KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑40/15
Minister Finansów
vs
Aspiro SA, li kienet BRE Ubezpieczenia sp. z o.o.
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja)]
“Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjoni mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u servizzi relatati ta’ brokers u ta’ aġenti tal-assigurazzjoni — Esternalizzazzjoni tal-ipproċessar tad-danni mill-assiguratur”
1. |
Is-servizzi fil-qasam ta’ pproċessar tad-danni relatat mat-talbiet tal-assigurazzjoni, huma eżenti mill-VAT fil-każ li l-assiguratur ma jwettaqx dan il-kompitu huwa nnifsu iżda jesternalizzah lil terz? Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi ta’ assigurazzjoni ( 2 ) għadha ma tipprovdix tweġiba ċara għal din il-mistoqsija. |
I – Il‑kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
2. |
Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”), “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” hija suġġetta għall-VAT. |
3. |
Madankollu, skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva VAT, l-Istati Membri huma eżentati mit-tranżazzjonijiet li ġejjin:
|
4. |
Din id-dispożizzjoni tikkonforma mal-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva ( 4 ) li kienet applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2006. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-proċedura preżenti. |
5. |
Sal-14 ta’ Jannar 2005, id-Direttiva 77/92/KEE ( 5 ) kienet tirregola l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ aġenti u ta’ brokers tal-assigurazzjoni fl-Unjoni. L‑Artikolu 2(1) tagħha jistabbilixxi, inter alia, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin [...]:
[…]” |
6. |
Id-Direttiva 2002/92/KE ( 6 ) sadanittant issostitwixxiet id-Direttiva 77/92. Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi l-kunċett “medjazzjoni ta’ assigurazzjoni” kif ġej: “[...] tfisser attivitajiet ta’ introduzzjoni, proposti jew it-twettieq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li dawk il-kuntratti jiġu konklużi, jew f’għajnuna fl-amministrazzjoni jew twettieq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba. […] Il-provvista ta’ informazzjoni fuq bażi inċidentali fil-kuntest ta’ attività professjonali oħra sakemm l-għan ta’ dik l-attività ma jkunx li l-klijent jiġi assistit fil-konklużjoni jew twettieq ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-immaniġġar ta’ talbiet ta’ impriża ta’ assigurazzjoni fuq bażi professjonali, l-aġġustament ta’ telf u l-istima esperta ta’ talbiet m’għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni.” |
B – Id-dritt Pollakk
7. |
Il-punt 37 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq il-proprjetà u s-servizzi (Ustawa o podatku od towarów i usług, iktar ’il quddiem il-“liġi Pollakka dwar il-VAT”) jistipula, fil-verżjoni rilevanti għall-każ preżenti: “Servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni, servizzi ta’ intermedjazzjoni fil-każ tal-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kif ukoll il-provvista ta’ servizzi mill-assiguratur fil-qafas tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi minnu f’isem terz huma eżenti mit-taxxa, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet miksuba fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni.” |
8. |
L-Artikolu 43(13) tal-liġi Pollakka dwar il-VAT jippreċiża kif ġej: “L-eżenzjoni mit-taxxa tapplika wkoll għall-provvista ta’ servizz liema huwa komponent minn servizz indikat fil-paragrafu 1(7) u (37) sa (41), li fih innifsu jikkostitwixxi oġġett distint u liema huwa neċessarju u xieraq għall-provvista ta’ servizz eżentat mit-taxxa taħt fil-paragrafu 1(7) u (37) sa (41).” |
II – Il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
9. |
Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-kwistjoni dwar sa fejn l-attività tal-kumpannija Pollakka Aspiro SA (iktar ’il quddiem “Aspiro”) hija eżentata mill-VAT. Aspiro tipprovdi servizzi b’mod estensiv għal assiguratur fir-rigward ta’ pproċessar tad-danni relatat mat-talbiet ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, fil-konfront ta’ xerrejja tal-poloz ta’ assigurazzjoni din taġixxi f’isem u fl-interess tal-assiguratur. |
10. |
Iktar preċiżament, Aspiro tirċievi rapporti ta’ ħsarat u twettaq investigazzjonijiet tagħhom. Hija tagħmel kuntatt mal-assigurati li magħhom, hija stess, ma tinsab fl-ebda relazzjoni kuntrattwali u, fejn applikabbli, tfassal perizji u rapporti tal-ħsarat. Wara l-eżami tad-dokumenti miġbura, hija tipproċessa d-danni u tiddeċiedi dwar it-talbiet. Barra minn hekk, Aspiro twettaq proċeduri ta’ rkupru u tittratta talbiet dwar pproċessar tad-danni. F’relazzjoni ma’ dawn l-attivitajiet, Aspiro, barra minn hekk, twettaq diversi attivitajiet amministrattivi u tekniċi oħrajn. |
