dan imur kontra l-għan tas-simplifikazzjoni proċedurali li joħloq ir-regolament. Fuq dawn il-punti, nixtieq infakkar li, l-ewwel nett, għalkemm huwa veru li jistgħu jinħolqu żvantaġġi minn aspetti differenti tal-istess kwistjoni li qed tiġi ġġudikata minn qrati differenti, rikorrent dejjem huwa intitolat li jressaq l-azzjoni tiegħu kollha kemm hi fil-qrati tad-domiċilju tal-konvenut ( 52 ). Għalhekk, l-Awtorità fil-fatt għandha qorti fejn tista’ tressaq it-talba tagħha. Fi kwalunkwe każ, jekk il-qrati Awstrijaċi jirrifjutaw li jisimgħu l-kawża minħabba l-oriġini ta’ dritt pubbliku tat-talba inkwistjoni, dik il-konsegwenza ssegwi inerentement mill-interazzjoni bejn, minn naħa, il-portata tal-armonizzazzjoni li twettqet taħt dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali nazzjonali (in casu r-regoli tal-infurzar amministrattiv Ungeriż). It-tieni nett, fir-rigward tas-simplifikazzjoni li għaliha tirriferi l-Awtorità, isegwi mill-premessa 11 tar-Regolament li, għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà, il-prinċipju ewlieni sottostanti għalih huwa li l-qrati tad-domiċilju tal-konvenut għandhom ġurisdizzjoni u, bil-maqlub, li sedi speċjali jew esklużivi ta’ ġurisdizzjoni huma konċepibbli fi grad limitat biss. Għalhekk, dan l-għan fil-fatt jikkontradixxi l-fehma tal-Awtorità. |
75. |
Fuq il-bażi ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma tammontax għal “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
IV – Konklużjoni
76. |
Għar-raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (qorti reġjonali tal-appell, Budapest, l-Ungerija) fil-Kawża C‑102/12 fis-sens li azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu li toriġina mill-ħlas mill-ġdid ta’ penali imposta fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikostitwixxix “materji ċivili u kummerċjali” għall-finijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. |
77. |
Alternattivament, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda mressqa fis-sens li, b’interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, azzjoni għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma tikkostitwixxix “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
( 3 ) A Polgári Törvénykönvyről szóló 1959. évi IV. törvény.
( 4 ) A tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. Törvény (iktar ’il quddiem, l-“Att Nru LVII tal-1996”).
( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LTU, 29/76, EU:C:1976:137, punt 3, u flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 24.
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, EU:C:2009:593, punti 42 u 43, dwar talba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 20 (dwar sitwazzjoni purament interna), u d-digriet f’Parva Investitsionna Banka et, C‑488/13, EU:C:2014:2191, punt 26 (dwar l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni adottata fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili).
( 7 ) Pereżempju, qabbel id-digriet ta’ inammissibbiltà manifesta mogħti fi SKP, C‑433/11, EU:C:2012:702 (punti 32 sa 38), minn naħa, mad-digriet ta’ nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni mogħti f’Pohotovosť, C‑153/13, EU:C:2014:1854 (punti 22 sa 25), fir-rigward tal-istess strument ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja tal-Unjoni.
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30.
( 9 ) C‑645/11, EU:C:2013:228.
( 10 ) Sentenza Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 33 u 34.
( 11 ) Ara s-sentenza Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 37.
( 12 ) Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 28 u 29, u CDC, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 56. Madankollu, fil-każ tal-aħħar, l-Avukat Ġenerali Jääskinen, filwaqt li kkunsidra l-azzjonijiet inkwistjoni f’dik il-kawża bħala li jirrigwardaw “materji ċivili u kummerċjali”, huwa kien ukoll tal-fehma li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għal dawn l-azzjonijiet kienet problematika; ara l-Konklużjonijiet f’CDC, C‑352/13, EU:C:2014:2443, punti 8 sa 10, 33, 39, 52 u 53.
