KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

Kawżi magħquda C‑14/15 u C‑116/15

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Bażi legali — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/731/UE, 2014/743/UE, 2014/744/UE u 2014/911/UE — Skambju awtomatizzat ta’ data — Reġistrazzjoni ta’ vetturi — Data dattiloskopika — Proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni — Impatt tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 — Kunċetti ta’ ‘atti bażiċi’ u ‘miżuri ta’ implementazzjoni’ — Bażi legali dderivata — Konsultazzjoni tal-Parlament — Inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni — Regoli ta’ vot”

1. 

Ir-rikorsi għal annullament inkwistjoni ppreżentati mill-Parlament Ewropew jirrigwardaw erba’ deċiżjonijiet ( *2 ) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) dwar il-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (preċedentement it-Titolu VI tat-Trattat UE; it-“tielet pilastru”) li l-Kunsill adotta wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Kif inhu magħruf, id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat kellu effett mingħajr preċedenti fuq il-qafas istituzzjonali u legali għall-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw it-tielet pilastru, ġaladarba li bil-proċess ta’ ‘Lisbonizzazzjoni’, li seħħ b’dan it-trattat, it-tielet pilastru ġie inkluż fil-qafas sovranazzjonali tal-Unjoni.

2. 

Biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel minn proċess deċiżjonali li fil-parti l-kbira kien intergovernattiv, għal qafas legali ġdid tal-Unjoni f’dan il-qasam, ġie anness mat-Trattati l-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati abbażi ta’ att li jaqa’ taħt il-portata tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ( *3 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-effetti legali ta’ miżuri adottati taħt it-tielet pilastru qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu mħassra, annullati jew emendati l-atti inkwistjoni.

3. 

F’kawżi reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat numru ta’ kwistjonijiet fundamentali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ tranżizzjoni ( *4 ). Minkejja dan il-fatt u r-rabta mill-qrib li dawn l-azzjonijiet għandhom ma’ dawk il-kawżi, l-azzjonijiet ippreżentati mill-Parlament ukoll iqajmu kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ttrattatx, bħan-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati f’ċirkustanzi fejn dawn id-deċiżjonijiet jidhru li ġew adottati skont il-prassi deċiżjonali ‘ibrida’ u l-legalità ta’ proċedura ta’ dan it-tip.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat (qabel it-Trattat ta ’ Lisbona)

4.

L-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE jipprovdi:

“Il-Kunsill għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni, juża l-forma xierqa u l-proċeduri kif stabbiliti f’dan it-Titolu, li jikontribwixxu biex jintlaħħqu l-miri ta’ l-Unjoni. B’dak l-iskop, billi jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Kunsill jista’:

[…]

(c)

jadotta deċiżjonijiet għal xi skop ieħor konsistenti ma’ l-iskopijiet ta’ dan it-Titolu, barra minn approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu jorbtu u m’għandux ikollhom effett dirett; il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fil-livell ta’ l-Unjoni […].”

5.

L-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE jipprovdi:

“Il-Kunsill għandu jikkonsulta l-Parlament Ewropew qabel jadotta xi miżuri previsti fl-Artikolu 34 (2)(b), (c) u (d). [...]”

B – Il-Protokoll Nru 36

6.

L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jipprovdi:

“L-effetti legali ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

C – Deċiżjonijiet rilevanti

1. Deċiżjoni 2008/615/ĠAI ( *5 ):

7.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jiddikjara:

“Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri bi ħsiebhom itejbu l-koperazzjoni transkonfinali f’materji koperti mit-Titolu VI tat-Trattat, b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Għal dan il-għan, din id-Deċiżjoni fiha regoli fl-oqsma li ġejjin:

(a)

dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet u l-proċedura għat-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi (Kapitolu 2);

[…]”

8.

Il-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni li jseħħ abbażi tad-Deċiżjoni.

9.

L-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jipprovdi:

“Il-forniment ta’ data personali previst taħt din id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jkunu ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji ta’ l-Istati Membri involuti f’tali forniment. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi unanimament jekk intlaħqitx din il-kondizzjoni.”

10.

L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615 jipprovdi:

“Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jadotta miżuri meħtieġa sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni fil-livell ta’ l-Unjoni skond il-proċedura stabbilita fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat.”

2. Deċiżjoni 2008/616/ĠAI ( *6 )

11.

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616 jipprovdi:

“1.   Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI abbażi ta’ rapport ta’ valutazzjoni li għandu jkun ibbażat fuq kwestjonarju.