11. |
L-amministrazzjoni fiskali Pollakka kienet tal-fehma li l-eżenzjoni mill-VAT tittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-eżami tat-talbiet għal ipproċessar tad-danni u l-eżekuzzjoni tagħhom. B’kuntrast, l-attivitajiet l-oħrajn kollha ma humiex karatteristiċi tal-attività ta’ impriża tal-assigurazzjoni u, għaldaqstant, skont l-Artikolu 43(13) tal-liġi Pollakka dwar il-VAT, ma humiex koperti minn din l-eżenzjoni. |
12. |
In-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema), li issa hija adita bil-kawża, tqis li d-dritt tal-Unjoni huwa determinanti għall-eżitu tal-kawża, u fit-2 ta’ Frar 2015 għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE: L-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvisti ta’ servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami, li jitwettqu għal impriża ta’ assigurazzjoni minn terz f’isem u fl-interess tal-assiguratur, fejn it-terz ma jkollu ebda relazzjoni legali mal-assigurat, huma inklużi fl-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni? |
13. |
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Aspiro, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2015 dehru Aspiro, l-amministrazzjoni fiskali Pollakka, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni. |
III – Analiżi legali
14. |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-eżekuzzjoni tal-ipproċessar tad-danni li titwettaq f’isem u fl-interess tal-assiguratur minn terz, liema ma jinsab fl-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-persuna assigurata, għandhiex tkun eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
A – Dwar l-ammissibbiltà
15. |
L-ewwel nett, Aspiro tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. |
16. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-eżenzjoni mill-VAT, li l-kundizzjonijiet tagħha, f’dan il-każ, huma ssodisfatti. Għalhekk, id-Direttiva tal-VAT ma tistax tkun invokata fil-konfront tagħha, billi l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat konformement magħha, fl-ebda każ ma għandu jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT hija irrilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. |
17. |
Huwa minnu li, skont l-Artikolu 267 TFUE, domanda preliminari trid tkun deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sabiex tkun ammissibbli. Madankollu, hija l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju ( 7 ), li bħala prinċipju l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistħarriġx, ħlief f’każ ta’ żbalji manifesti ( 8 ), li hija determinanti. |
18. |
F’dan il-każ, ma jeżistux żbalji bħal dawn. Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-eżenzjoni mill-VAT ta’ servizz marbut mal-assigurazzjoni. Dan il-qasam huwa kopert mill-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu, skont id-dritt tal-Unjoni, li tagħti l-interpretazzjoni tagħha konformi mad-dritt nazzjonali ( 9 ). Xejn ma jindika li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet Pollakki rilevanti tipprekludi dan. Partikolarment fl-Artikolu 43(13) tal-liġi Pollakka dwar il-VAT, li huwa kkontestat fil-kawża prinċipali, ma hijiex prevista eżenzjoni, b’mod espliċitu, mit-taxxa fuq is-servizzi kif ipprovduti minn Aspiro. Din id-dispożizzjoni tistandardizza sempliċement rekwiżiti astratti, li jeħtieġu interpretazzjoni, liema għandhom ikunu faċilment is-suġġett ta’ kunsiderazzjoni ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
19. |
Għaldaqstant, id-domanda preliminari hija ammissibbli. |
B – Fuq ir-risposta għad-domanda preliminari
20. |
Servizzi bħal dawk ipprovduti minn Aspiro, skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, huma eżenti mit-taxxa f’każ li huma kkonċernati tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni (taqsima 1) jew servizzi assoċjati liema huma pprovduti minn broker jew minn aġent tal-assigurazzjoni (taqsima 2). |
1. Tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni
21. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni la ddefinixxa l-kunċett ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT u lanqas ma għamel riferiment għad-dritt nazzjonali. Dan il-kunċett huwa wieħed awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 10 ). |
22. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni hija karatterizzata mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta jkun ġie konkluż il-kuntratt ( 11 ). Taħt dan il-kunċett jaqa’ wkoll l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna taxxabbli li hija stess ma hijiex assiguratur, iżda li tipprovdi lill-klijenti tagħha tali kopertura billi tuża s-servizzi ta’ assiguratur ( 12 ). Fi kliem ieħor, huwa rilevanti t-teħid tar-riskju bi ħlas. Tali kunċett jistabbilixxi l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna assigurata ( 13 ). |
