KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑85/15 P, Kawżi magħquda C‑86/15 P u C‑87/15 P, Kawżi C‑88/15 P u C‑89/15 P

Feralpi Holding SpA (C‑85/15 P)

Ferriera Valsabbia SpA and Valsabbia Investimenti SpA (C‑86/15 P)

Alfa Acciai SpA (C‑87/15 P)

Ferriere Nord SpA (C‑88/15 P)

Riva Fire SpA, fi stralċ (C‑89/15 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appelli – Kompetizzjoni – Trattat KEFA – Drittijiet tad-difiża – Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet – Sottomissjonijiet orali – Kumitat Konsultattiv – Tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali – Ksur ripetut – Iddistakkar pubbliku – Ġurisdizzjoni sħiħa„

Ġurisdizzjoni sħiħa

1. 

Fl-appelli tagħhom Feralpi Holding, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti (iktar ’il quddiem “Feralpi”), Alfa Acciai, Ferriere Nord u Riva Fire (kollettivament, iktar ’il quddiem l-“appellanti”) essenzjalment jitolbu lill-Qorti Ġenerali li tannulla s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) li bihom din tal-aħħar ċaħdet (għalkollox jew fil-biċċa l-kbira) it-talbiet tagħhom sabiex tiġi annullata deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata bis-saħħa tal-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 3 ), li mmultathom talli pparteċipaw, bejn l-1989 u l-2000, f’akkordju fis-suq tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit.

2. 

Dawn l-appelli jqajmu numru ta’ kwistjonijiet proċedurali, bħall-mod xieraq kif għandha titmexxa l-proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament (KE) Nru 773/2004 ( 4 ), il-kundizzjonijiet fejn tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ ksur ripetut, u r-rimedji disponibbli fil-każ ta’ tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, dawk il-kwistjonijiet ser jiġu eżaminati b’mod konġunt f’dawn il-konklużjonijiet.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

3.

Skont l-Artikolu 65 KEFA:

“1.   Huwa pprojbit kull akkordju fost l-impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, kull prattika miftiehma, li tista’ direttament jew indirettament, tipprevjeni, tirrestrinġi jew timpedixxi l-operazzjoni normali tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jtendu:

(a)

li jiffissaw jew jiddeterminaw il-prezzijiet;

(b)

li jirrestrinġu jew jikontrollow il-produzzjoni, l-iżvilupp tekniku jew l-investiment;

(c)

li jaqsmu s-swieq, il-prodotti, il-konsumaturi jew is-sorsi ta’ provvista’

[…]

4.   Kull akkordju jew deċiżjoni ipprojbiti mill-Taqsima 1 ta’ dan l-artikolu huma nulli ipso jure u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti jew tribunal tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt ta’ rikorsi qudiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dawn l-akkordji jew deċiżjonijiet mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

5.   Fuq kull impriża li tkun daħlet fi ftehim li huma awtomatikament null, jew li infurzat jew ippruvat tinforza, permezz ta’ arbitraġġ, penalità, bojkott jew b’xi mezz ieħor, ftehim jew deċiżjoni li huwa awtomatikament null jew akkordju li għalih awtorizzazzjoni tkun ġiet irrifjutata jew irrevokata, jew tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni li hija kienet taf li hija falz jew qarrieqa, jew wettqet prattiki pprojbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew ħlasijiet ta’ penalitajiet perjodiċi li ma għandhomx jaqbżu d-doppju tad-dħul mill-bejgħ fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, deċiżjoni jew prattika ipprojbiti minn dan l-artikolu; jekk, madankollu l-għan tal-ftehim, deċijoni jew prattika huwa r-restrizzjoni tal-produzzjoni, l-iżvilupp tekniku jew investiment, dan il-massimu jista’ jogħla sa 10 fil-mija tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni fil-każ ta’ multi, u 20 fil-mija tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum fil-każ tal-ħlasijiet ta’ penalitajiet perjodiċi”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.

Permezz tal-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju tal-2002.

B – Regolament Nru 1/2003

5.

L-Artikolu 7(1) (“Is-sejba u t-temm tal-ksur”) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur [tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE] tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur […]

6.

Skont l-Artikolu 14 (“Kumitat ta’ Konsulenza”) tal-istess regolament:

“1.

Il-Kummissjoni ħa tikkonsulta lil Kumitat ta’ Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Posizjonijiet Dominanti qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni taħt l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 23, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 29(1).

2.

Għad-diskusjonijiet ta’ kazijiet individwali, il-Kumitat ta’ Konsulenza ħa jiġi kompost min rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-Kompetizzjoni ta’ Stati Membri […]

3.

Il-konsultazzjoni tista isseħħ waqt laqgħa konvenuta u preseduta mil-Kummissjoni, miżuma mhux qabel min 14-il ġurnata wara it-trasmessjoni tan-notizzja li ġiet konvenuta, flimkien ma summarju tal-każ, indikazzjoni ta’ l-aktar dokumenti importanti u l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni […] Il-Kumitat ta’ Konsulenza ħa jwassal l-opinjoni bil-miktub fuq l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni […].

[…]

5.

Il-Kummissjoni ħa tieħu l-akbar ħsieb tal-opinjoni mwassla mil-Kumitat Konsultativ. Għandha tinforma lill-kumitat bil-majera li biha l-opinjoni tiegħu tkun ġiet ikkunsidrata […]”

7.

Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, inter alia, huma bil-ħsieb jew b’negliġenza jiksru l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE.

8.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom […]”

C – Ir-Regolament Nru 773/2004

9.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004 ( 5 ) (“Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u tweġiba”), jipprovdi:

“1.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-partijiet ikkonċernati bil-miktub bl-oġġezzjonijiet magħmula kontra tagħhom. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha tkun innotifikata li kull waħda minnhom.

2.

Il-Kummissjoni għandha, meta tinnotifika d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-partijiet ikkonċernati, tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih dawn il-partijiet jistgħu jinformawha bil-miktub bil-veduti tagħhom […]

3.

Il-partijiet jistgħu, fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom, jistabbilixxu l-fatti kollha magħrufa minnhom li huma relevanti għad-difiża tagħhom kontra l-oġġezzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni […]”

10.

Skont l-Artikolu 11 (“Dritt ta’ smigħ”) tar-Regolament Nru 773/2004:

“1.

Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunita li jinstemgħu qabel ma tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv li jirreferi għalih l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

2.

Il-Kummissjoni għandha, fid-deċiżjonijiet tagħha, tittratta biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 ikunu setgħu jikkummentaw.”

11.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004:

“Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunita li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom fi smigħ orali (seduta), jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom”.

12.

Bis-saħħa tal-Artikolu 14(3) [“Tmexxija tas-smigħ orali (seduta)”] tal-istess regolament, il-Kummissjoni għandha “tistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri biex jipparteċipaw fis-smigħ orali (seduta)”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

13.

Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet numru ta’ verifiki fl-uffiċċji ta’ ċerti impriżi Taljani li jipproduċu vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit u fl-uffiċċji ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi Taljani li jipproduċu l-azzar. Din bagħtitilhom ukoll talba għal informazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 47 KEFA. Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva u adottat l-oġġezzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 36 KEFA. Ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet bil-miktub fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari u nstemgħu waqt seduta fit-13 ta’ Ġunju 2002. Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari. F’din id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari l-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar proċeduri ulterjuri wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA u ddikjarat li kienet bdiet proċedura skont ir-Regolament Nru 17/62 ( 6 ). Ir-rikorrenti ssottomettew kummenti bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari. Fit-30 ta’ Settembru 2002 saret it-tieni seduta, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

14.

Fis-17 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali dwar proċedura taħt l-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”) fejn ikkonstatat li diversi impriżi (inkluż l-appellanti) kienu kisru l-Artikolu 65(1) KEFA u imponitilhom multi. Numru minn dawk l-impriżi kkontestaw id-deċiżjoni tal-2002 fil-Qorti Ġenerali.

15.

Permezz tas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tal-2007”), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002 ( 7 ). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl tal-assenza kompleta ta’ kull riferiment għall-Artikolu 3 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/62, il-bażi legali proċedurali ta’ dik id-deċiżjoni kienet l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA. Insegwitu speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ miżura għandha tkun fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, u osservat li l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kien skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar kompetenza sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u sabiex timponi multi fuq l-impriżi responsabbli, fuq il-bażi tal-Artikoli 65(4) u (5) KEFA wara li jiskadi t-Trattat KEFA.

16.

B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lill-appellanti u lill-impriżi l-oħrajn ikkonċernati bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni legali differenti. Il-Kummissjoni qalet ukoll li, minħabba l-portata limitat tas-sentenzi tal-2007, id-deċiżjoni l-ġdida kellha tkun ibbażata fuq il-provi prodotti fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari mibgħuta lill-impriżi kkonċernati fl-2002. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, kif fil-fatt għamlu.

17.

Fit-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-DeċiżjoniC (2009) 7492 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, adozzjoni mill-ġdid). Din id-deċiżjoni kienet ġiet sussegwentement emendata bid-Deċiżjoni C (2009) 9912 finali tat-8 ta’ Diċembru 2009 ( 8 ). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm ksur tal-Artikolu 65 KEFA min-naħa tal-appellanti rikorrenti u imponitilhom multa.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

18.

Bir-rikorsi tagħhom skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati rispettivament fis-17 ta’ Frar 2010 (T‑92/10), tat-18 ta’ Frar 2010 (T‑85/10) u tad-19 ta’ Frar 2010 (T‑83/10, T‑70/10, u T‑90/10), l-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

19.

Il-Qorti Ġenerali tat is-sentenzi tagħha fil-ħames kawżi kollha fid-9 ta’ Diċembru 2014, fejn ċaħdet, għalkollox jew fil-biċċa l-kbira, dawn ir-rikorsi.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20.

B’appelli ppreżentati, rispettivament, fid-19 ta’ Frar 2015 (C‑85/15 P), fl-20 ta’ Frar 2015 (C‑86/15 P, C‑87/15 P u C‑88/15 P), u fl-24 ta’ Frar 2015 (C‑89/15 P), kull appellant talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza li tat il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza fir-rigward tagħhom, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqas il-multi imposti fuqhom (jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid), kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż. Riva Fire titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, minħabba t-tul tagħhom, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kisru t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Drittijiet tal-Bniedem (iktar 'il quddiem il-“KEDB”). Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai talbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li kien hemm ksur tat-tieni subartikolu tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tnaqqasx il-multa għal din ir-raġuni.

21.

F’kull kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

22.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2016, il-Kawżi C‑86/15 P u C‑87/15 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. L-appellanti u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta konġunta li saret fl-20 ta’ Ottubru 2016.

