KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-21 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑8/15 P, C‑9/15 P u C‑10/15 P

Ledra Advertising Ltd (C‑8/15 P)

Andreas Eleftheriou (C‑9/15 P)

Eleni Eleftheriou (C‑9/15 P)

Lilia Papachristofi (C‑9/15 P)

Christos Theophilou (C‑10/15 P)

Eleni Theophilou (C‑10/15 P)

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Il‑Bank Ċentrali Ewropew

“Appelli — Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà — Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru — Memorandum ta’ qbil dwar il-politika ta’ kondizzjonalità ekonomika speċifika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Kummissjoni Ewropea — Rikorsi għad-danni u għal annullament — Obbligi tal-Kummissjoni”

1. 

Il-kwistjoni ġuridika ewlenija li tqum minn dawn l-appelli hija r-rwol tal-Kummissjoni u, f’livell inqas, tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”), fin-negozjar u fl-iffirmar tal-Memorandum ta’ qbil konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“MES”) matul il-kriżi finanzjarja tas-snin 2012‑2013 (iktar ’il quddiem l-“MoU”). Eżami ta’ din il-kwistjoni tqajjem ukoll mistoqsijiet rigward l-obbligi legali tal-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha skont it-Trattat MES ( 2 ), b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’seduta plenarja fil-kawża Pringle (iktar ’il quddiem “Pringle”) ( 3 ).

2. 

Dawn l-appelli jikkonċernaw tliet talbiet għad-danni mressqa kontra l-Kummissjoni u l-BĊE minn depożitanti ta’ żewġ banek Ċiprijotti kbar, il-Bank of Cyprus (iktar ’il quddiem “BoC”) u Cyprus Popular Bank (iktar ’il quddiem “CPB”). Id-depożitanti jsostnu li, wara t-talba tar-Repubblika ta’ Ċipru għal assistenza finanzjarja mill-MES u r-ristrutturazzjoni taż-żewġ banek inkwistjoni, huma ġarrbu telf ta’ bejn EUR 480000 u EUR 1600000. L-appellanti jfittxu li jiksbu wkoll l-annullament parzjali tal-MoU minħabba allegat ksur tad-dritt tagħhom għall-proprjetà.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – It-Trattat MES

3.

Il-premessa 1 tat-Trattat MES taqra kif ġej:

“Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. [Il-MES] ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

4.

L-Artikolu 3 tat-Trattat MES jipprovdi:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

5.

L-Artikolu 4(1) tat-Trattat MES jipprovdi:

“Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.”

6.

L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprovdi:

“Il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE, kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi [tal-MES] bħala osservaturi.”

7.

L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi:

“Il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fuq il-Bord tad-Diretturi tal-MES].”

8.

L-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES jaqra kif ġej:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES suġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kundizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kundizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

9.

L-Artikolu 13 tat-Trattat MES (intitolat “Proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà”) jipprovdi dan li ġej:

“1.   Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil-kompiti li ġejjin:

(a)

l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà ppreżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[(2)];

(b)

l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-FMI;

(c)

l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.   Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru kkonċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.   Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (iktar ’il quddiem ‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE, partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, suġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.   Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[…]

7.   Il-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kundizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

B – Memorandum ta ’ qbil bejn ir-Repubblika ta ’ Ċipru u l-Kummissjoni

10.

Il-punti 1.23 sa 1.27 tal-MoU (intitolat “Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni ta’ [CPB] u [BoC]”) jipprovdu dan li ġej:

“1.23.

L-eżami tal-valur finanzjarju u kontabbli diġà msemmi rrevela li l-ikbar żewġ banek f’Ċipru kienu f’insolvenza. Sabiex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni, il-Gvern implementa pjan ta’ riżoluzzjoni u ta’ ristrutturazzjoni kbira. Sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ futur żbilanċjat u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tas-settur, filwaqt li ma tiġix affettwata l-kompetizzjoni, ġiet adottata strateġija li tinkludi erba’ partijiet, li ma tinvolvix l-użu tal-flus tal-kontribwenti.

1.24.

L-ewwel nett, l-attiv kollu (inklużi s-self fil-qasam tat-trasport marittimu) u l-obbligi marbutin mal-Greċja, stmati rispettivament għal EUR 16.4 u 15-il biljun, skont l-ipoteżi sfavorevoli, ġew ċeduti. L-attiv u l-passiv Grieg ġie akkwistat minn Piraeus Bank, li r-ristrutturazzjoni tiegħu ttieħdet taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Elleniċi. Iċ-ċessjoni saret permezz ta’ ftehim iffirmat fis-26 ta’ Marzu 2013. Peress li l-valur kontabbli tal-attiv jammonta għal EUR 19.2 biljun, dan it-trasferiment ippermetta li titnaqqas sostanzjalment l-espożizzjoni reċiproka bejn il-Greċja u Ċipru.

1.25.

Fir-rigward tal-fergħa ta’ [CPB] fir-Renju Unit, id-depożiti kollha ġew ittrasferiti lill-fergħa fir-Renju Unit tal-[BoC]. L-attiv relatat ġie integrat fi ħdan il-[BoC].

1.26.

It-tieni nett, il-[BoC] ser jakkwista permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment, l-attiv Ċiprijott ta’ [CPB], għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll id-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu għall-assistenza urġenti ta’ likwidità, fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurati ta’ [CPB] għandhom jinżammu mill-entità ta’ qabel. L-għan huwa li l-valur tal-attiv ċedut ikun superjuri għall-passiv ċedut b’mod li d-differenza tikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ [BoC] minn [CPB] li tammonta għal 9 % tal-attiv stmat skont ir-riskji li ġew ċeduti. [BoC] għaddiet minn kapitalizzazzjoni mill-ġdid b’mod li tilħaq, fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji (core tier one ratio) ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli ta’ stress test, li għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Il-konverżjoni ta’ [37.5%] tad-depożiti mhux assigurati miżmuma fil-[BoC] f’azzjonijiet ta’ kategorija A, bi dritt ta’ vot sħiħ u ta’ drittijiet għad-dividendi, jipprovdi l-ikbar parti tal-bżonnijiet ta’ kapital, b’żieda supplimentari f’kapital proprju min-naħa tal-entità ta’ qabel ta’ [CPB]. Parti mid-depożiti mhux assigurati li jifdal tal-[BoC] għandha temporanjament tiġi ffriżata.

1.27.

It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kapitalizzazzjoni jintlaħqu, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti iktar dettaljata u aġġornata tal-attiv ta’ [BoC] u ta’ [CPB] skont l-eżiġenzi tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-bank, [sal-aħħar ta’ Ġunju 2013]. Għal dan il-għan, it-termini ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni indipendenti għandhom ikunu miftiehma sa mhux iktar tard minn [nofs April 2013], b’konsultazzjoni mal-[Kummissjoni], il-BĊE u l-FMI. Wara din l-evalwazzjoni, għandha ssir, jekk ikun meħtieġ, konverżjoni addizzjonali tad-depożiti mhux assigurati f’azzjonijiet ta’ kategorija A, b’mod li jiġi żgurat li jintlaħaq minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi fl-aħħar tal-programm. Jekk il-bank jiġi surkapitalizzat meta mqabbel mal-mira, għandu jsir proċess ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet sabiex jiġu rrimborsati d-depożitanti bl-ammont li jikkorrispondi għas-surkapitalizzazzjoni.”

C – Id-dritt nazzjonali

1. Il-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013

11.

Skont l-Artikoli 3(1) u 5(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u stabbilimenti oħra (O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos, iktar ’il quddiem “il-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013”) ( 4 ), il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (iktar ’il quddiem il-“BĊĊ”) ġie inkarigat jorganizza mill-ġdid l-istabbilimenti msemmija minn din il-liġi, flimkien mal-ministeru tal-finanzi.

12.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 12(1) tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 jipprovdi li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ stabbiliment suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, inkluż b’mezzi ta’ tnaqqis, modifika, riklassifikazzjoni jew novazzjoni tal-kapital nominali jew dovut ta’ kull tip ta’ kreditu eżistenti jew futur fuq dan l-istabbiliment jew permezz ta’ konverżjoni ta’ titoli ta’ dejn f’fondi proprji. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) jipprovdi li d-“depożiti ggarantiti”, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 2 tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, huma esklużi minn dawn il-miżuri. Hemm qbil li d-depożiti inkwistjoni huma ġeneralment depożiti ta’ inqas minn EUR 100000.