23. |
Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fil-kawża preżenti. Aspiro la tiggarantixxi lill-assigurati kopertura ta’ assigurazzjoni billi hija stess timpenja ruħha li tkopri r-riskji u lanqas il-kumpannija ma tinsab f’relazzjoni kuntrattwali mal-persuni assigurati. |
24. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu wħud mill-partijiet fil-proċedura, ma jistax ikun hemm eżenzjoni anki minħabba l-fatt li s-servizz ipprovdut minn Aspiro jikkostitwixxi, fl-ewwel lok “unità distinta, evalwata globalment” li fit-tieni lok jikkostitwixxi “elementi speċifiċi u essenzjali” tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni eżenti permezz tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
25. |
Huwa minnu li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar ċerti eżenzjonijiet għal servizzi finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT, fil-preżenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ċerti elementi ta’ servizz eżentat mit-taxxa jistgħu wkoll jiġu eżentati ( 14 ). Dan jippreżupponi, madankollu, li, fi kwalunkwe każ, il-provvista ta’ servizz eżenti, skont il-formulazzjoni tal-eżenzjoni, tista’ tinqasam f’diversi servizzi distinti ( 15 ). |
26. |
Dan, madankollu, ma huwiex il-każ għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni. Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ma tirreferix b’mod ġeneriku għal tranżazzjonijiet fin-negozju tal-assigurazzjoni ( 16 ) jew l-immaniġġar ta’ assigurazzjonijiet ( 17 ), iżda, skont il-formulazzjoni tagħha, għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni biss fis-sens strett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat ( 18 ). It-teħid ta’ riskju li, skont il-ġurisprudenza, huwa l-uniku kostitwent ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, ma jistax jinqasam f’servizzi separati. |
27. |
F’dan il-kuntest, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni li tista’ tinftiehem bħala sempliċement tixtieq tippreċiża li l-prinċipji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-trattament fiskali tal-attivitajiet esternalizzati fil-qasam ta’ ċerti servizzi finanzjarji japplikaw ukoll għat-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni ( 19 ). Fin-nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kunsill, din il-proposta ma kisbitx is-saħħa ta’ liġi u għalhekk hija irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt fis-seħħ – l-istess bħall-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fil-proposta. |
28. |
Finalment, ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet oħrajn mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali, skont liema oġġetti jew servizzi simili ma jistgħux jiġu trattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT ( 20 ). Aspiro tinvoka dan il-prinċipju msemmi sabiex tittrasponi għall-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-elementi esternalizzati ta’ servizz finanzjarju eżentat. Iżda kif kien ripetutament iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż fl-assenza ta’ dispożizzjoni inekwivoka ( 21 ). |
29. |
Is-servizzi pprovduti minn Aspiro, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, lanqas ma hija preżenti tranżazzjoni ta’ riassigurazzjoni, peress li din tittratta unikament forma speċifika ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni li tinvolvi żewġ assiguraturi ( 22 ). |
2. Servizzi relatati
30. |
Għalhekk, jonqos li jiġi ċċarat jekk l-attività ta’ Aspiro hijiex eżenti mit-taxxa billi huma kkonċernati servizzi li huma relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u li huma pprovduti minn brokers jew aġenti tal-assigurazzjoni. |
a) Fuq servizzi relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni
31. |
Skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, huma eżenti mit-taxxa biss “servizzi relatati” ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni. Is-sens ta’ din l-espressjoni, skont il-formulazzjoni tagħha, huwa wiesa’ ħafna u, fil-prinċipju, jista’ jinftiehem li jkopri s-servizzi kollha li huma marbutin ma’ assigurazzjoni ( 23 ). Mingħajr ebda dubju, fil-każ ta’ attività bħalma huwa l-ipproċessar tad-danni relatat mat-talbiet ta’ assigurazzjoni teżisti tali konnessjoni. |
b) Fuq is-servizzi pprovduti minn brokers u l-aġenti tal-assigurazzjoni
32. |
Madankollu, is-servizz inkwistjoni għandu jkun ipprovdut, barra minn hekk, minn broker tal-assigurazzjoni jew minn aġent tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