2.   Fir-rigward ta’ l-iskambju awtomatizzat tad-data konformement mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jkun ibbażat ukoll fuq żjara ta’ valutazzjoni u prova pilota li għandha titwettaq meta l-Istat Membru kkonċernat ikun informa lis-Segretarjat Ġenerali konformement ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

3.   Dettalji ulterjuri tal-proċedura huma stabbiliti fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

3. Id-deċiżjonijiet ikkontestati

12.

Il-premessi 1 sa 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li ttieħdu abbażi tad-Deċiżjoni 2008/615 u tad-Deċiżjoni 2008/616, jispjegaw:

“(1)

Skont [il-Protokoll Nru 36], l-effetti ġuridiċi tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huma ppreservati sakemm dawk l-atti jiġu rrevokati, annullati jew emendati fl-implimentazzjoni tat-Trattati.

(2)

B’mod konformi, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni [2008/615] huwa applikabbli u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu jekk l-Istati Membri implimentawx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ta’ dik id-deċiżjoni.

(3)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni [2008/616] jipprevedi li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni [2008/615] għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju. Fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data f’konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni [2008/615], ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi bbażat fuq żjara ta’ evalwazzjoni u eżerċizzju pilota.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/731 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ tiftix awtomatizzat ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), Malta implimentat bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni [2008/615] u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali skont l-Artikolu 12 ta’ dik id-Deċiżjoni mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”

14.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/743 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ tiftix awtomatizzat ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), Ċipru implimenta b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u huwa intitolat li jirċievi u jipprovdi data personali skont l-Artikolu 12 ta’ dik id-Deċiżjoni mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”

15.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/744 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ tiftix awtomatizzat ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), l-Estonja implimentat b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali skont l-Artikolu 12 ta’ dik id-Deċiżjoni mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”

16.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/911 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ tiftix awtomatizzat ta’ data dattiloskopika, il-Latvja implimentat b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali taħt l-Artikolu 9 ta’ dik id-Deċiżjoni mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17.

Permezz ta’ atti ippreżentati fl-14 ta’ Jannar u s-6 ta’ Marzu 2015, il-Parlament ippreżenta dawn ir-rikorsi għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

18.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2015, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja ngħataw id-dritt li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fiż-żewġ kawżi. Minkejja li ngħata dritt jintervjeni, il-Gvern Ġermaniż ma ressaqx osservazzjonijiet fil-proċedura preżenti.

19.

Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvern Svediż, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi bħala infondati sa fejn dawn jirrigwardaw l-ewwel motiv (bażi legali) u l-ewwel parti u l-ewwel żewġ punti tat-tieni parti tat-tieni motiv (rekwiżiti proċedurali). Fir-rigward tat-tielet punt tat-tieni parti tat-tieni motiv (konsultazzjoni tal-Parlament), il-Kunsill iħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kwistjoni skont kif jidrilha li huwa xieraq;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, iżżomm id-deċiżjonijiet ikkontestati effettivi sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti b’deċiżjonijiet ġodda;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21.

Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma nżammet ebda seduta.

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

22.

F’dawn l-azzjonijiet għal annullament, il-Parlament jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati adottati mill-Kunsill. Dawn id-deċiżjonijiet jikkonstataw, essenzjalment, li ċerti Stati Membri implementaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar protezzjoni ta’ data stabbiliti fil-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615 u jawtorizzaw ir-riċeviment u l-provvista ta’ data koperti mid-Deċiżjoni 2008/615 sa minn data speċifika. Fi kliem sempliċi, il-konsegwenza prattika tad-deċiżjonijiet ikkontestati hi li l-Istati Membri kkonċernati jiksbu aċċess għal sistema li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni li tirrigwarda profili tad-DNA, data dattiloskopika (marki tas-swaba) u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni nazzjonali ta’ vetturi ( *7 ).

23.

Il-Parlament isostni, bħala argument prinċipali, li f’kull waħda mill-kawżi, il-Kunsill għamel użu minn bażi legali żbaljata. Barra minn hekk, huwa jallega li ċerti rekwiżiti proċedurali nkisru fil-prassi deċiżjonali li tat lok għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet.

24.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iqis li, fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fuq bażi legali korretta: l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615. Filwaqt li jikkontesta l-maġġoranza tal-argumenti mressqa mill-Parlament fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali, il-Kunsill jirrikonoxxi li jmissu kkonsulta l-Parlament matul il-prassi deċiżjonali.

25.

Sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikorsi ppreżentati mill-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddetermina, inter alia, in-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati; punt li dwaru ma hemmx qbil bejn il-partijiet. Din il-kwistjoni għandha ramifikazzjonijiet importanti dwar il-mod kif il-motiv dwar illegalità, stabbilit fl-Artikolu 277 TFUE u mressaq mill-Parlament fir-rigward tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615, kif ukoll tat-tieni motiv dwar ksur tar-rekwiżiti proċedurali għandhom jiġu ttrattati.

B – Bażi legali

26.

Taħt l-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament jallega li l-Qorti tal-Ġustizzja uża l-bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Insostenn tat-talba tagħha, il-Parlament jistrieħ fuq numru ta’ argumenti.

27.

Minn naħa, huwa jargumenta li l-Kunsill imissu uża bażi legali stabbilita fit-Trattat FUE. Dan għaliex, skont il-Parlament, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti bażiċi, fuq l-istess livell tad-Deċiżjoni 2008/615, u għalhekk imisshom ġew adottati skont l-istess bażi legali bħal dik id-deċiżjoni, kif emendata mit-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fehma tiegħu, imisshom intużaw l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

28.

Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni tqis li, fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex atti bażiċi iżda miżuri intiżi għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615, allura l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali. Dan għaliex, fil-fehma tiegħu, din id-dispożizzjoni tipprovdi għal prassi deċiżjonali li hija inkompatibbli ma’ liġi primarja (Artikolu 34(2)(c) UE moqri flimkien mal-Artikolu 39(1) UE) li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2008/615.

29.

Qabel ma jiġi konkluż l-ewwel motiv, huwa neċessarju li jiġu indirizzati żewġ kwistjonijiet oħra. L-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, filwaqt li t-tieni kwistjoni tirrigwarda n-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

1. Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36

30.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament jargumenta li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ikopri biss atti ta’ natura sostantiva, u mhux atti li jistabbilixxu rekwiżiti proċedurali għall-adozzjoni ta’ miżuri oħra. Skont il-Parlament, l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 ma jistax, għalhekk, jifforma bażi legali indipendenti għad-deċiżjonijiet ikkontestati.

31.

Din il-kwistjoni diġà ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 tipprekludilha l-effettività tagħha. Dan ikun il-każ li kieku kien paċifiku li din id-dispożizzjoni sempliċement timplika li atti fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ma jitħassrux awtomatikament wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ( *8 ). Fil-fatt, punt li għandu jingħata importanza huwa li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż, fost affarijiet oħra, sabiex jiżgura li atti adottati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali jistgħu jkomplu jiġu adottati b’mod effettiv, minkejja t-tibdiliet li jkunu seħħew fil-qafas istituzzjonali għal kooperazzjoni bħal din ( *9 ). B’hekk, atti adottati abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li jistabbilixxu regoli għall-adozzjoni ta’ miżuri oħra jkomplu, għaldaqstant, jipproduċu l-effetti legali tagħhom ( *10 ).

32.

Għalhekk, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, l-effett tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 (u, f’dan is-sens, l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615) jinżamm fis-seħħ anki wara t-tħassir tal-Artikolu 34 UE (li abbażi tiegħu ġiet adottata d-Deċiżjoni 2008/615). Dan ifisser ukoll li r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 25(2) (u l-Artikolu 33) ikomplu jeżistu u jibqgħu effettivi, irrispettivament mit-tibdiliet li minn dak il-mument ikunu seħħew fil-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea.

33.

Madankollu, xorta tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex atti bażiċi, skont kif isostni l-Parlament, jew miżuri ta’ implementazzjoni, skont kif jargumenta l-Kunsill.

2. In-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati

34.

Il-Parlament isostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti bażiċi pjuttost milli miżuri ta’ implementazzjoni. F’dan is-sens, il-Parlament jindika li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 tirrikjedi unanimità fil-Kunsill għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fi żmien l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615, l-Artikolu 34(2)(c) UE stabbilixxa żewġ proċeduri distinti għall-adozzjoni ta’ atti bażiċi u miżuri ta’ implementazzjoni: l-atti bażiċi biss kienu jirrikjedu l-unanimità fil-Kunsill. Barra minn hekk, il-Parlament iqis li huwa indikattiv il-fatt li l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615 jinkludi bażi separata għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Minkejja l-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għażel li ma jadottax id-deċiżjonijiet ikkontestati abbażi ta’ dan l-aħħar artikolu. F’dan is-sens, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ implementazzjoni, iżda pjuttost, atti bażiċi fuq l-istess livell tad-Deċiżjoni 2008/615. Barra minn hekk, it-titoli tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jsemmux it-terminu “implementazzjoni”, liema fatt jindika wkoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma effettivament atti bażiċi. Skont il-Parlament, id-deċiżjonijiet ikkontestati jissupplimentaw id-Deċiżjoni 2008/615 fir-rigward tad-data li minnha l-Istat Membru jista’ jaċċedi s-sistema ta’ skambju awtomatizzat ta’ data.