2. Id-Digrieti Nru 103 u Nru 104

13.

Fid-29 ta’ Marzu 2013, id-Digrieti Nru 103 u Nru 104 ġew adottati abbażi tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 ( 5 ).

14.

Id-digriet tal-2013 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid permezz ta’ mezzi proprji tal-BoC, Att Amministrattiv Regolamentari Nru 103 (to peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 103, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 103”) ipprovda għal kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-BoC – a spejjeż, inter alia, tad-depożitanti mhux garantiti tiegħu, tal-azzjonisti tiegħu u tad-detenturi ta’ bonds tiegħu – sabiex ikun jista’ jkompli jipprovdi servizzi bankarji. Għalhekk, kull depożitu mhux iggarantit ġie kkonvertit fi tliet kategoriji ta’ strumenti: azzjonijiet tal-BoC (37.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit), titoli konvertibbli mill-BoC, jew f’azzjonijiet jew f’depożiti (22.5 % ta’ kull depożitu ggarantit), u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ (40 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit) ( 6 ). Skont l-Artikolu 10 tiegħu, id-Digriet Nru 103 daħal fis-seħħ fis-6.00 ta’ filgħodu tad-29 ta Marzu 2013.

15.

Id-digriet tal-2013 fuq il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet ta’ CPB, Att Amministrattiv Regolamentari Nru 104 (to Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 104, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 104”) ipprovda, skont l-Artikoli 2 u 5 tiegħu, għat-trasferiment ta’ ċerti elementi ta’ attiv u passiv minn CPB għal BoC, inklużi d-depożiti ta’ inqas minn EUR 100000. Dawn it-trasferimenti seħħew fis-6.10 ta’ filgħodu tad-29 ta’ Marzu 2013. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100000 inżammu għand CPB, sakemm iseħħ l-istralċ tagħha.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

16.

Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom CPB u BoC, sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Ir-Repubblika ta’ Ċipru qieset li kienet neċessarja l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tagħhom u ressqet talba lill-President tal-Grupp tal-Euro għal assistenza finanzjarja mill-FESF jew mill-MES.

17.

Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-Euro indika li l-assistenza finanzjarja mitluba kienet ser tiġi pprovduta jew mill-FESF jew mill-MES, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ MoU li n-negozjati tiegħu kienu ser jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-BĊE u l-FMI, u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

18.

Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro laħqu ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ MoU f’Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ dan il-ftehim u invoka ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti fil-banek. Il-Grupp tal-Euro indika li, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, huwa kien jikkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja intiża li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kienet, fil-prinċipju, iġġustifikata u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jgħaġġlu n-negozjati li kienu għaddejjin.

19.

Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ddikjarat id-19 u l-20 ta’ Marzu 2013 bħala festi bankarji. L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-festi bankarji sat-28 ta’ Marzu 2013 sabiex jiġi evitat ġiri lejn il-kaxxieri tal-banek.

20.

Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-parlament Ċiprijott irrifjuta l-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha f’Ċipru.

21.

Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott adotta l-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013.

22.

Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro indika li kien intlaħaq qbil mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm makroekonomiku ta’ aġġustament futur, li kellu l-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro laqa’ l-pjan ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmi fl-anness ta’ din id-dikjarazzjoni. Fl-istess jum, il-Gvernatur tal-BĊĊ ssuġġetta lil BoC u lil CPB għal proċedura ta’ organizzazzjoni mill-ġdid. Id-Digrieti Nru 103 u Nru 104 ġew ippubblikati fid-29 ta’ Marzu 2013.

23.

Fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ April 2013, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin:

li jagħti sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FAF”), skont il-proposta tad-direttur maniġerjali tal-MES;

li japprova l-abbozz tal-MoU nnegozjat mill-Kummissjoni (b’kollaborazzjoni mal-BĊE u l-FMI) u r-Repubblika ta’ Ċipru;

li jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tiffirma l-MoU f’isem il-MES.

24.

Il-MoU ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mill-ministru tal-finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal-BĊE u minn O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni, f’isimha.

25.

Finalment, fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l-ftehim dwar il-FAF kif ukoll proposta dwar it-termini ta’ ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Dik il-parti kienet maqsuma f’żewġ ħlasijiet li saru fit-13 ta’ Mejju 2013 (EUR 2 biljuni) u fis-26 ta’ Ġunju 2013 (EUR 1 biljun) rispettivament.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

26.

Permezz ta’ tliet rikorsi separati ppreżentati fl-24 ta’ Mejju 2013, (i) Ledra Adverstising Ltd (iktar ’il quddiem “Ledra”), (ii) A. Eleftheriou, E. Eleftheriou u L. Papachristofi (iktar ’il quddiem “Eleftheriou et”), u (iii) C. Theophilou u E. Theophilou (iktar ’il quddiem “Theophilou et”) (kollettivament indikati f’dawn il-konklużjonijiet bħala “l-appellanti”) ressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha talbu kumpens għad-danni allegatament imġarrba b’konsegwenza tal-inklużjoni ta’ punti 1.23 sa 1.27 fil-MoU u l-annullament ta’ dawn il-punti tal-MoU.

27.

Permezz ta’ tliet digrieti mogħtija fl-10 ta’ Novembru 2014 fil-Kawżi T‑289/13, Ledra Advertising vs Il‑Kummissjoni u BĊE ( 7 ), T‑291/13, Eleftheriou u Papachristofi vs Il‑Kummissjoni u BĊE ( 8 ), u T‑293/13, Theophilou vs Il‑Kummissjoni u BĊE ( 9 ) (iktar ’il quddiem id-“digrieti appellati”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati fid-dritt.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.

Permezz ta’ appelli ppreżentati fid-9 ta’ Jannar 2015, l-appellanti essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digrieti appellati, fir-rigward tal-ewwel żewġ talbiet, jiġifieri, it-talba għad-danni, u/jew l-annullament tas-siltiet fl-MoU kkontestati;

tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż.

29.

Fit-tliet każijiet kollha, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BĊE jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

30.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2015, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑8/15 P, C‑9/15 P u C‑10/15 P jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

31.

L-appellanti, il-Kummissjoni u l-BĊE ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Frar 2016.

V – Evalwazzjoni tal-aggravji

32.

L-appellanti ppreżentaw appelli prattikament identiċi, billi ressqu erba’ aggravji insostenn tal-appelli tagħhom. Tlieta minn dawn l-aggravji jikkonċernaw iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel talba tagħhom: it-talba għad-danni. Aggravju minnhom jikkonċerna l-parti tad-digrieti li fiha dik il-qorti ċaħdet it-tieni talba tagħhom: it-talba għall-annullament tal-punti 1.23 sa 1.27 tal-MoU.

33.

Madankollu, qabel ma neżamina wieħed wieħed dawn l-aggravji, ser nikkunsidra l-ammissibbiltà tal-appelli.

A – L-ammissibbiltà tal-appelli

1. L-argumenti tal-partijiet

34.

Il-Kummissjoni u l-BĊE joġġezzjonaw għall-ammissibbiltà tal-appelli. Il-Kummissjoni ssostni li l-appelli ma humiex suffiċjentement ċari, preċiżi, u intelliġibbli sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem “ir-Regoli tal-Proċedura”). Il-BĊE, min-naħa tiegħu, jikkontendi li l-appelli jillimitaw ruħhom għal repetizzjoni jew riproduzzjoni tal-argumenti mressqa qabel quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma joffru argumenti legali jew speċifiċi ġodda kontra d-digriet appellat.

2. Evalwazzjoni

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba. F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa speċifikat li l-aggravji u l-argumenti fid-dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati ( 10 ). Barra minn hekk, appelli għandhom ikollhom struttura koerenti ( 11 ), u jispjegaw l-aggravji u t-talbiet li jsiru b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti ( 12 ).

36.

Dawn ir-rekwiżiti bl-ebda mod ma huma riżultat ta’ sempliċi formaliżmu; huma kruċjali sabiex jiggarantixxu prinċipji ta’ importanza fundamentali bħal ċertezza legali, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra fil-kawża ( 13 ). Dan jidher li huwa iktar u iktar minnu, meta jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ kawżi fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni u jkollha tittratta, fuq bażi ta’ kuljum, ma’ qrati, awtoritajiet pubbliċi, u avukati minn sistemi legali nazzjonali differenti, kull wieħed bir-regoli, kunċetti, tradizzjonijiet u kulturi tiegħu.

37.