V – Evalwazzjoni tal-aggravji

23.

Fir-rikorsi tagħhom, l-appellanti ressqu, rispettivament, sitt aggravji (C‑85/15 P), seba’ aggravji (Kawżi magħquda C‑86/15 P u C‑87/15 P), disa’ aggravji (C‑88/15 P) u erba’ aggravji (C‑89/15 P).

24.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina, l-ewwel nett, aggravju li huwa komuni fl-appelli kollha u jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u t-tmexxija xieraq tal-proċedura amministrattiva. Għar-raġunijiet deskritti iktar ’l isfel, jiena tal-fehma li dan l-aggravju huwa fondat u, bħala tali, is-sentenzi appellati, kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu annullati.

25.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi fuq dan l-aggravju, ser neżamina wkoll l-aggravji l-oħrajn li ressqu l-appellanti. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aggravji ser jiġu eżaminati, madankollu, fil-qosor biss, billi jidhru li huma manifestament inammissibbli jew mhux fondati.

A – Drittijiet tad-difiża u tmexxija xierqa tal-proċedura amministrattiva

26.

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet it-talbiet tagħhom fejn allegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 773/2004 ( 9 ). Għalkemm l-argumenti rispettivi tagħhom huma xi ftit differenti minn xulxin ( 10 ), l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiċċensura l-fatt li l-Kummissjoni ma segwietx il-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

27.

Il-Kummissjoni tiddefendi d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija kkonformat mill-qrib mal-prinċipju ta’ tempus regit actum, bl-applikazzjoni tar-regoli proċedurali fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, u tikkunsidra li l-appellanti ngħataw debitament l-opportunità li jippreżentaw l-perspettiva tagħhom dwar l-aspetti sostantivi u proċedurali kollha tal-każ. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 ma neħħietx il-validità tal-passi proċedurali meħuda qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, inklużi dawk meħudin meta t-Trattat KEFA kien għadu fis-seħħ.

28.

Qabel kollox jidher li jkun utli li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 1/2003 jippermetti lill-Kummissjoni li tikkonstata u tippenalizza, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji bejn impriżi fis-setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis u dan għalkemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirriferixxux espressament għall-Artikolu 65 KEFA. Madankollu, dan huwa possibbli biss meta deċiżjoni taħt l-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 tkun ġiet adottata wara proċedura mmexxija skont dan ir-regolament ( 11 ). Konfomità sħiħa mar-Regolament Nru 1/2003 timplika – bilkemm hemm bżonn ngħid – konformità mar-Regolament tagħha ta’ Implementazzjoni Nru 773/2004 ukoll ( 12 ).

29.

F’dan il-kuntest, hija l-fehma tiegħi li l-allegazzjonijiet tal-appellanti fuq dan il-punt huma fondati. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni ma segwietx għalkollox il-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Numru ta’ passi proċedurali ewlenin kienu, fil-fatt, ittieħdu skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fit-Trattat KEFA (u skont dawk id-dispożizzjonijiet biss). Madankollu, anki jekk dawk id-dispożizzjonijiet huma simili, ma humiex identiċi ma’ dawk stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u102 TFUE. Konsegwentement, il-proċedura segwita mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi affettwat ħażin il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jipparteċipaw fiha. Dik il-parteċipazzjoni hija importanti u ma jistax jiġi injorat in-nuqqas mill-Kummissjoni li tiżguraha.

1. Il-proċedura prevista fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 kienet segwita wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002?

30.

Fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni kkontestata tgħid, fil-premessa 370, li “ġiet adottata mill-ġdid f’konformità mar-regoli proċedurali tat-[Trattat FUE] u tal-leġiżlazzjoni sekondarja ġejja minn dak it-Trattat, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1/2003”. Għalhekk, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk din id-dikjarazzjoni hijiex preċiża.

31.

F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, ma kienx hemm passi meħudin f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004, bl-eċċezzjoni tal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fil-fatt deċiżjoni ġdida – ibbażata fuq l-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 – ġiet adottata wara li l-appellanti ngħataw l-possibbiltà li jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008. Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ma nħarġet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida u ma saret l-ebda seduta orali ġdida.

32.

F’dan l-istadju, jista jkun utli li jiġi indikat li r-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 ma jipprovdu l-ebda eċċezzjoni ġenerali fir-rigward tat-twettiq ta’ dawn iż-żewġ passi. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jgħid li, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet kif ipprovdut, inter alia, fl-Artikoli 7 u 23, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi investigati “l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom”. Il-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha “biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom”. L-Artikolu 27(2) tal-istess regolament jipprovdi li d-“dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri”. Imbagħad, l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament Nru 773/2004 jirrigwardaw l-obbligu tal-Kummissjoni li toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u, jekk tkun mitluba hekk, tagħmel seduta orali. Il-mod imperattiv (“[i]l-Kummissjoni għandha”) użat f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jħalli l-ebda dubju dwar in-natura obbligatorja ta’ dawn ir-rekwiżiti.

33.

Madankollu l-Kummissjoni hija tal-fehma li dawk il-passi taħt ir- Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 ma kinux meħtieġa fil-proċeduri inkwistjoni billi kienu ttieħdu passi analogi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002. L-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 fil-fehma tagħha ma jinvalidax dawn il-passi. Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tirriferi għall-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha u, b’mod partikolari, għall kawża PVC II ( 13 ).

34.

Fis-sentenza PVC II, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti li kienu jirrigwardaw ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża għar-raġuni li l-Kummissjoni, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, ma kinitx żammet seduta ġdida qabel ma adottat deċiżjoni ġdida u ma reġgħetx ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament atti preparatorji, billi l-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ tali miżura tista’, bħala prinċipju, terġa’ tibda fil-punt stess meta ġrat l-illegalità ( 14 ).

35.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-ġurisprudenza hijiex applikabbli għall-każijiet preżenti. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tapplika f’żewġ sitwazzjonijiet: (i) jekk il-proċedura li issa hija stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 ġietx segwita b’mod korrett qabel l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002; jew (ii) jekk il-passi proċedurali meħudin fuq il-bażi ta’ regoli proċedurali differenti jistgħux jitqiesu ekwivalenti ma’ dawk li kellhom jittieħdu skont ir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004. Se neżamina dawn iż-żewġ ipoteżijiet wara xulxin.

2. Il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 kienet ġiet segwita qabel l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002?

36.

Billi r-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 ma kinux fis-seħħ fiż-żmien materjali, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 17/62 u r-Regolament Nru 2842/98 ( 15 ).

37.

Madankollu, din id-domanda għandha risposta faċli ħafna. Il-premessa 352 tad-deċiżjoni tal-2002 tgħid:

“F’din il-perspettiva, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 għall-kumplament tal-proċedura hija konformi mal-prinċipju li r-regoli proċedurali applikabbli huma da(w)k fis-seħħ meta l-miżura kkonċernata tiġi adottata. Fl-istess perspettiva, ma ġiex meqjus neċessarju li terġa’ issir l-ewwel seduta li fiha r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ma kinux ipparteċipaw, billi r-regoli proċedurali KEFA fis-seħħ dak iż-żmien ma kinux jipprovdu għal tali parteċipazzjoni. Minbarra dan, kif ġie enfasizzat fil-[…] Komunikazzjoni [tat-18 ta’ Ġunju 2002] […] wieħed għandu jikkunsidra li l-miżuri proċedurali li ġew adottati validament fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni(jiet) KEFA kienu jissodisfaw, fl-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kundizzjonijiet previsti bil-miżuri proċedurali korrispondenti implementati permezz tat-Trattat KE. Huwa importanti li jiġi enfasizzat ukoll li ebda rabta formali ma teżisti bejn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri f’seduta […] u dawk relattivi għall-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv […]” ( 16 )

38.

Għalhekk, essenzjalment, il-Kummissjoni qalet espressament li ma kinitx segwiet għalkollox il-proċedura stabbilita fir-Regolamenti Nri 17/62 u 2842/98. Ma kkunsidratx li dan kien meħtieġ għaliex il-passi proċedurali meħudin fil-kuntest tal-qafas KEFA jistgħu jissodisfaw, fil-fehma tagħha, ir-rekwiżiti meħtieġa mid-dispożizzjonijiet KE korrispondenti.

39.

F’dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat jekk dawk id-dikjarazzjonijiet humiex korretti. Madankollu, qabel ma jsir hekk, għandu jingħad dan li ġej.

40.

Anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni fil-fatt ħadet ċerti passi proċedurali konformement mar-Regolament Nru 17/62. B’mod partikolari, kif intqal fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni supplimentari ta’ oġġezzjonijiet fit-12 ta’ Awwissu 2002 u t-tieni seduta, fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri, inżammet fit-30 ta’ Settembru 2002.

41.

Madankollu, ma huwiex ikkontestat li dawk il-passi kkonċernaw biss id-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli u l-konsegwenzi li ġejjin minn dawk id-dispożizzjonijiet. L-aspetti sostantivi tal-kawżi ġeneralment ma ġewx diskussi, kemm fid-dikjarazzjoni supplimentari tal-oġġezzjonijiet jew fit-tieni seduta. Għalhekk jekk kien hemm proċedura valida taħt ir-regoli tal-KE, din il-proċedura kienet tittratta biss kwistjonijiet ta’ natura proċedurali u mhux fil-mertu.

3. Huma atti preparatorji validi l-passi proċedurali meħudin taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA għad-deċiżjoni kkontestata?

42.

Issa, għandu jiġi eżaminat jekk – kif tistqarr il-Kummissjoni – il-passi proċedurali meħudin fil-kuntest tal-qafas KEFA qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002 iħarsux ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet KE/UE korrispondenti. Fil-fatt, bħal fil-kawża PVC II ma hemmx dubju li, f’dawn il-kawżi, il-passi proċedurali meħuda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, bħala prinċipju, jibqgħu validi.

43.

Billi l-passi proċedurali invokati mill-Kummissjoni ttieħdu, fil-parti l-kbira tagħhom, sabiex tiġi adottata deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA, għandu jiġi vverifikat jekk jistgħux jitqiesu bħala “atti preparatorji” ( 17 ) għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

44.

Fil-fehma tiegħi ma jistgħux jitqiesu hekk. Fil-fatt, nara ċerti differenzi sinjifikattivi bejn is-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża PVC II u dik f’dawn il-kawżi.

45.