33. |
Huwa veru li l-qorti tar-rinviju indikat espliċitament fid-digriet li Aspiro la hija broker tal-assigurazzjoni u lanqas aġent tal-assigurazzjoni. Madankollu, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit, b’mod partikolari, korrettament osserva li jeżistu dubji dwar jekk l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju hijiex legalment iġġustifikata. |
34. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għar-rikonoxximent ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni ma hijiex determinanti l-pożizzjoni formali ta’ persuna taxxabbli, iżda biss il-kontenut tal-attivitajiet eżerċitati ( 24 ). Fil-każ preżenti għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk is-servizzi pprovduti minn Aspiro fil-qasam tal-ipproċessar tad-danni jikkorrispondux, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, mal-attività ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
i) Ir-relazzjoni bejn l-assiguratur u x-xerrejja tal-poloz ta’ assigurazzjoni
35. |
Skont il-ġurisprudenza, il-fornitur tas-servizz qabelxejn irid “[jirrelata]” kemm ma’ wieħed jew – fil-każ ta’ broker tal-assigurazzjoni ( 25 ) – ma’ diversi assiguraturi kif ukoll max-xerrejja tal-poloz ta’ assigurazzjoni ( 26 ). |
36. |
Dan huwa l-każ ta’ Aspiro, minħabba li l-kumpannija hija marbuta legalment mal-assiguratur u żżomm rabta effettiva mad-detenturi tal-poloz, notevolment fil-kuntest tal-ipproċessar tad-danni tagħhom. Sempliċi relazzjoni ta’ fatt, bħal dik li tipikament teżisti wkoll bejn aġent tal-assigurazzjoni u persuna assigurata hija f’dan ir-rigward suffiċjenti. |
ii) Eżerċizzju tal-attività prinċipali ta’ broker tal-assigurazzjoni u aġent tal-assigurazzjoni
37. |
Il-fornitur ta’ servizzi relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni għandu jeżerċita wkoll, għall-inqas, attività prinċipali bħala broker jew aġent tal-assigurazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Arthur Andersen, titkellem f’dan il-kuntest dwar “aspetti essenzjali” ta’ attività ta’ dan it‑tip, li jikkonsistu fit-tfittxija u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet tal-klijenti mal-assiguratur għall-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni ( 27 ). Fil-fatt, essenzjalment, dan huwa li jikkaratterizza l-attivitajiet ta’ broker tal-assigurazzjoni jew aġent tal-assigurazzjoni. |
38. |
Hija biss interpretazzjoni li teħtieġ, għall-eżenzjoni prevista mit-tieni varjant tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, attività waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita, b’rabta mal-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni ( 28 ). |
39. |
Huwa minnu li la d-Direttiva nfisha u lanqas ix-xogħol preparatorju ma jippermettu li jiġi identifikat b’mod ċar l-iskop tal-eżenzjoni ( 29 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li teżisti rabta bejn l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 401 ta’ din id-direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu “taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni”. L-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet u servizzi ta’ assigurazzjoni relatati ma’ dawn it-tranżazzjonijiet imwettqa minn broker tal-assigurazzjoni u aġent tal-assigurazzjoni għandha tevita f’każijiet bħal dawn, it-taxxa doppja li tippenalizza l-konsumatur finali ( 30 ). |
40. |
Dan l-għan huwa kopert b’mod adegwat, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta meħtieġa, fejn huma eżenti servizzi li jkollhom konnessjoni diretta mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, huwa biss fil-każ tat-tassazzjoni ta’ attività bħal din, li l-konsumatur finali jiġi direttament impost il-VAT. |
41. |
Jekk, madankollu – bħal f’dan il-każ – assiguratur jesternalizza lil terz biss parti mill-kompiti tiegħu li huwa responsabbli għalihom fil-qafas tal-assigurazzjoni fis-seħħ, huwa biss l-assiguratur li jiġi impost il-piż tal-VAT li jirriżulta minn dan. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat, fis-sentenza Arthur Andersen, li s-sempliċi esternalizzazzjoni tal-attività tal-assiguratur tiġi kklassifikata bħala attività ta’ aġent tal-assigurazzjoni ( 31 ). |
42. |
Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi, fil-fatt, l-eżenzjoni mit-taxxa wkoll għal attivitajiet ta’ broker tal-assigurazzjoni u aġent tal-assigurazzjoni li jmorru lil hinn minn sempliċi sforz għall-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni. Dan jippreżupponi, madankollu, li dawn huma konnessi mal-attività prinċipali ta’ broker jew ta’ aġent, jiġifieri t-tfittxija ta’ klijenti u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet mal-assiguratur ( 32 ). |