F’dan l-isfond, ikolli nirrikonoxxi li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE fir-rigward l-ammissibbiltà ta’ dawn l-appelli ma humiex mingħajr meritu. Apparti n-nuqqas ġenerali ta’ ħsieb u preċiżjoni fl-abbozzar u fil-preżentazzjoni tagħhom, l-appelli jittrattaw b’mod kemxejn konfuż punti ta’ liġi u ta’ fatt. L-istruttura fqira u l-assenza ta’ intestaturi, werrej jew sommarju eżekuttiv jagħmluha diffiċli għall-qarrej sabiex jifhem il-ħsieb loġiku wara d-diversi siltiet tal-appell.

38.

Dan għamilha diffiċli sabiex jiġi ddeterminat b’ċertezza n-numru u t-tip tal-aggravji u l-argumenti mressqa. Dan huwa minnu b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti aspetti legali u fattwali li huma l-qofol tal-kawża tal-appellanti: pereżempju, l-identifikazzjoni tal-aġir li rriżulta fit-telf finanzjarju allegat.

39.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra bis-serjetà l-possibbiltà li l-appelli ma humiex konformi, għalkollox jew parzjalment, mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura msemmija iktar ’il fuq.

40.

Jekk, minkejja t-traskuraġni tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tkun tal-opinjoni li l-appelli ma jistgħux jiġu ddikjarati bħala inammissibbli fl-intier tagħhom, jidhirli li għandhom jiġu ttrattati erba’ aggravji. Kuntrarjament għall-argument tal-BĊE, dawk l-aggravji ma humiex sempliċi riproduzzjoni tal-argumenti li tressqu fl-ewwel istanza iżda jinkludu kritika tad-digrieti appellati.

41.

Fl-opinjoni tiegħi, kull kritika addizzjonali tad-digrieti appellati inkluża fl-appelli ma hijiex ippreżentata b’mod ċar u strutturat biżżejjed sabiex titqies li hija aggravju xieraq jew awtonomu. L-appelli jinkludu wkoll numru ta’ stqarrijiet li fihom l-appellanti jikkritikaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali ( 14 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-fatti ma hijiex, minbarra f’kawżi li fihom il-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu ġew żnaturati, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). Għalhekk, li kieku dawn l-istqarrijiet kellhom jitqiesu li huma aggravju addizzjonali wieħed jew iktar, fi kwalunkwe każ kienu jkunu inammissibbli.

B – L-ewwel aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

42.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 45 u 46 tad-digrieti appellati, l-appellanti jissottomettu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-adozzjoni tal-MoU ma oriġinatx mill-Kummissjoni jew mill-BĊE. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dmir tal-Kummissjoni – li jsir riferiment għalih fil-punt 164 tas-sentenza Pringle – li tiżgura li l-MoU konklużi mill-MES huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

43.

Il-Kummissjoni tikkontendi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-MoU huwa att ta’ dritt internazzjonali pubbliku konkluż bejn il-MES u r-Repubblika ta’ Ċipru. It-Trattat MES ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tiffirma l-MoU f’isem il-MES iżda dik l-istituzzjoni ma hijiex parti f’dan il-ftehim. Bħala tali, kwalunkwe obbligu tal-Kummissjoni li jirriżulta mis-sentenza Pringle ma jbiddilx in-natura legali tal-MoU, li l-appellanti jsostnu li huwa l-kawża tad-dannu tagħhom.

44.

Il-BĊE jissottometti li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. Dan isostni li l-Qorti Ġenerali kienet korretta fil-kunsiderazzjoni tagħha li l-adozzjoni tal-MoU ma setgħetx oriġinat mill-Kummissjoni jew mill-BĊE. Għalhekk, id-digrieti appellati kienu korretti jqisu r-rikorsi għad-danni inammissibbli.

2. Evalwazzjoni

45.

Dan l-aggravju essenzjalment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni tistax tinżamm responsabbli, skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE, għall-ħlas ta’ danni għat-telf imġarrab, direttament jew indirettament, permezz ta’ MoU konkluż bejn il-MES u membru tal-MES li jkun talab assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 13 tat-Trattat MES.

46.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, il-MoU – li jispeċifika fid-dettall il-kundizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja mogħtija mill-MES – huwa nnegozjat mill-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u, fejn huwa possibbli, flimkien mal-FMI. Il-MoU huwa ffirmat mill-Kummissjoni, f’isem il-MES, suġġett għal approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MES.

47.

Qabelxejn, huwa importanti li nsemmi li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-iskop ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Unjoni huwa sabiex jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn miżura jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni ( 16 ). Skont l-Artikolu 340 TFUE, kwalunkwe att ta’ istituzzjoni (jew tal-impjegati tagħha) fit-twettiq ta’ dmirijiethom jista’ fil-prinċipju jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

48.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti żviluppaw żewġ argumenti insostenn tal-kontenzjoni tagħhom li l-aġir li kkawża d-dannu allegat huwa imputabbli lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

a) L-ewwel argument

49.

Il-linja ewlenija ta’ argumentazzjoni mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza, kif nifhimha jien, kienet tikkonsisti fl-argument li d-dannu allegatament imġarrab kien ikkawżat mill-iffirmar tal-MoU, att li huma qiesu imputabbli lill-Kummissjoni u lill-BĊE.

50.

Fil-punti 40 sa 47 tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha ġurisdizzjoni biss f’kawżi relatati ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Konsegwentement, talba għad-danni intiża kontra l-Unjoni u bbażata fuq is-sempliċi illegalità ta’ att jew ta’ aġir li ma ġiex adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni jew mill-impjegati tagħha huwa inammissibbli. Dik il-qorti kompliet tosserva li, għalkemm it-Trattat MES jagħti lill-Kummissjoni u lill-BĊE ċerti kompiti relatati mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, mis-sentenza Pringle jirriżulta li d-dmirijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinvolvu l-ebda setgħa li jieħdu deċiżjonijiet waħedhom u, barra minn hekk, li l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tat-Trattat MES jorbtu lill-MES biss. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-adozzjoni tal-MoU ma oriġinatx mill-Kummissjoni jew mill-BĊE u, konsegwentement, li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-MoU.

51.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi kkontestat. Huwa paċifiku li t-Trattat MES huwa, minkejja r-rabtiet sodi li għandu mat-Trattati tal-Unjoni, ftehim internazzjonali ffirmat barra l-qafas legali tal-Unjoni. Bid-dħul fis-seħħ tiegħu wara li tlestew il-proċeduri ta’ ratifika fl-Istati Membri kontraenti, dak it-trattat ħoloq organizzazzjoni internazzjonali ġdida bir-regoli, missjoni, istituzzjonijiet, u persunal tagħha stess.

52.

Bil-qbil tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni ( 17 ), it-Trattat MES ta ċerti kompiti lil xi istituzzjonijiet tal-Unjoni (il-Kummissjoni, il-BĊE, il-Kunsill u l-Qorti tal-Ġustizzja). Fil-fatt, saħansitra qabel l-iffirmar tat-Trattat MES, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li, taħt ċerti kundizzjonijiet, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jassenjaw kompiti lill-istituzzjonijiet, barra l-qafas tal-Unjoni ( 18 ).

53.

Madankollu, il-fatt li istituzzjoni waħda jew iktar tal-Unjoni għandha mnejn ikollha ċertu rwol fil-qafas legali tal-MES ma jbiddilx in-natura tal-atti tal-MES. Dawn l-atti huma estranji għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: huma deċiżi mill-istituzzjonijiet tal-MES stess u jorbtu biss lill-MES ( 19 ). L-Unjoni ma hijiex parti mit-Trattat MES (u lanqas ma huma l-Istati Membri kollha). Mill-Artikolu 216(2) TFUE jsegwi li l-Unjoni hija, bħala regola, marbuta biss bil-ftehimiet internazzjonali li hija parti fihom ( 20 ).

54.

Bilkemm għandi bżonn insemmi, f’dan il-kuntest, li ma jistax jitqies li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat MES, l-Unjoni assumiet, u b’hekk ittrasferiet lilha, il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri li jaqgħu taħt dan it-trattat ( 21 ). It-Trattat MES huwa strument ta’ politika ekonomika li, skont l-Artikolu 6 TFUE, ma huwiex qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Is-settur speċifiku li fih it-Trattat MES intervjena lanqas ma sar qasam ta’ kompetenza esklużiva bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pringle, ma hemm xejn fit-Trattat FUE li jindika li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tagħti assistenza finanzjarja lil Stat Membru li qiegħed jesperjenza, jew huwa mhedded bi, problemi finanzjarji severi ( 22 ).