L-ewwel nett, fl-ewwel każ, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat żewġ deċiżjonijiet suċċessivi li kellhom l-istess bażijiet legali u li kienu essenzjalment identiċi. Il-paragrafu 98 tas-sentenza huwa partikolarment istruttiv f’dak ir-rigward fejn jgħid: “meta, wara l-annullament ta’ deċiżjoni f’kwistjoni ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni tagħżel li tirrettifika l-illegalità jew l-illegalitajiet kkonstatati u li tadotta deċiżjoni identika ġdida li ma hijiex vvizjata b’dawn l-illegalitajiet, din id-deċiżjoni tirrigwarda l-istess oġġezzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-impriżi ikunu diġà ssottomettew osservazzjonijiet”. Madankollu, f’dawn il-kawżi, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex “identika” mad-deċiżjoni preċedenti annullata mill-Qorti Ġenerali. Iż-żewġ deċiżjonijiet huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali differenti, li jappartjenu lil żewġ settijiet ta’ regoli, għalkemm tassew simili u relatati mill-qrib, imma minkejja dan, distinti wkoll.

46.

Dak ma huwiex xi dettall żgħir. Fis-sistema maħluqa mit-Trattati tal-Unjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, l-għażla tal-bażi legali korretta għal att tal-istituzzjonijiet hija ta’ sinjifikat kostituzzjonali. Dik l-għażla tiddetermina jekk l-Unjoni għandhiex il-kompetenza li taġixxi, għal liema għanijiet tista’ taġixxi u l-proċedura li jkollha ssegwi fil-każ li taġixxi.

47.

Meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija użat is-setgħat li ngħatawlha mir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004. Dan huwa sett differenti ta’ setgħat minn dawk li taha t-Trattat KEFA qabel ma skada. Kif ingħad, għalkemm iż-żewġ sistemi huma bejn wieħed u ieħor simili, ma humiex identiċi. L-użu ta’ sett wieħed jew ieħor ta’ setgħat jista’ jkollu ċerti konsegwenzi legali: pereżempju, il-limitu massimu tal-multi li l-Kummissjoni tista’ timponi – kwistjoni li ġiet iddibattuta ħafna matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u fl-ewwel istanza. Ovvjament jista’ jkun hemm oħrajn.

48.

Fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni mminimizzat is-sinjifikat ta’ din il-kwistjoni, u qalet li l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 kellu konsegwenzi limitati, u ħtieġet biss l-użu ta’ bażi legali differenti. Irrispettivament minn jekk dan huwiex veru, l-appellanti kellhom opinjoni differenti u, tista’ tgħid, kienu intitolati li jressqu l-argumenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004. Jidhirli li s-sostituzzjoni tal-bażi legali ta’ att ma tantx tista’ tiġi kklassifikata bħala sempliċi “rettifika ta’ illegalità”, is-sitwazzjoni li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża PVC II.

49.

It-tieni, u iktar importanti, kif imsemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq, ma kienx hemm proċedura – imwettqa skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17/62 u r-Regolament Nru 2842/98 li jikkorrispondu ma dawk previsti issa mir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 – li l-Kummissjoni setgħet tissokta sabiex tipproċedi immedjatament għall-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi kkontestat li l-proċedura stabbilita mir-Regolamenti Nri 17/62 u Nru 2842/98 ma kinitx ġiet segwita kompletament u b’mod konsistenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002.

50.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 34(2) (“Dispożizzjonijiet tranżitorji”) tar-Regolament Nru 1/2003 jgħid: “Passi proċedurali meħuda taħt Regolament Nru 17 […] ħa jkompli jkollu l-effet għal-għan ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament” ( 18 ). Ma hemm l-ebda riferiment espress għall-passi meħudin taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, minkejja l-fatt li dan it-Trattat kien skada ftit xhur biss qabel ma ġie adottat ir-Regolament Nru 1/2003.

51.

Fuq dik il-bażi, l-appellanti jsostnu li kellha tinħareġ dikjarazzjoni ġdida ta’ oġġezzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

52.

F’dak ir-rigward, nosserva, għal darba oħra, li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari tat-12 ta’ Awwissu 2002 fil-fatt inkludiet riferiment għar-Regolament Nru 17/62, imma kienet tirrigwarda biss l-għażla ta’ bażi legali xierqa u kwistjonijiet oħra ġejjin minn dan. Wara li ngħad dan, jista’ forsi jiġi sostnut li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet oriġinali tas-26 ta’ Marzu 2002, kif issupplimentata bl-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1/2003.

53.

Minn naħa, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat ir-rwol ewlieni li għandha d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fi proċeduri għal annullament tar-regoli tal-kompetizzjoni, billi rriferiet għal dak l-att bħala salvagwardja proċedurali essenzjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi ( 19 ). Iżda min-naħa l-oħra, ma jidhirx li hemm differenza kbira bejn id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet adottati skont ir-regoli KEFA u waħda adottata skont ir-regoli KE/UE. Barra minn hekk, għalkemm l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 ma ġietx intitolata “dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, supplimentari”, fil-fatt informat lill-partijiet ikkonċernati bl-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom (anki jekk b’riferiment biss għad-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet ta’ qabel), fejn ingħataw l-opportunità li jikkummentaw, kif rikjest mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

54.

Minkejja dan, jekk il-Kummissjoni ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004 ma hemmx lok li tiġi diskussa iktar billi, fi kwalunkwe każ, huwa ċar li tal-inqas pass proċedurali wieħed ieħor meħud taħt ir-regoli KEFA ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli KE/UE.

55.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li indirizzatilhom dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jressqu l-argumenti tagħhom waqt seduta, jekk jixtiequ hekk. Meta ma ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet komplimentari ġdida, il-Kummissjoni essenzjalment ċaħdet lill-partijiet mid-dritt tagħhom li jitolbu tali seduta. Ma huwiex ikkontestat, kif intqal iktar ’il fuq, li ma saret l-ebda seduta ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

56.

Madankollu, li ssir seduta orali huwa pass proċedurali ta’ sinjifikat kbir fl-iskema prevista mil-leġiżlatura tal-Unjoni għall-eżekuzzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija li, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiġu mistiedna li jieħdu sehem fis-seduta. L-attendenza tagħhom waqt is-seduta ma hijiex sempliċi formalità billi r-rappreżentanti ta’ dawk l-awtoritajiet jifformaw parti mill-Kumitat Konsultattiv li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu kkonsultati mill-Kummissjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni skont, inter alia, l-Artikoli 7 u 23 tal-istess regolament. Għalkemm huwa veru, kif issostni l-Kummissjoni, li ma hemmx ness dirett bejn dawk iż-żewġ passi proċedurali, ma hemmx dubju li tal-ewwel huwa importanti ħafna għal tat-tieni.

57.

Għalhekk, l-appellanti kellu jkollhom l-opportunità li jressqu oralment l-argumenti tagħhom kontra d-deċiżjoni proposta tal-Kummissjoni, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-possibbiltà li l-eżitu tal-proċeduri kien ikun, tal-inqas parzjalment, differenti ma tistax tiġi eskluża billi dawn l-awtoritajiet setgħu influwenzaw lill-Kummissjoni permezz tal-Kumitat Konsultattiv, li fil-fatt iltaqa’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kif jgħid l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha “tieħu l-akbar ħsieb tal-opinjoni mwassla mil-Kumitat Konsultativ. Għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod kif l-opinjoni tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni”. Inżid ngħid li r-rwol tal-Kumitat Konsultattiv huwa partikolarment importanti fis‑sistema deċentralizzata tal-eżekuzzjoni stabbilita bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, kif tixhed il-premessa 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

58.

B’mod kruċjali, il-Qorti Ġenerali nnifisha rrikonoxxiet li s-seduta orali fejn ir-rappreżentanti tal-awtoritjaiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li pparteċipaw qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002 ma kinitx tirrigwarda l-mertu tal-kawża imma biss l-applikazzjoni ratione temporis tat-Trattat KEFA u t-Trattat KE għall-ksur allegat ( 20 ). Għalhekk, is-seduti li saru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002 ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali.

59.

Dibattitu li kien jinvolvi iżjed l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, speċjalment dik Taljana – kemm matul is-seduta u fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv – kien ikun, fil-fehma tiegħi, dejjem iktar xieraq fil-kawża ineżami billi l-ksur allegat jirrigwarda t-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, jiġifieri l-Italja. Barra minn hekk, ma naħsibx li rekwiżit formali bħal dan kien ifisser l-impożizzjoni ta’ piż partikolarment oneruż fuq il-Kummissjoni jew li joħdilha ħafna ħin.

60.

Il-fatt li l-Kummissjoni żammet lil dawn l-awtoritajiet – sabiex nuża l-espressjoni li użat il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati – “informati għalkollox” bl-iżvilupp tal-proċedura permezz ta’ mezzi oħra huwa manifestament irrilevanti ( 21 ). Il-Kummissjoni ma tistax issegwi proċedura sui generis li tinvolvi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru informalment, minflok ma tikkonforma mal-proċedura stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004.

61.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-proċedura segwita mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004. B’mod partikolari, jiena tal-fehma li kien hemm ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 773/2004 u, għaldaqstant, ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

62.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li huwa b’mod żbaljat li s-sentenzi appellati ċaħdu t-talba tal-appellanti fuq din il-kwistjoni, u għalhekk dawn kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.

B – Aggravji oħra

63.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi tal-aggravji eżaminati iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appelli fl-intier tagħhom, b’eċċezzjoni waħda (limitata) fir-rigward tal-appell ta’ Ferriere Nord. F’dan li ġej, ser nindirizza tliet kwistjonijiet biss imressqa fl-appell f’iktar dettall. Il-parti l-kbira tal-aggravji ser jiġu ttrattati minflok, b’mod konċiż biss billi, kif semmejt iktar ’il fuq, jidhru li huma manifestament inammissibbli jew infondati.

1. Tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

64.

Bl-eċċezzjoni ta’ Ferriere Nord, l-appellanti l-oħra kollha jilmentaw dwar it-tul tal-proċedura fl-ewwel istanza ( 22 ). Huma jenfasizzaw li l-proċeduri, b’kollox, damu kważi ħames snin, u jindikaw li għaddew tliet snin u xahrejn bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-ftuħ tal-proċedura orali. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi l-kawżi tagħhom fi żmien raġonevoli, biex b’hekk kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għal dik ir-raġuni, Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tnaqqas il-multa imposta fuqhom, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe ( 23 ). Sussidjarjament, dawn il-kumpanniji jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, minħabba t-tul tal-proċeduri tagħhom, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kisru t-tieni pararafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Riva Fire tagħmel l-istess talba lill-Qorti tal-Ġustizzja.

65.

Jiena tal-fehma li dawk it-talbiet ma għandhomx jirnexxu. Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba sabiex jitnaqqsu l-multi, nosserva dan li ġej.