35.

Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jippermettilu jeżerċita setgħat ta’ implementazzjoni u li għaldaqstant id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni. Il-Kunsill iqis li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) kif ukoll il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom bħala l-uniku għan tagħhom li jimplementaw l-għanijiet tad-Deċiżjoni 2008/615 jindikaw b’mod ċar li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fehma tal-Kunsill, l-argumenti tal-Parlament ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-bażi legali tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita u mhux il-kontra.

36.

Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ma ninsabx konvint bl-argumenti mressqa mill-Parlament.

37.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija utli sabiex issir distinzjoni bejn “atti bażiċi” u “miżuri ta’ implementazzjoni”. Atti bażiċi jiffurmaw parti mill-prerogattiva tal-leġiżlatura, inkwantu jinkludu regoli essenzjali għas-suġġett inkwistjoni u, f’dan is-sens, jeħtieġu deċiżjonijiet politiċi. Regoli essenzjali ta’ dan it-tip ma jistgħux jiġu ddelegati ( *11 ). Il-ġurisprudenza tgħidilna wkoll li dawn l-elementi essenzjali għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ fatturi oġġettivi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-qasam ikkonċernat ( *12 ). Barra minn hekk, il-kuntest leġiżlattiv għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ( *13 ).

38.

Il-premessi tad-Deċiżjoni 2008/615 jindikaw li l-għan tagħha hi li tinkorpora s-sustanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Prüm ( *14 ) fil-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. B’mod iktar partikolari, din id-deċiżjoni hija intiża sabiex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-għan li jiġi identifikat u investigat ksur ta’ natura kriminali.

39.

L-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jistabbilixxi li l-provvista ta’ data personali ma tistax isseħħ sakemm jiġu implementati dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data fil-liġi nazzjonali u l-Kunsill jiddeċiedi unanimament fir-rigward ta’ kull Stat Membru u kull kategorija ta’ data skambajta (profili tad-DNA, data dattiloskopika u data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi) jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta. Skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616, il-Kunsill jagħmel dan abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li jiġi ppreparat minn esperti mill-Istati Membri li diġà huma operattivi. Ir-rapport huwa bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta’ evalwazzjoni u prova pilota tal-bażi ta’ data rilevanti. Abbażi ta’ dan ir-rapport, ikun jista’ jiġi konkluż jekk l-Istat Membru kkonċernat stabbiliex sistema ta’ protezzjoni tad-data u rekwiżiti tekniċi u legali għat-twettiq ta’ tiftixiet awtomatizzati u għall-kisba ta’ data minn Stati Membri oħra, u jekk il-bażi ta’ data tagħha hijiex kompatibbli mal-bażijiet ta’ data ta’ Stati Membri oħra.

40.

F’dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet ikkontestati essenzjalment (i) jikkonstataw li l-Istati Membri inkwistjoni kkompletaw il-fażi ta’ stħarriġ preliminari, kif speċifikat fl-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616 u (ii) abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, jippermettu aċċess lil dawn l-Istati Membri għas-sistema ta’ skambju awtomatizzat ta’ data sa minn data speċifika.

41.

Filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu pass neċessarju qabel kull skambju ta’ informazzjoni li jista’ jseħħ, madankollu dan ma jfissirx li jikkostitwixxu atti bażiċi simili għad-Deċiżjoni 2008/615 innifisha. Fil-fehma tiegħi, il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistax jitqies li għandu impatt fuq l-għażliet ta’ politika involuti fit-twaqqif ta’ sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni.

42.

Barra minn hekk, kif jindika korrettament il-Kunsill, hija l-bażi legali li tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita, u mhux il-kontra ( *15 ). F’dan is-sens, ma ninsabx konvint li jistgħu jinsiltu konklużjonijiet wesgħin dwar in-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615.

43.

