KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2016 ( 1 )

Kawża C‑12/15

Universal Music International Holding BV

vs

Michael Tétreault Schilling,

Irwin Schwartz,

Josef Brož

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Ġurisdizzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(3) — Materji ta’ delitt jew kważi delitt — Post tal-materjalizzazzjoni tal-ħsara — Dannu purament partimonjali”

I – Introduzzjoni

1.

Huwa fatt magħruf li s-sistema tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), hija bbażata fuq ir-regola ġenerali tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, li tgħid li l-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jaqgħu taħt il-qrati ta’ dak l-Istat Membru, u li waħda mid-derogi ta’ din ir-regola tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 li jistabbilixxi li fil-materji ta’ delitt fit-territorju ta’ Stat Membru, persuna domiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor quddiem il-qorti fejn seħħ l-effett tal-ħsara.

2.

Id-domanda ewlenija tal-kawża inkwistjoni hija dik dwar jekk dannu patrimonjali li jkun seħħ fi Stat Membru wara li jkun twettaq att illegali fi Stat Membru ieħor, jistax, waħdu, jistabbilixxi ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4.

L-Artikolu 5 tal-istess Regolament jipprovdi li :

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

III – Il-fatti tal-kwistjoni prinċipali u d-domandi preliminari

5.

Universal Music International Holding BV (iktar ’il quddiem “Universal Music”) hija dar tal-mużika stabbilita f’Baarn (il-Pajjiżi l-Baxxi), li tagħmel parti mill-Universal Music Group, stabbilita fl-Istati Uniti. Universal Music International Ltd (iktar ’il quddiem “Universal Ltd”) hija kumpannija oħt ta’ Universal Music u hija parti wkoll minn Universal Music Group.

6.

Fl-1998, Universal Ltd, B&M spol. s r. o. (iktar ’il quddiem “B&M”), kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka, kif ukoll l-azzjonisti ta’ B&M ftehmu li, bħala kumpannija finalment iddisinjata għal dan l-għan fi ħdan il-Universal Music Group, kumpannija waħda jew iktar ta’ dan il-grupp, kienu se jixtru l-ewwel 70 % tal-azzjonijiet ta’ B&M, imbagħad fl-2003, kienu se jixtru t-30% tal-azzjonijiet li jkun fadal. Il-prezz tal-azzjonijiet kellu jiġi stabbilit fl-2003 fil-mument tax-xiri tat-30 % tal-azzjonijiet li jkun fadal. Dawn il-ftehimiet saru permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni li l-għan tagħha kien li jistabbilixxi prezz ta’ bejgħ ekwivalenti għal ħames darbiet il-qligħ medju annwali ta’ B&M.

7.

Il-partijiet innegozjaw il-bejgħ u l-konsenja ta’ 70 % tal-azzjonijiet ta’ B&M kif ukoll ftehim fakultattiv ta’ xiri tal-kumplament ta’ 30 %. Wara li saret talba mid-dipartiment legali ta’ Universal Music Group, il-kuntratt dwar il-fakultà tax-xiri tal-azzjonijiet ġie stabbilit mid-ditta Ċeka tal-avukati Burns Schwartz International. Minn l-aħħar ta’ Awwissu 1998, ġew skambjati tmien abbozzi ta’ kuntratt bejn id-dipartiment legali ta’ Universal Music Group, Burns Schwartz International u l-azzjonisti ta’ B&M. Matul dawn in-negozjati, Universal Musical issemmiet bħala x-xerrej.

8.

Fil-5 ta’ Novembru 1998, Universal Music, B&M u l-azzjonisti ta’ din tal-aħħar ikkonkludew il-kuntratt dwar il-fakultà tax-xiri tal-azzjonijiet.

9.

Jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li emenda proposta mid-dipartiment legali tal-Universal Music Group, ma ġietx riprodotta għalkollox mill-kollaboratriċi Burns Schwartz International, li bħala impatt kellha l-multiplikazzjoni b’ħames darbiet tal-prezz tal-bejgħ meta mqabbel ma’ dak li kien previst, prezz tal-bejgħ li wara kellu jiġi mmultiplikat bin-numru tal-azzjonisti.

10.

Meta fix-xahar ta’ Awwissu 2003, Universal Music issodisfat l-obbligu tagħha li tixtri t-30 % tal-azzjonijiet li kien baqa’ mingħand l-azzjonisti ta’ B&M u kkalkulat il-prezz tal-bejgħ previst, li kien jammonta għall-ammont ta’ CZK 10180281 (madwar EUR 313770,41), l-azzjonisti ta’ B&M talbu s-somma li tirriżulta mill-formola prevista fil-kuntratt dwar il-fakultà tax-xiri tal-azzjonijiet, li kienet tammonta għal CZK 1003605620 (madwar EUR 30932520,27).

11.

Universal Music u l-azzjonisti ta’ B&M iddeċidew li jippreżentaw it-tilwima tagħhom quddiem kumitat ta’ arbitraġġ, li quddiemu, fil-31 ta’ Jannar 2005, waslu għal ftehim. Waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim tranżazzjonali, Universal Music ħallset is-somma ta’ EUR 2654280,03 għat-30% tal-azzjonijiet li kien fadal (iktar ’il quddiem “l-ammont tranżazzjonali”). Hija ħallset l-ammont tranżazzjonali permezz ta’ trasferiment li jiddebita kont bankarju li hija għandha fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-trasferiment sar f’kont li l-azzjonisti bejjiegħa ta’ B&M għandhom fir-Repubblika Ċeka.

12.

Universal Music ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Utrecht (qorti ta’ Utrecht) bil-għan li tikkundanna lill-konvenuti in solidum għall-ħlas ta’ EUR 2767861.25 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż għar-responsabbiltà tagħhom ta’ kważi delitt. Din it-talba tikkorrispondi għad-dannu li Universal Music qed tallega li ġarrbet minħabba n-negliġenza tal-kollaboratriċi Burns Schwartz International fil-kitba tat-test tal-kuntratt dwar il-fakultà tax-xiri tal-azzjonijiet. L-ammont tad-dannu mitlub jikkonsisti fid-differenza bejn minn naħa, il-prezz previst u min-naħa l-oħra, l-ammont tranżazzjonali u l-ispejjeż li Universal Music kellha ġġarrab fil-kuntest tal-arbitraġġ u l-ftehim tranżazzjonali.

13.

Universal Music targumenta li, mill-att attribwit lill-konvenuti, hija ġarrbet “dannu patrimonjali inizjali” fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li hija ħallset l-ammont tranżazzjonali u l-ispejjeż marbuta mal-arbitraġġ kif ukoll il-ftehim tranżazzjonali filwaqt li użat il-partimonju tagħha li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn hija stabbilita.

14.

Schilling u Brož, iddomiċiljati fir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka rispettivament, ikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża billi invokaw li l-ħlas tal-ammont tranżazzjonali u l-ispejjeż imġarrba mill-patrimonju ta’ Universal Music ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dannu patrimonjali inizjali li seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi wara aġir li seħħ fir-Repubblika Ċeka.

15.

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2009, ir-rechtbank Utrecht (il-qorti ta’ Utrecht) iddikjarat li hija inkompetenti biex tippronunċja ruħha dwar it-talba ppreżentata minn Universal Music. Fl-opinjoni tagħha, id-dannu allegat minn Universal Music kien dannu purament patrimonjali li kellu konsegwenza diretta fuq l-effett tal-ħsara. Il-kwistjoni hija dik dwar jekk il-post fejn twettqet il-ħsara, fil-kawża inkwistjoni, Baarn, fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali ta’ Universal Music, jistax jiġi kkunsidrat bħala l-post fejn seħħ l-effett tal-ħsara fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-opinjoni tar-rechtbank Utrecht (il-qorti ta’ Utrecht), dan mhux il-każ minħabba li ma jeżistux biżżejjed rabtiet ta’ konnessjoni li jippermettu l-preżunzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament.