66.

Kif jirrikonoxxu l-appellanti stess, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’numru ta’ sentenzi, ikkjarifikat ir-rimedji disponibbli għal terzi privati li jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja bħala istituzzjoni), jew iktar speċifikament, waħda mill-qrati tagħha, kisret id-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ fi żmien raġonevoli. Quddiem ksur allegat ta’ dan id-dritt mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi Der Grüne Punkt u Gascogne Sack il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li t-tul eċċessiv tal-proċeduri affettwa l-eżitu tas-sentenza appellata, in-nuqqas li tingħata sentenza fi żmien raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appellant ma jistax jinvoka għal darba oħra l-kwistjoni tal-fondatezza jew tal-ammont ta’ multa, għar-raġuni biss li kien hemm nuqqas li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli, meta t-talbiet kollha tiegħu kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammont ta’ din il-multa u l-aġir li ppenalizzat ġew miċħudin ( 24 ).

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li d-deċiżjoni tagħha fil-kawża Baustahlgewebe kienet iġġustifikata għal raġunijiet ta’ prammatiżmu u ta’ ekonomija ġudizzjarja imma li, bħala prinċipju, talba għall-kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli ma tistax issir direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Talba bħal din għandha tittressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE ( 25 ).

68.

Essenzjalment, il-ġurisprudenza Baustahlgewebe jidhirli li twarrbet mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, f’dawn il-kawżi ma nara l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika li wieħed imur lura għal din il-linja ġurisprudenzali – kieku kellha titqies li għadha applikabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

69.

L-appellanti jsostnu li jkun xieraq li tiġi segwita l-ġurisprudenza Baustahlgewebe f’dawn il-kawżi għaliex il-proċeduri fit-tul tal-Qorti Ġenerali kienu jikkostitwixxu l-aħħar pass tal-proċedura kumplessiva li inkludiet żewġ fażijiet amministrattivi quddiem il-Kummissjoni ( 26 ) u sett ieħor ta’ proċeduri quddiem il-Qrati tal-Unjoni.

70.

Jista’ jkun li s-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha l-appellanti kienet sfortunata imma bl-ebda mod ma kienet eċċezzjonali. Il-possibbiltà għall-impriżi, f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti, li jkollhom l-affarijiet tagħhom eżaminati iktar minn darba mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Unjoni u, skont il-każ, mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Unjoni hija l-konsegwenza naturali ta’ kif min abbozza t-Trattati u l-leġiżlatura tal-Unjoni kkonċepew is-sistema ta’ governanza f’dan il-qasam. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jitlestew numru ta’ passi proċedurali (li tassew jistgħu jieħdu ħafna ħin) qabel deċiżjoni finali tiġi adottata mill-awtorità kompetenti huwa intiż sabiex jiżgura mhux biss eżitu korrett imma anki li l-proċedura nnifisha tkun ġusta.

71.

It-tul tal-proċeduri kumplessivi amministrattivi u ġudizzjarji huwa, l-iktar, element li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija skont l-Artikolu 268 TFUE, għad-determinazzjoni ta’ jekk l-appellanti għadhomx dritt għad-danni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE u, jekk dan huwa hekk, l-ammont ta’ dawn id-danni.

72.

Għalhekk nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, irrispettivament mill-mertu tal-allegazzjonijiet tagħhom, tiċħad it-talba ta’ Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba tal-appellanti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex sempliċiment tiddikjara li kien hemm tali ksur, jiena nussuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din it-talba wkoll.

73.

Bla dubju, f’numru ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, meta jkun ċar fil-kawża quddiemha, mingħajr ma jkun hemm l-ebda bżonn għall-partijiet li jressqu evidenza f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret, b’mod suffiċjentement serju, l-obbligi tagħha li tiddeċiedi l-kawża fi żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel nota ta’ dan il-fatt fis-sentenza tagħha ( 27 ).

74.

Ma jiniex persważ mill-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq din il-kwistjoni mingħajr ma semgħet il-parti responsabbli għal-ksur allegat: fil-fatt il-parti l-oħra fil-proċedura tal-appell kienet il-Kummissjoni, mhux il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Iżda, kif ikkonfermat reċentement il-Qorti Ġenerali, f’azzjoni possibbli għall-ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli mill-QĠUE, jew iktar speċifikament minn waħda mill-qrati tagħha, hija din l-istituzzjoni li għandha titħarrek bħala konvenuta ( 28 ). Jiena naqbel ma’ din il-fehma. Sa mill-1973, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “meta hija involuta [r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni] minħabba att ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, għandha tiġi rrappreżentata quddiem il-qorti mill-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet li kontriha(hom) qed tiġi allegata l-kwistjoni li tagħti lok għar-responsabbiltà” ( 29 ). Wara kollox, hija biss l-istituzzjoni responsabbli għall-ksur allegat li mhux biss għandha l-awtorità, imma anki l-kapaċità materjali, li tressaq l-argumenti legali u fattwali fid-difiża tagħha.

75.

Għaldaqstant, jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirreferu għaliha l-appellanti – li ma ninkoraġġixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja li terġa’ ssegwi fil-futur – tagħmel sens biss jekk tkun limitata għal ċirkustanzi verament eċċezzjonali fejn it-tul tal-proċedura hija tant manifesta u mingħajr dubju irraġonevoli li, oġġettivament, ma tistax tkun iġġustifikata taħt l-ebda ċirkustanza. Ħlief għal dawn il-każijiet eċċezzjonali, ilment ta’ ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli għandha neċessarjament tiġi deċiża wara proċedura inter partes fejn il-konvenut ikun ġie permess iressaq il-kontroargumenti tiegħu u, jekk il-każ, joffri provi insostenn ta’ dan. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ir-raġonevolezza ta’ tali terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tagħha kif ukoll tal-aġir tar-rikorrent u tal-awtoritajiet kompetenti” ( 30 ). Jidhirli li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, din l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha bl-ebda mod ma hija eżerċizzju sempliċi u faċli.

76.

Wara li ngħad dan, għandi nenfasizza li, għalkemm huwa sinjifikattiv, perijodu ta’ kważi ħames snin sabiex tingħata deċiżjoni dwar grupp ta’ kawżi bħal dawn preżenti ma huwiex neċessarjament irraġonevoli. Iktar u iktar billi l-istorja, kollha inkwiet u twila, tal-akkordji fil-qasam tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit quddiem il-Kummissjoni u l-Qrati tal-Unjoni tidher li tindika sitwazzjoni legali pjuttost kumplessa.

77.

Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li l-appellanti jallegaw, perijodu ta’ tliet snin u xahrejn bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-bidu tal-proċedura orali ma jindikax li l-Qorti Ġenerali ma kinitx attiva matul dak il-perijodu. Kif inhu magħruf sew, numru ta’ passi proċedurali jittieħdu f’dan il-perijodu, għalkemm jistgħu ma jkunux apparenti għall-partijiet. Personalment, jiena pjuttost xettiku li t-tul tal-perijodu bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-bidu tal-proċedura orali tista’ titqies bħala sinjal ta’ inerzja min-naħa tal-Qorti Ġenerali ( 31 ). B’mod iktar ġenerali, jidhirli li huwa artifiċjali għalija li l-proċedura kumplessiva tinqasam f’fażijiet differenti, sabiex tiġi evalwata r-raġonevolezza ta’ kemm iddum fażi waħda jew iżjed f’iżolament totali mill-fażijiet l-oħrajn: it-tul kumplessiv tal-proċeduri jidhirli li huwa punt ta’ riferiment iktar xieraq.

78.

Għalhekk, jiena tal-fehma li, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex fil-pożizzjoni msemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq. Fil-kawżi inkwistjoni, il-produzzjoni mill-partijiet ta’ argumenti u ta’ provi supplimentari matul il-proċedura inter partes tidher li hija neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ taġġudika jekk it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienx irraġonevoli ( 32 ).

79.

Bħala konklużjoni, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Jekk l-appellanti jikkunsidraw li, fit-trattazzjoni tal-kawża tagħhom, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jistgħu jagħmlu kawża għad-danni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340(2) TFUE.

2. Ksur ripetut

80.

Fis-seba’ aggravju tagħha, Ferriere Nord issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħditilha l-allegazzjoni tagħha li ż-żieda tal-multa imposta għal raġunijiet ta’ ksur ripetut kienet illeġittima għaliex il-Kummissjoni ma rriferietx espressament għal din iċ-ċirkustanza aggravanti fid-dikarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha tas-26 ta’ Marzu 2002. Il-Kummissjoni qalet sempliċiment li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha attenwanti u aggravanti meta tiffissa l-multi, fid-dawl tal-aġir ta’ kull impriża. Stqarrija vaga bħal din hija kif issostni Ferriere Nord, tista’ tgħid li ma hijiex adegwata sabiex tippermetti lil impriża li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

81.

Barra minn hekk, fit-tmien aggravju, Ferriere Nord tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għar-reviżjoni tal-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti huwa l-perijodu bejn il-konstatazzjoni tal-ewwel ksur mill-Kummissjoni u l-bidu tal-aġir illegali ġdid mill-istess impriża. Ferriere Nord hija tal-fehma li dan il-perijodu għandu minflok jibda fil-jum meta l-ewwel ksur ikun waqaf. Fil-każ tagħha, dan ikun ifisser li xi 13-il sena jkunu għaddew bejn l-ewwel u t-tieni ksur. Minħabba t-tul ta’ dak il-perijodu, tista’ tgħid li ma huwiex impossibbli li l-maniġment tagħha ma kienx jaf bl-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni u, għalhekk, skont il-prinċipju in dubio pro reo, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ ksur ripetut ma kellhiex tiġi applikata.

82.

Fl-aħħar nett, bid-disa’ aggravju, Ferriere Nord tgħid li – kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ r-raba’ aggravju tagħha ( 33 ) – il-ksur ikollu jiġi kkunsidrat inqas serju minn dak allegat fid-deċiżjoni kkontestata. Jekk dan huwa hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta interpretat u applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità: żieda ta’ 50 % tal-multa għal aġir inqas serju tidher li hija sproporzjonata.

83.

Se nibda bit-tmien aggravju.

84.

Qabel kollox, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li ksur ikun ripetut (magħruf komunement bħala “reċidiva”) huwa fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq il-kontravventur ( 34 ). Kif spjegat il-Qorti Ġenerali, ir-raġuni hija li “ksur ripetut jikkostitwixxi prova li s-sanzjoni imposta qabel ma kinitx biżżejjed ta’ deterrent” ( 35 ). Ir-reċidiva għalhekk titqies bħala li tiġġustifika multi ogħla ( 36 ), sabiex il-ħati jiġi persważ jibdel l-aġir tiegħu fil-futur ( 37 ).

