KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑79/15 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Hamas

“Appell — Miżuri restrittivi bil-għan li jimpedixxu t-terroriżmu — Iż-żamma ta’ individwi, gruppi u entitajiet fuq il-lista pprovduta fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — l-Artikolu 1(4) u (6) — Proċedura — Tifsira ta’ ‘awtorità kompetenti’ — Valur tal-informazzjoni disponibbli fid-dominju pubbliku — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

1. 

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑400/10 ( 2 ) (“is-sentenza appellata”) li annullat serje ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill u miżuri ta’ implementazzjoni tal-Kunsill sa fejn, bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkludew lill-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom, jew għall-benefiċċju tagħhom, huwa pprojbit li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji. Il-Qorti Ġenerali annullat dawk id-deċiżjonijiet u l-miżuri għal raġunijiet relatati, inter alia, mal-espożizzjoni tal-motivi insuffiċjenti li akkumpanjawhom u mar-raġunijiet li l-Kunsill kien invoka sabiex iżomm lil Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) f’dik il-lista.

2. 

Il-Kunsill isostni b’mod partikolari li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi:

evalwat l-użu magħmul mill-Kunsill ta’ informazzjoni fid-dominju pubbliku għar-reviżjoni perijodika tal-miżuri adottati;

ma kkonkludietx li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) kienet tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li fir-rigward tagħhom huwa pprojbit li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji lihom jew għall-benefiċċju tagħhom; kif ukoll

ma kkonkludietx li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kienet tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li fir-rigward tagħhom huwa pprojbit li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji lihom jew għall-benefiċċju tagħhom.

Il-kuntest legali

3.

Il-kuntest legali ġenerali stabbilit fil-punti 3 sa 12 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P Il‑Kunsill vs LTTE, deċiża fl-istess jum tal-konklużjonijiet tiegħi f’dan l-appell, japplika ugwalment għall-appell preżenti. Mhux se nerġa’ nirrepetih hawnhekk.

4.

Il-Kunsill l-ewwel elenka “Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Hamas)” fl-annessi rispettivi għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK ( 3 ) u għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE ( 4 ). Dak il-grupp jibqa’ elenkat. Mit‑12 ta’ Settembru 2003, il-grupp inkluż fil-lista tidher taħt l-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)”. Fil-mument ta’ meta tressqet l-azzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dak il-grupp (“Hamas”, inkluż “Hamas-Izz al-Din al-Qassem”) inżamm fil-lista bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/386/PESK ( 5 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 ( 6 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010”).

5.

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ippubblika Avviż (“l-Avviż ta’ Lulju 2010”) għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista pprovduta fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 ( 7 ) (“il-lista tal-Artikolu 2(3)”) ( 8 ). Fl-Avviż ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati fir-Regolament Nru 610/2010 għall-fatt li kien ikkunsidra li r-raġunijiet sabiex dawn jinżammu fil-lista kienu għadhom validi u li, għaldaqstant, kien iddeċieda li jżommhom fuq dik il-lista. Il-Kunsill semma wkoll li l-persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati setgħu jippreżentaw talba sabiex jiksbu espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill għaliex għandhom jinżammu fil-lista (sakemm ma kinux diġà rċevew tali espożizzjoni). Huwa informahom ukoll dwar id-dritt tagħhom li fi kwalunkwe ħin jissottomettu talba lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, sabiex id-deċiżjoni biex jiġu inklużi u miżmuma fil-lista tal-Artikolu 2(3) tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

6.

Hamas sussegwentement inżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3) permezz tal-miżuri li ġejjin:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/70/PESK ( 9 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 ( 10 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011”), flimkien mal-avviż ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2011 ( 11 ) (“l-Avviż ta’ Frar 2011”). Il-Kunsill bagħat espożizzjoni tal-motivi lill-Hamas sabiex iżommha f’dik il-lista permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2011, innotifikata lill-Hamas fis-7 ta’ Frar 2011 (“l-ittra tat-2 ta’ Frar 2011”).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK ( 12 ) u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 ( 13 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011”), flimkien ma’ avviż ippubblikat fid-19 ta’ Lulju 2011 ( 14 ) (“l-Avviż ta’ Lulju 2011”) u l-espożizzjoni ta’ motivi mibgħuta mill-Kunsill permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2011;

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/872/PESK ( 15 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1375/2011 ( 16 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011”), flimkien ma’ avviż ippubblikat fit‑23 ta’ Diċembru 2011 ( 17 ) (“l-Avviż ta’ Diċembru 2011”);

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/333/PESK ( 18 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012 ( 19 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Ġunju 2012”), flimkien ma’ avviż ippubblikat fis-26 ta’ Ġunju 2012 ( 20 ) (“l-Avviż ta’ Ġunju 2012”);

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/765/PESK ( 21 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1169/2012 ( 22 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012), flimkien mal-Avviż ippubblikat fil‑11 ta’ Diċembru 2012 ( 23 ) (“l-Avviż ta’ Diċembru 2012”);

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/395/PESK ( 24 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 714/2013 ( 25 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2013”);

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/72/PESK ( 26 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 ( 27 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Frar 2014”); kif ukoll

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/483/PESK ( 28 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 ( 29 ) (“l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014”).

7.

Il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-kontenut tal-espożizzjoni tal-motivi għall-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 kif ġej:

“94.

L-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jibdew b’paragrafu li fih il-Kunsill jiddeskrivi r-rikorrenti bħala ‘grupp involut f’atti terroristiċi li, mill-1988 b’mod regolari, wettaq u rrikonoxxa responsabbiltà għal attentati kontra miri Iżraeljani, b’mod partikolari ħtif, attakki bi skieken u b’armi tan-nar kontra persuni ċivili, kif ukoll attenti suwiċida b’bomba fit-trasport pubbliku u f’postijiet pubbliċi’. Il-Kunsill jiddikjara li l-“Hamas organizzat attentati kemm fin-naħa Iżraeljana tal-‘Linja l-Ħadra’ kif ukoll fit-Territorji Okkupati” u li, “f’Marzu 2005, il-Hamas iddikjara ‘tahdia’ (perijodu ta’ kalma), li wassal għal tnaqqis fl-attivitajiet tiegħu”. Il-Kunsill ikompli bill[i] jindika li “madankollu, fil-21 ta’ Settembru 2005, ċellola tal-Hamas ħatfet u wara qatlet Iżraeljan. [F’] reġistrazzjoni vidjo, il-Hamas iddikjarat li ħatfet dan ir-raġel sabiex tipprova tinnegozja l-liberazzjoni ta’ priġunjieri Palestinjani miżmuma mill-Iżrael”. Il-Kunsill iddikjara li ‘militanti tal-Hamas ipparteċipaw fl-isparar ta’ rokits kontra l-Iżrael tan-Nofsinhar mill-L-Istrixxa ta’ Gaza [u li], fil-passat, sabiex twettaq attentati kontra ċivili f’Iżrael, il-Hamas irreklutat kamikażi billi offriet għajnuna lill-familja tagħhom’. Il-Kunsill iddikjara li, ‘f’Ġunju 2006, il-Hamas (inkluż Hamas-lzz al-Din-aI-Qassem) kienet involuta f’operazzjoni li waslet għall-ħtif tas-suldat Iżraeljan Gilad Shalit” (l-ewwel paragrafi [paragrafu] tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Diġà fl-espożizzjonijiet tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddikjara li, ‘fil-11 ta’ Ottubru 2011, is-[suldat Gilad Shalit] ġie lliberat mill-Hams [Hamas], wara li nżamm għal ħames snin, fil-kuntest ta’ skambju ta’ priġunjieri ma’ Iżrael’.

95

Sussegwentement, il-Kunsill abbozza lista ta’ ‘attivitajiet terroristiċi’ li, skont il-Kunsill, il-Hamas wettaq reċentement, mix-xahar ta’ Jannar 2010 (it-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

96

Il-Kunsill, wara li kkunsidra li ‘dawn l-atti jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3) (a) (b), (c), (d), (f) u (g) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-imsemmi pożizzjoni komuni’, u li l-‘Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) jaqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament Nru 2580/2001’ (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014), jirreferi għal deċiżjonijiet li awtoritajiet Amerikani u tar-Renju Unit, kif ukoll jirriżulta mill-motivi u mill-fajl, adottaw fl-2001 kontra r-rikorrenti (il-ħames sas-seba’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Fl-espożizzjonijiet tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014..., il-Kunsill irrefera, għall-ewwel darba, għal deċiżjoni Amerikana tat-18 ta’ Lulju 2012.

97

Dawn id-deċiżjonijiet imsemmija mill-Kunsill huma, minn naħa, deċiżjoni tas-Secretary of State for the Home Department (Ministeru tal-Intern, ir-Renju Unit) tad-29 ta’ Marzu 2001, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti adottati skont is-Sezzjoni 219 tal-US Immigration and Nationality Act (Liġi tal-Istati Uniti fuq l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità, iktar ’il quddiem l-“INA”) u tad-Digriet Eżekuttiv 13224.