16.

Il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem- Leeuwarden) li ġie adit bl-appell minn Universal Music, permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, ikkonfermat id-deċiżjoni tar-rechtbank Utrecht (il-qorti ta’ Utrecht). Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 5(3), din il-qorti kkunsidrat li r-rabta ta’ konnessjoni partikolarment stretta bejn it-talba u l-qorti adita, li tikkostitwixxi kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, hija nieqsa fil-kawża inkwistjoni. Il-fatt biss li l-ammont tranżazzjonali għandu jkun sostnut minn kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi mhux biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata l-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża.

17.

Universal Music ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-qorti tal-appell quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Schilling u Brož ippreżentaw separatament appell ta’ kassazzjoni inċidentali kondizzjonali.

18.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, fis-sentenza Marinari ( 3 ), li l-post fejn il-vittma tallega li tkun ġarrbet dannu patrimonjali konsekuttiv għal dannu inizjali li seħħ fi Stat Membru ieħor, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-post fejn ikun twettaq l-effett tal-ħsara, b’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

19.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma speċifikatx il-kriterju jew il-perspettiva li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali tista’ tiddetermina jekk wieħed huwiex dannu patrimonjali inizjali, imsejjaħ ukoll dannu patrimonjali bażiku jew dannu patrimonjali dirett, jew inkella dannu li jirriżulta minn dan tal-aħħar jew konsekuttiv għalih, imsejjaħ ukoll dannu konsekuttiv jew dannu indirett.

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx iktar il-kriterju jew il-perspettiva li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina l-post fejn twettaq jew fejn huwa magħruf li twettaq id-dannu patrimonjali, dirett jew indirett.

21.

Fl-opinjoni tal-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn, il-qorti nazzjonali mitluba tevalwa jekk għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-każ skont ir-Regolament Nru 44/2001, għandhiex tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-dikjarazzjonijiet pertinenti f’dan ir-rigward ta’ min jagħmel it-talba jew tar-rikorrenti jew jekk hijiex obbligata li tikkunsidra wkoll l-elementi ppreżentati mill-parti konvenuta sabiex tikkontesta dawn l-dikjarazzjonijiet.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq’ jista’ jitqies li huwa l-post fi Stat Membru fejn seħħ id-dannu, meta tali dannu jkun jikkonsisti esklużivament f’dannu patrimonjali, li huwa l-konsegwenza diretta ta’ att illegali li seħħ fi Stat Membru ieħor?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

a)

Fuq il-bażi ta’ liema kriterju jew ta’ liema fattur għandha l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiddetermina jekk, f’dan il-każ, hemmx inkwistjoni dannu patrimonjali li jirriżulta direttament minn aġir illegali (‘dannu patrimonjali inizjali’ jew ‘dannu patrimonjali dirett’), jew inkella dannu patrimonjali li jirriżulta minn dannu inizjali li seħħ f’post ieħor jew dannu li huwa l-konsegwenza ta’ dannu li seħħ f’post ieħor (‘dannu konsekuttiv’ jew ‘dannu indirett’)?

b)

Fuq il-bażi ta’ liema kriterju jew ta’ liema fattur, il-qorti nazzjonali għandha, fl-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiddetermina l-post fejn seħħ jew għandu jitqies li seħħ f’dan il-każ id-dannu patrimonjali, kemm dirett kif ukoll indirett?

3)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-każ fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tibbaża ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha, fuq l-argumenti rilevanti tar-rikorrent jew tal-applikant, jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-provi li l-konvenut ipproduċa sabiex jikkontesta dawn l-argumenti?”