55.

Il-fatt li ċerti atti tad-dritt tal-Unjoni jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-MES (u bil-maqlub) ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li att wieħed jew iktar tad-dritt tal-Unjoni forsi jkollu l-għan jew l-effett li jinkorpora fid-dritt tal-Unjoni ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti fi ftehim internazzjonali li l-Unjoni ma approvatx hija stess ma huwiex biżżejjed sabiex dak il-ftehim internazzjonali jinġieb fil-portata tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

56.

Barra minn hekk, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li ma hemmx lok fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għal atti ibridi, li ma humiex previsti fit-Trattati, adottati fil-kuntest ta’ proċeduri li jinvolvu mingħajr distinzjoni elementi li jagħmlu parti mill-proċess deċiżjonali speċifiku għall-Unjoni u elementi ta’ natura intergovernattiva ( 24 ).

57.

Fl-aħħar nett, għandi nirrimarka li kwalunkwe konsegwenza finanzjarja li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tiġi sostnuta biss mill-baġit tal-MES ( 25 ). Min-naħa l-oħra, li kieku kellhom jiġu aċċettati l-argumenti mressqa mill-appellanti jkun qiegħed jiġi implikat – kif jinnota l-BĊE – li l-baġit tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi affettwat minn deċiżjonijiet meħudin f’organizzazzjoni internazzjonali li mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni jagħmlu parti minnha.

58.

Għalhekk, il-fatt li ftehimiet internazzjonali konklużi mill-MES u minn wieħed mill-membri tiegħu (in casu, ir-Repubblika ta’ Ċipru) huma nnegozjati mill-Kummissjoni u l-BĊE, u ffirmati mill-Kummissjoni f’isem il-MES, ma jistax ibiddel in-natura legali reali ta’ dawn il-ftehimiet ( 26 ): huma atti tal-MES.

59.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li l-MoU ma jistax jiġi imputat lill-Kummissjoni jew lill-BĊE.

b) It-tieni argument

60.

Lanqas ma nasal għal konklużjoni differenti dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni f’din il-kawża jekk indur lejn l-argument alternattiv imressaq mill-appellanti fuq dan il-punt.

61.

L-appellanti jargumentaw li d-dannu allegatament imġarrab minnhom kien ikkawżat minħabba li l-Kummissjoni naqset milli twettaq id-dmir tagħha li tiżgura li l-MoU kien jikkonforma kompletament mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti jirreferu għall-punti 164 u 174 tas-sentenza Pringle, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret: (i) “[b]l-involviment tagħha fit-Trattat MES, il-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kompiti attribwiti lill-Kummissjoni bit-Trattat MES jippermettulha […] tivverifika l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ protokolli ta’ ftehim konklużi mill-MES”; u (ii) “il-[MoU] li huwa nnegozjat mal-Istat Membru applikant għal sostenn għall-istabbiltà għandu jkun kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”.

62.

Billi kellha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali ttrattatu fil-qosor biss. Hija sempliċement osservat li, fi kwalunkwe każ, id-dannu allegat irriżulta qabel ma l-MoU kien ġie ffirmat u dan kien ifisser li ma kinitx ġiet stabbilita rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u dan id-dannu ( 27 ).

63.

Indipendentement mill-aspett ta’ ammissibbiltà u tal-korrettezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, jien tal-opinjoni li t-tieni argument tal-appellanti wkoll ma huwiex konvinċenti.

64.

Sabiex nispjega r-raġuni, ser nindirizza, suċċessivament, iż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, ser nittratta l-premessa li fuqha jistrieħ dan l-argument: l-eżistenza ta’ obbligu legali, għall-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li atti adottati minn korpi jew mill-organizzazzjonijiet li f’isimhom hija taġixxi barra l-qafas legali tal-Unjoni jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li l-ksur tiegħu jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. It-tieni nett, ser neżamina jekk, waqt in-negozjati li wasslu għall-iffirmar tal-MoU, possibbilment setax kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni kellha dmir li tevita.

i) Dwar l-obbligi tal-Kummissjoni meta taġixxi barra l-qafas tal-Unjoni u r-responsabbiltà relatata tal-Unjoni

65.

Qabelxejn, għandi ngħid li, mad-daqqa t’għajn, il-punt 164 tas-sentenza Pringle ma jsemmix espressament obbligu speċifiku għall-Kummissjoni. Il-kliem ta’ dik is-silta donnu jagħti x’jifhem li, billi tintervjeni fin-negozjati ta’ MoU huwa possibbli li l-Kummissjoni tiżgura li dan ikun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sabiex wieħed jifhem it-tifsira reali ta’ dik is-silta, naħseb li trid tinqara fil-kuntest tagħha.

66.

F’dik il-parti tas-sentenza Pringle, li kienet tirrigwarda r-rwoli tal-Kummissjoni u tal-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda teżamina jekk il-kompiti mogħtija mit-Trattat MES lil ċerti istituzzjonijiet tal-Unjoni kinux kompatibbli mat-Trattati tal-Unjoni. Waħda mill-kundizzjonijiet li, skont il-ġurisprudenza, għandha titwettaq sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà hija li dawn il-kompiti addizzjonali “ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-Trattati [tal-Unjoni] jikkonferixxu fuq dawn l-istituzzjonijiet” ( 28 ). Fir-rigward tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 163 tas-sentenza, li, skont l-Artikolu 17(1) TUE, din l-istituzzjoni “għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”.

67.

Għalhekk, l-istqarrija fil-punt 164 tas-sentenza Pringle għandha tinqara fil-kuntest tal-Artikolu 17(1) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet it-Trattat MES u kkonkludiet li ebda dispożizzjoni ta’ dan it-trattat ma kienet tidher li teħtieġ li l-Kummissjoni twettaq xi kompitu li seta’ jkun f’kunflitt mal-funzjoni kostituzzjonali tal-Unjoni tagħha bħala promotur tal-interessi tal-Unjoni u “gwardjan tat-Trattati”. Għall-kuntrarju, ir-rwol tal-Kummissjoni fit-Trattat MES jidher li kien perfettament kompatibbli ma’ din il-funzjoni.

68.

Dan kollu xi jfisser f’dawn il-proċeduri?

69.

Naqbel mal-appellanti li, anki meta jaġixxu barra l-qafas tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrispettaw skrupolożament id-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ma hijiex awtorizzata, anki meta tkun qiegħda taġixxi f’isem il-MES, tikser deliberatament ir-regoli tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għal ksur tar-regoli tal-Unjoni mwettaq entitajiet jew korpi oħra ( 29 ).

70.

Madankollu, ma naqbilx mal-appellanti li dan l-obbligu huwa tant estensiv li jista’ jitqies li obbligu ta’ riżultat huwa impost fuq il-Kummissjoni sabiex jiġi evitat kull kunflitt jew tensjoni possibbli bejn id-dispożizzjonijiet ta’ att adottat minn entitajiet oħra u kwalunkwe regola tal-Unjoni li tista’ tkun applikabbli għas-sitwazzjoni. L-iktar l-iktar, nista’ nikkonċepixxi li obbligu għandu mnejn jeżisti sabiex il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha sabiex tevita li jqum kunflitt bħal dan.

71.

L-obbligu wiesa’ ta’ riżultat li sostnew l-appellanti la jirriżulta mit-test tat-Trattat MES u, iktar importanti, lanqas mill-Artikolu 17(1) TUE nnifsu.

72.

Fir-rigward tat-Trattat MES, għandi nsemmi li l-Artikolu 13(3) tiegħu jipprovdi biss li l-MoU għandu jkun “gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE” ( 30 ). La t-Trattat MES u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja – fl-interpretazzjoni ta’ dan it-trattat fis-sentenza Pringle ( 31 ) – ma rreferew għal ħtieġa ta’ konformità sħiħa tal-MoU mad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu.

73.

Minn naħa, iż-żewġ termini ta’ “konformità” u “konsistenza” ma għandhomx jiġu konfużi. Tabilħaqq, minn perspettiva legali, huma jirreferu għal żewġ kunċetti pjuttost differenti: l-ewwel wieħed jirrikjedi ubbidjenza u konformità sħiħa bejn żewġ testi, filwaqt li t-tieni wieħed huwa ssodisfatt b’sempliċi kompatibbiltà u nuqqas ta’ kontradizzjoni bejniethom.