98

Rigward dawn id-deċiżjonijiet, il-Kunsill irrefera għall-fatt li, fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit, hija tiġi eżaminata mill-ġdid regolarment minn kumitat governattiv nazzjonali u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet Amerikani, huma suġġetti għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.

99

Il-Kunsill jiddeduċi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ‘d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) ittieħdu għalhekk minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931’ (it-tmien paragrafi tal- espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

100

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ‘jikkonstata li d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq […] għadhom dejjem fis-seħħ u […] iqis li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) fil-lista [ta’ ffriżar ta’ fondi] jibqgħu validi’ (id-disa’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Il-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti għandha tibqa’ tidher f’din il-lista (it-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).”

Sommarju tal-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

8.

Fit-12 ta’ Settembru 2010, Ħamas ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkuntesta essenzjalment l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Artikolu 2(3). Hija talbet l-annullament tal-avviż ta’ Lulju 2010 u l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-Hamas u talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż. Ħamas sussegwentement applika sabiex jemenda t-talba tiegħu sabiex jinkludi wkoll l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011 sa Lulju 2014. Il-Qorti Ġenerali qieset ir-rikors tal-Hamas bħala li talabha sabiex tannulla l-Avviż ta’ Lulju 2010 u l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014 (kollettivament “l-Atti kkontestati”), sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-Hamas, u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-azzjoni tal-Hamas żamm l-għan tiegħu fir-rigward tal-atti kkuntestati li ġew qabel l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 ( 30 ). Madankollu, hija ċaħdet ir-rikors tal-Hamas bħala inammissibbli sa fejn dan talab l-annullament tal-Avviż ta’ Lulju 2010: l-Avviż ma kienx att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 31 ).

9.

Il-Kunsill talab lill-Qorti biex tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni Ewropea intervjeniet insostenn tal-Kunsill.

10.

Il-Hamas invoka erba’ motivi insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u Jannar 2011. Dawk il-motivi kkonċernaw, rispettivament, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha; l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni; il-ksur tad-dritt għall-proprjetà; u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

11.

Il-Hamas ressaq tmien motivi insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014. Dawk il-motivi inkludew l-allegat ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (l-ewwel motiv); in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien” (ir-raba’ motiv); il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil (il-ħames motiv); ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-sitt motiv); u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Hamas (is-seba’ motiv).

12.

Il-Qorti Ġenerali evalwat ir-raba’ u s-sitt motivi flimkien, għall-annullament tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

13.

Il-Qorti Ġenerali inizjalment kienet stipulat kunsiderazzjonijiet ġenerali u l-ġurisprudenza (li jikkonċernaw il-proċess ta’ reviżjoni; l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE; l-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill; u l-bażi legali u fattwali ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931) li fl-isfond tiegħu kienet se tevalwa r-raġunijiet li fuqhom il-Kunsill ibbaża l-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 ( 32 ). Wara li ddeskriviet il-kontenut tal-espożizzjoni tal-motivi għal dawk l-Atti ( 33 ), il-Qorti Ġenerali mbagħad sabet li, għalkemm il-lista tal-atti ta’ vjolenza għall-perijodu wara l-2004 (b’mod partikolari għall-perijodu 2010 sal-2011) imħejjija mill-Kunsill kellha rwol deċiżiv fid-determinazzjoni tal-adegwatezza li jinżamm l-iffriżar tal-fondi tal-Hamas, ebda wieħed minn dawk l-atti ta’ vjolenza ma kien ġie eżaminat fid-deċiżjonijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tal-2001 li għamlu referiment għalihom dawk l-espożizzjonijiet tal-motivi ( 34 ). Lanqas ma setgħu dawk l-atti fil-fatt jiġu eżaminati f’dawk id-deċiżjonijiet minħabba d-dati li seħħew fihom ( 35 ). Barra minn hekk, filwaqt li l-espożizzjonijiet tal-motivi għamluha ċara li dawk id-deċiżjonijiet nazzjonali baqgħu fis-seħħ, ma kien fihom ebda referiment għal deċiżjonijiet nazzjonali iktar riċenti jew ir-raġunijiet li fuqhom deċiżjonijiet bħal dawn kienu bbażati (bl-eċċezzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi għall-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014, li semmiet għall-ewwel darba deċiżjoni tal-Istati Uniti ta’ Lulju 2012) ( 36 ). Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Istati Uniti ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kunsill ma kien ipprovda ebda evidenza li tiżvela kif ir-raġunijiet attwali li kienet ibbażata fuqhom dik id-deċiżjoni kienu relatati mal-lista ta’ atti ta’ vjolenza stipulati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 ( 37 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala inammissibbli deċiżjonijiet nazzjonali oħrajn li sar referiment għalihom matul is-seduta (u ma ssemmewx fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 adottata wara s-seduta) ( 38 ).

14.

Fir-rigward tat-talba tal-Kunsill li kien biżżejjed li tiġi kkonsultata l-istampa sabiex jiġi stabbilit li l-Hamas regolarment irrikonoxxa responsabbiltà għal atti terroristiċi, il-Qorti Ġenerali sabet li t-talba, flimkien man-nuqqas ta’ kwalunkwe referiment għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti sussegwenti għall-atti imputati u li jirreferu għal dawk l-atti, urew biċ-ċar li l-Kunsill kien ibbaża imputazzjoni tiegħu ta’ atti terroristiċi lil Ħamas (meħuda inkunsiderazzjoni għall-perijodu wara l-2004) fuq informazzjoni li kienet idderivata mill-istampa, mhux fuq evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ( 39 ). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill ma kienx issodisfa r-rekwiżiti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 skont liema l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-UE għall-ffriżar ta’ fondi għandha tiġi dderivata minn materjal attwalment eżaminat u aċċettat f’deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-tifsira ta’ dik il-pożizzjoni komuni ( 40 ). Il-Qorti Ġenerali sabet li r-raġunament tal-Kunsill huwa kif ġej: il-Kunsill kien beda b’evalwazzjonijiet li fir-realtà kienu tiegħu stess, li jiddeskrivu lill-Hamas bħala “terrorista” u li jattribwixxu lilha serje ta’ atti ta’ vjolenza li l-Kunsill kien ħa mill-istampa u l-internet; huwa mbagħad iddikjara li l-fatti attribwiti lill-Hamas kienu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ atti terroristiċi u li l-Hamas kien grupp terroristiku skont it-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; kien biss wara dawn l-allegazzjonijiet li l-Kunsill irrefera għad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali li ttieħdu qabel id-data tal-fatti imputati (tal-inqas fir-rigward tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Frar 2014) ( 41 ). Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ma kienx għadu jibbaża ruħu fuq fatti li l-ewwel kienu evalwati mill-awtoritajiet nazzjonali. Pjuttost, il-Kunsill kien wettaq hu stess ir-rwol ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 42 ).

15.

Il-Kunsill għalhekk kien kiser is-sistema b’żewġ saffi stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Filwaqt li l-Kunsill jista’, jekk ikun meħtieġ u fi ħdan il-kuntest tad-diskrezzjoni wiesgħa tiegħu, jiddeċiedi li jżomm persuna jew grupp fuq il-lista tal-Artikolu 2(3) fin-nuqqas ta’ bidla fis-sitwazzjoni fattwali, kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill idaħħal fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu matul ir-reviżjoni tiegħu għandu, skont dik is-sistema, ikun is-suġġett ta’ eżaminazzjoni u deċiżjoni minn awtorità kompetenti ( 43 ).

16.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-Kunsill u l-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ kwalunkwe referiment għal deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kien dovut għall-fatt li l-Hamas seta’ u jmissu kkontesta l-miżuri restrittivi kontrih fuq il-livell nazzjonali ( 44 ). Hija sabet li l-argument tal-Kunsill ikkorrobora l-konklużjoni tagħha li l-Kunsill kien iddependa fuq informazzjoni miksuba mill-istampa u l-internet ( 45 ).

17.

Il-Qorti Ġenerali ma qablitx mat-talba tal-Kunsill li, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tar-rikors preżenti, il-Hamas (fir-rikors tiegħu) ma dehrx li jikkontesta l-involviment tiegħu fit-terroriżmu. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ma jistax jissostitwixxi quddiem il-Qorti r-raġunijiet għall-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 billi jnaqqas dawk il-motivi għal xi ftit elementi fattwali li (il-Kunsill jallega) l-Hamas aċċetta quddiem il-Qorti. Lanqas il-Qorti stess ma tista’ twettaq evalwazzjoni li l-Kunsill biss huwa kompetenti jwettaqha ( 46 ).