43. |
Fil-każ preżenti, l-attività ta’ Aspiro ma tissodisfax, madankollu, din il-kundizzjoni. Aspiro tittratta esklużivament l-ipproċessar tad-danni mingħajr, madankollu, ma twettaq ebda attività mmirata lejn il-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni. |
44. |
Wieħed, għalhekk, jista’ jikkonkludi li l-attività eżerċitata minn Aspiro la tikkorrispondi ma’ dik ta’ broker tal-assigurazzjoni u lanqas ma’ dik ta’ aġent tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, għaliex Aspiro ma teżerċitax l-attività prinċipali tagħhom. |
iii) Direttivi fuq il-moviment liberu ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni
45. |
Id-direttivi intiżi li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni, imsemmija mir-Renju Unit biex jipproduċi prova li l-ipproċessar tad-danni relatat mat-talbiet ta’ assigurazzjoni jaqa’ taħt l-attivitajiet karatteristiċi ewlenin ta’ brokers u ta’ aġenti tal-assigurazzjoni, ma jippermettu l-ebda konklużjonijiet differenti. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jirreferi partikolarment għad-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet li jinsabu fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/92 u fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92. |
46. |
Hawnhekk huwa superfluwu li jiġi eżaminat jekk id-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet f’dawk id-direttivi għandhomx importanza deċiżiva reali għall-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ broker u ta’ aġent tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet b’mod supplimentari għad-Direttiva 77/92 f’xi deċiżjonijiet ( 33 ), għandu jitfakkar li d-direttivi msemmija huma intiżi sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni ( 34 ), filwaqt li l-eżenzjonijiet inkwistjoni jsegwu, kif innotat ( 35 ) għanijiet differenti. Fil-każ ta’ sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ċaħdet, pereżempju, ir-rilevanza ta’ direttiva intiża li tiffaċilita l-moviment liberu tat-tobba għall-eżenzjonijiet mill-VAT ( 36 ). |
47. |
Madankollu, fi kwalunkwe każ, mid-Direttiva 77/92 u mid-Direttiva 2002/92 li kienet sussegwenti, xejn ma jippermetti li tiġi kkontestata l-konklużjoni li s-sempliċi pproċessar tad-danni ma huwiex attività ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
48. |
Fid-deskrizzjoni tal-attività professjonali ta’ brokers u ta’ aġenti tal-assigurazzjoni fid-Direttiva 77/92 u fil-lista ta’ karatteristiċi essenzjali tal-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” fid-Direttiva 2002/92, jidher ċertament f’kull każ il-fatt li tingħata għajnuna għall-amministrazzjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ talbiet tal-assigurazzjoni, u għalhekk il-fatt li tingħata kontribuzzjoni għall-ipproċessar tad-danni ( 37 ). Madankollu, hija msemmija biss sempliċi attività ta’ appoġġ li, minbarra dan, tikkonċerna biss il-kuntratti ta’ assigurazzjoni li kienu ġew iffinalizzati bil-parteċipazzjoni ta’ persuni li jeżerċitaw il-professjoni. |
49. |
Minn din is-sitwazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod ċar l-eżekuzzjoni tal-ipproċessar tad-danni f’isem assiguratur, kif qed isir f’dan il-każ minn Aspiro. F’dan is-sens, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92 qed jiġi stabbilit espressament li “l-immaniġġar ta’ talbiet ta’ impriża ta’ assigurazzjoni fuq bażi professjonali” ma jikkostitwixxix medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
ċ) Konklużjoni provviżorja
50. |
Minn dan isegwi li l-ipproċessar tad-danni relatat mat-talbiet ta’ assigurazzjoni, bħal dak imwettaq minn Aspiro, ma huwiex eżenti mit-taxxa skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, bħala provvista ta’ servizzi relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni u mwettqa minn brokers jew aġenti tal-assigurazzjoni. |
3. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali
51. |
Finalment, għandu jiġi ċċarat kif il-konklużjoni milħuqa ma hijiex f’kunflitt, kollha kemm hi, mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa partikolarment importanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
52. |
Minn dan il-prinċipju jirriżulta, pereżempju, li l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-forma ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jinkorru r-riskju li t-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom ikunu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ( 38 ). Din il-libertà ta’ organizzazzjoni tal-assiguraturi tista’ tiġi kkontestata għax ma jistgħux jassenjaw l-ipproċessar tat-talbiet lil impriża oħra mingħajr ma jeħlu l-piż addizzjonali tal-VAT. Dan il-piż jirriżulta mill-fatt li, kif ġie spjegat, il-provvista ta’ servizzi mill-impriża l-oħra ma hijiex eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT u mill-fatt li, bħala regola ġenerali, l-assiguratur, minħabba l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet tiegħu stess skont din id-dispożizzjoni ma jibbenefikax minn tnaqqis tal-VAT fir-rigward tas-servizzi tal-impriża l-oħra skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