74.

Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika tal-Unjoni biss jissemmew espressament. Hemm raġuni għal dan: nuqqas ta’ konsistenza bejn il-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika tal-Unjoni u l-MoU jkun qiegħed jirriskja li jikkomprometti l-effettività tal-ewwel, u għaldaqstant l-azzjoni tal-Unjoni kollha f’dak il-qasam. Ħtieġa ta’ konformità sħiħa bejn il-MoU u l-aspetti kollha tad-dritt tal-Unjoni ma tqisitx li kienet neċessarja ladarba s-sistema MES ma hijiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

75.

Fir-rigward tal-Artikolu 17(1) TUE, jien tal-opinjoni li d-dmirijiet tal-Kummissjoni meta taġixxi barra t-Trattati tal-Unjoni ma jistgħux, b’mod ġenerali, ikunu differenti jew iktar onerużi minn dawk meta taġixxi f’dak il-qafas. Ħalli nispjega.

76.

Fir-rwol tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati”, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu azzjoni kontra kwalunkwe ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni li ssir taf bih, mingħajr ma tmur kontra l-Artikolu 17 TUE. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, l-iskop tal-Artikolu 17 TUE huwa li jipprovdi definizzjoni ġenerali tas-setgħat tal-Kummissjoni: għalhekk huwa dispożizzjoni ta’ natura istituzzjonali u mhux regola li tista’ tiġi infurzata fil-qrati maħsuba sabiex tagħti drittijiet lil individwi ( 32 ). Ma jistax jingħad li kull darba li l-Kummissjoni tikser dispożizzjoni speċifika tat-Trattat, jew ma timpedixxix tali dispożizzjoni milli tinkiser minn xi entità oħra, dan il-ksur jammonta għal ksur tad-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 17 TUE ( 33 ).

77.

Parallel probabbilment ikompli jiċċara dan il-punt. Taħt is-sistema stabbilita mill-Artikolu 258 sa 260 TFUE (waħda mill-forom ewlenin ta’ azzjoni li fiha l-Kummissjoni teżerċita r-rwol tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati”), il-Kummissjoni tgawdi setgħat diskrezzjonali meta tiddeċiedi jekk, u jekk dan huwa l-każ meta, tippreżentax rikors kontra Stati Membri ssuspettati li kisru d-dritt tal-Unjoni. Għandha l-istess libertà meta tiddeċiedi liema azzjonijiet jew omissjonijiet huma imputabbli lill-Istati Membri li kontrihom għandhom jiġu ppreżentati dawn ir-rikorsi ( 34 ).

78.

Huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tieħu azzjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, fl-interess ġenerali tal-Unjoni biss ( 35 ), anki jekk ir-riżultat ta’ tali proċeduri jista’ wkoll, indirettament, iservi l-interessi ta’ individwi ( 36 ). Fil-fatt, l-Artikoli 258 sa 260 TFUE ma jagħtux espressament xi dritt lil individwi. Għalhekk, individwi ma jistgħux jikkontestaw l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri ( 37 ). B’mod partikolari, individwi ma għandhomx id-dritt, fil-prinċipju, jitolbu kumpens mill-Unjoni għad-dannu li għandhom mnejn ikunu ġarrbu minħabba l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 u 260 TFUE. L-uniku aġir li jistgħu jikkontestaw bħala s-“sors tad-dannu” huwa dak tal-Istat(i) Membru(i) responsabbli għall-ksur tar-regoli tal‑Unjoni ( 38 ). Il-Kummissjoni, madankollu, hija responsabbli għall-mod li bih twettaq dak ir-rwol quddiem il-Parlament Ewropew li jista’, jekk jara li huwa xieraq, jgħaddi mozzjoni ta’ ċensura skont l-Artikolu 234 TFUE, u jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tirriżenja bħala korp.

79.

L-istess prinċipji għandhom, fl-opinjoni tiegħi, japplikaw a fortiori meta l-Kummissjoni tieħu azzjoni bħala “gwardjan tat-Trattati” barra l-qafas legali tal-Unjoni.

80.

Għaldaqstant, nikkonkludi li, fid-dawl tal-Artikolu 17(1) TUE, u billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza Pringle, ma hemm l-ebda obbligu ta’ riżultat sabiex il-Kummissjoni tevita kwalunkwe kunflitt jew tensjoni possibbli bejn id-dispożizzjonijiet ta’ att adottat minn entitajiet oħra u kwalunkwe regola tal-Unjoni li tista’ tapplika għas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, individwi ma għandhom l-ebda dritt jitolbu kumpens mill-Unjoni għal danni allegatament imġarrba minħabba l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni meta taġixxi bħala “gwardjan tat-Trattati”.

81.

Madankollu, u għall-kompletezza, ser neżamina wkoll jekk il-iffirmar tal-MoU setax effettivament wassal għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat mill-appellanti.

ii) Dwar l-applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 39 )

82.

Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-dmirijiet tal-Kummissjoni, bħala “gwardjan tat-Trattati”, meta taġixxi barra l-qafas tal-Unjoni huma iktar wesgħin minn dawk affermati iktar ’il fuq, u li ksur ta’ dawn id-dmirijiet jista’ tabilħaqq jagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, ikun hemm kwistjoni oħra li jkollha tiġi indirizzata. Din il-kwistjoni hija, essenzjalment, jekk l-iffirmar tal-MoU rriżultax fi ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni jmissha evitat.

83.

Fl-ewwel istanza, l-appellanti kkontestaw ksur allegat, permezz tal-inklużjoni tal-punti 1.23 sa 1.27 fil-MoU, tad-dritt fundamentali tagħhom għall-proprjetà, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta. Madankollu, apparti l-fatt li l-appellanti ma elaborawx dwar kif is-siltiet ikkontestati tal-MoU kisru l-Artikolu 17 tal-Karta ( 40 ), huma naqsu wkoll milli jispjegaw għaliex il-Karta kellha tkun applikabbli għall-MoU fl-ewwel każ.

84.

Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni […] u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati”.

85.

Għar-raġuni spjegata iktar ’il fuq, ma għandi l-ebda dubju li l-Kummissjoni għandha tosserva r-regoli tal-Unjoni, speċjalment il-Karta, meta taġixxi barra l-qafas legali tal-Unjoni. Wara kollox, l-Artikolu 51(1) tal-Karta ma fih ebda limitu għall-applikabbiltà tal-Karta fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif jagħmel għall-Istati Membri ( 41 ). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni titlob ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta.

86.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni hija meħtieġa li timponi l-istandards tal-Karta tal-Unjoni fuq atti li huma adottati minn entitajiet jew korpi oħra li jaġixxu barra l-qafas tal-Unjoni. Ser ikolli nerġa’ nenfasizza li, billi kkonkludew it-Trattat MES, ċerti Stati Membri tal-UE eżerċitaw il-kompetenza li żammew fil-qasam tal-politika ekonomika.

87.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati f’kull sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, imma ma jistgħux jiġu applikati barra dawn is-sitwazzjonijiet ( 42 ). Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri biss meta huma jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Huwa importanti li l-kunċett li “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, kif previst fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, jirrikjedi ċertu livell ta’ konnessjoni ’l fuq u lil hinn mill-fatt li l-oqsma koperti mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni għandhom affinità mill-qrib jew li wieħed minn dawn l-oqsma għandu impatt indirett fuq l-ieħor ( 43 ). Fost l-elementi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni hemm jekk teżistix xi dispożizzjoni sostantiva oħra tad-dritt tal-Unjoni (apparti dik fil-Karta invokata) li, billi tapplika għas-sitwazzjoni, timponi obbligu fuq l-Istati Membri inkwistjoni ( 44 ).

88.

Fis-sentenza Pringle, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri ma implementawx id-dritt tal-UE meta stabbilixxew il-MES u, għalhekk, il-Karta ma kinitx applikabbli għat-Trattat MES ( 45 ). F’dan il-kuntest, forsi kien mistenni mill-appellanti li jispjegaw, f’din il-kawża, għaliex din is-soluzzjoni tista’ ma tkunx minnha fir-rigward tal-MoU. Madankollu, anki meta fis-seduta l-appellanti ntalbu jelaboraw fuq dan il-punt, huma ma taw ebda spjegazzjoni: sempliċement ħadu bħala stat ta’ fatt l-applikabbiltà tal-Karta għall-MoU. B’mod partikolari, l-appellanti ma invokaw ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, billi tkun applikabbli għall-MoU, kienet iġġib dak l-att fil-portata tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Karta.