18.

Fuq il-bażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, bl-adozzjoni tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, il-Kunsill kien kiser l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u kiser l-obbligu tal-espożizzjoni ta’ motivazzjoni ( 47 ). Għaldaqstant hi annullat l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 kif ukoll l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u Jannar 2011. Fir-rigward tal-aħħar kategorija ta’ miżuri, il-Qorti Ġenerali sabet li ma kienx ikkontestat li dawn il-miżuri lanqas ma kien fihom xi referiment għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li għandhom x’jaqsmu mal-fatti attribwiti lill-applikant. Huma għalhekk kienu jiksru wkoll l-istess obbligu ta’ motivazzjoni ( 48 ).

Talbiet u sottomissjonijiet fuq l-appell

19.

Il-Kunsill, appoġġjat mill-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, jitlob lill-Qorti biex tannulla s-sentenza appellata, tagħti sentenzi finali fil-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell tiegħu u tordna lill-Hamas iħallas l-ispejjeż tal-Kunsill fl-ewwel istanza u f’dan l-appell. Il-Hamas jitlob lill-Qorti tiċħad l-appell u tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż imġarrba mill-Hamas fl-ewwel istanza u fil-livell tal-appell.

20.

Fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016, l-istess partijiet ippreżentaw argument orali.

21.

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tad-dipendenza tal-Kunsill fuq informazzjoni fid-dominju pubbliku għall-finijiet tal-istħarriġ skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

22.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-Kunsill għandu jipprovdi regolarment raġunijiet ġodda sabiex jispjega għaliex persuna jew entità jibqgħu jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Dak il-prinċipju jmur kontra s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa ( 49 ) u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-kawża People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill ( 50 ) u f’Al-Aqsa vs Il-Kunsill ( 51 ). Fl-ewwel każ, il-Kunsill ma kienx ġie mitlub jimmodifika l-espożizzjoni ta’ motivi fuq perijodu ta’ kważi sitt snin. Minn dan isegwi li l-Qorti aċċettat (impliċitament) il-possibbiltà li persuna jew grupp tinżamm fuq il-lista matul dak il-perijodu jekk ma jkunx hemm informazzjoni ġdida tal-awtoritajiet kompetenti li jappoġġjaw dik it-tneħħija mil-lista. Bħas-sitwazzjoni ta’ Stichting Al-Aqsa, il-proskrizzjoni tal-Hamas fir-Renju Unit għamilha ferm diffiċli għall-Hamas biex iwettaq atti terroristiċi ġodda li jagħtu lok għal deċiżjonijiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-istess japplika fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, kieku l-Hamas ikkontesta l-proskrizzjoni tiegħu jew kieku kien hemm reviżjoni ex officio ta’ dawk id-deċiżjonijiet, dan kien jirriżulta f’deċiżjonijiet ġodda.

23.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet l-użu ta’ informazzjoni tal-Kunsill disponibbli fid-dominju pubbliku. Dik id-deċiżjoni hija wkoll kuntrarja għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha stess fejn tgħid li deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jiġi deċiż li persuna jew grupp tinżamm fuq il-lista tal-Artikolu 2(3) ( 52 ). Anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri ta’ awtorità kompetenti, il-Kunsill kien intitolat li jżomm lill-Hamas f’dik il-lista. Fil-każ preżenti, l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu ġiet użata għal dak l-iskop biss (irrispettivament mill-fatt li l-Kunsill seta’ żamm il-lista fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet eżistenti tal-awtoritajiet kompetenti). Dan huwa konsistenti mas-sentenza tal-Qorti fil-Kawża Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa ( 53 ). Għalhekk, bidla fis-sitwazzjoni fattwali tista’ tirriżulta minn bidla fl-istatus legali tad-deċiżjoni inizjali tal-Artikolu 1(4) jew informazzjoni ġdida dwar l-attivitajiet tal-grupp elenkat. F’ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni oriġinali tal-Artikolu 1(4) ma tkunx ġiet annullata jew irtirata, id-domanda rilevanti fil-kuntest ta’ reviżjoni hija jekk hemmx raġuni għat-tneħħija minn fuq il-lista, u mhux jekk hemmx raġuni sabiex il-persuna jew il-grupp kkonċernat tinżamm fuq il-lista. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali iwassal ukoll għar-riżultat assurd li, minn naħa waħda, id-deċiżjoni tal-Kunsill li jżomm lill-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3) kienet tkun valida kieku l-Kunsill sempliċement invoka l-lista inizjali tal-Artikolu 2(3) u ma rreferiex għal informazzjoni addizzjonali, u, min-naħa l-oħra, kien magħruf pubblikament li l-Hamas kien wettaq attakki terroristiċi ġodda (fatt li l-Hamas aċċetta fl-applikazzjoni oriġinali tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali).

24.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-Kunsill kien għamel il-konstatazzjonijiet fattwali tiegħu stess, ibbażati fuq informazzjoni disponibbli pubblikament, għall-finijiet tar-reviżjoni tiegħu. Dik il-konstatazzjoni wkoll tmur kontra s-sentenza tal-Qorti f’Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa. Hija tistaqsi wkoll kif għandu jaġixxi l-Kunsill f’ċirkustanzi fejn isir konxju ta’ atti li huma “terroristiċi” b’mod ċar u li persuna jew grupp elenkat jieħu responsabbiltà għalihom pubblikament. F’ċirkustanzi bħal dawn, is-sistema b’żewġ saffi ma teħtieġx li l-proċeduri jinbdew fil-livell nazzjonali.

25.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta annullat il-miżuri kkontestati fuq il-bażi li l-Kunsill kien għamel referiment għal informazzjoni disponibbli pubblikament. Dik l-informazzjoni kienet rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-Hamas għandux jitneħħa minn fuq il-lista tal-Artikolu 2(3). Fin-nuqqas ta’ elementi li jappoġġjaw tali tneħħija minn fuq il-lista, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżomm lill-Hamas fuq dik il-lista.

26.

Ir-risposta tal-Hamas għall-ewwel aggravju hija kif ġej.

27.

L-ewwel, il-Hamas ma jaqbilx mal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali kienet teħtieġ li deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ikunu bbażati fuq raġunijiet jew deċiżjonijiet ġodda tal-awtoritajiet kompetenti. Pjuttost, il-Qorti Ġenerali insistiet li r-raġunijiet tal-atti kkontestati għandhom ikunu bbażati fuq fatti li jkunu ġew eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet preċedenti tal-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jeżamina l-fatti li dawk id-deċiżjonijiet huma bbażati fuqhom. Barra minn hekk, il-Hamas ma jistax tiġi akkużat li ma kkontestax l-imputazzjonijiet fattwali tal-Kunsill quddiem il-qrati nazzjonali: ma kienx hemm deċiżjonijiet ġodda x’tikkontesta.

28.

It-tieni, il-Hamas isostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-ħtieġa għal bażi fattwali suffiċjenti japplikaw ugwalment għal deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill iżomm persuna jew grupp fuq il-lista tal-Artikolu 2(3). Fir-reviżjoni tiegħu, il-Kunsill ma jistax jassumi li persuna jew grupp għandhom jibqgħu jiġu inklużi f’dik il-lista. Fil-każ preżenti, il-Kunsill kien uża d-deċiżjonijiet ta’ elenkar inizjali (li l-Hamas ma kkontestax). Madankollu, meta l-Hamas ġie inkluż għall-ewwel darba fuq il-lista tal-Artikolu 2(3), ma kienx għadu possibbli li dawk id-deċiżjonijiet jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali billi tallega li l-Kunsill ma kienx iddikjara b’mod suffiċjenti l-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, il-Kunsill qatt ma kkomunika informazzjoni preċiża jew partijiet tal-fajl li juru li d-deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienu ttieħdu fir-rigward tal-Hamas. Lanqas il-Kunsill ma kien informa lill-Hamas dwar l-elementi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista. Dan ifisser ukoll li l-Qrati tal-Unjoni issa ma jistgħux jivverifikaw jekk il-fatti li jirriżultaw fl-elenkar inizjali tal-Kunsill tal-Hamas kinux suffiċjentement kredibbli u kinux ġew eżaminati minn awtorità kompetenti.

29.

Il-Kunsill jallega wkoll b’mod żbaljat li, kieku ma kienx inkluda fl-espożizzjoni tal-motivi lista ta’ fatti iktar riċenti u informazzjoni addizzjonali, id-deċiżjoni tiegħu xorta waħda kienet tkun valida għaliex kienet ibbażata fuq id-deċiżjonijiet inizjali tal-awtoritajiet kompetenti. Dan jippreżupponi li l-Kunsill kien ikun iġġustifikat kieku ddependa biss fuq informazzjoni meħuda minn dawk id-deċiżjonijiet. Għalkemm il-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq sensiela ta’ attakki allegati terroristiċi mwettqa mill-Hamas (kemm fil-miżuri kkontestati u matul il-proċedura quddiem il-Qorti), ma wera ebda evidenza ta’ dawk il-fatti. Il-Kunsill lanqas ma jista’ jinvoka l-artikoli tal-istampa għal dak il-għan.