53. |
Dawn il-konsegwenzi huma, madankollu, effett taċ-ċirkustanza li l-eżenzjoni mogħtija lill-assiguratur – bl-eċċezzjoni tal-attività ta’ assigurazzjoni barra mill-Unjoni ( 39 ) – ma timplika l-ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa. Din id-deċiżjoni intenzjonata mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni tillimita, bħala tali, il-libertà ta’ organizzazzjoni tal-assiguraturi. Kwalunkwe użu ta’ servizzi minn terz jimplika, b’mod ġenerali, li l-assiguratur ikun impost il-VAT. Kif diġà kien ippreċiżat mill-Avukat Ġenerali Poiares Madura, din hija konsegwenza inerenti tas-sistema komuni tal-VAT ( 40 ). |
54. |
F’dan il-kuntest, ikun kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur li kwalunkwe attività esternalizzata minn assiguratur tiġi integrata fl-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni. Dan il-fatt japplika wkoll, pereżempju, għal provvisti għall-uffiċċju mixtrija minn assiguratur minn terz, billi n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-materjal neċessarju għall-uffiċċju fl-impriża tiegħu stess ukoll huwa manifestazzjoni tal-mudell organizzattiv tiegħu. |
55. |
Għalhekk, il-libertà ta’ organizzazzjoni tal-persuna taxxabbli tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss sal-punt li anki l-attività esternalizzata tkun suġġetta għal eżenzjoni mit-taxxa. Sussegwentement, dan jiddependi, mill-kliem, mill-kuntest u mill-għanijiet tal-eżenzjoni nnifisha. Fil-każ preżenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-aspetti, madankollu, wassal sabiex jiġi kkonstatat li s-sempliċi esternalizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet lil terz, li ma jwettaq l-ebda attività fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni ma taqax fl-ambitu tal-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
IV – Konklużjoni
56. |
Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny: L-ipproċessar tad-danni relatat mat-talbiet ta’ assigurazzjoni, imwettaq fl-isem u għan-nom tal-assiguratur minn terz li, fit-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni ma għandu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-assigurat u li l-attività tiegħu ma tkoprix it-tfittxija u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet tal-klijenti mal-assiguratur għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni ma jaqax fl-ambitu tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93), tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C‑240/99, EU:C:2001:140), tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621), tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135), tas-7 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑13/06, EU:C:2006:765), tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C‑124/07, EU:C:2008:196), tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C‑242/08, EU:C:2009:647), tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488).
( 3 ) ĠU L 347, p. 1.
( 4 ) Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 77/92/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ aġenti u brokers fl-assigurazzjoni (ex ISIC Grupp 630) u, b’mod partikolari, miżuri transitorji fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 46).
( 6 ) Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330).
( 7 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, EU:C:1992:330, punt 25), tal-5 ta’ Ottubru 1995, Aprile (C‑125/94, EU:C:1995:309, punt 16), tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 38), tat-2 ta’ April 2009, Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 40), u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 53).
( 8 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61), tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 39), tal-14 ta’ Ottubru 2014, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 20), u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Balázs (C‑251/14, EU:C:2015:687, punt 26).
( 9 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26), tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffe et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113), u tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas et Nemaniūnas (C‑671/13, EU:C:2015:418, punt 56).