23.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Schilling u Brož, il-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fil-25 ta’ Novembru 2015.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

24.

F’dawn il-konklużjonijiet, niċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali ( 4 ), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), b’kunsiderazzjoni li minħabba li r-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, ġaladarba d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti ( 5 ). Fil-fatt, id-dispożizzjoni ewlenija ta’ din il-kawża, jiġifieri l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa miktub f’termini kważi identiċi ta’ dawk tad-dispożizzjoni kontraparti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tirriproduċi l-istruttura tagħha. Minħabba din l-ekwivalenza, huwa importanti li tiġi żgurata, b’konformità mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti leġiżlattivi ( 6 ).

B – Fuq l-ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” il-post, li jinsab fi Stat Membru, fejn twettaq id-dannu ( 7 ) meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’dannu patrimonjali li jirriżulta direttament f’att illegali imwettaq fi Stat Membru ieħor.

26.

Il-qorti tar-rinviju għalhekk, essenzjalment qed tfittex li tkun taf jekk dannu patrimonjali subit fi Stat Membru hux kriterju ta’ konnessjoni suffiċjenti sabiex tiġi determinata l-ġurisdizzjoni kompetenti skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

27.

Għalhekk, huwa biss b’deroga għall-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa domiċiljat il-konvenut, li l-Kapitolu II, Sezzjoni 2 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dawk previsti fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament ( 8 ). Sa fejn il-kompetenza tal-ġurisdizzjonijiet tal-post fejn twettaq l-effett tal-ħsara jew hemm ir-riskju li jitwettaq, tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u restrittiv ( 9 ), u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-ipoteżijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament ( 10 ).

28.

Ir-raġuni prinċipali tar-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qorti tal-post fejn twettaq l-effett tal-ħsara, fatt li jiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċeduri ( 11 ). Fil-fatt, il-qorti tal-post fejn twettaq l-effett tal-ħsara hija normalment l-iktar waħda adatta biex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità tal-kwistjoni u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi ( 12 ).

29.

Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, persuna li tkun iddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt fil-qorti tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.

30.

Ninnota li din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn dwar ħsara jew dannu, iżda dwar l-effett tal-ħsara. Għalhekk mhux il-ħsara li hija prinċipalment indirizzata mit-test tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda l-effett iġġenerat mill-ħsara. Il-loġika ta’ din id-dispożizzjoni jidhirli li hija evidenti: l-aħjar hija qorti li hija stess tiġbor il-fatti, tisma’ x-xhieda u tikkunsidra kull att proċedurali fil-post fejn ikun ġie kkawżat l-effett tal-ħsara.

31.

Madankollu, huwa fatt magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-kawża ewlenija li wasslet għas-sentenza Bier, magħrufa bħala “Mines de potasse d’Alsace” ( 13 ), interpretat il-kliem “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” bħala li jinkorpora żewġ postijiet differenti, jiġifieri l-post fejn twettqet il-ħsara ( 14 ) u dak tal-avveniment kawżali ( 15 ) li huwa l-oriġini tal-ħsara ( 16 ).

32.

F’dak li jirrigwarda d-dannu patrimonjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Marinari ( 17 ) li l-kunċett tal-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma jirreferix għall-post fejn il-vittma tallega li tkun ġarrbet dannu patrimonjali konsekuttiv għall-ħsara inizjali li twettqet u li hija tkun ġarrbet fi Stat Membru ieħor ( 18 ). Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem is-sussidjarja ta’ bank Brittanniku, lott ċedoli li l-impjegati tal-bank irrifjutaw li jirritornaw, filwaqt li informaw lill-pulizija bl-eżistenza tagħhom u ddikjaraw il-provenjenza dubbjuża tagħhom, fatt li wassal għall-arrest tar-rikorrenti u s-sekwestru taċ-ċedoli. Wara li nħelset mill-ġustizzja Ingliża, ir-rikorrenti talbet qorti Taljana biex tikkundanna lill-bank sabiex jikkumpensa d-danni kkawżati mill-impjegati tiegħu. It-talba kienet tikkonsisti fit-trasferiment tal-kontravalur taċ-ċedoli u tal-kumpens tad-dannu li ġarrbet minħabba d-detenzjoni tagħha, kif ukoll tal-ksur ta’ diversi kuntratti u l-ħsara għar-reputazzjoni tagħha.