30.

It-tielet, il-Hamas josserva li l-Kunsill jidher li kkritika lill-Qorti Ġenerali talli laħqet il-konklużjoni (loġika) li l-Kunsill kien għamel l-imputazzjonijiet fattwali tiegħu stess. Il-Kunsill huwa żbaljat meta jallega li ma jistax ikun hemm dubju dwar in-natura terroristika tal-azzjonijiet tal-Hamas. Huwa wkoll ma għandu l-ebda kompetenza, meta jaġixxi skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, biex jikkaratterizza l-atti b’dan il-mod. L-argument tal-Kunsill li huwa impossibbli għalih li jitlob lil awtorità ġudizzjarja tevalwa fatti ġodda ma huwiex rilevanti minħabba li l-Qorti Ġenerali ma imponietx tali rekwiżit fuq il-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali lanqas talbet li l-Kunsill jitlob lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew tal-Istati Uniti jipproskrivu lill-Hamas mill-ġdid. Il-Qorti Ġenerali insistiet biss li, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq fatti ġodda, dawk il-fatti jiġu evalwati minn awtorità kompetenti.

31.

Ir-raba’, il-Hamas iqis li ma kienx biżżejjed li l-Kunsill sempliċement jiddikjara li d-deċiżjonijiet nazzjonali inizjali baqgħu validi. Huwa l-Kunsill li għandu jevalwa jekk il-Hamas kompliex ikun ikkaratterizzat bħala terrorista b’mod li huwa konsistenti mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Filwaqt li l-Kunsill kien irrefera għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti tat-18 ta’ Lulju 2012 fir-raġunijiet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li ma kien hemm xejn li juri li r-raġunament sottostanti ta’ dik id-deċiżjoni mehmuża mal-atti li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu. Sa fejn il-Kunsill ibbaża ruħu biss fuq id-deċiżjonijiet inizjali, l-atti kkontestati ma kinux ġew immotivati biżżejjed.

32.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonkludietx li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-elenkar tal-Hamas.

33.

L-ewwel, deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva tista’ tkun deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dik ġiet ikkonfermata mill-Qorti f’Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxivs Al-Aqsa ( 54 ) kif ukoll mill-Qorti Ġenerali fil-People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill ( 55 ).

34.

It-tieni, skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha ssib il-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni nazzjonali. Meta d-deċiżjoni ma tiġix meħuda minn awtorità ġudizzjarja, il-protezzjoni ġudizzjarja hija ggarantita billi l-persuna jew il-grupp ikkonċernata tingħata l-possibbiltà li tikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati u t-tribunali nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta talbet li l-Kunsill għandu jkun jaf l-elementi fattwali kollha li fuq il-bażi tagħhom is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti elenka lill-Hamas. L-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeħtieġx li dawk l-elementi jiġu kkomunikati lill-Kunsill. Lanqas ma jista’ l-Kunsill jissostitwixxi lilu nnifsu minflok l-awtorità kompetenti. Jekk il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali kellha tiġi aċċettata, dan ikun ifisser li, meta persuna jew grupp tikkontesta direttament id-deċiżjoni ta’ elenkar quddiem il-qrati tal-UE (pjuttost milli l-qrati nazzjonali), ikunu l-qrati tal-UE li għandhom jeżaminaw ir-raġunijiet sottostanti għall-elenkar. Barra minn hekk, ma huwiex realistiku li jkun meħtieġ li l-informazzjoni sottostanti tad-deċiżjoni ta’ proskrizzjoni f’livell nazzjonali għandha tikkostitwixxi l-bażi fattwali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li japplika miżuri restrittivi. Finalment, kieku l-awtorità tal-Istati Uniti kellha tirrevedi d-deċiżjoni b’mod rilevanti, ikun il-Kunsill li jieħu dan l-iżvilupp inkunsiderazzjoni.

35.

It-tielet, fil-każ preżenti, il-proċeduri kienu disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li telenka lill-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika.

36.

Ir-raba’, il-Hamas qatt ma kkontesta l-elenkar tiegħu mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

37.

Il-ħames, l-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tkun tfisser li tiġi mħassra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill ( 56 ), inkluża l-konstatazzjoni li “...l-Kunsill jaġixxi b’mod raġjonevoli u prudenti meta... id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi tista’ tkun jew hija suġġetta għal proċedura ġudizzjarja taħt il-liġi interna [u] din l-istituzzjoni [għalhekk] tirrifjuta fil-prinċipju li tieħu pożizzjoni fuq il-fondatezza tal-argumenti fil-mertu mressqa mill-parti interessata insostenn ta’ tali proċedura, qabel ma tkun taf l-eżitu tagħha. Fil-każ kuntrarju, fil-fatt, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill, bħala istituzzjoni politika jew amministrattiva, tirriskja li tkun f’kunflitt, fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi, mal-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali kompetenti” ( 57 ). Il-konferma tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali timplika wkoll li persuna jew grupp tista’ timblokka l-elenkar tagħha billi deliberatament ma tikkontestax id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti quddiem il-qrati u t-tribunali nazzjonali, u li awtorità amministrattiva saret awtorità finali dwar l-elementi (fattwali) tal-fajl. Dan l-approċċ iwassal ukoll għal riskju ta’ forum shopping.

38.

Il-Hamas jissottometti li t-tieni aggravju ma huwiex ammissibbli peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx għamlet konstatazzjonijiet dwar jekk id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti kinux bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3). Anzi, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kunsill kien ibbaża l-imputazzjonijiet fattwali tiegħu fuq informazzjoni misjuba fl-istampa u mhux fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Alternattivament, il-Hamas isostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli wkoll sa fejn jikkontesta konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

39.

B’mod iktar sussidjarju, il-Hamas jallega li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti ma ġewx meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li ma jistgħux ikunu bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3). F’dak ir-rigward, il-Hamas isostni, li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti inkwistjoni stabbilixxew biss lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi li għalihom għandhom jiġi applikati miżuri restrittivi. Tali deċiżjonijiet ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ħlief għall-elenkar ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU). Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Hamas jenfasizza li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika bejn il-Kunsill u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-Hamas jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk l-Istat terz isegwix l-istess għanijiet bħall-Unjoni Ewropea u joffrix l-istess garanziji bħal awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-Hamas jikkontesta l-argumenti tal-Kunsill rigward il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, l-obbligu ta’ espożizzjoni tal-motivi u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt il-liġi tal-Istati Uniti.

40.

Il-Hamas isostni li l-Kunsill ikun żbaljat meta jallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq deċiżjoni tal-Istati Uniti mingħajr ma jkollu aċċess għall-fatti u l-evalwazzjonijiet li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni msemmija. Hija ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex biżżejjed li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Il-Kunsill għandu jispjega għaliex iqis li grupp ikun terroristiku u jipprovdi l-elementi li juru li dik il-klassifikazzjoni tibqa’ rilevanti fil-mument tar-reviżjoni tiegħu.

41.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonkludietx li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit kienet tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-elenkar tal-Hamas. Anki kieku l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina jekk l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 kinitx bażi suffiċjenti u valida għaż-żamma tal-Hamas fuq il-lista tal-Artikolu 2(3). Għalkemm il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-ordni tar-Renju Unit baqgħet valida, hija impliċitament ħadet il-pożizzjoni li dik id-deċiżjoni kienet rrevokata jew kienet saret antikwata. Il-Qorti diġà aċċettat li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal‑2001 kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Barra minn hekk, il-Kunsill kien iġġustifikat meta bbaża ruħu fuq l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 mingħajr ma kien neċessarju li jkollu aċċess għall-fatti u l-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażata dik id-deċiżjoni.

42.

Il-Hamas jissottometti li t-tielet aggravju huwa inammissibbli sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 ma kinitx bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3) u, sussidjarjament, sa fejn dak il-motiv jikkontesta konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. B’mod iktar sussidjarju, il-Hamas isostni li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 ma tteħditx mill-awtoritajiet kompetenti fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u ma setgħetx tkun bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3). Hija żżid li, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti kienet tikkonċerna lill-Hamas stess, l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 kien jikkonċerna biss il-Brigati Al-Qassem.

Evalwazzjoni

Kummenti preliminari

43.

Hemm sovrapożizzjoni konsiderevoli bejn il-kwistjonijiet imqajma f’dan l-appell u dawk fil-kawża C‑599/14 P Il‑Kunsill vs LTTE. Iż-żewġ konklużjonijiet għandhom jinqraw flimkien. Fejn rilevanti, jien se nagħmel riferiment inkroċjat għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kunsill vs LTTE fl-evalwazzjoni tal-aggravji tal-Kunsill f’dan il-każ.