Barra minn hekk, li kieku kellha tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Parlament, ikun ifisser li kull darba li Stat Membru jkun ikkompleta l-evalwazzjoni preliminari u l-prova pilota neċessarji għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni 2008/615, il-leġiżlatura tkun involuta fid-deċiżjoni dwar jekk il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ data msemmija fil-Kapitolu 6 ta’ din id-deċiżjoni ġewx adottati u fil-konferma li l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jingħata aċċess dirett għal data koperta bid-Deċiżjoni 2008/615. Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ att bażiku jnaqqas il-portata ta’ implementazzjoni għal xi ħaġa virtwalment ineżistenti.

44.

Fl-aħħar nett, il-Parlament ma ressaq ebda argument konvinċenti sabiex jispjega b’liema mod id-deċiżjonijiet ikkontestati setgħu jitqiesu bħala deċiżjonijiet awtonomi b’għan li minn naħa jew minn oħra kien differenti minn dak tad-Deċiżjoni 2008/615. Bil-kontra, kif diġà spjegajt, dawn id-deċiżjonijiet jifformaw parti integrali u neċessarja tal-proċedura li tagħti lok għat-twettiq tal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2008/615. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ riferiment għall-kelma “implementazzjoni” fil-fehma tiegħi ma jistax ifisser li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti bażiċi.

45.

Għalhekk nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni u li l-argumenti tal-Parlament li jgħidu mod ieħor għandhom jiġu miċħuda. L-istess għandu jgħodd għall-argumentI li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuq id-Deċiżjoni 2008/615 u li, minflok, id-deċiżjonijiet ikkontestati misshom kienu bbażati fuq dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat FUE.

46.

Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, issa ser nitratta l-motiv ta’ illegalità li l-Parlament qajjem fir-rigward tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/65.

3. Il-legalità tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615

47.

Il-Parlament isostni li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jipprevedi proċedura ssemplifikata mhux imsemmija taħt l-Artikolu 34(2)(c) UE, li tirrikjedi inizjattiva preċedenti ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, kif ukoll il-konsultazzjoni tal-Parlament għall-adozzjoni ta’ atti bażiċi. Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni, il-Parlament isostni li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 hija differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 34(2)(c) UE. Dan huwa minnu mhux biss għaliex l-Artikolu 25(2) ma jirrikjedix l-inizjattiva preċedenti ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament, iżda wkoll għaliex din id-dispożizzjoni tirrikjedi unanimità fil-Kunsill. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu mħassra minħabba n-natura illegali tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615.

48.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( *16 ), il-legalità tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 ma titqiegħedx inkwistjoni sempliċement minħabba l-allegata terminoloġija mhux pjaċevoli użata f’dik id-dispożizzjoni. Fil-fehma tal-Kunsill, id-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ tiġi rrikonċiljata mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat UE [Artikolu 34(2)(c) UE moqri flimkien mal-Artikolu 39(1) UE], minkejja li din ma tagħmilx riferiment għall-konsultazzjoni tal-Parlament u lanqas ma tidentifika l-istadji differenti involuti fil-proċedura li tagħti lok għall-inklużjoni ta’ Stat Membru fis-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni 2008/615.

49.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni mill-ġdid il-fehma tiegħu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma miżuri ta’ implementazzjoni u josserva li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 43(2)(c) ma jirrikjedix inizjattiva preċedenti mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni tal-Parlament, l-assenza ta’ rekwiżit espliċitu f’dan is-sens ma hijiex deċiżiva ġaladarba interpretazzjoni konsistenti hija madankollu possibbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jindirizza r-rekwiżit ta’ unanimità stabbilit fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615. Huwa jallega li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni: “jiddeċiedi unanimament” minflok “jadotta deċiżjoni b’unanimità” jħalli lok għal interpretazzjoni u li għaldaqstant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih isseħħ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet tagħha. Skont il-Kunsill, ir-rekwiżit ta’ unanimità fil-verità jdaħħal żewġ stadji distinti fil-prassi deċiżjonali. Fl-ewwel lok, l-Istati Membri jikkonstataw b’mod unanimu (abbażi tar-riżultat mill-ewwel verifiki mwettqa, ara l-punt 39 iktar ’il fuq) jekk l-Istat Membru inkwistjoni kkompletax l-evalwazzjoni b’mod konformi. Fid-dawl tal-istruttura tas-sistema ta’ skambju ta’ data, li jippermetti li l-Istati Membri parteċipanti jkollhom aċċess dirett għall-bażijiet ta’ data nazzjonali ta’ Stati Membri oħra, riżultat konformi tal-evalwazzjonijiet preliminari jirrikjedi, bilfors, il-kunsens minn kull Stat Membru. Fit-tieni lok, deċiżjoni formali tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata fir-rigward tad-dħul tal-Istat Membru u d-data li fiha jista’ jinbeda l-iskambju ta’ data. Skont il-Kunsill, taħt l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 dawn iż-żewġ stadji huma magħquda f’deċiżjoni waħda.