( 13 ) Għal kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, ara, inter alia, is-sentenzi LTU, 29/76, EU:C:1976:137 (irkupru ta’ imposti dovuti għall-użu ta’ servizzi u tagħmir tal-Eurocontrol); Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291 (irkupru ta’ spejjeż marbutin mat-tneħħija ta’ relitt); u Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102 (talbiet għal ħlas ta’ kumpens mill-Ġermanja minħabba atti mwettqa matul l-okkupazzjoni tal-Greċja mill-forzi armati tat-Tielet Reich). Għal kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jidħlu taħt dan il-kunċett ara, inter alia, is-sentenzi f’Sonntag, C‑172/91, EU:C:1993:144 (talba għad-danni kontra għalliem ta’ skola Statali għan-negliġenza matul eskursjoni li waslet għall-mewt ta’ student); Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555 (kawża li għamlet organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li riedet tipprekludi kummerċjant milli juża kundizzjonijiet inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi); u Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656 (surroga f’talbiet ta’ manteniment fir-rigward tal-ex konjuġi u wild). Ara wkoll id-deċiżjonijiet imsemmijin iktar ’l isfel fil-punti 44 u 45.
( 14 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36).
( 15 ) Sentenza Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291, punt 15. Enfasi miżjud.
( 16 ) Kfv. No II. 37. 671/2014/12., deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2014.
( 17 ) Ara, b’analoġija, Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291, punt 14.
( 18 ) Dan huwa l-każ, inter alia, tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit.
( 19 ) Ara s-sentenza Préservatrice Foncière Tiard, C‑266/01, EU:C:2003:282, punti 29 sa 34, dwar garanzija għall-ħlas ta’ dazji doganali li l-kumpannija tal-assigurazzjoni Franċiża kienet għamlet fil-konfront tal-Pajjiżi l-Baxxi.
( 20 ) Ara s-sentenzi Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 41, dwar multa imposta mill-qorti Ġermaniża fir-rigward tal-ksur ta’ privattiva u, mill-banda l-oħra, Bohez, C-4/14, EU:C:2015:563, punt 40, dwar ħlas ta’ penalità impost minn qorti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta’ aċċess mogħtija fir-rigward tat-tfal.
( 21 ) Ara s-sentenza Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 37, dwar talba għall-irkupru ta’ ħlas żejjed bi żball (condictio indebiti) li sar mil-Land Berlin fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva intiża biex tipprovdi kumpens għal telf ta’ proprjetà immobbli taħt ir-reġim Nażista.
( 22 ) Sentenza Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 13 u 36 sa 38.
( 23 ) Ara l-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001.
( 24 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) Ara, b’analoġija, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:171, punt 33, u, f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 31.
( 26 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 27 ) Sentenza Tacconi, C‑334/00, EU:C:2002:499, punti 26 u 27.
( 28 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punt 17, u Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 29 ) Sentenza CDC, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 30 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 31 ) L-Avukat Ġenerali Gulmann (kif kien dakinhar) issuġġerixxa fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:78, p. 2169) li, “id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(3) [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] għandhom fi kwalunkwe każ żewġ karatteristiċi bħal xulxin. Waħda li għandu jkun hemm aġir ‘illegali’, u l-oħra li l-aġir kellu jikkawża ‘effett tal-ħsara’”.
( 32 ) Ara, inter alia, Goff & Jones, The Law of Restitution, ir-raba’ edizzjoni, 1993, Londra, Sweet & Maxwell, p. 16, li jsostnu li “talba għar-restituzzjoni hija għall-benefiċċju, l-arrikkiment, miksub mill-konvenut għad-dannu tal-attur; ma hijiex waħda għat-telf imġarrab” (l-enfasi qiegħda fl-oriġinal). Jaqbel ma’ dan Virgo, G., The Principles of the Law of Restitution, it-tielet edizzjoni, 2015, OUP, p. 3, fejn jgħid li, “‘il-liġi tar-restituzzjoni hija kkonċernata bl-għoti ta’ grupp ġeneriku ta’ rimedji li jirriżultaw bl-operazzjoni tal-liġi u li għandhom funzjoni waħda komuni, jiġifieri li l-konvenut jiġi mċaħħad minn gwadann iktar milli jiġi kkumpensat min jagħmel it-talba għat-telf imġarrab”. Fir-rigward ta’ talbiet għall-irkupru ta’ flus imħallsa bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni wara irregolaritajiet, dawn l-irregolaritajiet jinvolvu “l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, b’mod partikolari b’obbligu li jitħallsu l-ammonti dovuti jew jitħallsu lura l-ammonti rċevuti indebitament”; ara s-sentenza Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 35.