85.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li, sabiex jiġu osservati l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-proprozjonalità, kull żieda fil-multa imposta fuq impriża fuq il-bażi ta’ reċidiva ma tistax tkun awtomatika. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari ż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur li qed jiġi investigat u ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 38 ).

86.

F’dan l-isfond, it-tmien aggravju ta’ Ferriere Nord jidher infondat. L-ewwel nett, jiena tal-fehma li l-metodu segwit mill-Qorti Ġenerali għall-kalkolu tal-perijodu inkwistjoni – iż-żmien li għadda bejn il-konstatazzjoni tal-ewwel ksur mill-Kummissjoni u l-bidu tal-aġir illegali ġdid mill-istess impriża – huwa korrett, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 342 u 343 tas-sentenza appellata: ksur ripetut neċessarjament jirrikjedi il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ksur preċedenti, u jibda jeżisti meta jibda l-aġir bi ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-perijodu inkwistjoni f’din il-kawża ammonta għal inqas minn erba’ snin.

87.

It-tieni nett, il-fatt li persuna waħda jew iżjed fit-tmexxija kurrenti tal-kumpannija setgħet injorat l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni, jew il-konsegwenzi legali ġejjin minnha, ma hijiex importanti ( 39 ). L-ewwel nett, diffiċli titwemmen l-allegazzjoni li l-maniġment anzjan ta’ Ferriere Nord seta’ ma kienx jaf bid-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni rriferiet fis-seduta għal dokument, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, li wera li, fl-1997, it-tmexxija ta’ Ferriere Nord kienet taf bid-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni kif ukoll bil-ksur il-ġdid li kien għadu għaddej. Ferriere Nord dan ma kkontestatux. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni 89/515/KEE ( 40 ) ġiet ikkontestata fil-qrati tal-Unjoni minn Ferriere Nord fi proċeduri li ntemmu f’Lulju 1997 ( 41 ). F’dan il-kuntest, ta’ min jindika li prospetti finanzjarji jeħtieġu li kumpannija tiżvela l-passiv kontinġenti, li jinkludi telf u l-multi mistennija mill-eżitu tal-litigazzjoni ( 42 ). Għalhekk, jidhirli li negozjant diliġenti u prudenti ma setax, u ma kellux, jinjora l-eżistenza tad-deċiżjoni preċedenti.

88.

Madankollu, iktar importanti huwa li t-tmexxija hija preżunta ġeneralment li taf kif impriża taġixxi – jew aġixxiet, fil-passat riċenti – fis-suq. Ma hemmx bażi sabiex jiġi argumentat li impriża għandha taħrab mir-responsabbiltà għas-sempliċi fatt li t-tmexxija tagħha setgħet injorat ċertu aġir. Impriża għandha tkun legalment responsabbli għall-aġir passat u preżenti tagħha, indipendentement minn jekk ċerti individwi fit-tmexxija (jew xi korpi tal-kumpannija) kinux jafu jew le b’ċertu aġir speċifiku tal-impriża. Għandu jkun enfasizzat, f’dan il-kuntest, li dawn il-kawżi jirrigwardaw inter alia, multa imposta fuq Ferriere Nord u mhux waħda imposta fuq individwi li jkollhom ċerti pożizzjonijiet ġewwa din il-kumpannija.

89.

Insegwitu, fir-rigward tas-seba’ aggravju invokat minn Ferriere Nord, nosserva li, fis-sentenza Versalis, li tittratta speċifikament iċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkjarifikat li meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li timputa dik iċ-ċirkustanza aggravanti lil impriża responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, “id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lil din il-persuna ġuridika tiddefendi ruħha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-Kummissjoni għandha tipprovdi, diġà fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, l-elementi sabiex isostnu l-allegazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti huma ssodisfatti ( 43 ).

90.

Din il-ġurisprudenza tfisser li l-Kummissjoni ma hijiex neċessarjament meħtieġa, f’kull każ, li tirreferi espliċitament fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għaċ-ċirkustanzi aggravanti kollha li tista’ tapplika lil impriża investigata. Madankollu, u min-naħa l-oħra, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fis-sottomissjonijiet tagħha, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn tassew tista’ tkun meħtieġa li ssemmi espliċitament ċirkustanza aggravanti li fihsiebha tapplika lil impriża partikolari. Jiena naqbel ma’ din il-fehma: l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu ma jkunux faċilment jinftiehmu fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. U tassew ma huwiex il-kompitu ta’ impriża li tipprova taqta’ x’inhuma l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u tressaq kull linja difensjonali konċepibbli kontra kull fattur aggravanti li l-Kummissjoni tista’ tipprevedi li japplika. Jekk l-informazzjoni inkluża f’dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet partikolari hijiex biżżejjed sabiex tippermetti impriża li teżerċita d-drittijiet tad-difiża kollha tagħha, minkejja l-fatt li ma hemm l-ebda riferiment espress fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, għalhekk jiddependi fuq ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

91.

Fil-każ preżenti, kif tindika Ferriere Nord, ir-riferiment inkluż fl-ewwel dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet – li jindika li l-Kummissjoni se tikkunsidra ċ-ċirkustanzi mitiganti u aggravanti kollha meta tiffissa l-multi, fid-dawl tal-aġir ta’ kull impriża – huwa pjuttost vag. Madankollu, dak ma jfissirx li inevitabbilment huwa inadegwat. Dan ir-riferiment jista’ jiġi kkunsidrat adegwat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tiegħu u l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, l-impriża kienet minkejja dan kapaċi li tantiċipa l-applikazzjoni probabbli ta’ ċirkustanza aggravanti partikolari u r-raġunijiet għaliha.

92.

Huwa veru li, f’dan il-każ, il-kumpannija li wettqet il-ksur ripetut kienet, diversament mis-sentenza Versalis, l-istess kumpannija: fl-1989 Ferriere Nord kienet verament instabet responsabbli ta’ ksur ta’ (dak li issa huwa) l-Artikolu 101 TFUE f’deċiżjoni li kienet – kif tikkonċedi Ferriere Nord – imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, anki jekk inċidentalment. Huwa veru wkoll li, kif spjegat fil-punt 86 iktar ’il fuq, il-perijodu li għadda bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti u l-bidu ta’ ksur ġdid huwa relattivament qasir. Madankollu, il-Kummissjoni kellha, bħala minimu, tindika r-raġunijiet għaliex kienet tal-fehma li l-ksur preċedenti u l-ksur ġdid kienu jikkostitwixxu “ksur […] ta’ l-istess tip” għall-finijiet tal-Linji gwida tal-1998 ( 44 ). Għalkemm illum il-ġurnata dan jista’ jidher relattivament ovvju, bilkemm kien hemm ġurisprudenza li tittratta l-ksur ripetut fl-2002. L-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni fuq dan il-punt fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għamlet diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża ta’ Ferriere Nord.

93.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi tat-tieni aggravju ta’ Ferriere Nord, għandha madankollu taċċetta s-seba’ aggravju. Għalhekk, is-sentenza fil-Kawża T‑90/10 għandha tiġi annullata fil-parti li tirrigwarda l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti tal-ksur ripetut. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll, fil-fehma tiegħi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, u tiddetermina mill-ġdid il-multa imposta fuq Ferriere Nord mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti tal-ksur ripetut.

94.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat id-disa’ aggravju tal-appell ta’ Ferriere Nord. Fi kwalunkwe każ, jiena nikkunsidra li dak l-aggravju tal-appell huwa infondat billi, kif se nispjega fil-punti 117 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, ir-raba’ aggravju tal-appell ukoll għandu jiġi miċħud.

3. Iddistakkar pubbliku

95.

Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai ( 45 ) jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat il-kunċett ta’ “iddisktakkar pubbliku”, u għalhekk ikkonfermat, b’mod żbaljat, il-parteċipazzjoni tagħhom f’ċerti partijiet tal-ksur, minkejja l-fatt li kienu ppubblikaw prezzijiet differenti minn dawk miftiehma mal-kompetituri tagħhom. F’dan il-kuntest, huma jenfasizzaw li l-Artikolu 60 KEFA kien jipprojbixxi lill-kumpanniji milli jiddiskriminaw bejn klijenti u milli ma jżommux mal-prezzijiet ppubblikati.

96.

Għalkemm ma jiniex konvint minn dan l-argument, madankollu jixraqlu analiżi iktar fil-fond.

97.

Fil-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza Total Marketing Services, jiena kelli l-opportunità li nindika li n-nuqqas ta’ ddistakkar pubbliku huwa element li jista’ jappoġġa l-preżunzjoni, ibbażata fuq indizji speċifiċi miġbura mill-Kummissjoni, li impriża li kienet ipparteċipat f’laqgħat antikompetittivi tista’ tiġi kkunsidrata li pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fi kliem ieħor, jekk impriża tipparteċipa mal-kompetituri tagħha f’laqgħat li minnhom jirriżulta ftehim antikompetittiv, it-teknika ta’ preżunzjonijiet tagħmilha possibbli li wieħed jiddeduċi, sakemm ma jintweriex espressament il-kuntrarju, li l-kumpannija ħadet sehem fil-ksur. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriża ma tiddistakkax lilha nnifisha pubblikament ma jagħmilx tajjeb għall-assenza ta’ prova ta’ parteċipazzjoni, għalkemm passiva, f’laqgħa b’għan antikompetittiv ( 46 ).

98.

Konklużjoni differenti fil-fatt tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza rrikonoxxuta fl-Artikolu 48(1) tal-Karta u hija inkonsistenti mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 47 ). Bl-istess mod, fl-eżami tal-evidenza miġjuba dwar l-iddistakkar pubbliku allegat minn impriża, il-kunċett ta’ “iddistakkar pubbliku” li għandu jiġi applikat ma jistax ikun tant dejjaq u riġidu li jsir prattikament impossibbli għal din l-impriża li tirribatti l-preżunzjoni.

99.

Madankollu, il-kritika ewlenija f’dawn il-kawżi ma hijiex li l-Qorti Ġenerali interpretat jew applikat ħażin il-kunċett ta’ “iddisktakkar pubbliku”. Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai fil-fatt attendew, fil-perijodu inkwistjoni, laqgħa waħda jew iżjed antikompetittivi ( 48 ) u kien hemm indizji oħrajn li indikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-aġir kollużiv ( 49 ). Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai lanqas ma jsostnu li l-Qorti Ġenerali poġġiet fuqhom oneru ta’ prova impossibbli. Essenzjalment huma jikkontestaw il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ċertu aġir (pubblikazzjoni ta’ prezzijiet differenti minn dawk miftiehma mal-kompetituri tagħhom) ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ “iddistakkar pubbliku”.