33.

Fil-kawża prinċipali, il-kuntratt li jinkludi l-klawżola żbaljata ġie nnegozjat u ffirmat fir-Repubblika Ċeka. Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ġew iddefiniti f’dan l-Istat Membru, inkluż l-obbligu ta’ Universal Music li tħallas ammont ogħla milli inizjalment previst għat-30 % tal-azzjonijiet li kien fadal. Dan l-obbligu kuntrattwali, li l-partijiet għall-kuntratt ma kellhomx l-intenzjoni li joħolqu, twieled fir-Repubblika Ċeka. Għalhekk huwa f’dan l-Istat Membru li l-obbligu li jitħallas prezz ogħla sar irriversibbli u inkontornabbli u fejn, fl-opinjoni tiegħi, saret il-ħsara.

34.

Dan il-fatt jimplika li l-ewwel u t-tieni domanda jsiru ipotetiċi minħabba li b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza kkonstatata, il-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” jinsab fir-Repubblika Ċeka.

35.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tgħid li ma sabet ebda risposta, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għad-domanda dwar jekk dannu patrimonjali biss jistax jikkostitwixxi “Erfolgsort” u għalhekk tistax tiġi bbażata fuqu l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. F’termini oħra, hija qed tistaqsi jekk hemmx ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjoni ċċitata meta ma jkunx għad hemm dannu inizjali bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Marinari ( 19 ).

36.

B’mod sussidjarju u f’tali ipoteżi, id-domanda ewlenija ta’ din il-kawża hija għalhekk dik dwar jekk id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Mines de potasse d’Alsace” ( 20 ), li tgħid li t-terminu l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” tinkorpora ż-żewġ postijiet, tapplikax ukoll meta dannu huwa purament patrimonjali.

37.

Fl-opinjoni tiegħi, le.

38.

Meta wieħed ikun fil-preżenza ta’ dannu patrimonjali, jiġifieri dannu li jikkonsisti biss fi tnaqqis ta’ assi finanzjarji ( 21 ), ma naħsibx li l-kunċett ta’ “Erfolgsort” huwa għalkollox pertinenti ( 22 ). F’ċerti sitwazzjonijiet, il-kunċetti ta’ “Handlungsort” u ta’“Erfolgsort” ma jistgħux jiġu distinti. Sabiex jiġi determinat “Erfolgsort” eventwali, f’tali sitwazzjoni, kollox jiddependi fuq id-domanda dwar fejn jinsabu l-assi finanzjarji, li normalment jikkoinċidi mal-post ta’ residenza jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika dak tas-sede. Din id-domanda ħafna drabi hija aleatorja u marbuta ma’ konsiderazzjonijiet li ma għandhom ebda rabta mal-fatti tal-kawża.

39.

Konsegwentement, se nkun prudenti f’dak li jirrigwarda dak li għandu jiġi traspost verbatim mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Mines de potasse d’Alsace ( 23 ) għal sitwazzjoni li fiha d-dannu huwa patrimonjali. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza Mines de potasse d’Alsace ( 24 ), il-possibbiltà tar-rikorrenti li jagħżel bejn il-post fejn twettqet il-ħsara u dak fejn seħħ l-avveniment kawżali li minnu oriġinat il-ħsara, mhux biex testendi d-deroga dwar ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni. Ir-raġuni għal din l-għażla hija marbuta man-neċessità li tibqa’ l-iktar viċin possibbli għall-fatti tal-kontroversja u li tintgħażel il-qorti l-iktar adatta sabiex tiddeċiedi l-kawża, u f’dan il-kuntest, li torganizza b’mod utli l-proċess, pereżempju tal-ġbir tal-provi u tas-smigħ tax-xhieda.