44.

Bħall-appell f’dik il-kawża, dan l-appell essenzjalment jistieden lill-Qorti tikkunsidra (mill-ġdid) l-arkitettura tal-mekkaniżmu li permezz tiegħu jinżammu l-miżuri restrittivi tal-UE taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 u r-rwol tal-Istati Membri u tal-Istati terzi f’dik l-iskema.

45.

Fi ħdan dik l-iskema, tista’ ssir distinzjoni bejn: (i) l-elenkar inizjali u (ii) id-deċiżjoni li persuna, entità jew grupp tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). F’dak li jirrigwarda l-ewwel tip ta’ deċiżjoni, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tistipula l-proċedura li għandu japplika l-Kunsill u l-materjali li għandu jibbaża ruħu fuqhom. Ma hemm ebda regoli bħal dawn stabbiliti għat-tieni tip ta’ deċiżjoni. Hija din it-tieni tip ta’ deċiżjoni li kienet is-suġġett tar-rikors tal-Hamas quddiem il-Qorti Ġenerali u li hija kkontestata f’dan l-appell.

46.

L-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprevedi biss reviżjoni regolari tal-ismijiet tal-persuni jew gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3) sabiex ikun żgurat li hemm raġunijiet sabiex dawn jinżammu fuq il-lista. Il-kwistjonijiet ċentrali f’dan l-appell huma kif il-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali raġunijiet u x’għandu jikkomunika l-Kunsill lill-persuni jew il-gruppi kkonċernati.

47.

Jirriżulta mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li, fin-nuqqas ta’ raġunijiet sabiex persuna jew grupp tinżamm f’dik il-lista, il-Kunsill għandu jwarrabhom jew “ineħħihom mil-lista” ( 58 ). F’dak ir-rigward, huwa mifhum li l-Hamas ma ssottomettiex osservazzjonijiet u provi lill-Kunsill li jistgħu jaffettwaw ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Artikolu 2(3) u possibbilment tirriżulta fit-tneħħija tagħha mil-lista. Fil-kuntest ta’ tip ta’ miżura restrittiva differenti, il-Qorti ddeċidiet li, meta dawn l-osservazzjonijiet u provi jiġu pprovduti u meħuda inkunsiderazzjoni fl-emendar tar-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuna fid-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-PESK, l-emenda għandha tidher ukoll fir-regolament adottat skont it-TFUE ( 59 ).

48.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Kunsill jagħmel enfasi konsiderevoli fuq il-fatt li l-Hamas qatt ma kkontesta waħda mid-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqha kien ibbaża ruħu l-Kunsill jew ir-regolamenti tal-Kunsill li permezz tagħhom kien ġie inizjalment elenkat u miżmum fil-lista tal-Artikolu 2(3). Madankollu, fil-fehma tiegħi, reviżjoni ta’ regolament tal-Kunsill tinvolvi l-eżaminazzjoni ta’ jekk il-Kunsill ikkonformax mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-UE, inklużi l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u d-drittijiet fundamentali. Ma hemm xejn f’dawk ir-regoli li jagħmlu dik ir-reviżjoni tiddependi fuq jekk il-persuna interessata kkontestatx id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti quddiem il-forum nazzjonali xieraq.

L-ewwel aggravju

Introduzzjoni

49.

L-ewwel aggravju tal-Kunsill essenzjalment jikkonċerna jekk jistax jibbaża ruħu, fil-kuntest ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq informazzjoni fid-dominju pubbliku.

50.

Dak l-aggravju huwa bbażat fuq erba’ argumenti: (i) il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat talbet lill-Kunsill jipprovdi regolarment raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw għaliex il-parti kkonċernata għandha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi; (ii) il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-użu mill-Kunsill tal-informazzjoni disponibbli fid-dominju pubbliku; (iii) il-Qorti Ġenerali sabet b’mod żbaljat li l-Kunsill kien għamel il-konstatazzjonijiet fattwali tiegħu stess, fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament, għall-finijiet tar-reviżjoni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; u (iv) il-Qorti Ġenerali kienet żbaljat meta annullat l-atti kkontestati fuq il-bażi li l-Kunsill kien irrefera għal informazzjoni disponibbli pubblikament.

51.

Fl-opinjoni tiegħi, it-tieni u t-tielet argumenti huma essenzjalment l-istess. Għalhekk ser neżaminahom flimkien.

Il-Kunsill għandu regolarment jipprovdi raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw għaliex grupp jibqa’ suġġett għal miżuri restrittivi?

52.

L-ewwel argument tal-Kunsill insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu f’din il-kawża jikkorrispondi għall-ewwel argument li invoka insostenn tat-tieni aggravju tiegħu fil-Kawża IlKunsill vs LTTE.

53.

Dak li għedt fl-analiżi ta’ dak l-aggravju fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża japplika hawnhekk bl-istess mod ( 60 ). Fil-fehma tiegħi, ma jistax, minn naħa waħda, ikun hemm regola fissa li tintitola lill-Kunsill iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) biss meta jkun hemm deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li jkunu ttieħdu jew saru magħrufa lill-Kunsill wara l-elenkar inizjali jew preċedenti. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni(jiet) inizjali użata(i) bħala bażi għall-elenkar tal-bidu ma hijiex(humiex) se jkunu dejjem biżżejjed fil-kuntest ta’ reviżjoni. Meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni tal-Artikolu 1(6) mingħajr ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ġdida ta’ awtorità kompetenti, għandu jkun issodisfatt li d-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li fuqha ddependa preċedentement sabiex jadotta jew id-deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti għaż-żamma ta’ persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) tkun għadha bażi suffiċjenti sabiex jintwera li hemm raġunijiet biex ikompli jagħmel dan.

54.

Għalhekk, meta jibbaża ruħu fuq il-fatti u l-provi sottostanti għad-deċiżjoni(jiet) preċedenti tal-awtorità kompetenti (anki jekk dawk id-deċiżjonijiet ġew irrevokati għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ dawk il-fatti u l-provi li juru l-involviment f’atti jew attivitajiet terroristiċi ( 61 )), il-Kunsill għandu juri li l-fatti u l-provi li fuqhom id-deċiżjoni(jiet) (inizjali jew preċedenti) tal-awtorità kompetenti kienet ibbażata jew kienu bbażati jkomplu jiġġustifikaw l-evalwazzjoni tiegħu li dik il-persuna jew grupp kkonċernata tippreżenta riskju ta’ terroriżmu u li, konsegwentement, il-miżuri preventivi huma ġġustifikati. Minħabba li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti neċessarjament jirrigwardaw fatti qabel dawk id-deċiżjonijiet, jirriżulta li iktar ma jkun twil il-perijodu bejn dawk il-fatti u deċiżjoni preċedenti, minn naħa waħa, u d-deċiżjoni l-ġdida tal-Kunsill li jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), min-naħa l-oħra, iktar ikun kbir l-obbligu tal-Kunsill li jivverifika b’mod diliġenti jekk, fil-mument tar-reviżjoni tiegħu, il-konklużjoni tiegħu tibqax tkun validament ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-fatti sottostanti ( 62 ).

55.

Meta dik id-deċiżjoni preċedenti tal-awtorità kompetenti tkun ġiet imġedda jew estiża, il-Kunsill għandu jivverifika fuq liema bażi dan kien sar. Minn dan isegwi li l-analiżi tal-Kunsill ma tistax tkun kompletament identika għal dik imwettqa meta ġiet adottata deċiżjoni tal-Artikolu 1(6) preċedenti bbażata fuq l-istess deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Għall-inqas, huwa meħtieġ li jitqies l-element taż-żmien. Dan għandu jkun rifless ukoll fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu.

56.

Kif fhimt is-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-Kunsill għandu jipprovdi regolarment raġunijiet ġodda sabiex jispjega għaliex kien iddeċieda jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3). Lanqas ma nissuġġerixxi li hija għandha tagħmel dan. Anzi, il-Qorti Ġenerali ma qablitx mal-fatt li l-Kunsill ipproduċa lista ta’ atti ta’ vjolenza, li dehru li jkunu determinanti għad-deċiżjoni tiegħu li jżomm lill-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3), mingħajr ma jispjega fl-Atti kkontestati fuq liema bażi huwa kkunsidra li dawk l-atti ġew stabbiliti u eżaminati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Għall-Qorti Ġenerali, dak evidentement jista’ ma jkunx il-każ tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tal-2001 li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom fl-espożizzjoni tal-motivazzjonijiet tiegħu. Dak jidher ċar mill-punti 101 sa 112 kif ukoll il-punti 119 u 127 tas-sentenza appellata. Il-punt 133 tas-sentenza appellata jagħti sommarju tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali: din ma kellhiex quddiemha, fl-espożizzjoni tal-motivi, referimenti għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti rigward l-elementi fattwali użati mill-Kunsill kontra l-applikant.