100.

Madankollu, dak ma huwiex żball ta’ liġi suġġett għar-reviżjoni fl-appell. Kif qalet l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Toshiba ( 50 ), il-kunċett ta’ “iddisktakkar pubbliku” jirrifletti sitwazzjoni fattwali, li l-eżistenza tagħha hija ddeterminata mill-Qorti Ġenerali, fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-provi u l-indizji rilevanti kollha. Sakemm dawn il-provi nkisbu sew u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u tar-regoli ta’ proċedura fir-rigward tal-oneru tal-prova u l-amministrazzjoni tal-prova ġew osservati, hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha tevalwa l-valur li għandu jkun marbut mal-provi mressqa quddiemha ( 51 ).

101.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li, fir-rigward tal-perijodu kkontestata minn Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai, il-Kummissjoni kienet ippruvat b’mod adegwat il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-impriżi fil-ksur fuq il-bażi ta’ ċertu numru ta’ indizji (fosthom l-attendenza f’laqgħa waħda jew iżjed b’għan antikompetittiv). Il-fatt li Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai kkommunikaw lill-pubbliku prezzijiet differenti minn dawk miftiehma mal-membri l-oħra tal-akkordju ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali li jikkostitwixxi, fih innifsu, att ta’ “iddistakkar pubbliku” li jista’ jirribatti l-konklużjoni miġbuda minn dawn l-indizji l-oħra.

102.

Sabiex tiddefinixxi aprijoristikament x’jikkostitwixxi att adegwat ta’ “iddistakkar pubbliku” ċertament ma huwiex faċli. Jekk aġir partikolari jissodisfax jew le dak ir-rekwiżit, fil-fehma tiegħi, jiddependi ħafna fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. F’dawn il-kawżi, jiena ma nsib l-ebda żball fis-sentenzi appellati: ma nara l-ebda distorsjoni tas-sens ċar tal-provi, l-ebda ksur ta’ xi prinċipju ġenerali tad-dritt jew regola ta’ proċedura u l-ebda kontradizzjoni fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tagħha jidhru li huma konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li sabiex jiġi evalwat jekk impriża attwalment iddistakkatx lilha nnifisha, wieħed mill-elementi ewlenin huwa l-konoxxenza tal-parteċipanti l-oħra ta’ akkordju tal-intenzjoni ta’ din l-impriża ( 52 ). Għaldaqstant, jekk f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda element li jindika l-fatt li l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-prezzijiet kien mifhum mill-membri l-oħra tal-akkordju bħala sinjal mhux abigwu li Feralpi, Valsabbia u Alfa Acciai ma kellhomx intenzjoni li jaderixxu mal-kollużjoni, dak il-fatt jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjoni li ma kienx hemm iddistakkar pubbliku għall-finijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4. L-aggravji l-oħra

103.

Fil-fehma tiegħi l-aġġravji l-oħra jimmeritahom eżami spedittiv.

a) Kawża C‑85/15 P

104.

Fl-ewwel aggravju tagħha, Feralpi tallega li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tagħha ta’ ksur allegat tal-prinċipju tal-kolleġjalità mill-Kummissjoni. Dak il-ksur allegatament jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2009, kif adottata mill-kulleġġ tal-Kummissarji, ma kinitx kompleta billi l-annessi tagħha kien jonqoshom ċerti tabelli. Fil-fehma tiegħi dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli (sa fejn ipoġġi fid-dubju l-evalwazzjonijiet ta’ fatti inklużi fil-paragrafi 62 sa 81 tas-sentenza fil-Kawża T‑70/10) u parzjalment infondat (billi d-deċiżjoni li temenda tat-8 ta’ Diċembru 2009 kienet adottata wkoll mill-kulleġġ tal-Kummissarji).

105.

Bit-tielet aggravju tagħha, Feralpi tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ċċensuratx it-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Madankollu, fil-punti 152 sa 161 tas-sentenza appellata, nikkonstata li ma nsib la żball ta’ liġi u lanqas motivazzjoni inadegwata. Barra minn hekk, sa fejn Feralpi tilmenta dwar l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali msemmija fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, dan l-aggravju huwa inammisibbli.

106.

Fir-raba’ aggravju tagħha, Feralpi tgħaqqad flimkien diversi punti ta’ kritika tas-sentenza appellata dwar l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-perijodu 1989-1995. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 65(1) KEFA, il-prinċipji relatati mal-allokazzjoni tal-oneru tal-prova, kif ukoll il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, is-sentenza appellata, skont Feralpi, ma fihiex motivazzjoni adegwata u tagħmel distorsjoni ta’ ċerti fatti.

107.

Fil-punti 95 sa 102 iktar ’il fuq, wieħed minn dawk l-argumenti diġà ġie ttrattat. Fir-rigward tal-argumenti l-oħra, jiena tal-fehma li, kif tindika l-Kummissjoni, minkejja li tinvoka żbalji allegati ta’ liġi, Feralpi primarjament tpoġġi fid-dubju l-evalwazzjonijiet ta’ fatt li għamlet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-involviment ta’ Feralpi fil-perijodu msemmi iktar ’il fuq. Billi l-appellanti ma tistax turi li hemm distorsjoni ċara ta’ fatti jew evidenza mwettqa mill-imħallfin tal-ewwel istanza, dan l-aggravju tal-appell huwa fil-biċċa l-kbira inammissibbli. Fir-rigward tal-provi li qagħdet fuqha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni, Feralpi tinjora diversi siltiet tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali fil-fatt issemmi evidenza li ma hijiex il-parteċipazzjoni ta’ Feralpi fil-laqgħa tas-6 ta’ Diċembru 1989: fil-punti 240 sa 246 u 250 sa 252, il-Qorti Ġenerali tirreferi għal indizji oħrajn u tispjega għaliex l-ispjegazzjoni alternattiva li tat l-appellanti ma kinitx konvinċenti.

108.

Il-ħames aggravju jirrigwarda l-metodu tal-iffissar ta’ multi mill-Kummissjoni, li qasam lill-impriżi responsabbli fi tliet gruppi, fuq il-bażi tas-sehem mis-suq rispettiv tagħhom matul il-perijodu rilevanti. F’dan l-aggravju tal-appell Feralpi, għal darba oħra, tgħaqqad flimkien żbalji allegati ta’ liġi differenti. Madankollu, l-argumenti tagħha huma msemmija fil-qosor biss u l-kritika tidher li hija diretta l-iktar kontra l-Kummissjoni u mhux kontra l-Qorti Ġenerali. Għalhekk jiena tal-fehma li dan l-aggravju huwa inammisibbli.

109.

Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kellha tiċċensura lill-Kummissjoni għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tidher illoġika. Huwa veru li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm żball fil-kalkolu tal-ishma fis-suq ta’ wieħed minn dawn it-tliet gruppi. Madankollu, dan l-iżball ma jfissirx li l-multa tal-impriżi li jappartjenu liż-żewġ gruppi l-oħra (inkluża Feralpi) kellha tiġi adattata. Dak l-iżball pjuttost jindika li l-multi imposti fuq l-impriżi li jappartjenu lil dan il-grupp jistgħu jinbidlu. Sa fejn il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi li jappartjenu liż-żewġ gruppi oħra huwa korrett, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ċaħdet talba għal tnaqqis tal-multi.

b) Kawżi magħquda C‑86/15 P u C‑87/15 P

110.

Bit-tielet aggravju tagħhom, Valsabbia u Alfa Acciai jissottomettu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talbiet tagħhom li allegaw ksur tal-prinċipju tal-kolleġjalità mill-Kummissjoni. Għar-raġunijiet spjegati fil-punt 104 iktar ’il fuq, dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

111.

Bis-sitt aggravju tagħhom, Valsabbia u Alfa Acciai jsostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talbiet tagħhom li allegaw ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u meta rrifjutat li tnaqqas l-ammont tal-multa. Fil-fehma tagħhom, it-tul tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kellu jitqies bħala eċċessiv. Għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-punt 105 iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

112.

Is-seba’ aggravju ta’ Valsabbia u Alfa Acciai huwa essenzjalment, analogu mal-ħames aggravju ta’ Feralpi: jirrigwarda r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tnaqqas l-ammont ta’ multi għal raġunijiet ta’ ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba żball fil-kalkolu tal-multi fir-rigward ta’ impriżi oħrajn. Jiena diġà spjegajt li din l-allegazzjonima għandha l-ebda bażi fid-dritt, fil-punt 109 iktar ’il fuq.

c) Kawża C‑88/15

113.

Fl-ewwel aggravju tagħha, Ferriere Nord issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija sostanzjalment differenti mid-deċiżjoni tal-2002 għaliex tal-ewwel tirriferi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni filwaqt li tal-aħħar tirreferi għal ksur fis-suq Taljan. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li dikjarazzjoni ġdida ta’ oġġezzjonijiet ma kinitx meħtieġa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

114.

Dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq interpretazzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Trattati KEFA u FUE, jew għall-inqas fuq interpretazzjoni ħażina tas-sentenza appellata. Kieku l-Kummissjoni bidlet il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni tagħha, mill-Artikolu 65(1) KEFA għall-Artikolu 101(1) TFUE, l-argument kien ikun jimmeritah analiżi iktar mill-qrib. Fil-fatt, diversament mill-Artikolu 65(1) KEFA, l-Artikolu 101(1) TFUE japplika biss għal ftehim li jolqot “il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Madankollu, iż-żewġ deċiżjonijiet jirrigwardaw ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA li jipprojbixxi l-ftehimiet li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni “ġewwa s-suq komuni”. Għalhekk, huwa immaterjali jekk it-test tad-deċiżjoni (jew tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet) jirriferixxix għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Taljan (kif tagħmel id-deċiżjoni tal-2002) jew għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (kif tagħmel id-deċiżjoni kkontestata). Kważi ma hemmx bżonn li jiġi indikat, f’dan il-kuntest, li ftehim li jkopri t-territorju Taljan fil-fatt jissodisfa dan il-kriterju billi s-suq Taljan huwa parti sinjifikattiva tas-suq komuni.

115.

Bit-tielet aggravju tagħha, Ferriere Nord issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ma ċċensuratx ksur allegat tar-regolament intern tal-Kummissjoni. Ferriere Nord tindika li r-rapport tal-Uffiċjal tas-Seduta anness mal-abbozz tad-deċiżjoni mibgħuta lill-kulleġġ tal-Kummissarji għal-laqgħa tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2009 sar biss bl-Ingliż, bil-Franċiż u l-Ġermaniż, u mhux bit-Taljan. Dak hu bi ksur tar-regolament intern tal-Kummissjoni.