51.

Kif inhu rrikonoxxut miż-żewġ partijiet, huwa kruċjali li r-regoli li jistabbilixxu l-mod li bih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jilħqu d-deċiżjonijiet tagħhom jiġu ddefiniti mit-Trattati. Dawn ir-regoli ma humiex fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk, ma jistgħux jiġu stabbiliti bażijiet legali sekondarji li jsaħħu jew idgħajfu r-regoli stabbiliti mit-Trattati ( *17 ). Dan il-prinċipju importanti jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ( *18 ).

52.

Għandu jitfakkar ukoll li l-legalità ta’ miżura tal-Unjoni hija li verifika ssir abbażi tal-fatti u tal-liġi skont kif kienu meta ġiet adottata dik id-deċiżjoni ( *19 ).

53.

Diġà kkonkludejt iktar ’il fuq li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ implementazzjoni. F’dan is-sens, il-legalità tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2008/615 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li, fi żmien l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienu jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni taħt it-tielet pilastru: l-Artikolu 34(2)(c) UE u l-Artikolu 39(1) UE ( *20 ). Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kunsill jista’ jadotta, b’maġġoranza kkwalifikata u wara li jikkonsulta lill-Parlament, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jaqgħu taħt it-tielet pilastru.

54.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 ma tirrikjedix inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, u lanqas ma din id-dispożizzjoni timponi obbligu fuq il-Kunsill sabiex jikkonsulta lill-Parlament. Barra minn hekk, hija tiddevja mill-Artikolu 34(2)(c) billi tirrikjedi vot unanimu fi ħdan il-Kunsill.

55.

Filwaqt li naqbel mal-Kunsill li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jista’ jiġi rrikonċiljat mal-Artikolu 34(2)(c) u mal-Artikolu 39(1) UE fir-rigward tal-inizjattiva ( *21 ) u l-konsultazzjoni tal-Parlament ( *22 ), madankollu ma ninsabx konvint li l-istess għandu japplika għar-rekwiżit ta’ unanimità fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615. Hemm diverġenza ċara ta’ dan ir-rekwiżit fil-konfront tal-Artikolu 34(2)(c) UE, li jipprovdi għal vot maġġoranza kkwalifikata fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

56.

Ċertament huwa minnu, kif jargumenta l-Kunsill, li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni, l-għan u tal-kuntest legali tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ( *23 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’tali mod li ma tiġix affettwata l-validità tagħha ( *24 ). Madankollu, dawn il-prinċipji ta’ interpretazzjoni ma jistgħux jiġu estiżi żżejjed, speċjalment f’sitwazzjoni fejn prinċipju ieħor ta’ importanza fundamentali jkun jinsab fil-periklu, b’mod partikolari l-prinċipju li t-Trattati jiddefinixxu l-prassi deċiżjonali (ara ulterjorment il-punt 51 iktar ’il fuq) ( *25 ).

57.

Qabel kollox, il-Kunsill sostna li r-rekwiżit ta’ unanimità fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 għandu jinftiehem fis-sens li jgħaqqad prassi deċiżjonali ta’ żewġ stadji f’deċiżjoni waħda u li r-rekwiżit ta’ unanimità japplika biss għall-ewwel stadju preliminari. Id-deċiżjoni formali tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata. Li kieku kellha tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ dan l-artikolu, din id-dispożizzjoni, de facto, tispiċċa toħloq bażi legali sekondarja li tbiddel ir-regoli stabbiliti mit-Trattat. Dan għaliex, kif spjega l-Kunsill, il-proċedura fuq żewġ stadji tirriżulta f’deċiżjoni waħda, li jfisser li r-rekwiżit ta’ vot b’maġġoranza kkwalifikata jiġi ridott għal wieħed teoriku u li l-Kunsill fil-verità jadotta l-att ta’ implementazzjoni permezz ta’ vot unanimu.

58.

Barra minn hekk, ġaladarba l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/15 jispeċifika b’mod espliċitu li l-vot għandu jseħħ permezz ta’ unanimità, fil-fehma tiegħi ma huwiex possibbli, permezz ta’ interpretazzjoni konsistenti, li wieħed jinterpreta dan ir-rekwiżit ta’ vot bħala wieħed ta’ “maġġoranza kkwalifikata”. Interpretazzjoni bħal din kjarament tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 ( *26 ).