89.

Konsegwentement, jien tal-opinjoni li, fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma wrewx li l-MoU jista’ jikkostitwixxi implementazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni u li, b’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli għalih.

90.

F’dan ir-rigward, kif previst fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw il-Karta skont is-setgħat rispettivi tagħhom u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni. Għalhekk, ma hemm l-ebda bażi sabiex jiġi sostnut li l-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-istandards tal-Karta għall-MoU. Jista’ jiġi argumentat li ma kienx ikun il-każ li l-Kummissjoni evitat li jinkiser id-dritt tal-Unjoni, iżda b’dan il-mod kienet tkun estendiet l-applikabbiltà tal-Karta għal qasam tad-dritt li ma huwiex maħsub li jkun irregolat minn dan l-istrument.

91.

Sabiex nasal għal din il-konklużjoni, insib appoġġ f’diversi digrieti reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonċernaw kontestazzjonijiet minn individwi ta’ diversi miżuri ta’ ristrutturazzjoni li ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali matul il-kriżi ekonomika reċenti. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni dwar l-applikabbiltà tal-Karta għall-miżuri tal-Istati Membri inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kellha ebda ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dawk il-miżuri mal-Karta ( 46 ).

c) Osservazzjonijiet finali

92.

Wara li kkunsidrajt it-talbiet tal-appellanti infondati, inżid sempliċement l-osservazzjonijiet li ġejjin.

93.

L-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 17(1) TUE u tas-sentenza Pringle ma timplikax li l-qafas legali tal-MES huwa lakuna ġuridika, li fiha ksur tad-drittijiet ta’ individwi ma jistgħux jiġu kkontestati. Sempliċement tfisser li l-Karta ġeneralment ma tikkostitwixxix l-istrument legali li għandu jintuża sabiex abbażi tiegħu tiġi evalwata l-legalità tal-atti adottati mill-MES jew azzjonijiet meħudin mill-istituzzjonijiet tal-MES jew mill-aġenti tagħhom. Tabilħaqq, hemm rimedji legali disponibbli għall-individwi li jqisu li ġew affettwati minn eventwali ksur tad-drittijiet tagħhom f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti.

94.

Minn naħa, karti ta’ drittijiet nazzjonali u internazzjonali oħra ( 47 ) għandhom mnejn ikunu applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom u, konsegwentement, qrati tal-ġustizzja nazzjonali u internazzjonali oħra x’aktarx li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu t-talbiet tagħhom ibbażati fuq dawk l-istrumenti legali.

95.

Min-naħa l-oħra, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hemm rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi indirizzat eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-MES, fil-każ li attwalment iseħħ. Iżda, f’każijiet bħal dawn, proċeduri ġudizzjarji ġeneralment ma għandhomx jinġiebu kontra l-istituzzjonijiet, jekk jaġixxu f’isem il-MES u ma għandhomx is-setgħa sabiex jieħdu deċiżjonijiet waħedhom.

96.

Apparti r-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi din il-pożizzjoni tidher li hija appoġġjata minn serje ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali.

97.

L-Artikolu 340 TFUE jipprovdi li “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom” ( 48 ).

98.

Peress illi kienu qegħdin iwettqu kompiti barra l-qafas tal-Unjoni, l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkritikata mill-appellanti f’dawn il-kawżi għandha titqies prinċipalment mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali pubbliku. Dawn l-istituzzjonijiet kienu fil-fatt qegħdin jaġixxu f’isem organizzazzjoni internazzjonali (il-MES), li l-membri tagħha huma Stati sovrani, bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim internazzjonali (il-MoU) bejn din l-organizzazzjoni u wieħed mill-Istati kontraenti tagħha (ir-Repubblika ta’ Ċipru). Skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku (regoli li l-validità u l-valur tagħhom, kif kważi lanqas huwa neċessarju li nsemmi, huma aċċettati u rrikkonoxxuti mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kif ukoll mill-Unjoni nfisha), l-aġir ta’ aġenti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ġeneralment hija imputabbli lill-organizzazzjoni nfisha.

99.

Pereżempju, l-Artikolu 6(1) tal-Abbozz ta’ Artikoli dwar ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“Abbozz ta’ Artikoli”) ( 49 ), jipprovdi li “[l]-aġir ta’ organu jew ta’ aġent ta’ organizzazzjoni internazzjonali fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ dan l-organu jew aġent għandu jitqies li huwa att ta’ din l-organizzazzjoni skont id-dritt internazzjonali, tkun xi tkun il-pożizzjoni tal-organu jew tal-aġent fir-rigward tal-organizzazzjoni”. Huwa importanti, madankollu, li l-Artikolu 7 tal-Abbozz ta’ Artikoli jżid jgħid li “[l]-aġir ta’ organu ta’ Stat jew ta’ organu jew ta’ aġent ta’ organizzazzjoni internazzjonali li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra għdandu jitqies skont id-dritt internazzjonali li huwa att tal-organizzazzjoni tal-aħħar jekk l-organizzazzjoni teżerċita kontroll effettiv fuq dan l-aġir”.

100.

Jidhirli li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw bħala sors ta’ ispirazzjoni f’dan il-każ. Ma hemm ebda dubju li l-Kummissjoni u l-BĊE huma istituzzjonijiet ta’ organizzazzjoni internazzjonali (l-Unjoni) li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni oħra (il-MES). Meta nnegozjaw u/jew iffirmaw il-MoU, huma aġixxew f’isem il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES u taħt il-kontroll effettiv tiegħu. Għaldaqstant, jidher li jaqgħu fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tal-Abbozz ta’ Artikoli: huma aġixxew bħala “aġenti” ( 50 ) tal-MES.

101.

Konformement mal-prinċipji riflessi fl-Abbozz ta’ Artikoli, jien għalhekk tal-opinjoni li l-aġir tal-Kummissjoni u tal-BĊE meta kienu qegħdin jinnegozjaw u/jew jiffirmaw il-MoU għandu, fil-prinċipju, jiġi imputat lill-organizzazzjoni internazzjonali li f’isimha huma wettqu dawn il-kompiti (il-MES), u lill-organizzazzjoni internazzjonali ta’ oriġini (l-Unjoni). Madankollu, dan jista’ jkun differenti fejn persuna tkun tista’ turi li istituzzjoni tal-Unjoni tkun, barra l-qafas tal-Unjoni, wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li jista’ jikkawżalu dannu. Pereżempju, dan ikun il-każ kieku l-Kummissjoni jew il-BĊE bi żball ħarġet fil-pubbliku informazzjoni kunfidenzjali jew żbaljata li tista’ tikkawża ħsara lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi ( 51 ). Dawn kienu jkunu atti li forsi jistgħu jiġu imputati lill-Kummissjoni jew lill-BĊE nfushom. F’dan il-każ, madankollu, il-kuntest legali u fattwali jidher li huwa differenti.

102.

Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, billi invokaw allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni, l-appellanti kellhom il-ħsieb li jevitaw il-fatt li l-MES, u l-MES waħdu, huwa responsabbli għall-atti li jadotta skont it-Trattat MES.

103.

Għalhekk, fil-każ ta’ ksur reali tad-dritt tal-Unjoni mill-MES, jistgħu ġeneralment jinbdew proċeduri kontra l-Istati Membri li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli għal dan il-ksur. Waqt li jaġixxu barra l-qafas tal-Unjoni huma ma jistgħux jiksru dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikabbli jew, fi kwalunkwe każ, jippreġudikaw l-effettività ta’ kwalunkwe miżura tal-Unjoni li tista’ tkun affettwata mill-aġir tagħhom ( 52 ).

104.

Għalhekk, l-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet bħala Membri tal-MES jistgħu, fl-ordinament legali tal-Unjoni, jinżammu responsabbli għal eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq f’dan il-kuntest. Konsegwentement, ċittadin li jqis li ġie affettwat minn ksur bħal dan ikun intitolat iressaq proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 53 ).

105.

Dawn il-prinċipji bl-ebda mod ma huma tipiċi tad-dritt internazzjonali pubbliku biss, imma japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn prinċipali u aġenti f’ħafna sistema legali ċivili, kummerċjali u amministrattivi, kemm fl-Unjoni kif ukoll f’postijiet oħra. Tradizzjonalment, il-prinċipal huwa responsabbli (esternament) għall-aġir illegali li jkunu wettqu l-aġenti tiegħu meta jittrattaw ma’ terzi persuni f’ismu. Madankollu, meta l-aġent ikun aġixxa mingħajr l-awtorità neċessarja, l-aġent jista’ sussegwentement (internament) jinżamm responsabbli sabiex jikkumpensa lill-prinċipal għat-telf jew id-danni tiegħu ( 54 ).