116.

Jiena naqbel mal-Qorti Ġenerali li l-argumenti ta’ Ferriere Nord fuq dan il-punt huma inoperattivi. Il-qrati tal-Unjoni qalu ripetutament li n-nuqqas minn istituzzjoni li tikkonforma ma’ sempliċi regola proċedurali interna ma tistax trendi d-deċiżjoni finali illegali sakemm ma tkunx biżżejjed sostanzjali u kellha effett dannuż fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-parti li tallega irregolarità proċedurali ( 53 ). Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda element li jpoġġi dubji fuq l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li għamlet il-Qorti Ġenerali sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li ma ntwerew l-ebda effetti dannużi fuq il-pożizzjoni ta’ Ferriere Nord.

117.

Ir-raba’ aggravju ta’ Ferriere Nord – li jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur – huwa inammissibbli fil-fehma tiegħi. Għal darba oħra l-argumenti, essenzjalment, ipoġġu fid-dubju l-evalwazzjoni ta’ fatt li għamlet il-Qorti Ġenerali.

118.

Bil-ħames aggravjutagħha, Ferriere Nord tgħid li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa b’6 % sabiex jitqies il-fatt li Ferriere Nord ma ħaditx sehem f’parti mill-ftehim antikompetittiv għal tliet snin, hija inadegwata. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ appell, sabiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur, imwettaq minnhom, tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 54 ). F’dan il-każ, ma nara l-ebda element li juri li l-ammont finali tal-multa impost fuq Ferriere Nord jista’ jkun sproporzjonat jew eċċessiv. Lanqas ma nara, fis-sentenza appellata, xi nuqqas ta’, jew kontradizzjoni fil-motivazzjoni.

119.

Fl-aħħar nett, bis-sitt aggravju tagħha, Ferriere Nord tallega li l-Qorti Ġenerali għamlet żball fil-kalkolu tal-ammont tal-multa li naqqset b’6 %. Filwaqt li qalet li t-tnaqqis jiġi applikat għall-ammont bażiku, hija mbagħad applikatu bħala ċirkustanza mitiganti, u għalhekk waslet għal tnaqqis kemxejn iżgħar.

120.

Mill-bidu, nixtieq nindika li l-linji preċiżi li jiddelinjaw il-kunċett ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għadhom ma humiex ċari. Jekk parti tistax tikkontesta l-ammont ta’ multa indipendentement minn żball allegat magħmul mill-Kummissjoni għadha kwistjoni miftuħa. Madankollu, din ma hijiex kwistjoni fil-proċeduri tal-lum billi l-Qorti Ġenerali fil-fatt sabet żball fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Ferriere Nord fil-ksur u, bħala konsegwenza, iddeċidiet li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq din l-impriża. Il-vera domanda hawnhekk tidher li hija jekk il-Qorti Ġenerali hijiex marbuta li ssegwi ċerti kriterji jew prinċipji meta tirrivedi multa minħabba l-iżbalji kkonstatati f’deċiżjoni kkontestata minn rikorrent.

121.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Galp ( 55 ) tidher li tindika li hemm limiti x’jistgħu jagħmlu l-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom fuq il-multi imposti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003. Jiena naqbel. Għalkemm ma hemmx bżonn li din il-kwistjoni tiġi approfondita iktar, għandi tal-inqas ngħid li ċerti restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Qrati tal-Unjoni, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom neċessarjament jirriżultaw minn prinċipji bħal, pereżempju, il-proporzjonalità, iċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza fit-trattament. Iżda ma nara f’din il-kawża l-ebda argument konvinċenti dwar għaliex il-Qorti Ġenerali setgħet eżerċitat ħażin il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

122.

Għalkemm it-test tas-sentenza appellata ma tantx huwa mudell ta’ ċarezza fuq dan il-punt, ma huwiex ikkontestat li l-Qorti Ġenerali ddeterminat l-ammont imnaqqas tal-multa ta’ Ferriere Nord billi eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, u li, bħala prinċipju, għażlet li ssegwi l-metodu propost mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-1998 (li ovvjament huwa l-metodu applikat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata).

123.

F’dak l-isfond, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Ferriere Nord f’parti mill-ksur bħala ċirkustanza mitiganti. Dak huwa verament l-approċċ korrett skont il-Linji gwida tal-1998. Dawk il-linji gwida fil-fatt jirreferu għall-gravità u t-tul bħala elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddetermina l‑ammont bażiku. Madankollu, huwa ċar li dawn l-elementi għandhom jiġu apprezzati fir-rigward tal-ksur kumplessiv. Dan huwa għaliex il-Kummissjoni, fid-dawl tal-gravità u t-tul tal-ksur kumplessiv, poġġiet flimkien l-impriżi responsabbli fi tliet gruppi differenti, skont il-partijiet fis-suq rispettivi tagħhom. Kif jispeċifikaw il-Linji gwida tal-1998, it-trattament iddifferenzjat applikat meta jiġi ddeterminat l-ammont bażiku huwa ċċentrat l-iktar fuq “il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni, partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”.

124.

Fil-kawża ineżami, ma hemm l-ebda element li jindika li l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Ferriere Nord, għal perijodu partikolari, f’parti mill-ksur kellu effett fuq il-gravità (jew it-tul) tal-ksur kumplessiv. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet korretta li tikkunsidra l-kontribuzzjoni ġenerali ta’ Ferriere Nord fil-kartell bħala fattur li jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiganti.

125.

F’dan il-kuntest, jista’ jkun utli li wieħed ifakkar li, fil-kawża Solvay Solexis il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-Kummissjoni hija, skont il-Linji gwida tal-1998, intitolata li tikkunsidra l-gravità minuri tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, jew għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, jew bħala ċirkustanza mitiganti għat-tnaqqis tal-ammont bażiku ( 56 ). Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħti lill-Kummissjoni carte blanche fuq dan il-punt. Dik il-ġurisprudenza pjuttost tfisser li, jekk il-gravità minuri tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkulat l-ammont bażiku jew meta jiġu applikati ċ-ċirkustanzi attenwanti, dan jiddependi fuq il-fatti speċifiċi ta’ kull każ. Dan il-prinċipju jidhirli li huwa applikabbli a fortiori għall-Qorti Ġenerali meta teżerċita ġurisdizzjoni illimitata fuq multa imposta mill-Kummissjoni.

d) Kawza C‑89/15 P

126.

Bit-tieni aggravju tagħha, Riva Fire tikkontesta t-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa bi 3 % deċiż mill-Qorti Ġenerali. Riva Fire tikkunsidra li: (i) it-tnaqqis huwa inadegwat u (ii) il-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt hija kontradittorju jew fi kwalunkwe każ insuffiċjenti.

127.

L-argumenti prinċipali ta’ Riva Fire jikkorrispondu, fil-biċċa l-kbira, ma’ dawk imressqin fil-ħames u s-sitt aggravju ta’ Ferriere Nord u għalhekk għandhom jiġu miċħudin għar-raġunijiet spjegati fil-punt 118 sa 125 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-kontenzjoni ta’ Riva Fire li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta żammet lil Riva Fire responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħrajn, jiena nsib dan l-argument inammissibbli (sa fejn jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Riva Fire fi ksur wieħed u kontinwu) u mhux fondat (fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 116 u 214 tas-sentenza fil-kawża T‑83/10). Fl-aħħar nett, l-argument ta’ Riva Fire li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-impriża ma kinitx iddistakkat lilha nnifisha mill-akkordju huwa inammissibbli fl-appell ( 57 ).

128.

Fit-tielet aggravju tagħha Riva Fire ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-parteċipazzjoni ta’ Riva Fire fil-ftehim ta’ Diċembru 1998 u, għaldaqstant, li ħadet inkunsiderazzjoni dak il-fatt fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju huwa inammissibbli, billi Riva Fire essenzjalment qed tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u l-provi tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, jekk Riva Fire kkontestatx il-parteċipazzjoni tagħha f’dak il-ftehim waqt il-proċeduri tal-ewwel istanza ( 58 ) ma huwa tal-ebda rilevanza, billi l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ provi b’dokumenti, u mhux permezz ta’ preżunzjonijiet, kif allegat b’mod żbaljat Riva Fire.

129.

Fl-aħħar nett, bir-raba’ aggravju tagħha, Riva Fire tikkritika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar iż-żieda ta’ 375 % fl-ammont bażiku tal-multa sabiex jiġi żgurat li l-multa imposta kellha effett deterrenti. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-riferiment fil-punt 604 tad-deċiżjoni kkontestata għall-involviment tat-tmexxija f’livell għoli ta’ Riva Fire (u ta’ Lucchini/Siderpotenza) fil-ksur sar sempliċiment għal finijiet ta’ kompletezza. L-ammont taż-żieda kien – skont il-Qorti Ġenerali – ibbażat biss fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ dawk il-kumpanniji fis-suq rilevanti ( 59 ).

130.

Huwa minnu li t-tifsira tal-punt 604 tad-deċiżjoni kkontestata ma tantx hija ċara. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ din is-silta li għamlet il-Qorti Ġenerali hija waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli u Riva Fire ma tissottometti l-ebda element konkret li juri li l-Qorti Ġenerali għamlet distorsjoni tas-sens ċar tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi argumenti li ressqet Riva Fire kontra ż-żieda ta’ 375 % u ċaħdithom fil-mertu ( 60 ). Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, mhux fondat.

VI – Konsegwenzi tal-evalwazzjoni

131.

Kif imsemmi fil-punti 23 sa 25 u 63 iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-aggravji li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, is-sentenzi appellati kif ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

132.

Iżda, jekk, minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi ta’ dawn l-aggravji, l-appelli għandhom jiġu miċħudin kollha kemm huma, ħlief fir-rigward tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ ksur ripetut għal Ferriere Nord.

VII – Spejjeż

133.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti rebbieħa.

134.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata, bħala prinċipju, għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm tal-ewwel istanza, kif ukoll tal-appell.

135.

Madankollu, ma nistax ma ninnotax li l-appelli kollha ppreżentati mill-appellanti huma (eċċessivament, fil-fehma tiegħi) twal u kumplessi. Ċerti aggravji huma komposti minn diversi partijiet imma l-argumenti għal kull parti mhux neċessarjament ġew spjegati tajjeb. Barra minn hekk, ċerta kritika ġiet ripetuta kważi f’kull aggravju tal-appell: pereżempju, l-allegazzjoni li l-motivazzjoni fis-sentenza appellata kienet mankanti jew inadegwata. Imma invarjabbilment ikkonstatajt li l-Qorti Ġenerali spjegat għaliex waslet għal konklużjoni partikolari u, sostanzjalment, l-appellanti kienu qed jikkontestaw biss il-korrettezza ta’ din il-motivazzjoni. Ovvja kemm hi ovvja, għandi nenfasizza li hemm differenza bejn li tallega n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tindirizza (għalkollox jew b’mod adegwat) pretenzjoni partikolari u li tallega li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ttrattat argument.