( 10 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 15), tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 37), tas-7 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑13/06, EU:C:2006:765, punt 9), tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 56), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 27).
( 11 ) Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 17), tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 39), tas-7 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑13/06, EU:C:2006:765, punt 10), tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C‑242/08, EU:C:2009:647, punt 34), tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 58), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 28).
( 12 ) Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 22), tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 59), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 30).
( 13 ) Ara sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C‑240/99, EU:C:2001:140, punt 41), tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 41), tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 22), tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 58), u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 29).
( 14 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C‑2/95, EU:C:1997:278, punt 66), tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services (C‑235/00, EU:C:2001:696, punti 25 sa 27), u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi (C‑350/10, EU:C:2011:532, punt 24) dwar dak li issa huwa l-Artikolu 135(1)(d) u (f) fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti u t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw azzjonijiet; sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C‑169/04, EU:C:2006:289, punt 70) u tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C‑275/11, EU:C:2013:141, punt 21) dwar dak li issa huwa l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT rigward l-amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment; sentenza tal-21 ta’ Lulju 2007, Ludwig (C‑453/05, EU:C:2007:369, punt 36) dwar dak li issa huwa l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT rigward in-negozjar ta’ kreditu.
( 15 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C‑2/95, EU:C:1997:278, punt 64), tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services (C‑235/00, EU:C:2001:696, punt 23), tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C‑169/04, EU:C:2006:289, punt 67) u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C‑453/05, EU:C:2007:369, punt 34).
( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT.
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT.
( 18 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C‑240/99, EU:C:2001:140, punt 36) u tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 43).
( 19 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, KUMM(2007) 747 finali; skont din, fl-Artikolu 135 tad-Direttiva tal-VAT kellu jiġi introdott il-paragrafu 1a bit-test segwenti: “1a. L-eżenzjoni prevista fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 għandha tapplika għall-provvista ta’ kwalunkwe element inkluż f’servizz ta’ l-assigurazzjoni jew finanzjarju, li jikkostitwixxi oġġett distint u għandu l-karattru speċifiku u essenzjali tas-servizz eżentat ikkonċernat.”
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C‑453/02 u C‑462/02, EU:C:2005:92, punt 24), tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 32) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 48).
( 21 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 45) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 50); ara wkoll, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑479/13, EU:C:2015:141, punt 43) u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑502/13, EU:C:2015:143, punt 51).
( 22 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany (C‑242/08, EU:C:2009:647, punt 38).
( 23 ) Ara, bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża CPP (C‑349/96, EU:C:1998:281, punt 31) u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduri fil-kawża Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:8, punt 20).
( 24 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 32) u tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C-124/07, EU:C:2008:196, punti 17 u 18).
( 25 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 29).
( 26 ) Sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 44), tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 33), u tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C‑124/07, EU:C:2008:196, punt 20).
( 27 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 36) dwar l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni; ara, f’dan is-sens, ukoll is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 45) dwar il-broker ta’ assigurazzjoni.
( 28 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Financiële Acties (348/87, EU:C:1989:246, punt 13), tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air (C‑382/02, EU:C:2004:534, punt 25), tal-21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic (C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 23), u tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 18).
( 29 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:8, punt 13) u tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Skandinaviska Enskilda Banken (C‑540/09, EU:C:2010:788, punt 22).
( 30 ) Ara sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 23) u tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 67).
( 31 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 38).
( 32 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C-124/07, EU:C:2008:196, punt 18).
( 33 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621, punt 45), tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:135, punt 31), u tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C‑124/07, EU:C:2008:196, punt 19).
( 34 ) Proposta tal-Kummissjoni COM/2012/0360 finali dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) li tinkludi wkoll estensjoni ċara tal-kunċett “medjazzjoni fl-assigurazzjoni”, barra minn hekk tfittex l-għan ta’ tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur (ara l-premessa 9 kif ukoll l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva fil-verżjoni proposta mill-Kummissjoni).
( 35 ) Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.
( 36 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger (C‑212/01, EU:C:2003:625, punt 37).
( 37 ) Ara l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 77/92 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92.
( 38 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2008, J.C.M. Beheer (C‑124/07, EU:C:2008:196, punt 28).
( 39 ) Ara l-Artikolu 169(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.
( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Arthur Andersen (C‑472/03, EU:C:2005:8, punt 39).