57.

Inqis li l-Qorti Ġenerali għalhekk kienet iġġustifikata meta kkonstatat li, minħabba li ma kienx hemm deċiżjoni ġdida jew oħra ta’ awtorità kompetenti li tifforma bażi sodisfaċenti sabiex jiġi sostnut li kien hemm raġunijiet sabiex jelenka lill-Hamas, il-Kunsill kien prekluż milli jinvoka lista ta’ attakki terroristiċi allegatament imwettqa minn dik l-organizzazzjoni, mingħajr dawn il-fatti ntwerew fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

58.

Nixtieq inżid li l-Kunsill lanqas ma jista’ jibbaża ruħu fuq il-fatt li, minħabba li proskrizzjoni ta’ grupp tagħmilha diffiċli għal dak il-grupp iwettaq atti terroristiċi ġodda, deċiżjonijiet ġodda ta’ awtoritajiet kompetenti li għandhom x’jaqsmu ma’ dak il-grupp isiru inqas evidenti. L-effettività ta’ proskrizzjoni tal-grupp ma teżonerax lill-Kunsill mill-obbligu tiegħu li jiżgura li persuna jew grupp tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3) fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li ġġustifikat elenkar inizjali xorta tista’ tkun rilevanti għal elenkar sussegwenti, sakemm il-Kunsill isib li (u jispjega għaliex) tibqa’ bażi suffiċjenti għall-konstatazzjoni li hemm riskju li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi ( 63 )

59.

Għalhekk, jien niċħad l-ewwel argument tal-Kunsill.

Il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq materjali ta’ sors miftuħ meta jiddeċiedi li jżomm grupp fuq il-lista tal-Artikolu 2(3)?

60.

It-tieni u t-tielet argumenti tal-Kunsill insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu jikkorrispondu l-iktar għat-tieni argument li invoka insostenn tat-tieni aggravju fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE. Fil-Konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, ikkonkludejt (għar-raġunijiet mogħtija hemmhekk ( 64 )), li l-Kunsill ma jistax, fid-deċiżjoni li jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), jibbaża ruħu fuq raġunijiet ibbażati fuq fatti u provi li nstabu f’post għajr id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Dik l-istess konklużjoni u raġunament japplikaw hawn.

61.

Għaldaqstant ma nsib ebda żball fl-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, stabbilita fil-punt 110 tas-sentenza appellata, skont liema l-bażi fattwali għal deċiżjoni tal-Kunsill għall-iffriżar ta’ fondi fi kwistjoni ta’ terroriżmu ma tistax tkun ibbażata fuq materjal li l-Kunsill ikun kiseb mill-istampa jew mill-internet. Il-Qorti Ġenerali osservat ġustament, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li jekk il-Kunsill jitħalla jagħmel hekk, dan ifisser li dik l-istituzzjoni tingħata r-rwol ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Madankollu, kif spjegat il-Qorti Ġenerali fil-punt 127 tas-sentenza appellata, taħt is-sistema b’żewġ livelli kwalunkwe att terroristiku ġdid li l-Kunsill idaħħal fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu għandu jkun is-suġġett ta’ eżami f’deċiżjoni minn awtorità kompetenti.

62.

Għalhekk jiena nirrifjuta t-tieni u t-tielet argumenti tal-Kunsill.

Il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata tannulla l-Atti kkontestati?

63.

Ir-raba’ argument tal-Kunsill insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu jikkorrispondi għat-tielet argument tal-Kunsill insostenn tat-tieni aggravju tiegħu u t-tieni argument insostenn tat-tielet aggravju tiegħu fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE.

64.

Fil-Konklużjonijiet tiegħi f’dak il-każ ( 65 ) jiena rrifjutajt il-loġika sottostanti tal-argument tal-Kunsill li, peress li ma jistgħux jitqiesu l-atti l-iktar riċenti kif iddokumentati fl-istampa, ma kien hemm l-ebda tibdil fis-sitwazzjoni fattwali u l-LTTE għalhekk setgħet tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). Jiena spjegajt li, fejn ma jkun hemm ebda deċiżjoni oħra jew deċiżjoni iktar ġdida ta’ awtorità kompetenti (rigward fatti oħra), il-Kunsill madankollu għandu jivverifika jekk, fuq il-bażi tal-fatti u tal-provi fid-deċiżjoni li kien ibbaża ruħu fuqha preċedentement, jibqa’ jkun hemm riskju ta’ involviment f’atti terroristiċi u għalhekk raġuni għall-elenkar. Dak implika wkoll li l-Kunsill imissu spjega għalfejn l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 kompliet tkun bażi suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu li jkompli jelenka l-LTTE u li l-Qorti Ġenerali jmissha indirizzat dak l-argument. Is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali dwar jekk il-Kunsill kienx għamel hekk kienu s-suġġett tat-tielet aggravju tal-Kunsill f’dik il-kawża.

65.

Hawnhekk, naqbel ma’ din il-fehma.

66.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali annullat l-Atti kkontestati tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 minħabba li sabet li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u kiser l-obbligu espożizzjoni tal-motivi ( 66 ).

67.

It-tieni, dan ma jfissirx neċessarjament li, minħabba li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq fatti li jkun sab hu stess, il-Kunsill seta’ madankollu jiddeċiedi li jżomm lill-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3) mingħajr iktar eżaminazzjoni. Kif diġà għedt, f’ċirkustanzi fejn ma hemm ebda deċiżjoni oħra jew deċiżjoni iktar ġdida ta’ awtorità kompetenti (rigward fatti oħra), il-Kunsill madankollu għandu jivverifika jekk, fuq il-bażi tal-fatti u l-provi fid-deċiżjoni li bbaża ruħu fuqha preċedentement, għadx hemm riskju ta’ involviment f’atti terroristiċi u għalhekk raġuni għall-elenkar ( 67 ). Hija timplika wkoll li l-Kunsill imissu spjega għalfejn id-deċiżjonijiet nazzjonali tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tal-2001 komplew ikunu bażi suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu u li l-Qorti Ġenerali jmissha indirizzat l-argument. L-istess bħal fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE, is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali dwar jekk il-Kunsill għamilx hekk huma s-suġġett tat-tielet aggravju tal-Kunsill.

68.

Jien għalhekk niċħad ir-raba’ argument tal-Kunsill.

It-tieni aggravju

69.

It-tieni aggravju tal-Kunsill huwa li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonkludietx li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kkostitwew bażi suffiċjenti għall-elenkar tal-Hamas.

70.

Għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE, il-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda konstatazzjonijiet hawnhekk dwar jekk deċiżjoni ta’ Stat terz tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet.

71.

Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ argumenti invokati insostenn ta’ dan l-aggravju għalhekk għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti: il-Qorti Ġenerali sempliċement ma għamlitx il-konstatazzjonijiet li l-Kunsill jallega li huma żbaljati. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx jekk id-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva tal-Istati Uniti tistax tkun deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (l-ewwel argument). Dan jirriżulta b’mod ċar meta wieħed jaqra l-punti 99 u 101 tas-sentenza appellata flimkien. Lanqas ma għamlet konstatazzjonijiet dwar jekk il-bażi fuq tali deċiżjoni għandhiex tkun tiddependi fuq jekk il-grupp elenkat jistax u fil-fatt ikkontestax, taħt il-liġi tal-Istati Uniti, id-deċiżjoni li telenkah bħala organizzazzjoni terroristika (it-tielet u r-raba’ argumenti).

72.

Il-Kunsill jallega wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta eżiġiet li huwa jkun jaf l-elementi fattwali kollha li fuq il-bażi tagħhom is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti elenka lill-Hamas (it-tieni argument). Huwa jinvoka, f’dan is-sens, il-punti 129 sa 132 tas-sentenza appellata. Jien ma ninterpretax is-sentenza appellata bl-istess mod. Fil-punt 129, il-Qorti Ġenerali tenniet il-ħtieġa li jkun hemm bażi fattwali dderivata minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti sabiex persuna jew grupp tiġi suġġetta għal miżuri restrittivi. Dan huwa konformi mal-għan li jkun żgurat li kwalunkwe persuna jew grupp tiġi inkluża fil-lista tal-Artikolu 2(3) biss fuq bażi fattwali solida biżżejjed ( 68 ). Fil-punt 130, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dak ir-rekwiżit biex ikun applikat irrispettivament mill-aġir tal-persuna jew grupp ikkonċernat. Hija ffukat ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi, fl-espożizzjoni tal-motivi, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu fil-fatt eżaminaw u stabbilew l-atti terroristiċi li l-Kunsill jieħu bħala l-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tiegħu stess. Dan huwa konsistenti mar-rekwiżit li l-Kunsill għandu jivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti hijiex preċiża biżżejjed sabiex (i) tidentifika l-persuna jew il-grupp ikkonċernat u (ii) sabiex tistabbilixxi rabta possibbli [kif deskritt fl-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931] bejn il-persuna jew il-grupp ikkonċernat u atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni ( 69 ). Il-punti 131 u 132 jikkonċernaw, rispettivament, il-konstatazzjoni preċedenti tal-Qorti Ġenerali li l-Kunsill effettivament invoka informazzjoni li kien kiseb hu stess u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.