136.

Fl-aħħar nett, diversi aggravji kienu manifestament inammissibbli jew infondati. Pereżempju, minkejja li ġew invokati żbalji allegati ta’ liġi, numru ta’ aggravji kkontestaw b’mod ċar il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li għamlet il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dwar diversi kwistjonijiet li qajmu l-appellanti, hemm linja ġurisprudenzjali stabbilita sew li tmur kontra l-argumenti tal-appellant. L-appellanti ma ressqu l-ebda argument konvinċenti biex jiddistingwu l-każijiet tagħhom mill-preċedenti, jew sabiex jiġġustifikaw li ma jiġux applikati.

137.

Fil-qosor, ma nistax ninjora l-fatt li l-maġġoranza tal-aggravji tal-appellanti għandhom jiġu miċħudin u li l-appellanti kellhom ikunu konsapevoli ta’ dan. Dan huwa veru wkoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-proċeduri fl-ewwel istanza. Il-pożizzjoni tal-appellanti f’dawn il-proċeduri, fil-fehma tiegħi, ma tikkontribwixxix għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi deċiża l-allokazzjoni tal-ispejjeż.

138.

Wara li ntqal dan, ma jistax jiġi injorat li l-Kummissjoni kkontribwixxiet għall-kumplessità u t-tul mhux meħtieġa ta’ dawn il-proċeduri billi ssottomettiet numru konsiderevoli ta’ oġġezzjonijiet ta’ inammissibblità li b’mod ċar ma kellhomx bażi. F’ħafna każijiet, kien ovvju li l-appellanti kienu qajmu punt ta’ liġi u ma kinux qed jikkontestaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatti u l-provi. Dawn l-osservazzjonijiet ukoll huma, mutatis mutandis, validi fir-rigward tal-aġir tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza. Din l-attitudni tal-Kummissjoni li “timla” s-sottomissjonijiet tagħha b’eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fuq il-bażi “għal li jista’ jkun” għandha tiġi ċċensurata u għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-allokazzjoni tal-ispejjeż.

139.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja: (i) li tordna lill-Kummissjoni li tbati l-ispejjeż tagħha stess u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-appellanti, u (ii) li tordna lill-appellanti jbatu terz tal-ispejjeż tagħhom stess.

VIII – Konklużjoni

140.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2014 fil-kawża Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑70/10; fil-kawża Riva Fire vs Il-Kummissjoni, T‑83/10; fil-kawża Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni, T‑85/10; fil-kawża Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑90/10; kif ukoll fil-kawża Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni, T‑92/10;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, adozzjoni mill-ġdid) tat-30 ta’ Settembru 2009;

tordna lill-Kummissjoni li tħallas l-ispejjeż tagħha stess u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-appellanti fl-ewwel istanza u fl-appell;

tordna lill-appellanti jbatu terz tal-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il-Kummissjoni (T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031); Riva Fire vs Il-Kummissjoni (T‑83/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1034); Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037); Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T‑90/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1035); u Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

( 5 ) Kif kien fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti.

( 6 ) Regolament Nru 17 tal-Kunsill KEE [tas-6 ta’ Frar 1962]: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

( 7 ) Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317) Riva Acciaio vs Il-Kummissjoni (T‑45/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:318); Feralpi Siderurgica vs Il-Kummissjoni (T‑77/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:319); u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T‑94/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:320).

( 8 ) L-ewwel deċiżjoni kif emendata mid-deċiżjoni ta’ emenda, ser tissejjaħ iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”.

( 9 ) It-tieni aggravju fil-Kawża C‑85/15 P, l-ewwel u t-tieni aggravji fil-Kawżi C‑86/15 P u C‑87/15 P, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑88/15 P, u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑89/15 P.

( 10 ) Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni mqajma minn dawn l-aggravji tikkonsisti fi ksur allegat ta’ forma sostanzjali i tista’, konsegwentement, titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punti 477 sa 488).

( 11 ) Ara, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 74), u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 87).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-premessa 1 tar-Regolament Nru 773/2004.

( 13 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni,C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, (iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II”).

( 14 ) Ara, il-punti 70 sa 119 u, b’mod partikolari, il-punt 73 tas-sentenza PVC II.

( 15 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204).

( 16 ) Ara l-punti 20 tas-sentenzi tal-2007.

( 17 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑415/96, EU:C:1998:533, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Hemm regola simili fl-Artikolu 19 (“Dispożizzjonijiet transizzjonali”) tar-Regolament Nru 773/2004.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punti 93 sa 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037, punt 148).

( 21 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037, punt 149).

( 22 ) Is-sitt aggravju fil-Kawża C‑85/15 P u r-raba’ aggravju fil-Kawżi C‑86/15 P u C‑87/15 P. Dwar il-Kawża C‑89/15 P, Riva Fire ma tirriferixxix għaliha bħala aggravju tal-appell imma bħala “talba inċidentali”.

( 23 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608).

( 24 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 190 sa 196), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 81 sa 85).

( 25 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 86 sa 89).

( 26 ) Inċidentalment ninnota li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni proċedura quddiem il-Kummissjoni kienu relattivament mgħaġġla (ara iktar ’il fuq il-punti 13 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 27 ) Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768); tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363); tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il-Kummissjoni (C‑608/13 P, EU:C:2016:414), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416).

( 28 ) Ara, inter alia, id-digrieti tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑479/14, mhux ipubbikat, EU:T:2015:2); tad-9 ta’ Jannar 2015, Marcuccio vs L-Unjoni Ewropea (T‑409/14, mhux ippubbikat, EU:T:2015:18), u tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107).

( 29 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1973, Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (63/72 sa 69/72, EU:C:1973:121, punt 7), ikkonfermata fis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Médiateur vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174).

( 30 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 29); u s-sentenza PVC II, punt 210.

( 31 ) L-awli kompetenti sabiex jaqtgħu kawża jistgħu jiddeċiedu li jeħilsu minn qabel xogħol kemm jista’ jkun qabel ma ssir is-seduta jew inkella jagħmlu seduta ftit wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, sabiex partijiet sinjifikattivi ta’ xogħol jitħallew sabiex jitlestew wara s-seduta. L-għażla bejn dawn l-opzjonijiet tista’ tiddependi fuq diversi fatturi: il-metodi tax-xogħol tal-imħallfin li jippresjedu fl-awla aġġudikanti, il-volum tax-xogħol f’mument partikolari u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kawża (pereżempju jekk hemmx ħafna kwistjonijiet li għandhom jiġu kkjarifikati fis-seduta jew le). Ovvjament, perijodu qasir ta’ żmien bejn il-proċedura bil-miktub u orali ftit jgħin lill-partijiet jekk, wara, id-deliberazzjoni tkun partikolarment twila.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni (C‑519/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:682, punt 68).

( 33 ) Dan l-aggravju jirrigwarda n-natura u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Ferriere Nord fil-ksur: ara l-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 91); tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 26, 2939); u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 61 sa 65).

( 35 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, YKK et vs Il-Kummissjoni (T‑448/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:322, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, pereżempju, OECD, Diskussjoni dwar il-promozzjoni ta’ regoli ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni – Dokument ta’ riflesssjoni mis-Segretarjat, DAF/COMP(2011)4 tal-1 ta’ Ġunju 2001, punt 2.

( 37 ) Sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 39).

( 38 ) Sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 39), u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 6970).

( 39 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li “l-iżvilupp strutturali tal-impriża” jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi rriveduta l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 97). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rriferiet għal dak l-element f’kuntest differenti, wieħed fejn il-Kummissjoni kienet applikat ċirkustanza aggravanti ta’ ksur ripetut għal persuna ġuridika li ma kinitx suġġetta għal proċeduri għall-ewwel ksur. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tirreferi għal bidliet strutturali intragrupp u mhux tibdil ta’ maniġment implementat fi ħdan l-istess kumpannija. F’din l-aħħar sitwazzjoni, il-piż ta’ tibdil strutturali possibbli huwa ferm inqas sinjifikattiv milli fis-sitwazzjoni ta’ qabel.

( 40 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 1989 dwar proċeduri taħt l-Artikolu [101 TFUE] (IV/31.553, Xibka tal-azzar issaldata) (ĠU 1989 L 260, p.1).

( 41 ) Ara, is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummisjsoni, T‑143/89, EU:T:1995:64 u, fl-appell, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, EU:C:1997:375.

( 42 ) Pereżempju, skont il-Prinċipji ta’ Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) telf potenzjali li huwa “probabbli”, “raġonevolment possibbli” għandu jiġi ddikjarat flimkien ma’ stima tat-telf. Jeżistu regoli simili skont l-IStandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (IFRS).

( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punti 9698).

( 44 ) Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171).

( 45 ) Ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑85/15 P, u l-ħames aggravju fil-Kawżi C‑86/15 P u C‑87/15 P.

( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni (C‑634/13 P, EU:C:2015:208, punti 43 sa 61). Ara, fl-istess sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2015:427, punt 123 sa 136), u l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, EU:C:2003:85, punti 127 sa 131).

( 47 ) Skont id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

( 48 ) Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il-Kummissjoni (T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031, punti 231 sa 234); Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032, punti 218 sa 221); u Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037, punti 217 sa 220).

( 49 ) Pereżempju, kien hemm elementi li jindikaw il-fatt li l-impriżi inkwistjoni fil-fatt allinjaw il-prezzijiet tagħhom ma’ dawk miftiehma f’dawk il-laqgħat (ara, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031, punti 231 sa 233) jew b’mod iktar ġenerali kkonformaw ma’ dak li ġie miftiehem f’dawk il-laqgħat (ara, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni, T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037, punt 220, u Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni, T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032, punt 221).

( 50 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26).

( 51 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 63).

( 52 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 158 fis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T‑90/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1035).

( 54 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:328).

( 56 ) Sentenza 5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni (C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 78).

( 57 ) Ara wkoll il-punti 95 sa 102 iktar ’il fuq.

( 58 ) Kif intqal fil-punti 222 u 223 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Riva Fire vs Il-Kummissjoni (T‑83/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1034), li Riva Fire tikkontesta.

( 59 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Riva Fire vs Il-Kummissjoni (T‑83/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1034, punt 276).

( 60 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Riva Fire vs Il-Kummissjoni (T‑83/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1034, punti 262 sa 275277).