40.

Kif rajna iktar ’il fuq, il-fatturi kollha li jippermettu lill-qorti torganizza b’mod utli l-proċess għalhekk jinsabu fir-Repubblika Ċeka.

41.

Fi kliem ieħor, għar-raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija proċedurali, il-fatt biss li ammont tranżazzjonali ġie sostnut minn kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, mhux biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Olandiża.

42.

Jidhirli li analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ddgħajjifx dan l-approċċ.

43.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kronhofer ( 25 ), il-vittma, li kienet stabbilita fl-Awstrija, wieġbet għal offerta li kienet tikkonsisti fil-ftuħ ta’ kont fil-Ġermanja, li fih hija ttrasferiet kapital. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kellu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma tirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn “il-beni tiegħu huma ċentralizzati”, minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta fit-telf ta’ partijiet mill-beni tiegħu li sar u kien imġarrab fi stat kontraenti ieħor ( 26 ). Dan il-fatt huwa konvinċenti, b’kunsiderazzjoni li dan il-post ħafna drabi huwa aċċidentali u mhux neċessarjament kriterju ta’ konnessjoni affidabbli.

44.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kolassa ( 27 ), investitur investa somma definita sewwa f’bank, f’pajjiżu stess, l-Awstrija. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħsara twettqet fil-post fejn l-investitur ġarrabha ( 28 ), jiġifieri fl-Awstrija. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet stabbilita ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 29 ).

45.

Madankollu naħseb li ma għandhiex tinsilet regola ġenerali minn din il-kawża li tistabbilixxi li dannu patrimonjali huwa biżżejjed bħala kriterju ta’ konnessjoni għall-finijiet tad-dispożizzjoni ċċitata. Il-fatti fil-kawża li wasslu għas-sentenza Kolassa ( 30 ) fil-fatt kienu partikolari. Il-parti konvenuta f’din il-kawża, bank Brittanniku, ippubblika prospectus dwar iċ-ċertifikati finanzjarji inkwistjoni fl-Awstrija ( 31 ) u kien bank Awstrijakk li kien biegħ (reġa’ biegħ) dawn iċ-ċertifikati.

46.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza CDC Hydrogen Peroxide, dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, fejn il-vittmi kienu jinsabu f’diversi Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dawn il-postijiet differenti setgħu jservu ta’ punt ta’ konnessjoni ( 32 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fir-rigward ta’ dannu li jikkonsisti fi spejjeż żejda mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli, […], dan il-post huwa identifikabbli biss għal kull allegata vittma kkunsidrata individwalment u, bħala prinċipju, ikun jinsab fis-sede tagħha” ( 33 ).

47.

Ma naħsibx li din id-dikjarazzjoni tista’ sservi bħala bażi għal regola ġenerali li s-sede ta’ impriża vittma tikkostitwixxi il-post fejn saret il-ħsara. Għall-kuntrarju din id-dikjarazzjoni hija spjegata għal darb’oħra mill-partikolaritajiet tal-kawża, li fiha kien hemm għadd kbir ta’ persuni li kienu vittmi. Konsegwentement ma kienx possibbli li jiġi identifikat post uniku f’dak li jirrigwarda l-post fejn ġie konkluż il-ftehim u lanqas il-post tal-avveniment kawżali. Barra minn hekk jidhirli li s-sede ta’ intrapriża għandha t-tendenza li tikkoinċidi mal-attivitajiet ekonomiċi tagħha.

48.

Fil-qosor, ma narax kif l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tinsab fi Stat Membru li magħha l-kontroversja għandha punt wieħed biss ta’ konnessjoni jiġifieri l-fatt li l-vittma fih ġarrbet dannu patrimonjali.