73.

Għaldaqstant ma nsib xejn f’dawn il-punti li jappoġġja l-opinjoni li l-Qorti Ġenerali kienet teħtieġ li l-Kunsill ikun jaf l-elementi fattwali kollha li fuq il-bażi tagħhom kienet adottata deċiżjoni minn awtorità kompetenti fi Stat terz. Fil-fatt, meta jinqraw flimkien ma’ partijiet oħra tas-sentenza appellata (b’mod partikolari, il-punti 103, 106 u 110), isir ċar li l-Qorti Ġenerali sempliċement (u ġustament) sabet li l-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti mingħajr ma jkun jaf ir-raġunijiet konkreti li fuqhom din id-deċiżjoni kienet ibbażata. Kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Kunsill għandu jieħu bħala l-bażi fattwali tal-evalwazzjoni tiegħu, deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet kompetenti li jkunu kkunsidraw fatti preċiżi u li jkunu aġixxew fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti qabel jaċċerta li dawk il-fatti huma tabilħaqq “atti terroristiċi” u li l-grupp ikkonċernat huwa “grupp” fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

74.

Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, il-ħames argument tal-Kunsill ma jistax jappoġġja t-tieni aggravju tiegħu li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma kkonkludietx li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-elenkar tal-Hamas. Dan l-argument jikkonċerna l-konsegwenzi possibbli tal-loġika tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, kif diġà spjegajt, il-Kunsill interpreta l-parti rilevanti tas-sentenza appellata b’mod żbaljat.

75.

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li fuqha l-Kunsill jibbaża ruħu ma ġietx ikkontestata quddiem qorti nazzjonali ma jeħlisx lill-Kunsill mill-obbligu tiegħu li jivverifika illi, rigward id-dipendenza tiegħu fuq din id-deċiżjoni, il-kundizzjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ikunu ssodisfatti u biex jipprovdu espożizzjoni xierqa tal-motivi.

76.

Għalhekk jiena nirrifjuta l-argumenti insostenn tat-tieni aggravju.

It-tielet aggravju

77.

It-tielet aggravju tal-Kunsill huwa li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonkludietx li l-elenkar tal-Hamas jista’ jkun ibbażat fuq l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001. Dak l-aggravju jikkorrispondi għat-tielet aggravju fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE.

78.

L-ewwel argument tal-Kunsill huwa li f’każijiet preċedenti l-Qorti Ġenerali kienet diġà aċċettat li dik l-istess ordni tkun deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fl-opinjoni tiegħi, dak l-argument ma jistax jappoġġja t-tielet aggravju. Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx konstatazzjonijiet espliċiti dwar l-istatus ta’ dik id-deċiżjoni. Ir-raġunament tagħha lanqas ma jissuġġerixxi (espliċitament jew impliċitament) li hija kienet tal-opinjoni li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 ma kinitx deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Lanqas ma ninterpreta l-punt 105 tas-sentenza appellata bħala li jfisser li l-Qorti Ġenerali sabet li dik l-ordni kienet ġiet imħassra u ma kinitx għadha rilevanti. Dak il-punt ifforma parti mid-diskussjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw u li jistabbilixxu l-atti ta’ vjolenza li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuqhom għall-perijodu wara l-2004.

79.

It-tieni argument tal-Kunsill huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball tal-liġi meta kkonkludiet li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 ma kinitx, jew ma setgħetx tibqa’ tkun, deċiżjoni valida fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u meta kkonstatat li l-Kunsill imissu kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi kollha li rriżultaw fl-adozzjoni ta’ dik l-ordni mis-Segretarju tal-Istat għall-Intern. Jien nieħu l-istess pożizzjoni hawnhekk bħal dik fir-rigward tal-argument ekwivalenti fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE ( 70 ). Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx dawn il-konstatazzjonijiet. Wara li kkonstatat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-lista ta’ atti ta’ vjolenza għall-perijodu wara l-2004 kellha rwol deċiżiv fid-determinazzjoni tal-Kunsill ta’ jekk kienx xieraq li l-Hamas jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3), il Qorti Ġenerali ffukat fuq jekk l-espożizzjoni tal-motivi rreferietx għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li eżaminaw dawk il-fatti. Tali deċiżjonijiet kellhom neċessarjament jiġu wara dawk il-fatti u għaldaqstant taħt l-ebda ċirkustanza ma setgħu jinkludu l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001. Barra minn hekk, diġà spjegajt għaliex nikkunsidra li l-Kunsill huwa żbaljat meta jallega li l-Qorti Ġenerali talbet li l-Kunsill ikollu quddiemu l-elementi kollha invokati mill-awtoritajiet kompetenti meta l-Hamas jiġi proskritt ( 71 ).

80.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, bħat-tielet aggravju fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE, huwa impliċitu fit-tielet aggravju tal-Kunsill li, wara li kkonstatat li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq il-lista ta’ atti ta’ vjolenza għall-perijodu wara l‑2004 mingħajr ma dawk l-atti jkunu ġew eżaminati mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, il-Qorti Ġenerali madankollu jmissha sabet li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 (it-tielet aggravju ma jirrigwardax id-deċiżjoni tal-Istati Uniti) tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-miżuri kkontestati.

81.

Il-pożizzjoni tiegħi hija dik stabbilita fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE ( 72 ). Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, għalkemm il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kunsill kien iċċita, fl-espożizzjoni tal-motivi għall-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, id-deċiżjonijiet nazzjonali inizjali (b’mod partikolari, l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001), hija kkonstatat li l-Kunsill kien iddikjara biss li dawn baqgħu fis-seħħ ( 73 ). Il-Qorti Ġenerali ma waslet għal ebda konklużjonijiet, f’termini espliċiti, minn dan il-fatt. Għalhekk, għalkemm il-Kunsill huwa żbaljat meta jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001 ma setgħetx, jew ma setgħetx tibqa’, tkun deċiżjoni valida ta’ awtorità kompetenti, huwa inqas ċar jekk il-Qorti Ġenerali fil-fatt insietx tindirizza dik id-domanda (li kienet saritilha b’mod ċar fuq il-bażi tat-talbiet tal-Hamas ibbażati fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni adegwat tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni) ( 74 ).

82.

Jiena naqbel mal-Kunsill li, wara li kkonstatat li wħud mir-raġunijiet ma setgħux jiġġustifikaw id-deċiżjoni li l-Hamas jinżamm fil-lista u għandha għalhekk tiġi annullata, il-Qorti Ġenerali kellha żżid espressament fuq l-eżaminazzjoni tar-raġunijiet l-oħra u tivverifika jekk almenu mill-inqas waħda minn dawn ir-raġunijiet kinitx biżżejjed fiha nnifisha biex tappoġġja d-deċiżjoni ( 75 ). Huwa biss jekk dawn ir-raġunijiet l-oħra kienu wkoll mhux iddettaljati u speċifiċi b’mod suffiċjenti biex jiffurmaw il-bażi għall-elenkar li l-miżuri kkontestati setgħu jiġu annullati. Madankollu, il-Qorti Ġenerali hawnhekk naqset milli tagħmel tali konstatazzjonijiet. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali essenzjalment kien limitat għal konstatazzjoni ta’ fatt, jiġifieri li l-Kunsill sempliċement iċċita d-deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti u ddikjara li dawn baqgħu validi. Għal dik ir-raġuni, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata.

83.

Fortunatament, l-istat tal-proċeduri fil-kawża preżenti jippermetti lill-Qorti tagħti, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sentenza definittiva dwar il-kwistjoni. Fil-kuntest tar-raba’ u s-sitt motivi, il-Hamas jargumenta li l-Kunsill sempliċement iċċita serje ta’ fatti u afferma li d-deċiżjonijiet nazzjonali kienu għadhom fis-seħħ. Hija argumentat li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien”. Hija lmentat ukoll li l-Kunsill ma ta ebda indikazzjoni tal-fatti stabbiliti kontriha f’dawk id-deċiżjonijiet nazzjonali.

84.