59.

L-aħħar punt li nixtieq nagħmel huwa dan li ġej. Nifhem l-argumenti tal-Kunsill dwar il-għaliex hemm bżonn li kull Stat Membru, bħala prekundizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni sussegwenti, jiżgura jekk l-Istat Membru ta’ adeżjoni jkunx ikkompleta b’suċċess il-fażi preliminari ta’ evalwazzjoni. Madankollu dan ma jistax jimplika li l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni sussegwenti abbażi tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615, ġaladarba peress li din id-dispożizzjoni tirrikjedi vot permezz ta’ unanimità, hija tkun tikkostitwixxi bażi legali sekondarja ta’ natura illegali. Kif indika ġustament il-Parlament, hemm dispożizzjoni oħra fid-Deċiżjoni 2008/615, b’mod speċifiku, l-Artikolu 33, li jagħti setgħa lill-Kunsill sabiex jadotta miżuri li jistgħu jkunu neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

60.

Fid-dawl tal-argumenti msemmija iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615 jippreskrivi proċedura differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 34(2)(c) UE u għaldaqstant jikkostitwixxi bażi legali sekondarja ta’ natura illegali. Għaldaqstant l-ewwel motiv tal-Parlament għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

61.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex taqbel miegħi u tikkonstata li l-ewwel motiv tal-Parlament għandu jiġi miċħud, ser nitratta t-tieni motiv tal-Parlament dwar ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali.

C – Rekwiżiti proċedurali essenzjali

62.

Fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Parlament jerġa’ jtenni li d-deċiżjonijiet ikkontestati misshom ġew adottati abbażi tal-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Dan is-suġġett diġà ġie diskuss iktar ’il fuq.

63.

Sussidjarjament, il-Parlament isostni li l-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet tmur kontra l-Artikolu 34(2) UE għal tliet raġunijiet. Qari flimkien tal-Artikolu 34(2) UE u l-Artikolu 39(1) UE jistabbilixxi l-proċedura li ġejja: adozzjoni unanima mill-Kunsill (jew b’maġġoranza kkwalifikata fil-każ ta’ atti ta’ implementazzjoni) li jkun qed jaġixxi fuq inizjattiva preċedenti tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru wara konsultazzjoni mal-Parlament. Din il-proċedura ma ġietx segwita mill-Kunsill.

64.

Il-Kunsill isostni li l-argument prinċipali tal-Parlament huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-bażi legali korretta għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Kunsill jgħid ukoll li huwa adotta legalment id-deċiżjonijiet ikkontestati taħt l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615, li jirrikjedi unanimità mill-kunsill, iżda mhux li għandha taġixxi fuq inizjattiva preċedenti jew konsultazzjoni tal-Parlament. Madankollu, il-Kunsill jirrikonoxxi li fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill ( *27 ), huwa jmissu kkonsulta lill-Parlament qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

65.

Fid-dawl tal-analiżi iktar ’il fuq fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat dan li ġej.

66.

Kif jammetti l-Kunsill, huwa jmissu kkonsulta lill-Parlament. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Parlament neċessarjament ifisser li d-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati ( *28 ). Billi adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati permezz ta’ unanimità, il-Kunsill kiser ukoll ir-regoli dwar votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34(2)(c) UE. Madankollu, l-argument tal-Parlament dwar aġir fuq inizjattiva preċedenti fil-kuntest tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud. Dan għaliex, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, l-Artikolu 34(2)(c) UE ma jirrikjedix aġir fuq l-inizjattiva preċedenti ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

67.

Għaldaqstant, nikkonkludi li t-tieni motiv tal-Parlament għandu wkoll jintlaqa’. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

D – L-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati

68.

Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-eventwalità ta’ annullament skont l-Artikolu 264(2) TFUE. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal din it-talba.

69.