106.

Il-konklużjoni tiegħi tidher li hija sostnuta ulterjorment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali in solidum tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, l-individwi li jqisu ruħhom vittmi ta’ ksur l-ewwel nett għandhom iressqu proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti jekk ikunu l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma l-iktar jew primarjament responsabbli għall-ksur allegat ( 55 ). Dan il-prinċipju jidher li huwa applikabbli a fortiori f’dan il-każ, sa fejn l-appellanti ma wrewx li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu responsabbli legalment, anki jekk biss parzjalment ( 56 ), għall-att li allegatament ikkawża d-dannu li minnu jilmentaw l-appellanti.

107.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ ligi meta kkonkludiet li l-MoU ma oriġinax mill-Kummissjoni jew mill-BĊE u li, peress li dan huwa l-każ, l-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli, skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE, għall-inklużjoni ta’ ċerti siltiet fil-MoU li allegatament jiksru l-Karta. L-ewwel aggravju għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

C – It-tieni aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

108.

Bit-tieni aggravju tagħhom, dirett kontra l-punt 43 tad-digrieti appellati, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti dikjarazzjonijiet li saru minn J. Asmussen, li kien, fil-perijodu rilevanti, membru tal-bord eżekuttiv tal-BĊE. L-appellanti jallegaw li J. Asmussen qal lill-President ta’ Ċipru, waqt laqgħa li seħħet fil-15 ta’ Marzu 2013, li, “sakemm Ċipru ma taqbilx mat-talbiet li sarulha dwar it-tnaqqis tad-distakk tas-sostenibbiltà tad-dejn, il-BĊE kien ser iwaqqaf il-provvista ta’ likwidità tal-banek lil Ċipru minnufih” ( 57 ). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali injorat element fattwali prinċipali meta kkonkludiet li l-MoU kien att imputabbli lill-MES (u mhux lill-Kummissjoni u lill-BĊE) u, bħala tali, ma setax jifforma l-bażi għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

109.

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa argument legali u fattwali ġdid li tqajjem għall-ewwel darba fir-repliki tal-appellanti fl-ewwel istanza. La hija kwistjoni li ġiet żvelata waqt il-proċedura u lanqas ma hija motiv amplifikat. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma żbaljatx meta warrbet l-allegazzjonijiet tal-appellanti fuq dan il-punt. Fi kwalunkwe każ, it-“talba-sakemm” allegata ta’ J. Asmussen ma tbiddilx il-fatt li l-MoU jorbot biss lill-MES u mhux lill-Unjoni.

2. Evalwazzjoni

110.

Fl-opinjoni tiegħi, jidher li l-allegata dikjarazzjoni ta’ J. Asmussen tikkostitwixxi prova li l-appellanti pproduċew sabiex isostnu l-allegazzjoni tagħhom li l-MoU oriġina mill-Kummissjoni u mill-BĊE u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-Unjoni għandha tinżamm responsabbli għad-dannu allegat imġarrab b’riżultat tagħha.

111.

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti għalhekk jikkritikaw l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

112.

Għal din ir-raġuni, irrispettivament minn jekk din il-prova ġietx prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien xieraq, l-aggravju preżenti huwa fl-opinjoni tiegħi inammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ il-provi prodotti jew offruti fl-ewwel istanza, ħlief f’każijiet li fihom il-Qorti Ġenerali tkun żnaturat is-sens ċar ta’ dawn il-provi.

113.

Madankollu, f’dan il-każ, l-appellanti sempliċement jikkontestaw in-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tikkunsidra element wieħed mill-provi prodotti, mingħajr ma jinvokaw kwalunkwe żnaturament tas-sens ċar ta’ din il-prova.

114.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni u l-BĊE bir-raġun jenfasizzaw li, irrispettivament minn dak li forsi qal J. Asmussen, fil-kapaċità personali jew uffiċjali tiegħu, fil-laqgħa li kellu mal-President ta’ Ċipru, dan ma jista’ jkollu ebda effett fuq in-natura legali tal-MoU. Huwa l-MES li fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli għall-kontenut ta’ dan l-att.

115.

It-tieni aggravju huwa għaldaqstant inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

D – It-tielet aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

116.

Bit-tielet aggravju tagħhom, dirett kontra l-punt 54 tad-digrieti appellati, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ma kien hemm ebda rabta kawżali bejn id-dannu li jsostnu li ġarrbu u l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-allegat tnaqqis tal-valur tad-depożiti tal-appellanti kien ikkawżat mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 103, li seħħ qabel ma ġie ffirmat il-MoU. B’mod partikolari, fl-opinjoni tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonalità”: il-MoU stabbilixxa mhux biss ċerti kundizzjonijiet li Ċipru kellha tissodisfa fil-futur, imma wkoll ċerti kundizzjonijiet li Ċipru kienet diġà ssodisfat.

117.

Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ żbalji ta’ liġi mressqin mill-appellanti u, b’mod partikolari, l-allegazzjoni li l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ BoC u ta’ CPB permezz ta’ miżuri “ta’ organizzazzjoni mill-ġdid permezz ta’ mezzi proprji” kienet parti mill-kundizzjonalità meħtieġa mill-Artikolu 13 tat-Trattat MES. Fl-opinjoni tagħha, l-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li japplikaw dawk il-miżuri b’awtonomija sħiħa.

118.

Il-BĊE, min-naħa tiegħu, jissottometti li l-appellanti, essenzjalment, qegħdin jitolbu evalwazzjoni mill-ġdid tal-provi, mingħajr ma jressqu argument ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi, ħaġa li ma tistax issir f’appell.

2. Evalwazzjoni

119.

Jien tal-opinjoni li l-aggravju preżenti huwa ineffettiv. Tabilħaqq, irrispettivament minn jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi jew le fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ rabta kawżali, dan l-iżball ma jkunx kapaċi jwassal għat-tħassir tad-digrieti appellati.

120.

Kif spjegat fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-aġir li minnu oriġina d-dannu allegat ma jistax jiġi imputat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan il-każ, għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk twettqux it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 58 ).

E – Ir-raba ’ aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

121.

Bir-raba’ aggravju tagħhom, dirett kontra l-punt 54 tad-digrieti appellati, l-appellanti essenzjalment jissottomettu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat it-talba tagħhom għall-annullament tal-MoU inammissibbli. Huma jsostnu li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-argumenti li huma ressqu fl-ewwel tliet aggravji, isegwi li r-raba’ aggravju wkoll huwa fondat.

122.

Il-Kummissjoni u l-BĊE t-tnejn jikkunsidraw li, fid-dawl tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-aggravji l-oħra, dan l-aggravju wkoll għandu jiġi miċħud.

2. Evalwazzjoni

123.

Għal sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li wieħed ikun konċiż huwa virtù kbira, iżda fl-istess waqt huwa dnub kardinali li wieħed ikun lakoniku wisq. L-aggravju preżenti – żviluppat f’punt qasir wieħed biss tal-appelli – qiegħed jilgħabha bejn dawn iż-żewġ kunċetti.

124.

Tabilħaqq, wieħed għandu mnejn ikun skużat talli jaħseb li huwa pjuttost eċċezzjonali li żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali jista’ jiġi identifikat, spjegat u muri biċ-ċarezza u l-kompletezza meħtieġa f’punt wieħed ta’ sottomissjoni.

125.

Fi kwalunkwe każ, forsi ma jkunx neċessarju li tiġi diskussa l-ammissibbiltà tal-aggravju preżenti, ladarba, fl-opinjoni tiegħi, jidher li huwa manifestament infondat.

126.

Hija ġurisprudenza stabbilita li f’rikors għal annullament, kif previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biss sabiex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni ( 59 ).

127.

Il-MoU ġie konkluż mir-Repubblika ta’ Ċipru u mill-MES, li ebda wieħed minnhom ma huwa istituzzjoni tal-Unjoni. Il-MES ġie stabbilit mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fis-sentenza Pringle, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dawk l-Istati Membri huma intitolati li jikkonkludu ftehim bejniethom għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà ( 60 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-prinċipju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ azzjonijiet ta’ Stati Membri meta kollettivament jeżerċitaw is-setgħa tagħhom bħala Stati Membri, minflok bħala membri tal-Kunsill ( 61 ).