Spjegajt xi mkien ieħor f’dawn il-konklużjonijiet u fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE għaliex nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-Kunsill ma setax, meta ddeċieda li jżomm lill-Hamas fil-lista tal-Artikolu 2(3), jibbaża ruħu (fl-espożizzjoni tal-motivi tiegħu) fuq lista ta’ atti ġodda li ma kinux ġew evalwati u stabbiliti minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Dan iwassal għad-domanda ta’ jekk kienx biżżejjed li jiġi kkonstatat fir-raġunijiet għall-miżuri kkontestati, jew li d-deċiżjonijiet inizjali tal-awtoritajiet kompetenti (b’mod partikolari l-ordni ta’ proskrizzjoni tar-Renju Unit tal-2001) baqgħet valida, jew (mingħajr iktar) li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti.

85.

Għar-raġunijiet li diġà spjegajt, b’mod partikolari fil-punti 77 sa 91 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il‑Kunsill vs LTTE, nikkunsidra li dan ma kienx biżżejjed. Għaldaqstant nikkonkludi li l-miżuri kkontestati għandhom jiġu annullati għal dik ir-raġuni ( 76 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa mill-Hamas fl-ewwel istanza.

Postscriptum

86.

Kemm l-applikazzjoni tal-Hamas fl-ewwel istanza u kif ukoll l-appell preżenti tal-Kunsill kienu, kwintessenzjalment, dwar il-proċedura iktar milli dwar is-sustanza. Fil-konklużjonijiet tiegħi, deliberatament inżomm lura milli nesprimi kwalunkwe opinjoni dwar il-kwistjoni sostantiva dwar jekk imġiba attribwita lill-Hamas bħala evalwata u stabbilita minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, tiġġustifikax it-tqegħid u/jew iż-żamma ta’ dak il-grupp u/jew l-affiljati tiegħu fil-lista tal-Artikolu 2(3). Dawn il-Konklużjonijiet għalhekk għandhom jinqraw bħala li jikkonċernaw esklużivament iż-żamma tal-istat tad-dritt, ir-rispett ta’ proċess xieraq u d-drittijiet tad-difiża.

Konklużjoni

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tilqa’ l-appell tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑400/10;

tannulla d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/386/PESK tat-12 ta’ Lulju 2010, 2011/70/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, 2011/430/PESK, tat‑18 ta’ Lulju 2011, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/872/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2011, 2012/333/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, 2012/765/PESK, tal‑10 ta’ Diċembru 2012, 2013/395/PESK tal-25 ta’ Lulju 2013, 2014/72/PESK, tal-10 ta’ Frar 2014, u 2014/483/PESK, tat‑22 ta’ Lulju 2014, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar, rispettivament, id-Deċiżjonijiet 2011/430, 2011/872, 2012/333, 2012/765, 2013/395 u 2014/72, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem);

tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, tal-Kunsill Nru 83/2011, tal‑31 ta’ Jannar 2011, tal-Kunsill Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, tal-Kunsill Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, tal-Kunsill Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, tal-Kunsill Nru 1169/2012, tal‑10 ta’ Diċembru 2012, tal-Kunsill Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, tal-Kunsill Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014, u tal-Kunsill Nru 790/2014, tat‑22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassru r-Regolament ta’ Implementazzoni rispettivament (UE) Nru 1285/2009, Nru 610/2010, Nru 83/2011, Nru 687/2011, Nru 1375/2011, Nru 542/2012, Nru 1169/2012, Nru 714/2013 u Nru 125/2014, sa fejn jikkonċernaw il-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem);

tordna, skont l-Artikoli 138(3) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) imġarrba f’dan l-appell;

tordna, skont l-Artikoli 138(3) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) tħallas l-ispejjeż li jifdal tagħha mġarrba f’dan l-appell;

tordna, skont l-Artikoli 138(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) fl-ewwel istanza; kif ukoll,

tordna, skont l-Artikoli 140(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Gvern Franċiż u lill-Kummissjoni Ewropea jħallsu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza ta’ 17 ta’ Diċembru 2014fil-Kawża Hamas vs Il‑Kunsill, T‑400/10, EU:T:2014:1095.

( 3 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kif emendata.

( 4 ) Deċiżjoni, tas-27 ta’ Diċembru 2001, li tistabbilixxi l-lista pprovduta fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2001, L 344, p. 83).

( 5 ) Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2010 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2010, L 178, p. 28).

( 6 ) Regolament ta’ implimentazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU L 178, p. 1). L-interpretazzjoni u l-validità ta’ dak ir-regolament hija diskussa wkoll fil-Kawża C‑158/14, A et., li fiha nippreżenta l-Konklużjonijiet tiegħi fid-29 ta’ Settembru 2016.

( 7 ) Regolament tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif emendat l-aħħar.

( 8 ) ĠU 2010, C 188, p. 13.

( 9 ) Deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2011 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (ĠU 2011, L 28, p. 57).

( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011, L 28, p. 14).

( 11 ) Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, gruppi u entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 (ĠU 2011, C 33, p. 14).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK, tat-18 ta’ Lulju 2011, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2011, L 188, p. 47).

( 13 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u Nru 83/2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2).

( 14 ) Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, gruppi u entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2011, C 212, p. 20).

( 15 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2011, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/430 (ĠU 2011, L 343, p. 54).

( 16 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 687/2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10).

( 17 ) Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2011, C 377, p. 17).

( 18 ) Deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2012, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/872 (ĠU 2012, L 165, p. 72).

( 19 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1375/2011 (ĠU 2012, L 165, p. 12).

( 20 ) Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2012, C 186, p. 1).

( 21 ) Deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2012, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/333/PESK (ĠU 2012, L 337, p. 50).

( 22 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tal-10 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 542/2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2).

( 23 ) Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2012, C 380, p. 6).

( 24 ) Deċiżjoni, tal-25 ta’ Lulju 2013, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/765 (ĠU 2013, L 201, p. 57).

( 25 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 2013, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1169/2012 (ĠU 2013, L 201, p. 10).

( 26 ) Deċiżjoni, tal-10 ta’ Frar 2014, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/395 (ĠU 2014, L 40, p. 56).

( 27 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tal-10 ta’ Frar 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9).

( 28 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Lulju 2014, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/72 (ĠU 2014, L 217, p. 35).

( 29 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1).

( 30 ) Punt 60 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Punt 76 tas-sentenza appellata.

( 32 ) Punti 84 sa 92 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Ara l-punt 7 hawn fuq.

( 34 ) Punt 101 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 102 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Punt 103 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Punt 106 tas-sentenza appellata.

( 38 ) Punt 107 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Punt 109 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Punti 110 u 112 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Punti 113 sa 119 tas-sentenza appellata.

( 42 ) Punt 121 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punt 125.

( 43 ) Punti 126 u 127 tas-sentenza appellata.

( 44 ) Punt 128 tas-sentenza appellata.

( 45 ) Punti 129 sa 131 u 141 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Punt 138 sa 140 tas-sentenza appellata.

( 47 ) Punt 137 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Punt 141 tas-sentenza appellata.

( 49 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012fil-kawża Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Pays-Bas vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711 (“is-sentenza f’Al-Aqsa”), punti 145 u 146.

( 50 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008f’People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461 (“Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI”), paragrafi 109 u 112.

( 51 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-kważa Al-Aqsa vs Il‑Kunsill, T‑348/07, EU:T:2010:373.

( 52 ) Il-Qorti Ġenerali ibbażat ruħha fuq is-sentenza tagħha fil-kawża PMOI, punt 81.

( 53 ) Sentenza fil-kawża Al-Aqsa, punt 82.

( 54 ) Sentenza fil-kawża Al-Aqsa, punti 70 u 71.

( 55 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 144.

( 56 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punti 144 sa 147.

( 57 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 147.

( 58 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 72.

( 59 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016 fil-kawża National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 55.

( 60 ) Ara l-punti 77 sa 92 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 61 ) Dak kien il-każ fis-sentenza fil-kawża Al-Aqsa, punti 83 sa 90.

( 62 ) Rigward tip ta’ sanzjoni differenti, ara b’mod simili, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013f’Il‑Kummissjoni et. vsKadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156.

( 63 ) Ara l-punti 77 sa 92 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 64 ) Ara l-punti 96 sa 107 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 65 ) Ara l-punti 109 sa 112 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 66 ) Ara l-punti 137 u 141 tas-sentenza appellata.

( 67 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 88 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 68 ) Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata hemm.

( 69 ) Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata hemm.

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 116 sa126 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 71 ) Ara l-punt 73 hawn fuq.

( 72 ) Ara l-punti 117 sa 123 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑599/14 P.

( 73 ) Punt 103 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-paragrafi 100 u 119.

( 74 ) Ara l-paragrafi 79 u 80 tas-sentenza appellata.

( 75 ) Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013fil-Kawża Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 76 ) Sa fejn xi wħud minn dawk il-miżuri jikkonċernaw il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u, l-ġurisdizzjoni tal-Qorti biex tagħmel hekk tkun ibbażata fuq l-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.