Iktar ’il fuq ikkonkludejt li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati. Madankollu, li jiġu annullati dawn id-deċiżjonijiet mingħajr ma jsiru dispożizzjonijiet għall-effetti tagħhom mingħajr dubji jkollu effetti importanti fuq il-kooperazzjoni transkonfinali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-kriminalità serja u l-immigrazzjoni illegali. Effettivament, dan ikun iffisser li jiġi prekluż l-aċċess tal-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi (kemm fl-Istati Membri kkonċernati mid-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll f’dawk tal-Stati Membri oħra parteċipanti) għal profili tad-DNA, marki tas-swaba u data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi. F’dan is-sens, nuqqas ta’ żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati jippreġudika l-ordni pubbliku u jikkomprometti l-effettività ta’ kooperazzjoni transkonfinali f’dan il-qasam ( *29 ). Dan għaliex l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jneħħi l-bażi ta’ din il-kooperazzjoni għall-Istati Membri involuti. Fil-fehma tiegħi, din ir-raġuni hija biżżejjed sabiex l-effett tad-deċiżjonijiet ikkontestati jinżamm fis-seħħ sakemm dawn ikunu ġew issostitwiti b’atti ġodda. Barra minn hekk, għandi nosserva li filwaqt li l-Parlament jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa ma jikkontestax l-għan jew is-sustanza tad-deċiżjoni.

70.

Huwa għalhekk li nqis li huwa meħtieġ li jinżammu l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm jidħlu fis-seħħ l-atti ġodda intiżi li jissostitwixxuhom.

IV – Fuq l-ispejjeż

71.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dawn iż-żewġ kawżi il-Parlament talab l-ispejjeż u l-Kunsill tilef.

72.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

V – Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla l-erba’ deċiżjonijiet ikkontestati: Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/731/UE, tad-9 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f’Malta; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/743/UE, tal-21 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f’Ċipru; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/744/UE, tal-21 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fl-Estonja; u Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/911/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ data dattiloskopika fil-Latvja;

iżżomm l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm jidħlu fis-seħħ atti ġodda li jissostitwixxuhom;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.


( *1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( *2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/731/UE, tad-9 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f’Malta (ĠU 2014 L 302, p. 56); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/743, tal-21 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f’Ċipru (ĠU 2014 L 308, p. 100); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/744/UE, tal-21 ta’ Ottubru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fl-Estonja (ĠU 2014 L 308, p. 102) (Kawża C‑14/15); u Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/911/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2014, dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ data dattiloskopika fil-Latvja (ĠU 2014 L 360, p. 28) (Kawża C‑116/15).

( *3 ) Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, Anness mat-Trattati. L-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jinsab taħt it-Titolu VII tiegħu, li jirrigwarda atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tal-verżjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tippreċedi dik ta’ Lisbona.

( *4 ) Sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223); Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑540/13, EU:C:2015:224); tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑363/14, EU:C:2015:579); u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑595/14, EU:C:2015:847).

( *5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU 2008 L 210, p. 1).

( *6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU 2008 L 210, p. 12).

( *7 ) Din is-sistema oriġinarjament ġiet stabbilita mill-hekk imsejjaħ Trattat ta’ Prüm. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat internazzjonali sussegwentement ġew inkorporati fid-dritt tal-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2008/615.

( *8 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 56).

( *9 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 44).

( *10 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 57).

( *11 ) Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 63 sa 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *12 ) Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 6768). Ara wkoll is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Parlament u Il‑Kunsill ( C‑43/12, EU:C:2014:298 punt 29); u tat-22 ta’ Ottubru 2013Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *13 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (C‑411/06, EU:C:2009:518, punti 6465).

( *14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( *15 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80) u tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57).

( *16 ) Sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224).

( *17 ) Sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 42), u tas-6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 56).

( *18 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 43).

( *19 ) Ara, fost oħrajn, id-deċiżjoni tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 45), Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 35), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il‑Kunsill (C-363/14, EU:C:2015:579, punt 59).

( *21 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li sa fejn jirrigwarda miżuri ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 34(2) UE ma jirrikjedix inizjattiva preċedenti min-naħa tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru. Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punti 58 sa 67).

( *22 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, f’kawża li kienet tinkludi motiv simili ta’ illegalità, li, billi tinterpreta d-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 39(1) UE (li skontha l-Parlament għandu jiġi kkonsultat), il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tispeċifikax li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat ma jfissirx li hija illegali. Ara s-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 47 sa 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *23 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Rosselle (C‑65/14, EU:C:2015:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *24 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *25 ) Sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 43) u tas-6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 56).

( *26 ) Hawnhekk tista’ ssir distinzjoni għas-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, fejn id-dispożizzjoni kkunsidrata ma esprimietx ruħha fir-rigward tal-fatt li l-Parlament kellu jiġi kkonsultat. Ara s-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223).

( *27 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015 (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 53).

( *28 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑595/14, EU:C:2015:847, punti 35 sa 43).

( *29 ) Ara, barra minn hekk, is-sentenzi tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punti 61 sa 64), u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑595/14, EU:C:2015:847, punti 45 sa 49).