( 33 ) Ara l-kuntrast, f’dak ir-rigward, mal-Konklużjoniiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:90, punt 86.
( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenza Fantask et, C‑188/95, EU:C:1997:580, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 35 ) Ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51.
( 36 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu (ukoll) jiġi interpretat awtonomament; ara, inter alia, is-sentenza Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal fehma li tidher li hija differenti, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:90, punt 85.
( 37 ) C‑645/11, EU:C:2013:228, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja minflok interpretat l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 dwar kawżi magħmulin kontra diversi konvenuti.
( 38 ) 189/87, EU:C:1988:459.
( 39 ) B’kuntrast, l-Avukat Ġenerali Darmon issuġġerixxa li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell — jiġifieri kwistjonijiet kuntrattwali — għandhom “jinkanalaw” talbiet oħrajn ibbażati fuq tort u arrikkiment indebitu; ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:312, punti 25 sa 31.
( 40 ) Sentenza Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punti 19 u 20.
( 41 ) 189/87, EU:C:1988:459 (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).
( 42 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1992:410, punt 102.
( 43 ) Sentenza Shearson Lehman Hutton, C-89/91, EU:C:1993:15, punt 25 (ara, b’mod partikolari, ir-raba’ domanda mressqa).
( 44 ) Ara d-deċiżjonijiet tal-House of Lords (ir-Renju Unit) tat-30 ta’ Ottubru 1997 f’Kleinwort Benson Ltd v. City of Glasgow District Council [1997] UKHL 43; l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) tat-13 ta’ Jannar 1998 fil-każ 7 Ob 375/97s; u l-Högsta Domstolen (qorti suprema, l-Isvezja) tal-31 ta’ Awwissu 2009 fil-każ Ö 1900-08 (NJA 2000:49).
( 45 ) Ara, inter alia, Mankowski, P., f’Magnus, U., u Mankowski, P. (eds.), Brussels Ibis Regulation, European Commentaries on Private International Law, Volum I, 2016, Dr. Otto Schmidt, Cologne, punt 245; u Hertz, K., Bruxelles I-forordningen med kommentarer, 2nd ed., 2015, Jurist- og Økonomforbundets Forlag, Copenhagen, p. 172.
( 46 ) Fuq dan il-punt naqbel mas-sentenza ta’ Lord Goff f’Kleinwort Benson Ltd v. City of Glasgow District Council [1997] UKHL 43, deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 1997.
( 47 ) Fis-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148), punt 27, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li jekk il-proċeduri prinċipali ma kinux jirrigwardaw kwistjoni kuntrattwali, kellhom jikkonċernaw kwistjoni mhux kuntrattwali. Madankollu, dak li intqal kien premess fuq l-idea li r-rikorrent f’dik il-kawża, li kienet tirrigwarda talbiet għal diversi għanijiet bħala riżultat ta’ dannu mġarrab mill-aġir tal-konvenut li allegatament ammonta għal kompetizzjoni inġusta, ried jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut. B’mod simili, fil-kawża li bħalissa hija pendenti Granarolo (C‑196/15), il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddetermina jekk azzjoni għad-danni — u mhux ta’ restituzzjoni — għat-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni tan-negozju stabbilita, tistax tammonta għal kwistjoni kuntrattwali jew mhux kuntrattwali.
( 48 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007 L 199, p. 40). L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 864/2007 (“Arrikkiment inġust”) jipprovdi: “Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni”. Ara wkoll l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.
( 49 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007.
( 50 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012 L 351, p. 1).
( 51 ) Direttiva tal-Kunsill Council 93/7/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1993, fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 399).
( 52 ) Sentenza Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punt 20.