128.

Huwa minnu li, f’xi każijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat is-setgħa li tistħarreġ atti li, minkejja li formalment kienu ġew adottati bħala atti tal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill, minħabba l-kontenut tagħhom u ċ-ċirkustanzi li fihom ġew adottati, għandhom jitqiesu li huma atti tal-Kunsill ( 62 ). Minkejja dan, jidher li dan ma huwiex il-każ f’dawn il-proċeduri: l-att ikkontestat ġie adottat skont ir-regoli ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni ma hijiex parti fih, u li ħoloq organizzazzjoni internazzjonali b’personalità ġuridika distinta u indipendenti minn dik tal-Unjoni.

129.

Għalhekk, ladarba l-MoU ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud u, miegħu, l-appelli fl-intier tagħhom.

VI – L-ispejjeż

130.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

131.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellanti għandhom iħallsu l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm tal-ewwel istanza, kif ukoll tal-appell.

VII – Konklużjoni

132.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lil Ledra Advertising Ltd għall-ispejjeż relatati mal-Kawża C‑8/15 P kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell;

tikkundanna lil Andreas Eleftheriou, Eleni Eleftheriou u Lilia Papachristofi għall-ispejjeż relatati mal-Kawża C‑9/15 P kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell; u

tikkundanna lil Christos Theophilou u Eleni Theophilou għall-ispejjeż relatati mal-Kawża C‑10/15 P kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, iffirmat mill-Istati Membri taż-żona tal-euro fit-2 ta’ Frar 2012, u li daħal fis-seħħ għall-ewwel 16-il Stat Membru li kienu rratifikawh fis-27 ta’ Settembru 2012.

( 3 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756.

( 4 ) EE, Anness I(I), Nru 4379, 22 ta’ Marzu 2013.

( 5 ) EE, Anness III(I), Nru 4645, 29 ta’ Marzu 2013, p. 769 sa 780 u 781 sa 788.

( 6 ) Dawn iċ-ċifri huma bla preġudizzju għat-tnaqqis fil-valur tad-depożiti mhux iggarantiti li finalment ġew miftiehma.

( 7 ) EU:T:2014:981.

( 8 ) EU:T:2014:978.

( 9 ) EU:T:2014:979.

( 10 ) Ara wkoll, fost oħrajn, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Ara, inter alia, id-digriet tad-29 ta’ Novembru 2007Weber vs Il‑Kummissjoni, C‑107/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:741, punti 26 sa 28.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 2930 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Ara, pereżempju, il-punt 8 f’kull wieħed mill-appelli.

( 15 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004L‑Ombudsman Ewropew vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Ara l-premessa 10 tat-Trattat MES.

( 18 ) Ara, speċjalment, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punti 16, 2022; is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1994Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:76, punti 26, 3441; Opinjoni 1/92, tal-10 ta’ April 1992, EU:C:1992:189, punti 3241; u Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 75.

( 19 ) Ara s-sentenza Pringle, punt 161.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 50, 5260 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Sentenza Pringle, ara b’mod partikolari l-punt 120.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 51.

( 25 ) Ara l-Kapitolu 4 tat-Trattat MES.

( 26 ) Ma għandix bżonn nittratta l-kwistjoni ta’ jekk MoU ffirmat mill-MES u wieħed mill-membri tiegħu huwiex ftehim legalment vinkolanti jew biss att ta’ valur politiku.

( 27 ) Punt 54 tad-digrieti appellati.

( 28 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fis-sentenza Pringle, punt 158.

( 29 ) Ara s-sentenza Pringle, punt 112.

( 30 ) Enfasi magħmula minni.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 164 u 174 tas-sentenza Pringle li rreferew għalihom l-appellanti.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-27 ta’ Ottubru 2008, Pellegrini vs Il‑Kummisjoni, mhux ippubblikat, T‑375/07, EU:T:2008:466, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 453.

( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑472/98, EU:C:2002:629, punti 34 sa 38; u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Litwanja, C‑350/08, EU:C:2010:642, punt 33.

( 35 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑431/92, EU:C:1995:260, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier,C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 67.

( 37 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il‑Kummissjoni, 247/87, EU:C:1989:58, punti 10 sa 14; u tas-17 ta’ Mejju 1990, Sonito et vs Il‑Kummissjoni, C‑87/89, EU:C:1990:213, punti 67.

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-23 ta’ Mejju 1990, Asia Motor France vs Il‑Kummissjoni, C‑72/90, EU:C:1990:230, punti 13 sa 15. Ara wkoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs Il‑Kummissjoni, T‑202/02, EU:T:2004:5, punt 43.

( 39 ) Iktar ’il quddiem “il-Karta”.

( 40 ) Ir-rikorsi sempliċement iddiskutew possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-KEDB, mingħajr ma għamlu ebda rabta bejn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet.

( 41 ) Ara Peers, S., “Towards a New Form of EU Law? The Use of EU Institutions Outside the EU Legal Framework”, European Constitutional Law Review, 2013, p. 51 sa 53.

( 42 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19.

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 ) Ara punti 178 sa 181 tas-sentenza Pringle.

( 46 ) Ara d-digrieti tal-14 ta’ Diċembru 2011, Cozman, C‑462/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:831; tal-14 ta’ Diċembru 2011, Corpul Naţional al Poliţiştilor, C‑434/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:830; tas-7 ta’ Marzu 2013, Sindicato dos Bancários do Norte et, C‑128/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:149; tas-26 ta’ Ġunju 2014, Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins, C‑264/12, EU:C:2014:2036; u tal-21 ta’ Ottubru 2014, Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins, C‑665/13, EU:C:2014:2327.

( 47 ) Bħall-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

( 48 ) Enfasi magħmula minni.

( 49 ) Adottat mill-Kummissjoni tad-dritt internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-tlieta u sittin sessjoni tagħha, fl-2011, u sottomess lill-Assemblea Ġenerali bħala parti mir-rapport tal-Kummissjoni li jkopri dik is-sessjoni (A/66/10) (Direttorju tal-Kummissjoni tad-dritt internazzjonali, 2011, Vol. II, it-Tieni Parti).

( 50 ) Il-kunċett ta’ “aġent ta’ organizzazzjoni internazzjonali” huwa ddefinit b’mod wiesa’ ħafna fl-Artikolu 2(d) tal-Abbozz ta’ Artikolu, billi jinkludi kull “uffiċjal jew persuna oħra jew entità, minbarra organu, li huwa inkarigat mill-organizzazzjoni biex iwettaq, jew biex jgħin fit-twettiq ta’, waħda mill-funzjonijiet tagħha, u għalhekk li permezz tiegħu taġixxi l-organizzazzjoni”.

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punti 61 sa 71.

( 52 ) Dan il-prinċipju joriġina speċjalment mill-Artikolu 4(3) TUE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ERTA), 22/70, EU:C:1971:32 punti 21 u 22; u tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑472/98, EU:C:2002:629, punt 85.

( 53 ) Ġurisprudenza li bdiet bis-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428; u tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79.

( 54 ) Għal perspettiva kemm storika kif ukoll komparattiva, ara Müller-Freienfels, W., “Agency – Law”, f’Encyclopædia Britannica, 2016, miksuba minn http://www.britannica.com/topic/agency-law.

( 55 ) Din hija l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il‑Kummissjoni, 5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, EU:C:1967:31; u tat-12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165.

( 56 ) Responsabbiltà in solidum tal-Unjoni ma tistax, madankollu, tirriżulta mill-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni sempliċement tipprovdi pariri jew toħroġ gwida mhux vinkolanti lill-awtoritajiet nazzjonali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, EU:C:1986:85; u tal-10 ta’ Mejju 1978, Société pour l’exportation des sucres vs Il‑Kummissjoni, 132/77, EU:C:1978:99.

( 57 ) L-appellanti jirreferu għal din l-istqarrija bħala t-“talba-sakemm”.

( 58 ) Għal dawn il-kundizzjonijiet ara, fost ħafna, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il‑Kummissjoni, C‑414/08 P, EU:C:2010:165, punt 138.

( 59 ) Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 13; u tat-13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 44.

( 60 ) Sentenza Pringle, punt 68.

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament u Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12; u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 38 sa 41.

( 62 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fl-istess kawża, EU:C:1992:520, punti 20 sa 22.