49.

Konsegwentement, nipproponi li nirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fin-nuqqas ta’ punti ta’ konnessjoni oħra, il-post, li jinsab fi Stat Membru, jew fejn ikun seħħ id-dannu meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’dannu patrimonjali li jirriżulta minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor.

50.

Fid-dawl ta’ din il-proposta, ma hemmx għalfejn tiġi eżaminata t-tieni domanda.

C – Fuq it-tielet domanda

51.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali mitluba biex tevalwa jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, għandhiex tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti jew jekk din il-qorti għandhiex tikkunsidra wkoll l-elementi ppreżentati mill-parti konvenuta sabiex tikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet.

52.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi din id-domanda biss fil-każ ta’ risposta affirmattiva għall-ewwel domanda, inqis li hemm interess li tingħata risposta, b’kunsiderazzjoni li din id-domanda għandha portata ġenerali u tirreferi għall-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni, u mhux biss sabiex isir magħruf jekk dannu patrimonjali huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni.

53.

Preliminarjament, għandu jitfakkar ( 34 ) li l-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata mir-regoli awtonomi tar-Regolament Nru 44/2001, filwaqt li l-mertu tal-kawża għandu jiġi deċiż skont id-dritt nazzjonali applikabbli, iddeterminat mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet relattivi għall-obbligi kuntrattwali ( 35 ) jew mhux kuntrattwali ( 36 ).

54.

Jidhirli li l-ġurisprudenza eżistenti tippreżentalna diversi perkorsi sabiex inkunu nistgħu nirrispondu għal din id-domanda.

55.

Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jispeċifikax il-portata tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandha qorti nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kellha bħala suġġett mhux li tgħaqqad ir-regoli tal-proċedura tal-Istati kontraenti, iżda li tqassam il-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni tal-kawżi fil-qasam ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti u li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 37 ). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fir-rigward tar-regoli tal-proċedura, għandha ssir referenza għar-regoli nazzjonali applikabbli mill-qorti li titressaq il-kawża quddiemha, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma taffettwax l-effett utli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 38 ).

56.

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikorrent kien jibbenefika mill-forum tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, anki jekk il-formazzjoni tal-kuntratt li kien is-suġġett tar-rikors kienet ikkontestata mill-partijiet ( 39 ). Hija speċifikat ukoll li kien konformi mal-ispirtu ta’ ċertezza legali li l-qorti nazzjonali li titressaq il-kawża quddiemha tkun tista’ faċilment tippronunċja ruħha fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess abbażi tar-regoli tal-konvenzjoni msemmija, mingħajr ma tkun imġiegħla tipproċedi għall-eżami tal-każ fil-mertu ( 40 ).

57.

Iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita la għandha tikkunsidra l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba għal konstatazzjoni negattiva taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss il-fatturi ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 41 ). Hija kkunsidrat ukoll li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tista’ tqis stabbiliti, għall-finijiet biss tal-verfikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi-delittwali ( 42 ). Fl-aħħar hija ddeċidiet li, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, ma hemmx lok li ssir amministrazzjoni ddettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-elementi tal-effett kontroversjali li huma pertinenti kemm għad-domanda dwar il-ġurisdizzjoni kif ukoll għal dik dwar l-eżistenza tad-dritt invokat u li madanakollu huwa legali għall-qorti li quddiemha titressaq il-kawża li teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li hija tiddisponi, inkluż, meta jkun il-każ, il-kontestazzjonijiet tal-parti konvenuta ( 43 ).

58.

Nipproponi għalhekk li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li titressaq kawża quddiemha għandha tevalwa l-provi kollha li jkollha quddiemha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa mill-parti konvenuta.

V – Konklużjoni

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari fformulati mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat 22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li fin-nuqqas ta’ punti ta’ konnessjoni oħra, il-post, fi Stat Membru fejn seħħ id-dannu, meta tali dannu jkun jikkonsisti esklużivament f’dannu patrimonjali, li huwa l-konsegwenza diretta ta’ att illegali li seħħ fi Stat Membru ieħor, ma jistax jitqies bħala l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”.

2)

Sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li quddiemha titressaq kawża għandha tevalwa l-elementi kollha li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, meta jkun il-każ, l-elementi mressqa mill-parti konvenuta.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU: Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) C‑364/93, EU:C:1995:289.

( 4 ) ĠU L 299, 1972, p. 32.

( 5 ) Sentenza TNT Express Nederland (C-533/08, EU:C:2010:243, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda preċiżament l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 19).

( 7 ) Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ konfużjoni, nenfasizza li t-termini “dannu” u “ħsara” jintużaw b’mod differenti f’dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 44) u Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 23).

( 9 ) Skont ġurisprudenza stabbilita. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 72); CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 37), u Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 43).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 45) u Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 24).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Zuid-Chemie (C-189/08, EU:C:2009:475, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) 21/76, EU:C:1976:166.

( 14 ) Imsemmija “Erfolgsort” skont id-duttrina Ġermaniża.

( 15 ) Imsemmija “Handlungsort” skont id-duttrina Ġermaniża.

( 16 ) 21/76, EU:C:1976:166, punt 24); ara wkoll is-sentenzi Zuid-Chemie (EU:C:2009:475, punt 23), u Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 23).

( 17 ) C‑364/93, EU:C:1995:289.

( 18 ) Ara s-sentenza Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289, punt 21).

( 19 ) C‑364/93, EU:C:1995:289,

( 20 ) 21/76, EU:C:1976:166.

( 21 ) “Vermogensschade” fit-terminoloġija tal-qorti tar-rinviju.

( 22 ) Dan ovvjament se jkun differenti jekk ikun il-patrimonju bħala tali huwa kopert mill-att ta’ delitt. F’sitwazzjoni bħal din, huwa ċar għalija li l-“Erfolgsort” jista’ jkun il-post fejn twettaq id-dannu patrimonjali. Ara wkoll, f’dan is-sens, Mankowski, P., f’Magnus, U., u Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation - Commentary, Verlag Dr. Otto Schmidt, Cologne, 2016, Artikolu 7, punt 328.

( 23 ) 21/76, EU:C:1976:166.

( 24 ) 21/76, EU:C:1976:166.

( 25 ) C‑168/02, EU:C:2004:364.

( 26 ) Sentenza KronhoferC-168/02, EU:C:2004:364, punt 21.

( 27 ) C‑375/13, EU:C:2015:37.

( 28 ) Sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 54).

( 29 ) Sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 57).

( 30 ) C‑375/13, EU:C:2015:37.

( 31 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kolassa (C‑375/13, EU:C:2014:2135, punt 64).

( 32 ) C‑352/13, EU:C:2015:335 (punt 52).

( 33 ) Sentenza CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335).

( 34 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kolassa (C‑375/13, EU:C:2014:2135, punt 69).

( 35 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

( 36 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II ) (ĠU L 199, p. 40).

( 37 ) Ara f’dan ir-rigward, is-Sentenzi Shevill et (C-68/93, EU:C:1995:61, punt 35); Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 43), kif ukoll DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 23).

( 38 ) Sentenzi Hagen (C‑365/88, EU:C:1990:203, punti 1920), kif ukoll Shevill et (C-68/93, EU:C:1995:61, punt 36).

( 39 ) Sentenza Effer (38/81, EU:C:1982:79, punt 8).

( 40 ) Sentenza Benincasa (C-269/95, EU:C:1997:337, punt 27).

( 41 ) Sentenza Folien Fischer u Fofitec (C-133/11, EU:C:2012:664, punt 50).

( 42 ) Sentenza Hi Hotel HCF (C-387/12, EU:C:2014:215, punt 20).

( 43 ) Sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 65).